SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

27 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 119(3) – Żball imwettaq fil-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija – Rimbors jew maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni – Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji – Appendiċi I – Artikolu 32 – Kooperazzjoni amministrattiva – Verifika tal-provi tal-oriġini”

Fil-Kawża C‑351/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Veszprémi Törvényszék (il-Qorti ta’ Veszprém, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura

C/C Vámügynöki Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, N. Piçarra u N. Fenger (Relatur), imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Dani, A. Demeneix u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 119(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas‑26 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2013, L 54, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Reġjonali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C/C Vámügynöki Kft. (iktar ’il quddiem “C/C”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”) dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talba għal maħfra tad-dazji doganali mressqa minn C/C.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “L-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali”, jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe persuna direttament jew indirettament involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli doganali, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali u fi kwalunkwe limitu ta’ żmien speċifikat, għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f’forma xierqa, u l-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet jew kontrolli.

2.   Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid, minn persuna lill-awtoritajiet doganali, jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew kwalunkwe deċiżjoni oħra, tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:

a)

il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni, fin-notifika jew fl-applikazzjoni;

b)

l-awtentiċità, preċiżjoni u validità ta’ kwalunkwe dokument li jappoġġa d-dikjarazzjoni, in-notifika jew l-applikazzjoni;

c)

fejn applikabbli, konformità mal-obbligi kollha marbutin mat-tqegħid tal-merkanzija inkwistjoni taħt il-proċedura doganali kkonċernata, jew mat-tmexxija tal-operazzjonijiet awtorizzati.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe forma oħra mitluba minn, jew mogħtija lill-awtoritajiet doganali.

Fejn id-dikjarazzjoni, jew in-notifika jkunu ppreżentati, l-applikazzjoni tkun ippreżentata, jew l-informazzjoni tingħata, minn rappreżentant doganali tal-persuna kkonċernata kif imsemmi fl-Artikolu 18, dak ir-rappreżentant doganali għandu jkun marbut ukoll bl-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”

4

L-Artikolu 116 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima, l-ammonti tad-dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jinħafru għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

[…]

c)

żball mill-awtoritajiet kompetenti;

[…]”

5

L-Artikolu 119 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Żball mill-awtoritajiet kompetenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   F’ każijiet barra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(1) u fl-Artikoli 117, 118 u 120, ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jitħallas lura jew jinħafer fejn, minħabba żball min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, l-ammont li jikkorrispondi għad-dejn doganali li kien notifikat fil-bidu kien aktar baxx mill-ammont li jrid jitħallas, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

id-debitur raġonevolment ma setax induna b’dak l-iżball; u

b)

id-debitur kien qed jaġixxi b’intenzjoni tajba.

[…]

3.   Fejn it-trattament preferenzjali tal-merkanzija huwa mogħti abbażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju barra t-territorju doganali tal-Unjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawk l-awtoritajiet, jekk ikollu jirriżulta li mhux korrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma setax raġonevolment jkun osservat fis-sens tal-punt (a) tal-paragrafu 1.

Il-ħruġ ta’ ċertifikat mhux korrett m’għandux, madankollu, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat hu bbażat fuq resokont mhux korrett tal-fatti mogħti mill-esportatur, ħlief fejn ikun evidenti li l-awtoritajiet li ħarġuh kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma ssodisfatx il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-jedd ta’ trattatment preferenzjali.

Id-debitur għandu jkun kkunsidrat bħala li kellu intenzjoni tajba jekk jista’ juri li, matul il-perijodu li matulu kienu qed isiru l-operazzjonijiet ta’ kummerċ ikkonċernati, hu jkun ħa ħsieb biżżejjed sabiex jiżgura li l-kondizzjonijiet kollha għat-trattament preferenzjali kienu sodisfatti.

[…]”

Il-Konvenzjoni Reġjonali

6

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, il-Konvenzjoni Reġjonali tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-merkanzija kkummerċjalizzata fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles rilevanti konklużi bejn il-partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni.

