|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6869 |
28.11.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali Ewropea – lejn approċċ orizzontali tal-UE
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6869)
Relatur:
Krzysztof BALON|
Konsulenta |
Agnieszka CHŁOŃ-DOMIŃCZAK (għar-relatur, Grupp III) |
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
15.2.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
4.9.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
18.9.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
590 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
158/1/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Fl-opinjonijiet tiegħu adottati preċedentement, il-KESE laqa’ l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ (1) u ppropona Strateġija Ewropea ġdida għall-Anzjani (2). F’dan il-kuntest, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta wkoll approċċ koordinat u trasversali tal-UE għas-solidarjetà interġenerazzjonali, li għandu jiffoka fuq l-iżgurar tad-drittijiet kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-anzjani, barra mill-iżgurar tal-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u l-ekonomija, inklużi l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-kultura. Fuq l-isfond ta’ sfidi demografiċi, għandu jkun ukoll wieħed mill-kriterji għall-valutazzjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni u strumenti oħrajn tal-UE jikkontribwixxux għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tat-TUE: “L-Unjoni (...) għandha tippromwovi (...) is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”. |
|
1.2. |
Bħala l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, il-KESE jappella lill-Kummissjoni tippubblika Green Paper dwar is-Solidarjetà Interġenerazzjonali. Fil-kuntest tal-Istat Soċjali, il-Green Paper tista’ tinkludi sfidi, opportunitajiet u soluzzjonijiet kif elenkati fil-Kapitolu 3 ta’ din l-Opinjoni fl-oqsma tad-dinja tax-xogħol, l-ekonomija tal-fidda, is-sistemi tal-pensjonijiet, is-servizzi tas-saħħa u tal-kura, l-iżvilupp lokali, l-akkomodazzjoni, il-mobbiltà, il-politika dwar il-klima, it-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll il-parteċipazzjoni u l-volontarjat. |
|
1.3. |
Barra minn hekk, il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki tagħhom f’dawk l-oqsma u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f’din l-Opinjoni. |
|
1.4. |
Il-KESE jappella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tadotta rakkomandazzjoni li tistieden lill-Istati Membri jqisu l-aspetti interġenerazzjonali fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jistabbilixxu standards tal-impjieg adegwati u ġusti għall-ġenerazzjonijiet kollha u jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet differenti u l-kooperazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Kuntratti ta’ impjieg siguri, introjtu sigur u suffiċjenti u opportunitajiet ta’ taħriġ fis-servizz għandhom ikunu komponenti ewlenin ta’ dawn l-istandards. |
|
1.5. |
Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li d-djalogu interġenerazzjonali, il-ġustizzja u s-solidarjetà għandhom jiġu diskussi u inklużi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. |
|
1.6. |
Il-KESE jitlob li s-solidarjetà interġenerazzjonali tiġi stabbilita bħala wieħed mill-objettivi tal-Fond Soċjali Ewropew fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034 u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni tiegħu. |
|
