SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (UE) Nru 165/2014 – Obbligu ta’ kontroll perjodiku tat-takografi – Deroga – L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) u l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Appell ta’ kassazzjoni – Liġi ġdida li daħlet fis-seħħ wara s-sentenza appellata – Kunċett ta’ ‘kundanna definittiva’”

Fil-Kawża C‑544/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

T.T.,

BAJI Trans s.r.o.

vs

Národný inšpektorát práce,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin, N. Jääskinen, D. Gratsias u M. Gavalec, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, J. Passer, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal T.T. u BAJI Trans s.r.o., minn M. Mandzák u M. Pohovej, advokáti, kif ukoll minn P. Rumanová, advokátka,

–

għan-Národný inšpektorát práce, minn M. Mitterpák, generálny riaditel, u L. Štofová, právnička,

–

għall-Gvern Slovakk, minn A. Lukáčik, E. V. Larišová u S. Ondrášiková, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Cherubini, avvocato dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. J. O. Van Nuffel u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, T.T. u BAJI Trans s.r.o. u, min-naħa l-oħra, in-Národný inšpektorát práce (l-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol, is-Slovakkja) dwar multa amministrattiva imposta minn dan tal-aħħar fuq T.T.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

L-Artikolu 49(1) tal-Karta jipprovdi:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

4

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom […]”

Ir-Regolament Nru 3821/85

5

Kif kien applikabbli fid-data tat-twettiq tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3821/85”), kien jipprovdi:

“1.   It-tagħmir ta’ reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. […]

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

6

Kif kien applikabbli f’dik id-data, l-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom, malajr u wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri għandhom ikopru, inter alia, ir-riorganizzazzjoni, il-proċedura u l-mezzi ta’ kontroll fuq osservanza u l-penali li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ ksur.”

7

Intitolat “Spezzjonijiet perjodiċi”, il-punt 3(a) tat-Taqsima VI tal-Anness I tal-imsemmi regolament kien jipprovdi, fid-data tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

“Għandhom isiru spezzjonijiet perjodiċi ta’ l-apparat armat fil-vetturi ta’ mill-inqas kull sentejn u dawn jistgħu isiru flimkien ma’ testijiet li jaraw jekk il-vetturi humiex tajbin għal fuq it-triq.

[…]”

8

Ir-Regolament Nru 3821/85 tħassar, b’effett mit‑2 ta’ Marzu 2016, permezz tal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1).

Ir-Regolament Nru 165/2014

9

L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 165/2014 jipprovdi:

“1.   It-takografi għandhom jiġu installati u użati fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bit-triq u li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.”

10

L-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“It-takografi għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni regolari minn ħwienet tax-xogħol approvati. Għandhom titwettqu spezzjonijiet regolari mill-anqas kull sentejn.”

11

L-Artikolu 41(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-arranġamenti kostituzzjonali nazzjonali, jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali, dissważivi u nondiskriminatorji u għandhom ikunu f’konformità mal-kategoriji tal-ksur stabbiliti fid-Direttiva 2006/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35)].”

12

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tal-istess regolament:

“Soġġett għall-miżuri transizzjonali fl-Artikolu 46, [dan ir-regolament] għandu japplika b’effett mit‑2 ta’ Marzu 2016. […]”

Ir-Regolament Nru 561/2006

13

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

14

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jelenka l-kategoriji ta’ vetturi li jwettqu trasport bit-triq li għalihom ma japplikax l-imsemmi regolament. Il-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu ma humiex inklużi f’din il-lista.

15

L-Artikolu 13(1) tal-istess regolament jelenka l-kategoriji ta’ vetturi li jwettqu trasport li għalihom l-Istati Membri, sakemm dan ma jkunx ta’ preġudizzju għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2006, jistgħu jagħtu derogi mill-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan ir-regolament.

16

Kif kien applikabbli fid-data tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-Artikolu 13(1) ma kienx isemmi l-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu.

17

Madankollu, l-imsemmi Artikolu 13(1) ġie emendat bir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU 2020, L 249, p. 1).

18

Wara din l-emenda, li hija applikabbli b’effett mill‑20 ta’ Awwissu 2020, l-istess Artikolu 13(1) issa jsemmi, taħt il-punt (r), “vetturi użati għat-twassil ta’ konkos imħallat lest” fost il-vetturi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ derogi mill-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament Nru 561/2006.

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

19

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) jipprevedi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

20

L-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.”

Id‑dritt Slovakk

21

L-Artikolu 50(6) tal-Ústava Slovenskej republiky (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka) jipprovdi:

“L-eżistenza ta’ reat kriminali għandha tiġi evalwata u l-kundanna għandha tingħata skont il-liġi fis-seħħ fil-mument meta twettaq ir-reat. L-iktar liġi reċenti għandha tapplika jekk tkun iżjed favorevoli għall-awtur tar-reat.”

22

L-Artikolu 2 taż-zákon č. 461/2007 Z. z. o používaní záznamového zariadenia v cestnej doprave (il-Liġi Nru 461/2007 dwar l-Użu ta’ Tagħmir ta’ Reġistrazzjoni fit-Trasport bit-Triq), tat‑13 ta’ Settembru 2007, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din il-liġi, impriża tat-trasport li tipprovdi servizzi ta’ trasport bix-xarabank jew servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija għandha tiżgura li jiġi installat tagħmir ta’ reġistrazzjoni f’kull vettura użata għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija u li jintużaw folji ta’ reġistrazzjoni u kards [tax-xufier] għat-tħaddim tiegħu.