7

L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. It-Titolu V ta’ dan l-appendiċi, intitolat “Prova tal-oriġini”, jinkludi l-Artikolu 15 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Rekwiżiti ġenerali”. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prodotti li joriġinaw f’waħda mill-partijiet Kontraenti għandhom, meta jiġu importati f’Parti Kontraenti oħra, igawdu mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet rilevanti malli titressaq waħda mill-provi tal-oriġini li ġejjin:

a)

ċertifikat tal-moviment EUR.1, li mudell tiegħu jidher fl-Anness III a;

[…]”

8

Taħt it-Titolu VI tal-imsemmi appendiċi, intitolat “Arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva”, l-Artikolu 31 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kooperazzjoni amministrattiva”, jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu lil xulxin, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, b’kampjuni tal-impressjonijiet tat-timbri użati fl-uffiċċji doganali tagħhom għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 u EUR-MED, flimkien mal-indirizzi tal-awtoritajiet doganali responsabbli mill-verifika ta’ dawk iċ-ċertifikati, tad-dikjarazzjonijiet tal-oriġini u tad-dikjarazzjonijiet tal-oriġini EUR-MED.

2.   Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet Kontraenti għandhom jgħinu lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, fil-kontroll tal-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 u EUR-MED, tad-dikjarazzjonijiet tal-oriġini u tad-dikjarazzjonijiet tal-oriġini EUR-MED u tal-eżattezza tat-tagħrif mogħti f’dawn id-dokumenti.”

9

L-Artikolu 32 tal-istess appendiċi, li jinsab ukoll taħt it-Titolu VI tiegħu, huwa intitolat “Verifika tal-provi tal-oriġini” u jipprovdi:

“1.   Il-verifiki sussegwenti tal-provi tal-oriġini għandhom jitwettqu b’mod każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti li tkun qed timporta jkollhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ tali dokumenti, dwar l-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati jew dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti li tkun qed timporta għandhom jagħtu lura ċ-ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew EUR-MED u l-fattura, jekk tkun ġiet ippreżentata, id-dikjarazzjoni tal-oriġini jew id-dikjarazzjoni tal-oriġini EUR-MED, jew kopja ta’ dawn id-dokumenti, lill-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti li tkun qed tesporta filwaqt li jagħtu, fejn ikun xieraq, ir-raġunijiet għat-talba għal verifika. Kwalunkwe dokumenti u tagħrif miksubin li jissuġġerixxu li t-tagħrif mogħti fil-prova tal-oriġini jkun żbaljat għandu jintbagħat biex isostni t-talba għal verifika.

3.   Il-verifika għandha ssir mill-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti li tkun qed tesporta. Għal dan il-għan, għandu jkollhom id-dritt li jitolbu kwalunkwe prova u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur jew li jagħmlu kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq.

4.   Jekk l-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti li tkun qed timporta jiddeċiedu li jissospendu l-għoti tat-trattament preferenzjali lill-prodotti kkonċernati waqt li jkunu qegħdin jistennew ir-riżultati tal-verifika, l-importatur għandu jkun offrut il-possibbiltà li l-prodotti jinħarġu soġġetti għal kwalunkwe miżuri ta’ prekawzjoni kkunsidrati meħtiġin.

5.   L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika għandhom ikunu infurmati bir-riżultati tagħha malajr kemm jista’ jkun. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw b’mod ċar jekk id-dokumenti jkunux awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jkunux jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw f’waħda mill-Partijiet Kontraenti u jekk ikunux jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.

6.   Jekk fil-każijiet ta’ dubju raġonevoli ma jkunx hemm tweġiba fi żmien għaxar xhur mid-data tat-talba għal verifika jew jekk it-tweġiba ma jkunx fiha tagħrif suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tad-dokument inkwistjoni jew sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini vera tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jressqu t-talba għandhom, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jirrifjutaw id-dritt għall-preferenzi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Matul Frar 2022, C/C, li taġixxi bħala rappreżentant doganali indirett tal-kumpannija importatriċi Best-Epil Kft., talbet lin-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Csongrád–Csanád Vármegyei Adó- és Vámigazgatósága (id-Direttorat Dipartimentali ta’ Csongrád-Csanád tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità doganali tal-ewwel grad”) għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ mandolin frisk mibgħut mill-Kosovo u ċċertifikat li joriġina mit-Turkija skont iċ-ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 ikkunsinnati mill-awtoritajiet doganali tal-Kosovo (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni”).