1.7. |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tas-solidarjetà interġenerazzjonali. Dawn għandhom rwol ewlieni fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ politiki speċifiċi msemmija fil-Kapitolu 3 ta’ din l-Opinjoni. Ħafna minnhom jirrappreżentaw ġenerazzjonijiet differenti u jiffukaw fuq il-forniment ta’ servizzi soċjali f’kooperazzjoni ma’ voluntiera minn kull ġenerazzjoni. Il-KESE jixtieq jaħdem mill-qrib mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru f’din l-Opinjoni. |
|
1.8. |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva li ħadu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, u l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali biex ikomplu jiċċelebraw il-Jum Ewropew tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (3) fid-29 ta’ April, li kull sena jfakkar l-objettiv biex titkompla s-sensibilizzazzjoni u tiġi promossa s-solidarjetà interġenerazzjonali madwar l-UE. |
|
1.9. |
Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li jinħatar Kummissarju responsabbli għall-ġustizzja interġenerazzjonali (4). Bħala d-dar tas-soċjetà ċivili Ewropea, il-Kumitat se jikkunsidra li jospita Forum ta’ Solidarjetà Interġenerazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza f’dan il-qasam, għall-evalwazzjoni ta’ kunċetti u strateġiji eżistenti u ġodda għas-solidarjetà interġenerazzjonali, kif ukoll – f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea – għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni. |
2. Kuntest
|
2.1. |
L-istruttura tal-età fi ħdan il-popolazzjoni tal-UE-27 qed tinbidel. Mill-2002 sal-2022, is-sehem tal-grupp ta’ età ta’ 65 sena jew aktar fil-popolazzjoni żdied minn 16 % għal 21 % (5). L-għadd ta’ persuni li għandhom 65 sena jew aktar għal kull 100 persuna ta’ bejn il-15 u l-64 sena huwa mbassar li jiżdied minn 33,3:100 fl-2023 għal 45,5:100 fl-2040, u għal 59,7:100 fl-2100 (6), li jfisser li se jkun hemm 59,7 persuna akbar fl-età għal kull 100 persuna ta’ bejn il-15 u l-64 sena. Fl-2002, kien hemm 14 494 144 persuna fl-età ta’ aktar minn 80 sena jgħixu fl-UE, li jikkorrispondu għal 3,38 % tal-popolazzjoni totali tal-UE fl-2002. Fl-2022, 27 102 994 persuna fl-età ta’ aktar minn 80 sena kienu qed jgħixu fl-UE, li jikkorrispondu għal 6,07 % tal-popolazzjoni totali tal-UE fl-2022. Fl-2040, 39 663 244 persuna fl-età ta’ aktar minn 80 sena huma mistennija jgħixu fl-UE, li jikkorrispondu għal 8,78 % tal-popolazzjoni totali tal-UE fl-2040. Dan joħloq ukoll sfidi f’termini ta’ politiki tal-pensjonijiet u aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali. |
|
2.2. |
Din ix-xejra demografika flimkien ma’ kriżijiet multipli fil-klima, id-demokrazija u s-sigurtà, li l-konsegwenzi tagħhom jaffettwaw b’mod partikolari liż-żgħażagħ u lill-ġenerazzjonijiet futuri, qed joħolqu ħtieġa urġenti li jitfassal approċċ politiku ġdid ta’ solidarjetà interġenerazzjonali fl-Unjoni Ewropea. |
|
2.3. |
Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-kontributi tal-ġenerazzjonijiet kollha, speċjalment fuq l-isfidi u l-opportunitajiet uniċi li jiffaċċjaw l-anzjani u ż-żgħażagħ. It-twettiq ta’ analiżi li tqis il-perspettiva taż-żgħażagħ u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri tista’, u għandha, tikkontribwixxi għal politiki aħjar u mfasslin b’mod aktar personalizzat li huma kapaċi wkoll jindirizzaw l-isfidi tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-ġenerazzjonijiet kollha – inklużi dawk futuri – għandu jkollhom id-dritt li jħaddnu l-valuri u jissodisfaw il-ħtiġijiet ewlenin tagħhom. Il-gvernijiet għandhom irawmu b’mod proattiv il-ġustizzja interġenerazzjonali u d-djalogu interġenerazzjonali kif ukoll is-solidarjetà minn perspettiva ta’ governanza pubblika u jipprovdu politiki u servizzi b’mod ġust f’koorti ta’ etajiet differenti, li jfisser li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-ġenerazzjonijiet kollha u li ma tiġi żvantaġġata l-ebda ġenerazzjoni (7). Id-djalogu interġenerazzjonali, bħala forma partikolari ta’ djalogu ċivili, jista’ jikkontribwixxi għal politiki li jqisu xejriet differenti u xenarji futuri. Il-ġustizzja, id-djalogu u s-solidarjetà interġenerazzjonali huma kruċjali għas-sostenibbiltà tad-demokrazija, il-koeżjoni soċjali u l-istil ta’ ħajja Ewropew. |