2.   L-obbligu tal-impriża tat-trasport skont il-paragrafu 1 ma japplikax għall-vetturi użati għat-trasport koperti minn dispożizzjoni partikolari [b’riferiment għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006].”

23

Il-punt 1 tal-Artikolu 38(1)(a) taż-zákon č. 462/2007 Z. z. o organizácii pracovného času v doprave a o zmene a doplnení zákona č. 125/2006 Z. z. o inšpekcii práce a o zmene a doplnení zákona č. 82/2005 Z. z. o nelegálnej práci a nelegálnom zamestnávaní a o zmene a doplnení niektorých zákonov v znení zákona č. 309/2007 Z. z. 13. Septembra 2007 (il-Liġi Nru 462/2007 dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol fis-Settur tat-Trasport u li Temenda l-Liġi Nru 125/2006 dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol u li Temenda l-Liġi Nru 82/2005 dwar ix-Xogħol Illegali u l-Impjieg Illegali u li Temenda Ċerti Liġijiet, kif emendata bil-Liġi Nru 309/2007 tat‑13 ta’ Settembru 2007), jipprevedi:

“Huwa reat li xufier isuq vettura mingħajr tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni li ma kienx issuġġettat għal kontroll perjodiku validu jew li juża t-tagħmir ta’ reġistrazzjoni b’mod żbaljat.”

24

Iż-zákon č. 162/2015 Správny súdny poriadok (il-Liġi Nru 162/2015 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva), tal‑21 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“KĠA”), daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2016.

25

L-Artikolu 145 tal-KĠA jipprovdi:

“1)   Sentenza nnotifikata hija definittiva, bħal ħsara għal dispożizzjonijiet li jipprovdu mod ieħor iktar ’il quddiem.

2)   Is-sentenza ta’ qorti amministrattiva ssir definittiva mal-iskadenza tat-terminu ta’ xahar min-notifika tagħha jew meta jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni f’dan l-istess terminu kontra din is-sentenza, meta d-deċiżjoni kienet tirrigwarda:

[…]

(c)

rikors ġudizzjarju amministrattiv fil-qasam tas-sanzjonijiet amministrattivi,

[…]”

26

L-Artikolu 438(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjonijiet definittivi ta’ qorti amministrattiva […]”

27

Skont l-Artikolu 440(1) tal-imsemmi kodiċi:

“Appell ta’ kassazzjoni jista’ jkun ibbażat biss fuq il-fatt li l-qorti amministrattiva, fil-proċedura tagħha jew fid-deċiżjoni tagħha, kisret il-liġi sa fejn:

(a)

ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-tilwima,

(b)

parti fit-tilwima ma kellhiex locus standi,

(c)

parti fit-tilwima ma kellhiex il-kapaċità sħiħa li taġixxi b’mod indipendenti quddiem il-qorti amministrattiva u ma kinitx irrappreżentata minn rappreżentant legali jew minn tutur legali li jaġixxi f’isimha,

(d)

l-istess kwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva jew proċedura kienet diġà nbdiet fl-istess kawża,

(e)

il-kawża ġiet deċiża minn imħallef irrikużat jew minn qorti amministrattiva kkostitwita irregolarment,

(f)

permezz ta’ proċedura mhux xierqa, il-qorti amministrattiva pprekludiet lil parti milli teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha b’mod li jkun inkiser id-dritt għal smigħ xieraq,

(g)

il-qorti amministrattiva ddeċidiet fuq il-bażi ta’ żball ta’ liġi;

(h)

il-qorti amministrattiva ddeċidiet li titbiegħed mill-ġurisprudenza stabbilita tal-[qorti amministrattiva suprema],

(i)

il-qorti amministrattiva ma osservatx l-opinjoni legali vinkolanti espressa fid-deċiżjoni ta’ annullament meħuda fuq l-appell ta’ kassazzjoni jew

(j)

ir-rikors ġie miċħud illegalment.”

28

L-Artikolu 454 tal-istess kodiċi jistabbilixxi:

“Is-sitwazzjoni eżistenti fil-mument meta ġiet ippronunzjata jew ingħatat id-deċiżjoni appellata tal-qorti amministrattiva hija determinanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-[qorti] tal-kassazzjoni.”

29

L-Artikolu 462 tal-KĠA jipprevedi:

“1)   Jekk, wara eżami, il-qorti tal-kassazzjoni tikkonstata l-fondatezza tal-appell ta’ kassazzjoni, hija għandha tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, skont in-natura tagħha, tibgħat il-kawża lura quddiem il-qorti amministrattiva għat-tkomplija tal-proċedura jew għandha tagħlaq il-proċedura, jekk ikun il-każ hija għandha tibgħat il-kawża lill-awtorità kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

2)   Jekk il-qorti tal-kassazzjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata tal-awtorità amministrattiva jew il-miżura kkontestata tal-awtorità amministrattiva ma hijiex konformi mal-liġi, u jekk il-qorti amministrattiva tkun ċaħdet l-appell, hija tista’ temenda d-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-awtorità amministrattiva jew il-miżura kkontestata tal-awtorità amministrattiva u billi tibgħat il-kawża lura quddiemha għat-tkomplija tal-proċedura.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30

Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tat‑8 ta’ Diċembru 2016, T.T. instab ħati li kiser il-punt 1 tal-Artikolu 38(1)(a) tal-Liġi Nru 462/2007 minħabba li, fl‑4 ta’ Novembru 2015, huwa kien ittrasporta konkos abbord vettura li tappartjeni lil BAJI Trans u li t-takografu tagħha ma kienx issuġġettat għal kontroll perjodiku validu. F’dan ir-rigward, T.T. ġie kkundannat għal multa ta’ EUR 200.