11

Wara dan ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, l-awtorità doganali tal-ewwel grad, fil‑5 ta’ Mejju 2023, ordnat verifika a posteriori, li matulha hija kkonstatat li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Reġjonali u lanqas ma’ dawk tal-Avviż tal-Kummissjoni 2021/C 418/12 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji jew tal-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jipprovdu għal akkumulazzjoni djagonali bejn il-Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni (ĠU 2021, C 418, p. 24, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-Kummissjoni”), għar-raġuni li l-merkanzija kkonċernata, bħala prodotti agrikoli, ma setgħetx tibbenefika minn trattament preferenzjali fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea, il-Kosovo u t-Turkija. Barra minn hekk, tali trattament lanqas ma jista’ jiġi ċċertifikat mill-awtoritajiet doganali tal-Kosovo.

12

Minbarra dan, l-awtorità doganali tal-ewwel grad, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2023, iffissat l-ammont totali tad-dazji doganali li kellhom jinġabru a posteriori għal 2580000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 6350), u ordnat lil C/C tħallas din is-somma.

13

Fit‑18 ta’ Awwissu 2023, C/C ressqet quddiem l-awtorità doganali tal-ewwel grad talba għal maħfra tad-dazji doganali skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 116(1)(c) tal-Kodiċi Doganali. Insostenn ta’ din it-talba, C/C sostniet li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 119(3) ta’ dan il-kodiċi kienu ssodisfatti, sa fejn, peress li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni kienu nħarġu mill-awtoritajiet doganali tal-Kosovo abbażi tas-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita mill-Konvenzjoni Reġjonali, kien hemm lok li jitqies li l-iżball li bih kienu vvizzjati dawn iċ-ċertifikati kellu jitqies li ma setax “raġonevolment jkun osservat”, fis-sens tal-Artikolu 119(1)(a) tal-imsemmi kodiċi, mingħajr il-ħtieġa tat-twettiq ta’ verifiki oħra f’dan ir-rigward.

14

Peress li l-awtorità doganali tal-ewwel grad ċaħdet it-talba ta’ C/C, din tal-aħħar ressqet ilment quddiem id-Direttorat tal-Appelli, li kkonferma d-deċiżjoni tal-awtorità doganali tal-ewwel grad.

15

Fid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttorat tal-Appelli qies, b’mod partikolari, li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni ma kinux inħarġu abbażi tas-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 31 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali, b’tali mod li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali ma kinitx tapplika u li kien hemm lok, għaldaqstant, li jiġi vverifikat, konformement mal-Artikolu 119(1)(a) ta’ dan il-kodiċi, jekk C/C setgħetx raġonevolment tinduna bl-iżball tal-awtoritajiet doganali tal-Kosovo.

16

Issa, skont id-Direttorat tal-Appelli, minkejja li l-awtoritajiet doganali tal-Kosovo wettqu żball, C/C setgħet raġonevolment tinduna bih, peress li hija kienet teżerċita l-attività professjonali tagħha fil-qasam doganali, kellha l-awtorizzazzjonijiet neċessarji f’dan il-qasam u kellha l-għarfien kif ukoll l-esperjenza xierqa fil-qasam tal-iżdoganar. Għaldaqstant, hija kellha tinnota l-fatt li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni kienu vvizzjati bi żball, peress li dan tal-aħħar kien jirriżulta b’mod ċar minn dawn id-dokumenti.

17

C/C adixxiet lill-Veszprémi Törvényszék (il-Qorti ta’ Veszprém, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex din tannulla d-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Appelli, kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtorità doganali tal-ewwel grad, u tordna lil din tal-aħħar tiftaħ proċedura ġdida.

18

C/C sostniet li l-Artikolu 119(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali kien japplika għas-sitwazzjoni tagħha, peress li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni kienu nħarġu fil-kuntest ta’ “kooperazzjoni amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali. Skont din il-kooperazzjoni amministrattiva, l-awtoritajiet doganali jintrabtu li jikkomunikaw lil xulxin it-timbri u l-indirizzi ta’ kuntatt. F’dan il-każ, il-fatt li l-awtoritajiet doganali tal-Kosovo użaw, fid-dawl tal-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni, il-kampjuni tat-timbri kkomunikati għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 juri l-fatt li dawn l-awtoritajiet doganali aġixxew fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali.