|
2.4. |
Is-solidarjetà interġenerazzjonali hija kruċjali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Hija wkoll kwistjoni ta’ kondiviżjoni tal-għarfien, il-ħiliet, in-normi u t-tradizzjonijiet kulturali, kif ukoll l-appoġġ reċiproku u l-ġbir flimkien tar-riżorsi. Barra minn hekk, din tikkonċerna l-promozzjoni ta’ standard ta’ għajxien adegwat għall-gruppi tal-etajiet kollha. Dan kollu qed iseħħ fl-isfond tal-bidliet demografiċi: bidliet fl-istruttura tal-familji, il-fertilità, l-istennija tal-għomor, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-migrazzjoni. |
|
2.5. |
Is-solidarjetà interġenerazzjonali hija kruċjali wkoll biex tingħeleb id-diskriminazzjoni tal-età kontra l-anzjani u ż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet fil-kuntest tal-iżvilupp demografiku attwali. Huwa essenzjali li jitfasslu politiki u servizzi soċjali li jsegwu approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja u li jkunu ġusti, aċċessibbli u disponibbli għall-gruppi tal-etajiet kollha. Iż-żgħażagħ u l-anzjani spiss jesperjenzaw diskriminazzjoni sempliċiment minħabba l-età tagħhom. Ir-rapport dwar l-etaiżmu ppubblikat mid-WHO f’Marzu 2021 (8) jenfasizza l-ostakli relatati mal-età li għadhom jeżistu f’oqsma differenti tal-ħajja bħall-impjieg, il-parteċipazzjoni politika, is-saħħa u l-ġustizzja. |
|
2.6. |
Is-solidarjetà interġenerazzjonali hija kruċjali wkoll biex tingħeleb is-sottokultura tas-soċjetà tal-konsumatur, li tiffavorixxi “żgħożija eterna” bħala valur speċjali, li bl-ebda mod ma huwa kondiviż mill-ġenerazzjoni kollha taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, għad hemm stereotipi u preġudizzji reċiproċi li jeżistu bejn il-ġenerazzjonijiet. Stereotipi negattivi dwar it-tixjiħ, inkluża l-immaġni fil-midja, juru lill-anzjani bħala morda, dipendenti u għaljin għas-soċjetà, iżda hemm ukoll stereotipi negattivi ta’ żgħażagħ li jintwerew bħala mingħajr esperjenza, għażżenin, mhux affidabbli u egoisti. |
|
2.7. |
Is-solidarjetà interġenerazzjonali hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u sostenibbli kif ukoll prosperità ekonomika, biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex tiġi żgurata d-durabbiltà kemm tad-demokrazija rappreżentattiva kif ukoll parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea. Għal dawn tal-aħħar, il-proġetti interġenerazzjonali huma ta’ importanza kbira minħabba li jsaħħu s-sens ta’ responsabbiltà għall-ben komuni. Barra minn hekk, ix-“xhieda kontemporanji” jista’ jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-attitudnijiet favur id-demokrazija billi jippreżentaw liż-żgħażagħ esperjenzi reali minn sistemi dittatorjali, waqt li ż-żgħażagħ jistgħu joffru perspettivi ġodda dwar sfidi u opportunitajiet emerġenti. |
|
2.8. |
Is-solidarjetà interġenerazzjonali għandha tiġi pprattikata b’mod intensiv fil-ħajja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trade unions kif ukoll fi ħdan il-partiti politiċi. |
|
2.9. |
Il-ħajja tal-familja hija fattur importanti ieħor fl-iżvilupp tas-solidarjetà interġenerazzjonali. Il-kooperazzjoni u s-solidarjetà fi ħdan il-familja huma assi ta’ valur u huma meqjusa bħala tali minn ħafna nies. Fl-ambjent usa’ tal-għajxien tan-nies (eż. fil-komunità lokali), il-kunflitt interġenerazzjonali huwa wkoll ħafna inqas komuni mis-solidarjetà interġenerazzjonali, kif intwera b’mod notevoli matul il-pandemija tal-COVID-19. |
|
2.10. |