31

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ April 2017, l-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol ċaħad ir-rikors intern ta’ T.T. kontra d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2016.

32

T.T. u BAJI Trans ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi quddiem il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja).

33

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2019, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) ċaħdet ir-rikors ta’ BAJI Trans bħala inammissibbli u dak ta’ T.T. bħala infondat. Dik il-qorti qieset, b’mod partikolari, li l-obbligu li jintuża takografu fil-vetturi tat-trasport bit-triq kien previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3821/85 kif ukoll fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 461/2007, bla ħsara għad-derogi msemmija fl-Artikoli 3 u 13 tar-Regolament Nru 561/2006. Madankollu, dawn id-derogi ma kinux jinkludu l-vetturi intiżi għat-trasport tal-konkos.

34

Fil‑15 ta’ Lulju 2019, T.T. u BAJI Trans ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka).

35

Fl‑24 ta’ Awwissu 2020, dawn il-partijiet ippreżentaw nota li permezz tagħha enfasizzaw li r-Regolament Nru 561/2006 kien ġie emendat bir-Regolament 2020/1054. Huma sostnew li din l-emenda, li saret wara l-preżentata tal-appell ta’ kassazzjoni tagħhom, kellha bħala konsegwenza li l-fatti mwettqa fl‑4 ta’ Novembru 2015 ma kinux baqgħu illegali. Għaldaqstant, tali emenda kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 50(6) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka.

36

Fl‑1 ta’ Awwissu 2021, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka), li hija l-qorti tar-rinviju, bdiet l-eżami tal-kawżi kollha li kienu tressqu quddiem l-Awla Amministrattiva tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) sal‑31 ta’ Lulju 2021, inkluż l-appell ta’ T.T. u ta’ BAJI Trans.

37

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prinċipju ta’ lex mitior huwa stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta, filwaqt li tenfasizza li dan l-artikolu jista’ jiġi applikat biss jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjoni li fiha Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

38

Peress li l-liġijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew adottati sabiex jiġu implimentati r-Regolamenti Nru 3821/85 u Nru 165/2014, inkluż l-obbligu li jirriżulta minn dawn ir-regolamenti li tiġi stabbilita sistema ta’ sanzjonijiet, il-qorti tar-rinviju hija inklinata li tqis, minn naħa, li l-Ispettorat Nazzjonali tax-Xogħol implimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta ddeċieda dwar il-ħtija ta’ T.T. u ssanzjonah u, min-naħa l-oħra, li hija stess kienet ser tkun qiegħda timplimenta dan id-dritt meta tagħti deċiżjoni dwar l-appell pendenti quddiemha. Madankollu, din il-qorti tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din l-interpretazzjoni.

39

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kemm l-awtoritajiet amministrattivi, mitluba jissanzjonaw kriminalment individwu, kif ukoll il-qrati li jieħdu konjizzjoni tar-rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kontra dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom ikunu obbligati japplikaw il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli. Dik il-qorti hija inklinata li taħseb li l-istess raġunament japplika fir-rigward tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Madankollu, hija tixtieq tiżgura ruħha li din id-dispożizzjoni tapplika kemm fil-kuntest tal-proċedura li twassal għas-sanzjoni amministrattiva kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja intiża sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ din is-sanzjoni.

40

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk għandhiex, bħala qorti tal-kassazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni liġi kriminali iktar favorevoli li ġiet adottata wara l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja meqjusa bħala definittiva, skont id-dritt nazzjonali, u li kontriha BAJI Trans u T.T. ippreżentaw appell.

41

F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli japplika għall-proċeduri kriminali sakemm tingħata deċiżjoni definittiva, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tat deċiżjoni dwar il-mod kif għandha tiġi evalwata n-natura definittiva ta’ tali deċiżjoni.

42

Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, anki fl-assenza ta’ talba f’dan is-sens, il-prinċipji fundamentali tad-determinazzjoni tal-piena, inkluż il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli.

43

Madankollu, l-istess qorti tirrileva, minn naħa, li, fid-dritt Slovakk, l-appell ta’ kassazzjoni huwa teoretikament ikkunsidrat bħala rimedju straordinarju, preċiżament għaliex ikun dirett kontra deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u, min-naħa l-oħra, li hija marbuta mis-sitwazzjoni legali li kienet teżisti fid-data li fiha ngħatat din id-deċiżjoni.