19

Barra minn hekk, C/C sostniet li l-awtoritajiet doganali Ungeriżi kellhom jibdew il-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali u jitolbu lill-awtoritajiet doganali tal-Kosovo sabiex jivverifikaw l-eżattezza tal-kontenut taċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni. C/C qieset li hija setgħet leġittimament u in bona fide tqis li l-awtoritajiet doganali tal-Kosovo kienu ħarġu ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni bl-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

20

Quddiem il-qorti tar-rinviju, id-Direttorat tal-Appelli sostna li, skont il-Konvenzjoni Reġjonali u l-Avviż tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur, jiġifieri l-Kosovo, ma setgħux legalment jiċċertifikaw li l-merkanzija kellha bħala post ta’ oriġini preferenzjali t-Turkija. Skont dan id-direttorat, tista’ ssir il-verifika previst fl-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali kull darba li l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi jkollhom “dubji raġonevoli” f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-awtentiċità tad-dokumenti. Madankollu, l-imsemmi direttorat qatt ma kellu sempliċi dubji dwar iċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni, peress li kien possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza li dawn id-dokumenti kienu vvizzjati bi żball u ma kinux adatti sabiex jiċċertifikaw il-post ta’ oriġini, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tinbeda l-proċedura ta’ verifika tal-provi tal-oriġini msemmija f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet doganali tal-Kosovo użaw kampjuni ta’ timbri użati għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 ma jistax jitqies bħala ħaġa li tipprova l-eżistenza ta’ “kooperazzjoni amministrattiva”.

21

Barra minn hekk, id-Direttorat tal-Appelli rrileva li, peress li C/C kellha għarfien u esperjenza professjonali xierqa fil-qasam doganali, hija setgħet raġonevolment tinduna bl-iżball li bih kienu vvizzjati ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 119(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-kwistjoni tal-bona fide ta’ C/C għandha tiġi eżaminata separatament minn dik dwar jekk hija setgħetx raġonevolment tinduna b’dan l-iżball, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi. Konsegwentement, il-fatt li C/C aġixxiet in bona fide ma jeskludix li hija setgħet raġonevolment tinduna bl-imsemmi żball. Fl-aħħar nett, id-Direttorat tal-Appelli sostna li, skont l-Artikolu 15(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali kienet tirrendi lill-persuna li twettaqha responsabbli għall-awtentiċità, għall-eżattezza u għall-validità tad-dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-merkanzija kkonċernata, bħala prodotti agrikoli, ma setgħetx taqa’ taħt akkumulazzjoni djagonali, b’tali mod li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni kienu vvizzjati bi żball fir-rigward tal-kontenut tagħhom. Għalhekk, l-awtorità doganali tal-ewwel grad ħadet id-deċiżjoni tagħha mingħajr ma bdiet il-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali u ma talbitx lill-awtoritajiet doganali tal-Kosovo jivverifikaw il-konformità tal-prova tal-oriġini. Fil-fatt, l-awtorità doganali tal-ewwel grad ma kellhiex “dubji raġonevoli” dwar il-konformità taċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni, iżda ċ-ċertezza li dawn iċ-ċertifikati kienu nħarġu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni u li l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti esportatriċi ma setgħux jiċċertifikaw l-oriġini li tippermetti l-benefiċċju tat-trattament preferenzjali.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk, meta jindunaw bi żball fil-prova tal-oriġini, l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi jkollhom neċessarjament u obbligatorjament jibdew il-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali u jekk minn din il-proċedura jirriżulta li l-prova tal-oriġini tkun żbaljata, ikollu jitqies, skont l-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx raġonevolment tinduna b’dan l-iżball.