Il-KESE jemmen li wieħed mill-aktar strumenti importanti biex tinkiseb solidarjetà reżistenti għall-kriżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet huwa d-djalogu interġenerazzjonali bbażat fuq il-ġustizzja interġenerazzjonali u l-korrettezza. |
3. Is-solidarjetà interġenerazzjonali: sfidi u approċċi għal soluzzjonijiet
|
3.1. |
Id-dinja tax-xogħol: Studji empiriċi (9) juru li t-timijiet multiġenerazzjonali huma aktar produttivi minn timijiet ta’ ġenerazzjoni waħda. F’dawn it-timijiet hemm konfrontazzjoni kreattiva bejn l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza ta’ ġenerazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, li jkun hemm diversi ġenerazzjonijiet f’post tax-xogħol wieħed huwa mod effettiv biex jiġu miġġielda kemm l-istereotipi tal-età kif ukoll id-diskriminazzjoni. L-evitar ta’ diskriminazzjoni diretta jew moħbija kontra ż-żgħażagħ (eż. “għadhom mhumiex kapaċi”) u l-anzjani (eż. “m’għadhomx kapaċi”) isaħħaħ il-parteċipazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk, il-parteċipazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet differenti u l-kooperazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol għandhom isiru kwistjoni importanti tad-djalogu soċjali kif ukoll tal-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem fir-rigward tal-iżvilupp tal-persunal ibbażat fuq il-ħiliet u l-esperjenza lejn forza tax-xogħol multiġenerazzjonali u ġestjoni tal-età. Dan għandu jwassal għal standards stabbiliti b’mod volontarju fi ħdan ir-reġjuni u/jew is-setturi industrijali. Pereżempju, il-Ftehim Qafas Awtonomu tal-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar it-Tixjiħ Attiv u Approċċ Interġenerazzjonali (Marzu 2017) jipprovdi bażi tajba għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet it-tajba għall-kisba ta’ postijiet tax-xogħol interġenerazzjonali (10). Dan il-ftehim qafas jenfasizza l-valur miżjud ta’ forza tax-xogħol b’etajiet differenti, jissuġġerixxi strumenti u jipprevedi approċċ interġenerazzjonali. Fit-tliet snin wara l-adozzjoni tal-ftehim, l-imsieħba soċjali nazzjonali rrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tiegħu (11) kif ukoll l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali, li jippermettu t-tagħlim reċiproku. Barra minn hekk, il-kampanji soċjali mmirati lejn l-impjieg tal-anzjani jistgħu jkunu għodda effettiva biex tittejjeb is-solidarjetà interġenerazzjonali fuq il-post tax-xogħol. Il-pedament għas-solidarjetà interġenerazzjonali fuq il-post tax-xogħol huwa, madankollu, l-evitar ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età, riżultat ta’ politiki diskriminatorji dwar il-pagi u l-protezzjoni soċjali, u t-tisħiħ tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ. |
|
3.2. |
L-ekonomija tal-fidda: l-“ekonomija tal-fidda” hija definita bħala l-parti tal-ekonomija mmirata biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-anzjani. Fl-2015, ġie stmat li din tiġġenera fatturat finanzjarju annwali ta’ EUR 4,2 triljun u aktar minn 78 miljun impjieg fl-UE (12). L-iżvilupp tal-ekonomija tal-fidda joħloq ukoll opportunitajiet biex tiġi żviluppata solidarjetà interġenerazzjonali, inkluż permezz tal-involviment ta’ timijiet multiġenerazzjonali fit-tfassil u l-ittestjar ta’ oġġetti u servizzi. Sehem dejjem akbar tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum ta’ oġġetti u servizzi huwa mmirat biex jisfrutta l-potenzjal tax-xiri ta’ persuni akbar fl-età biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsum, tal-għajxien u tas-saħħa tagħhom. Dan it-“tieni dividend demografiku” jista’ jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ strateġija fit-tul tal-UE dwar l-iżvilupp tal-ekonomija tal-fidda. |
|
3.3. |
Sistemi tal-pensjonijiet: |