44

B’dan premess, hija tirrileva wkoll li l-aggravji ta’ kassazzjoni previsti mil-liġi Slovakka huma stabbiliti b’mod wiesa’ u jkopru, bħala prinċipju, id-difetti kollha tad-dritt u tal-proċedura. Barra minn hekk, bħala prinċipju, l-appellant ikollu d-dritt li l-appell jiġi deċiż u li l-proċedura relatata mal-appell ta’ kassazzjoni ssegwi, regolarment u direttament, il-proċedura quddiem il-qorti amministrattiva ta’ grad inferjuri.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 51(1) tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, jimponi sanzjoni amministrattiva għall-ksur ta’ obbligu ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn tali obbligu jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u l-Istati Membri huma obbligati li jimponu penali għall-ksur tiegħu, kif previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament [Nru 3821/85] u fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament [Nru 165/2014]?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur amministrattiv meta d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà u dwar il-penali tiġi adottata l-ewwel mhux minn awtorità ġudizzjarja, iżda minn awtorità amministrattiva, u għalhekk dan il-prinċipju japplika sussegwentement ukoll għall-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità amministrattiva mill-qorti amministrattiva?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 49(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali, irrispettivament mill-istadju li jkunu jinsabu fih?

4)

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv, skont liema kriterji dan l-istadju għandu jiġi stabbilit? B’mod partikolari, l-Artikolu 49 tal-Karta u l-prinċipju ta’ lex posterior mitius stabbilit fiha għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal proċeduri kontenzjużi amministrattivi li għandhom bħala suġġett rikors bħal appell ta’ kassazzjoni, b’tali mod li qorti bħan-Najvyšší správny súd (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Slovakka) li tiddeċiedi fit-tieni u fl-aħħar istanza fuq l-appell ta’ kassazzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni emenda leġiżlattiva favur l-awtur ta’ ksur amministrattiv li huwa s-suġġett ta’ proċeduri quddiem awtorità amministrattiva u mhux qorti, li tintervjeni biss wara li d-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva ta’ istanza inferjuri li tkun ġiet mistħarrġa [mill-qorti tal-aħħar istanza], tkun saret definittiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

46

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, konformement mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, jimponi sanzjoni amministrattiva fuq is-sewwieq ta’ vettura minħabba ksur, minn dan tal-aħħar, tal-obbligi imposti minn dawn ir-regolamenti.

47

Preliminarjament, il-Gvern Slovakk isostni li r-risposta għal din id-domanda hija tant evidenti li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għaliha. Sa fejn din l-osservazzjoni għandha titqies li hija intiża li tikkontesta l-ammissibbiltà tal-imsemmija domanda, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki jekk ir-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, din id-domanda xorta waħda ma ssirx inammissibbli minħabba f’hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer,C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 65, u tal‑11 ta’ Mejju 2023, MOMTRADE RUSE,C‑620/21, EU:C:2023:395, punt 38).

48

B’dan ippreċiżat, mill-Artikolu 51(1) tal-Karta jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

49

Id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom għalhekk japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson,C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19).

50

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jwettaq obbligu, stabbilit f’att tad-dritt tal-Unjoni, li jipprevedi sanzjonijiet fir-rigward tal-ksur imsemmi f’dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27, u tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ falsifikazzjoni), C‑655/21, EU:C:2023:791, punt 43).

51

F’dan il-każ, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2020/1054, kemm ir-Regolament Nru 3821/85, applikabbli fid-data tal-ksur imwettaq minn T.T., kif ukoll ir-Regolament Nru 165/2014 kienu jimponu, mingħajr possibbiltà ta’ deroga, il-preżenza ta’ takografu fil-vetturi bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-kontroll perjodiku ta’ dan it-takografu. Barra minn hekk, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u mill-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014 jirriżulta li dawn jobbligaw lill-Istati Membri jissanzjonaw il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

52

Minn dan isegwi li, meta adottaw il-punt 1 tal-Artikolu 38(1)(a) tal-Liġi Nru 462/2007 u meta imponew multa amministrattiva fuq T.T. talli, fl‑4 ta’ Novembru 2015, saq vettura għat-trasport ta’ konkos imħallat lest għall-użu mingħajr ma osserva l-obbligi ta’ kontroll perjodiku tat-takografu li kellu jkollha din il-vettura, l-awtoritajiet Slovakki implimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

53

B’dan premess, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-possibbiltà li T.T. jiġi ssanzjonat talli wettaq tali ksur, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2020/1054, minkejja li, permezz tal-effett ikkombinat ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 461/2007, il-vetturi għat-trasport ta’ konkos imħallat lest għall-użu issa huma eżentati, fid-dritt Slovakk, mill-obbligu li jkollhom takografu.

54

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat ukoll li, permezz ta’ tali emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-leġiżlatur Slovakk implimenta wkoll id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

55

Fil-fatt, b’dan il-mod, dan il-leġiżlatur uża l-possibbiltà, mogħtija lilu mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, li jeżenta l-kategoriji ta’ vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, kif ikkompletat bir-Regolament 2020/1054, mill-obbligu li jkollhom takografu.

56

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta Stat Membru jadotta miżuri fil-kuntest ta’ setgħa diskrezzjonali jew ta’ evalwazzjoni li tifforma parti integrali mis-sistema stabbilita minn att tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jitqies li jkun qiegħed jimplimenta dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 48, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus,C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 59).