24

Din il-qorti tqis li mill-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali ma jirriżultax b’mod ċar jekk, meta jindunaw bi żball fil-prova tal-oriġini, dawn l-awtoritajiet doganali jkunux jistgħu jikkonstataw in-natura inkorretta ta’ din il-prova mingħajr ma jibdew l-imsemmija proċedura ta’ verifika.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Veszprémi Törvényszék (il-Qorti ta’ Veszprém) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 119(3) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li tippermetti li jiġi kkonstatat li prova tal-oriġini hija skorretta mingħajr ma tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-Appendiċi I għall-[Konvenzjoni Reġjonali]?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li tipprovdi li, meta ċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju li jinsab barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jkun ivvizzjat bi żball ta’ liġi manifest relatat mal-possibbiltà li din il-merkanzija tibbenefika minn trattament preferenzjali skont din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi jistgħu validament jikkonstataw dan l-iżball mingħajr ma jibdew il-proċedura ta’ verifika prevista f’dan l-Artikolu 32.

27

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li, fil-kuntest tat-trattament preferenzjali tal-merkanzija mogħti abbażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju barra t-territorju doganali tal-Unjoni, il-ħruġ minn dawk l-awtoritajiet, ta’ ċertifikat inkorrett, jikkostitwixxi żball li, bħala prinċipju, ma jistax ikun raġonevolment ikkonstatat, fis-sens tal-Artikolu 119(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.

28

Fir-rigward tal-Konvenzjoni Reġjonali, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-merkanzija kkummerċjalizzata fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles rilevanti konklużi bejn il-partijiet kontraenti għal din il-konvenzjoni, li fosthom hemm l-Unjoni, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Kosovo. L-Appendiċi I tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji”. L-Artikolu 15(1) tal-istess konvenzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li, fost il-provi tal-oriġini li jistgħu jiġu ppreżentati meta prodotti oriġinarji jiġu importati f’partijiet kontraenti oħra, hemm iċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1.

29

L-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali, intitolat “Verifika tal-provi tal-oriġini”, jinsab taħt it-Titolu VI tiegħu, li huwa intitolat “Arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva”. Dan l-Artikolu 32 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-verifiki sussegwenti tal-provi tal-oriġini għandhom jitwettqu b’mod każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti li tkun qed timporta jkollhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità ta’ tali dokumenti, dwar l-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati jew dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.”

30

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafi 2, 3 u 5 tal-imsemmi Artikolu 32, il-verifika a posteriori tal-provi tal-oriġini, li tkun iġġustifikata minn dubji raġonevoli li l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi jkollhom dwar l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti, l-oriġini tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-Konvenzjoni Reġjonali, tippreżupponi kooperazzjoni amministrattiva bejn dawn l-awtoritajiet doganali u dawk tal-parti kontraenti esportatriċi, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali, ikkunsidrat fl-intier tiegħu.

31

Issa, is-sempliċi ħruġ ta’ ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija abbażi tal-Konvenzjoni Reġjonali ma jimplikax, bħala tali, kooperazzjoni amministrattiva fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meħuda fl-intier tagħha.

32

Barra minn hekk, kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mill-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali ma jirriżultax li l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi għandhom l-obbligu li jibdew sistematikament proċedura ta’ verifika tal-prova tal-oriġini meta huma jikkonstataw l-eżistenza ta’ żball relatat mal-possibbiltà li din il-merkanzija tibbenefika minn trattament preferenzjali skont din il-konvenzjoni.

33

Għalhekk, ma hemmx obbligu li tinbeda tali proċedura meta dawn l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jikkonstataw mill-ewwel, mingħajr ma tkun neċessarja ebda investigazzjoni, li l-prova tal-oriġini tkun inkorretta. Dan kien ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk kellu jirriżulta li ċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti esportatriċi jkun ivvizzjat bi żball ta’ liġi manifest dwar il-possibbiltà li din il-merkanzija tibbenefika minn trattament preferenzjali skont il-Konvenzjoni Reġjonali.