|
3.3.1. |
Il-biċċa l-kbira tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri joperaw fuq bażi fejn tħallas waqt li tkun attiv. Minħabba ż-żieda fl-istennija tal-għomor, il-pensjonijiet jitħallsu għal tul ta’ żmien itwal. Sabiex jiġu stabilizzati s-sistemi tal-pensjonijiet, l-età tal-irtirar żdiedet, jew qed tiġi kkunsidrata li tiżdied, f’ħafna Stati Membri. F’xi pajjiżi, l-età tal-irtirar qed tiżdied flimkien ma’ bidliet fl-istennija tal-għomor, u sfortunatament, f’ħafna każi ma tiġix meqjusa l-pożizzjoni ta’ dawk f’impjiegi perikolużi jew fiżikament diffiċli, anke jekk ikunu ilhom jagħmlu kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali għal perjodu twil ħafna. |
|
3.3.2. |
L-ispiża tas-sistemi tal-pensjonijiet qed tikber, u dan jista’ jillimita d-domanda għax-xogħol minħabba ż-żieda fil-kost lavorattiv. Barra minn hekk, f’xi każi, iż-żgħażagħ huma impjegati b’kuntratti li jirriżultaw f’aċċess imnaqqas għall-protezzjoni soċjali u f’kontribuzzjonijiet aktar baxxi. Fl-istess ħin, dan iwassal għal dħul aktar baxx mill-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet u defiċit akbar fis-sistemi tal-pensjonijiet. |
|
3.3.3. |
Peress li mhux biss l-istennija tal-għomor, iżda wkoll l-istennija tal-għomor fi stat tajjeb ta’ saħħa qed tiżdied, ta’ min wieħed jikkunsidra jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi differenti u s-sistemi speċifiċi fl-Istati Membri, dawk is-snin addizzjonali li persuna tkun f’saħħitha jistgħux iwasslu mhux biss għall-irtirar, iżda wkoll għal ħajja tax-xogħol itwal, meta individwu jkun irid jaħdem għal aktar żmien. Madankollu, kwalunkwe żieda bħal din għandha tiġi introdotta f’perspettiva fit-tul, pass pass u mingħajr ma tiġi kompromessa l-fiduċja fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali. Ir-rabta tal-età tal-irtirar mal-bidliet fl-istennija tal-għomor tista’ tappoġġja impjiegi itwal u aktar produttivi, u fl-istess ħin tgħin biex jiġu stabbilizzati s-sistemi tal-pensjonijiet u b’hekk tikkontribwixxi għall-ġustizzja interġenerazzjonali. Madankollu, żieda fl-età tal-irtirar ma tkunx fattibbli f’xogħol li jirrikjedi sforzi fiżiċi u psikoloġiċi konsiderevoli. |
|
3.3.4. |
L-iżgurar li n-nies ikunu jistgħu jgħixu b’dinjità fuq il-bażi finanzjarja tal-pensjonijiet jibqa’ obbligu kemm pubbliku kif ukoll soċjetali. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Prinċipju 15 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (13) (id-dritt għall-pensjonijiet proporzjonati għall-kontribuzzjonijiet tagħhom, li jiżguraw introjtu adegwat biex wieħed jgħix b’dinjità fix-xjuħija) għandu jsir element importanti tas-Semestru Ewropew. |
|
3.4. |
Servizzi tas-saħħa u tal-kura: |
|
3.4.1. |
Bħal fil-każ tal-pensjonijiet, il-biċċa l-kbira tas-servizzi tas-saħħa huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet minn persuni ekonomikament attivi. Iż-żgħażagħ jużaw dawn is-servizzi ħafna inqas mill-ġenerazzjonijiet akbar fl-età. Għalkemm f’ċerti Stati Membri l-kura tas-saħħa hija parzjalment iffinanzjata mit-taxxa, in-nies ekonomikament attivi jikkontribwixxu aktar permezz tat-tassazzjoni, għalkemm min-naħa tagħhom se jirċievu aktar meta jkunu akbar fl-età. |
|
3.4.2. |