57

It-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna, għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali stabbiliti minn din tal-aħħar għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Real Madrid Club de Fútbol,C‑633/22, EU:C:2024:843, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minn naħa, konformement mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 3821/85 u mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, jimponi sanzjoni amministrattiva fuq is-sewwieq ta’ vettura minħabba l-ksur, minn dan tal-aħħar, tal-obbligi imposti minn dawn ir-regolamenti u, min-naħa l-oħra, juża, sussegwentement, il-possibbiltà rrikonoxxuta lilu mill-Artikolu 3(2) ta’ dan l-aħħar regolament, li jeżenta mill-osservanza ta’ tali obbligi ċerti vetturi għat-trasport bit-triq.

Fuq it-tieni domanda

59

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tista’ tapplika għal sanzjoni amministrattiva li ġiet imposta abbażi ta’ regola li, wara l-adozzjoni ta’ din is-sanzjoni, ġiet emendata b’mod li huwa iktar favorevoli għall-persuna ssanzjonata.

60

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tipprevedi li, jekk, wara d-data tat-twettiq tar-reat, il-liġi tipprevedi piena eħfef, għandha tiġi applikata din tal-aħħar.

61

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, li huwa ggarantit ukoll fl-Artikolu 7 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L‑Italja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, punt 109).

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta

62

Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) relatati mal-Artikolu 49 tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għall-qasam kriminali.

63

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tliet kriterji huma rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ sanzjoni, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta. L-ewwel kriterju huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa n-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda,C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate,C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 34).

64

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-multa imposta fuq T.T. hijiex ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tista’, meta tagħti deċiżjoni dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lil dik il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate,C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 36).

65

F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel kriterju dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat bħala ksur amministrattiv fid-dritt Slovakk.

66

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta testendi, anki għal ksur li ma huwiex ikklassifikat bħala “kriminali” fid-dritt intern, għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħra msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 88, u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Vinal,C‑820/21, EU:C:2023:667, punt 49).

67

It-tieni nett, fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura stess tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv, li huwa l-għan speċifiku ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Karta, mingħajr ma s-sempliċi fatt li din il-miżura jkollha wkoll għan preventiv ikun ta’ natura li jipprekludi l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali. Fil-fatt, huwa fin-natura nnifisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ifittxu kemm ir-repressjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-aġir illegali. Għall-kuntrarju, miżura li sempliċement tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura kriminali (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 89, u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Vinal,C‑820/21, EU:C:2023:667, punt 50).

68

F’dan il-każ, il-multi amministrattivi li jirriżultaw mill-ksur tal-obbligi relatati mal-preżenza u mal-kontroll perjodiku ta’ takografu abbord ċerti tipi ta’ vetturi jidhru li jfittxu għanijiet kemm ta’ dissważjoni kif ukoll ta’ repressjoni ta’ dan il-ksur, mingħajr ma għandhom l-għan li jikkumpensaw id-dannu kkawżat minn dan il-ksur.

69

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tirrigwardax lill-pubbliku b’mod ġenerali, iżda kategorija partikolari ta’ destinatarji li, peress li jeżerċitaw attività speċifikament irregolata mid-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa minn dan id-dritt, jista’ jindika li din il-miżura ma għandhiex għan repressiv u b’hekk jikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija miżura ma hijiex ta’ natura kriminali, sakemm l-istess miżura tillimita ruħha li ċċaħħad lid-destinatarju tagħha minn ċerti prerogattivi speċifiċi li ġew irrikonoxxuti lilu mill-imsemmi dritt, minħabba li l-awtorità amministrattiva kompetenti qieset li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija prerogattivi ma kinux għadhom issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Vinal,C‑820/21, EU:C:2023:667, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-multa inkwistjoni fil-kawża prinċipali manifestament ma għandhiex tali għan.

70

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kriterju, dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni mġarrba, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-piena massima prevista fid-dispożizzjonijiet rilevanti (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Vinal,C‑820/21, EU:C:2023:667, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, ġie enfasizzat, matul is-seduta, li ksur, bħal dak imwettaq minn T.T., kien punibbli b’multa amministrattiva ta’ ammont massimu ta’ EUR 1 699. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Gvern Slovakk matul din is-seduta, din il-multa tidher li tista’ tkun marbuta ma’ skwalifika mid-dritt ta’ sewqan għal sentejn. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali sanzjonijiet, meħuda flimkien, jistgħux juru severità suffiċjenti sabiex jippermettu li dawn is-sanzjonijiet jiġu kklassifikati bħala repressivi u, għaldaqstant, bħala li huma ta’ natura kriminali.

72

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-użu ta’ takografu li ma jkunx ġie spezzjonat minn workshop approvat jikkostitwixxi ksur gravi ħafna, skont il-punt H.1. tal-Anness III tad-Direttiva 2006/22, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2020 (ĠU 2020, L 249, p. 49). Fil-fatt, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014 jirrikjedi lill-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet li jkunu mhux biss effettivi, proporzjonati, dissważivi u nondiskriminatorji, iżda li jkunu wkoll konformi mal-kategoriji ta’ ksur previsti fid-Direttiva 2006/22.

73

Jekk, madankollu, wara eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, dik il-qorti tqis li din il-multa ma hijiex ta’ natura kriminali u li, għaldaqstant, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tapplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma timponi, f’dan il-każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ lex mitior.

74

B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar ħafifa.

75

Fil-fatt, minn naħa, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali prinċipju, sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, billi bbażat ruħha fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 68 u 69). Madankollu, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma teżistix tradizzjoni kostituzzjonali komuni li tista’ tkun il-bażi tal-estensjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior għal sanzjonijiet li ma għandhomx natura kriminali.