34

Barra minn hekk, skont in-nota intitolata “Artikolu 33 – Rifjut tas-sistema preferenzjali mingħajr verifika” tal-Avviż tal-Kummissjoni 2007/C 83/01 dwar in-Noti ta’ Spjega li jirrigwardaw il-Protokolli Pan-Ewro-Mediterranji tal-Oriġini (ĠU 2007, C 83, p. 1), il-prova tal-oriġini titqies li hija “inapplikabbli” b’mod partikolari meta l-prodotti li għalihom jirreferi ċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 jew EUR-MED ma jibbenefikawx mit-trattament preferenzjali. F’każ bħal dan, iċ-ċertifikat inkwistjoni għandu għalhekk jitqies li huwa inapplikabbli, mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jirrikorri għall-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti esportatriċi.

35

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li kien paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li, skont ir-regoli fis-seħħ, l-akkumulazzjoni djagonali ma kinitx tapplika għall-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri mandolin frisk li joriġina mit-Turkija u mibgħut mill-Kosovo lejn l-Ungerija, b’tali mod li ċ-ċertifikati ta’ moviment inkwistjoni, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Kosovo, kienu vvizzjati bi żball.

36

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali kompetenti, l-Artikolu 119(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li meta, wara tali żball, l-ammont li jikkorrispondi għad-dejn doganali inizjalment ikkomunikat jkun inqas mill-ammont dovut, ikollu jsir ir-rimbors jew isir il-maħfra ta’ ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, sakemm id-debitur ma setax raġonevolment jinduna b’dan l-iżball u jkun aġixxa in bona fide. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) ta’ dan il-kodiċi, għandu jitqies li jikkostitwixxi żball li ma setax jiġi raġonevolment innotat, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-ħruġ, mill-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, ta’ ċertifikat inkorrett, meta t-trattament preferenzjali tal-merkanzija jingħata abbażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lil dawn l-awtoritajiet.

37

Kif osservat il-Kummissjoni, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tad-debitur u li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom l-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet doganali kompetenti joħolqu aspettattivi leġittimi min-naħa tad-debitur.

38

Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali ma għandhomx l-għan li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom għandha tiġi implimentata l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali kkonċernati. Fir-realtà, din id-dispożizzjoni sempliċement tikklassifika bħala wieħed li ma jistax raġonevolment jiġi nnotat, żball li jivvizzja ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju li jinsab barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, meta t-trattament preferenzjali tal-merkanzija jingħata abbażi ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lil dawn l-awtoritajiet.

39

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax, bħala tali, tipprekludi lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni milli jikkonstataw li ċ-ċertifikat ta’ moviment użat bħala prova tal-oriġini ta’ merkanzija huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi manifest dwar il-possibbiltà għal din il-merkanzija li tibbenefika minn trattament preferenzjali skont il-Konvenzjoni Reġjonali, u dan mingħajr il-ħtieġa li tinbeda l-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 32 tal-Appendiċi I ta’ din il-konvenzjoni.

40

Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, meta ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija, li jinħareġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju li jinsab barra mit-territorju doganali tal-Unjoni fir-rigward tat-trattament preferenzjali tal-merkanzija, lil hinn mill-ambitu ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva, jirriżulta inkorrett, il-preżunzjoni legali stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali, li l-ħruġ ta’ tali ċertifikat jitqies li jikkostitwixxi żball li ma setax ikun raġonevolment innotat mid-debitur, ma tapplikax u għalhekk ikollu jiġi vverifikat jekk, fil-fatt, dan id-debitur setax jew le raġonevolment jinduna b’dan l-iżball, kif jipprevedi l-Artikolu 119(1) ta’ dan il-kodiċi.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li, meta ċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju li jinsab barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jkun ivvizzjat bi żball ta’ liġi manifest relatat mal-possibbiltà li din il-merkanzija tibbenefika minn trattament preferenzjali skont din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi jistgħu validament jikkonstataw dan l-iżball mingħajr ma jibdew il-proċedura ta’ verifika prevista f’dan l-Artikolu 32.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 119(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas‑26 ta’ Marzu 2012,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li, meta ċ-ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż jew territorju li jinsab barra mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea jkun ivvizzjat bi żball ta’ liġi manifest relatat mal-possibbiltà li din il-merkanzija tibbenefika minn trattament preferenzjali skont din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet doganali tal-parti kontraenti importatriċi jistgħu validament jikkonstataw dan l-iżball mingħajr ma jibdew il-proċedura ta’ verifika prevista f’dan l-Artikolu 32.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.