|
XVI.
|
L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-FEŻ ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li l-awditu jkun neċessarjament qabad il-każijiet kollha ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw kull deċiżjoni ekonomika li tittieħed fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet tal-FEŻ.
|
|
XVII.
|
Għad-dħul, aħna neżaminaw il-kontribuzzjonijiet kollha mill-Istati Membri u kampjun ta’ tipi oħra ta’ tranżazzjonijiet tad-dħul.
|
|
XVIII.
|
Għan-nefqa, neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ladarba n-nefqa tkun ġiet imġġarrba, irreġistrata u aċċettata. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (minbarra pagamenti bil-quddiem) fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati ladarba r-riċevitur tal-fondi jkun ipprovda evidenza dwar l-użu xieraq tagħhom u l-istituzzjoni jew il-korp ikunu aċċettaw dik l-evidenza billi japprovaw il-pagament bil-quddiem, u dan għandu mnejn ma jseħħx qabel is-sena sussegwenti.
|
|
XIX.
|
Aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Barra minn hekk, aħna:
|
—
|
nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet tal-FEŻ u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-FEŻ, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Aħna nfasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Każijiet ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew ta’ nuqqas ta’ konformità b’riżultat ta’ frodi huma aktar diffiċli biex jinqabdu minn dawk li jkunu b’riżultat ta’ żball, billi frodi jaf tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet żbaljati, jew li jingħeleb il-kontroll intern. B’konsegwenza ta’ dan, hemm riskju akbar li dawn il-każijiet ma jinqabdux.
|
|
—
|
Niksbu fehim tal-kontroll intern rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern.
|
|
—
|
Nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jintużaw mill-maniġment, kif ukoll ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru minn dawn tal-aħħar.
|
|
—
|
nilħqu konklużjoni dwar l-adegwatezza tal-użu mill-maniġment tal-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, dwar jekk tkunx teżisti inċertezza materjali minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet li jistgħu jixħtu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-FEŻ li jkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali bħal din, aħna meħtieġa niġbdu l-attenzjoni, fir-rapport tagħna, għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet tal-FEŻ jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar miksuba sad-data tar-rapport tagħna. Madankollu, avvenimenti jew kundizzjonijiet futuri jaf iwasslu biex il-FEŻ ma jkomplix bħala negozju avvjat.
|
|
—
|
Nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet annwali, inklużi d-divulgazzjonijiet kollha, u nivvalutaw jekk il-kontijiet annwali jkunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod ġust.
|
|
|
XX.
|
Nikkomunikaw mal-maniġment rigward, fost oħrajn, l-ambitu u t-twaqqit ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet sinifikanti tal-awditjar, inklużi sejbiet dwar kwalunkwe defiċjenza sinifikanti fil-kontroll intern.
|
|
XXI.
|
Mill-kwistjonijiet li ddiskutejna mal-Kummissjoni, aħna niddeterminaw dawk li kienu tal-akbar sinifikat fl-awditjar tal-kontijiet tal-FEŻ, u li għalhekk huma l-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar għall-perjodu attwali. Niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tagħna, dment li l-liġi jew ir-regolament ma jkunux jipprekludu d-divulgazzjoni pubblika jew meta, f’każijiet rari ħafna, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi jekk dan isir ikunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jkunu akbar mill-benefiċċji għall-interess pubbliku.
|
|