76

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għażla tal-awturi tal-Karta li jillimitaw għall-miżuri biss li jaqgħu fil-qasam kriminali l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-iktar liġi kriminali favorevoli, kif iggarantit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tagħha, kif ukoll mill-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-KEDB huwa limitat ukoll għal dawn il-miżuri biss.

77

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-portata tal-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar ħafifa hija limitata għall-qasam kriminali ma huwiex ikkontestat mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw b’mod retroattiv, għal aġir li jikkostitwixxi irregolarità, li tista’ tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, l-emendi ulterjuri introdotti permezz ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni li tistabbilixxi sanzjonijiet amministrattivi inqas severi.

78

Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jnaqqsu s-severità tas-sistema tas-sanzjonijiet amministrattivi, mingħajr ma l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għas-sanzjonijiet ta’ natura kriminali biss.

79

B’dan premess, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju, fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li jestendi l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar ħafifa għas-sanzjonijiet amministrattivi kollha li jirrigwardaw irregolaritajiet li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, irrispettivament minn jekk humiex ta’ natura kriminali jew le, juri preċiżament li dan il-prinċipju ma huwiex intiż li japplika, bħala tali, għal sanzjonijiet li ma għandhomx tali natura.

Fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta

80

L-obbligu li tiġi applikata, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, liġi sussegwenti għat-twettiq tar-reat huwa suġġett għall-kundizzjoni li din il-liġi “tipprovdi għal piena inqas”.

81

B’hekk, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timplika suċċessjoni ta’ sistemi legali fiż-żmien u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li din is-suċċessjoni tirrifletti, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, bidla fil-pożizzjoni, li tiffavorixxi l-awtur tar-reat, jew f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu reat jew f’dak li jirrigwarda l-piena li għandha tiġi applikata għal tali reat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin,C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7 tal-KEDB ma jiggarantixxix l-applikazzjoni retroattiva ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni favorevoli għall-awtur tar-reat meta din l-emenda tkun dovuta biss għal bidla fiċ-ċirkustanzi fattwali, minn wara t-twettiq ta’ dan ir-reat, u meta l-emenda għaldaqstant tkun irrilevanti għall-eżami tar-reat bħala tali (Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2022, Morck Jensen vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2022:1018JUD006078519, punt 52).

83

F’dan il-każ, kif ġie enfasizzat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, T.T. ġie ssanzjonat talli saq, fl‑4 ta’ Novembru 2015, vettura għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu li t-takografu tagħha ma kienx is-suġġett ta’ kontroll perjodiku validu.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, qabel it-tħassir tiegħu bir-Regolament Nru 165/2014, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3821/85, applikabbli fil-mument tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament Nru 561/2006. L-istess possibbiltà għadha rrikonoxxuta lill-Istati Membri mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, applikabbli b’effett mit‑2 ta’ Marzu 2016.

85

Min-naħa l-oħra, ir-Regolament 2020/1054 żied il-kategorija tal-vetturi użati għall-kunsinna ta’ konkos imħallat lest għall-użu mal-kategoriji ta’ vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, jiġifieri dawk li għalihom l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi, emenda din li kienet applikabbli mill‑20 ta’ Awwissu 2020.

86

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi jżid dawn il-vetturi ma’ dawk diġà msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, ir-Regolament 2020/1054 jixhed bidla fil-pożizzjoni min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tan-neċessità li tiġi imposta l-preżenza ta’ takografu abbord l-imsemmija vetturi, li l-vjaġġi tagħhom isiru, bħala prinċipju, fuq distanzi pjuttost qosra.

87

Tali emenda hija għalhekk differenti mill-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tqis, essenzjalment, li emenda tal-leġiżlazzjoni applikabbli, minkejja li kienet favorevoli għall-persuna akkużata jew ikkundannata, ma setgħetx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ lex mitior minħabba li tali emenda ma kinitx ta’ natura li tbiddel l-elementi li jikkostitwixxu r-reat iżda kienet tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ dan ir-reat, sempliċi bidla f’sitwazzjoni ta’ fatt, jew kienet esklużivament iġġustifikata minn evalwazzjoni ġdida purament ekonomika u teknika tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma kinitx iddaħħal inkwistjoni l-irregolarità tal-aġir preċedenti tal-persuna ssanzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punti 32 sa 36, kif ukoll tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Clergeau et, C‑115/17, EU:C:2018:651, punti 34 sa 40).

88

Minn dan isegwi li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-obbligu li ċerti vetturi jkollhom takografu u li jiġi żgurat il-kontroll perjodiku tiegħu ġew emendati, wara l-ksur imwettaq minn T.T., f’sens li seta’ jkun favorevoli għalih fil-każ li l-awtoritajiet Slovakki jiddeċiedu, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, li jeżentaw lil dawn it-tip ta’ vetturi mill-obbligu li jkollhom takografu.

89

Issa, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 461/2007 jipprevedi li l-vetturi tal-kategoriji kollha msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 huma eżentati mill-obbligu li jkollhom takografu.

90

Għaldaqstant, jidher li, kif ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur Slovakk iddeċieda li jimplimenta l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 165/2014, billi eżenta, ipso jure, il-kategoriji kollha ta’ vetturi li huma elenkati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 mill-obbligu li jkollhom takografu għal raġunijiet identiċi għal dawk li ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

91

Kif enfasizza l-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher, għalhekk, li jirriżulta li t-tneħħija, fid-dritt Slovakk, tal-obbligu, għall-vetturi intiżi li jittrasportaw il-konkos imħallat lest għall-użu, li jkollhom takografu, tirrifletti bidla fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur Slovakk fir-rigward tar-rieda li jiġu ssanzjonati fatti bħal dawk invokati fil-konfront ta’ T.T., punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

92

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 tal-Karta jinkludi, minn tal-inqas, l-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 7 tal-KEDB, li skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster,C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’din il-kawża tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit minn dan l-Artikolu 7, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003,C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti li għalihom l-Artikolu 49(1) tal-Karta jissuġġetta eventwali applikazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli, kif jirriżultaw mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, jiżguraw, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, livell ta’ protezzjoni ta’ dan il-prinċipju li ma jmurx kontra dak iggarantit fl-Artikolu 7 tal-KEDB, kif interpretat minn dik il-qorti.

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tapplika għal sanzjoni amministrattiva, ta’ natura kriminali, li ġiet imposta abbażi ta’ regola li, wara l-adozzjoni ta’ din is-sanzjoni, ġiet emendata b’mod li huwa iktar favorevoli għall-persuna ssanzjonata, kemm-il darba din l-emenda tirrifletti bidla fil-pożizzjoni dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti mwettqa minn din il-persuna jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

95

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandhiex tiġi interpretata fis-sens li qorti, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ġudizzjarja li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra multa amministrattiva, ta’ natura kriminali u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija obbligata tapplika leġiżlazzjoni iktar favorevoli għall-persuna kkundannata, li daħlet fis-seħħ wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja, indipendentement mill-fatt li din tal-aħħar titqies li hija definittiva fid-dritt nazzjonali.

96

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regola tar-retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, hija intiża li tapplika sakemm ma tkun ingħatat ebda kundanna definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne,C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 56).

97

Fil-fatt, din ir-regola timplika li, mid-data li minnha ġie kkunsidrat, fl-ordinament ġuridiku kkonċernat, li ma kienx għadu neċessarju li aġir partikolari jiġi punit jew li jiġu punit b’mod daqstant sever, tali bidla fl-evalwazzjoni għandha tapplika immedjatament għall-proċeduri kriminali kollha li jkunu għadhom ma ngħalqux permezz ta’ kundanna definittiva.

98

Għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tiksirx il-limitu minimu ta’ protezzjoni offrut mill-Artikolu 7 tal-KEDB. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli, li huwa ggarantit fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB, jimplika li, jekk il-liġi kriminali fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat u l-liġijiet kriminali sussegwenti adottati qabel l-għoti ta’ sentenza definittiva jkunu differenti, il-qorti għandha tapplika dik li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu l-iżjed favorevoli għall-akkużat (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L‑Italja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0917JUD001024903, punt 109).

99

Fit-tieni lok, għalkemm ir-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri sa fejn l-Unjoni ma lleġiżlatx fil-qasam, dawn tal-aħħar huma xorta waħda obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, Procura della Repubblica presso il Tribunale di Bolzano,C‑178/22, EU:C:2024:371, punt 44).

100

Għaldaqstant, għalkemm l-evalwazzjoni tan-natura definittiva tal-kundanna għandha titwettaq abbażi tad-dritt tal-Istat Membru fejn ġiet deċiża din il-kundanna (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, M,C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 36), xorta jibqa’ l-fatt li dan il-kunċett għandu jingħata fl-Unjoni kollha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, sa fejn dan il-kunċett jiddetermina l-portata tad-dritt iggarantit minn din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, il-portata tal-obbligi li jirriżultaw minnha għall-Istati Membri.

101

Minn dan isegwi, kif enfasizza essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li kundanna titqies li hija definittiva, skont id-dritt nazzjonali, ma huwiex determinanti għall-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta mill-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni li tat din il-kundanna.

102

Fil-fatt, kundanna ma tistax titqies li hija definittiva, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, meta din il-kundanna tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju ordinarju, jiġifieri kull rimedju ġudizzjarju li jagħmel parti mill-kors normali ta’ proċess u li, bħala tali, jikkostitwixxi żvilupp proċedurali li kull parti għandha raġonevolment tieħu inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 1977, Industrial Diamond Supplies,43/77, EU:C:1977:188, punt 37).

103

Dan ikun il-każ meta l-persuna kkundannata jew l-awtorità pubblika responsabbli għall-proċeduri kriminali jkunu jistgħu jippreżentaw, f’terminu stabbilit mil-liġi u mingħajr ma jkunu meħtieġa jiġġustifikaw ċirkustanzi eċċezzjonali, bħalma hija n-neċessità li tiġi żgurata, fl-interess tal-liġi, il-koerenza tal-ġurisprudenza, rimedju ġudizzjarju sabiex jiksbu l-annullament jew ir-riforma tal-kundanna jew tal-piena imposta, u dan minkejja l-fatt li tali rimedju jitqies, fid-dritt nazzjonali, bħala rimedju straordinarju, kif, konformement mal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jidher li huwa, fil-kawża ineżami, il-każ fid-dritt Slovakk. Fil-fatt, sakemm it-terminu għall-preżentata ta’ tali rimedju ma jkunx skada jew sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwaru, id-deċiżjoni dwar din il-kundanna u dwar din il-piena ma tistax titqies li temmet definittivament l-azzjoni pubblika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

104

Barra minn hekk, mingħajr ma dan għandu natura deċiżiva, l-effett sospensiv tal-preżentata ta’ rimedju kontra kundanna jikkostitwixxi indizju li dan ir-rimedju jirrigwarda deċiżjoni li ma tistax tiġi kklassifikata bħala definittiva, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

105

Minn dan isegwi li, meta appell ta’ kassazzjoni jkun possibbli, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, kontra deċiżjoni ġudizzjarja, din id-deċiżjoni tkun intiża li ssir definittiva biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, meta l-partijiet ikunu eżawrixxew dan ir-rimedju jew ikunu ħallew it-terminu għall-preżentata ta’ tali appell jiskadi mingħajr ma jkunu ppreżentawh.

106

Għaldaqstant, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta timplika li qorti tal-kassazzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti lill-awtur ta’ reat li s-sanzjoni tiegħu taqa’ taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-benefiċċju ta’ leġiżlazzjoni kriminali li hija favorevoli għal dan l-awtur, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tkun daħlet fis-seħħ wara l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun is-suġġett ta’ dan l-appell ta’ kassazzjoni.

107

Ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni l-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-appell tkun tista’ tiġi annullata biss sa fejn tkun affettwata minn difett ta’ legalità jew li l-qorti tal-kassazzjoni tkun obbligata tiddeċiedi fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti fid-data tal-għoti ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 97 ta’ din is-sentenza, kull qorti għandha tagħti lill-awtur ta’ reat il-benefiċċju tal-liġi kriminali li tkun l-iktar favorevoli għalih, sakemm il-kundanna tiegħu ma tkunx definittiva.

108

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li T.T. adixxa lill-qorti tar-rinviju b’appell ta’ kassazzjoni, fl-osservanza tat-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, mingħajr ma kien meħtieġ jiġġustifika ċirkustanzi eċċezzjonali u, min-naħa l-oħra, li dik il-qorti għandha, minn tal-inqas, il-possibbiltà li tannulla d-deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2019 tal-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava).

109

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2019 tal-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija “kundanna definittiva” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

110

Minn dan isegwi li, fl-eventwalità li l-qorti tar-rinviju tqis li l-multa amministrattiva li għaliha ġie kkundannat T.T. hija ta’ natura kriminali, dik il-qorti tkun obbligata tapplika l-leġiżlazzjoni l-iktar favorevoli għalih, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, jiġifieri l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 461/2007, moqri flimkien mar-Regolament 2020/1054, indipendentement mill-fatt li din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni, ikklassifikata bħala definittiva skont id-dritt nazzjonali, tal-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava). Dan l-obbligu ma huwiex affettwat mill-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata, skont dan id-dritt, tagħti deċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti fid-data li fiha ngħatat din id-deċiżjoni.

111

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, meta ma jkunx possibbli li dispożizzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod li jkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan tal-aħħar jeżiġi li l-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt teskludi l-applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom effett dirett (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61, u tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet ta’ xoljiment), C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 72).

112

Issa, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta hija fformulata f’termini ċari u preċiżi u ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni, b’tali mod li għandha effett dirett.

113

Għaldaqstant, fl-eventwalità li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-dritt intern tagħha ma jawtorizzahiex tapplika l-garanziji li jirriżultaw mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għat-tilwima pendenti quddiemha u li ma huwiex possibbli li dan id-dritt jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, hija tkun obbligata tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni li tirriżulta, għall-individwi, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

114

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ġudizzjarja li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra multa amministrattiva, ta’ natura kriminali u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija, bħala prinċipju, obbligata tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali iktar favorevoli għall-persuna kkundannata, li daħlet fis-seħħ wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja, indipendentement mill-fatt li din tal-aħħar titqies li hija definittiva fid-dritt nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

115

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minn naħa, konformement mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006, u mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq, jimponi sanzjoni amministrattiva fuq is-sewwieq ta’ vettura minħabba l-ksur, minn dan tal-aħħar, tal-obbligi imposti minn dawn ir-regolamenti u, min-naħa l-oħra, juża, sussegwentement, il-possibbiltà rrikonoxxuta lilu mill-Artikolu 3(2) ta’ dan l-aħħar regolament, li jeżenta mill-osservanza ta’ tali obbligi ċerti vetturi għat-trasport bit-triq.

 

2)

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tista’ tapplika għal sanzjoni amministrattiva, ta’ natura kriminali, li ġiet imposta abbażi ta’ regola li, wara l-adozzjoni ta’ din is-sanzjoni, ġiet emendata b’mod li huwa iktar favorevoli għall-persuna ssanzjonata, kemm-il darba din l-emenda tirrifletti bidla fil-pożizzjoni dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti mwettqa minn din il-persuna jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata.

 

3)

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi interpretata fis-sens li:

qorti, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ġudizzjarja li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra multa amministrattiva, ta’ natura kriminali u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija, bħala prinċipju, obbligata tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali iktar favorevoli għall-persuna kkundannata, li daħlet fis-seħħ wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni ġudizzjarja, indipendentement mill-fatt li din tal-aħħar titqies li hija definittiva fid-dritt nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.