Barra minn hekk, persuni ekonomikament attivi qed jiffaċċjaw piż dejjem akbar ta’ kura informali għall-anzjani, speċjalment il-membri tal-familja, li jillimita l-possibbiltà tagħhom li jżommu l-impjiegi. Dan huwa partikolarment minnu għan-nisa, li b’mod ġenerali jieħdu din ir-responsabbiltà aktar mill-irġiel, waqt li d-disponibbiltà ta’ servizzi professjonali ta’ kura fit-tul tvarja b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri. Fit-tarf l-ieħor tal-ispettru, il-familji żgħażagħ spiss isibuha diffiċli jsibu kura tat-tfal affordabbli u aċċessibbli, u dan iħalli impatt ukoll fuq is-suq tax-xogħol u l-prospetti ta’ impjieg tagħhom, b’mod partikolari għan-nisa. Minkejja l-fatt li n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa hija waħda mill-aktar muturi importanti tal-infiq pubbliku li qed jiżdied, ta’ min jinnota li f’xi Stati Membri l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa għall-anzjani huma assolutament inadegwati. F’dan il-kuntest, għandu jiġi promoss approċċ preventiv għas-saħħa għal ħajja aktar b’saħħitha. |
|
3.4.3. |
Madankollu, bħala parti mis-solidarjetà interġenerazzjonali, is-servizzi tal-kura soċjali u fit-tul jridu jkunu aċċessibbli, affordabbli, integrati u bbażati fil-komunità, kif ukoll maħluqa b’mod konġunt miċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom (14), li jnaqqas il-piż tal-kura għall-ġenerazzjoni tal-età tax-xogħol u jassisti lil dawk li jagħżlu li jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom. |
|
3.4.4. |
Barra minn hekk, wieħed għandu jinnota li l-UE qed tara tnaqqis fil-mard akut meta mqabbel mal-mard kroniku, inkluż il-“mard taċ-ċivilizzazzjoni”, bħad-dimenzja u l-mard mentali li jeħtieġ trattament fit-tul u xi drabi għali ħafna. Dan il-proċess huwa marbut ukoll ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol mhux tajbin għas-saħħa, dieti u stili ta’ ħajja individwali mhux tajbin għas-saħħa, kemm għall-ġenerazzjonijiet iżgħar kif ukoll għal dawk akbar fl-età, kif ukoll solitudni mhux mixtieqa. Għalhekk, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra s-solitudni mhux mixtieqa, bl-għan li jiġi żgurat li s-servizzi tas-saħħa mentali jkunu faċli biex jintużaw mill-ġenerazzjonijiet kollha, u jappella għal Strateġija tal-UE dwar is-Saħħa Mentali biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-saħħa mentali għall-ġenerazzjonijiet kollha, u l-kriżi tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ li qed taggrava. |
|
3.5. |
Żvilupp lokali: l-infrastruttura u s-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet kollha. Dan jirrikjedi li r-rappreżentanti tal-ġenerazzjonijiet kollha jkunu involuti fil-ħajja politika u soċjali tal-muniċipalitajiet, il-bliet, id-distretti u r-reġjuni sabiex l-istituzzjonijiet demokratiċi f’żona partikolari jkunu jistgħu jiżguraw skambju produttiv ta’ ideat bejn residenti akbar fl-età u żgħażagħ. Fil-fatt, il-ġenerazzjonijiet kollha għandhom jikkontribwixxu għal żvilupp lokali koeżiv u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex jissawru komunitajiet adattati għal persuni ta’ kull età, waqt li jiġu appoġġati l-ġenerazzjonijiet kollha. B’mod partikolari, iż-żgħażagħ għandhom jiġu mħeġġa jinvolvu ruħhom f’attivitajiet lokali, eż. permezz tal-finanzjament u r-rikonoxximent tal-kunsilli lokali taż-żgħażagħ, u jibqgħu attivi meta jikbru, ikollhom familja u, aktar tard, fil-fażi tal-irtirar. |
|
3.6. |
Akkomodazzjoni: waqt li s-sjieda tad-djar qed issir ħolma mhux issodisfata għal ħafna żgħażagħ u familji, it-tibdil fl-istrutturi tal-familja u s-sehem dejjem jikber ta’ persuni waħedhom kif ukoll in-nuqqas ta’ affordabbiltà qed jaffettwaw ukoll l-istruttura tal-akkomodazzjoni. L-akkomodazzjoni għandha ssir affordabbli u għandhom jiġu eżaminati mudelli li jlaqqgħu flimkien il-komunitajiet u l-ġenerazzjonijiet differenti. L-akkomodazzjoni multiġenerazzjonali qed tiżdied f’ħafna Stati Membri tal-UE. Il-ġenerazzjonijiet li jgħixu flimkien mhux biss jipprovdu opportunità għall-iskambju ta’ servizzi bħall-kura tat-tfal jew tal-anzjani, ix-xiri tal-merċa, tiswijiet minuri jew l-użu tal-internet, iżda jżidu wkoll is-sens ta’ sigurtà. Anke fil-każ ta’ persuni individwali ta’ ġenerazzjonijiet differenti li jgħixu separatament, postijiet ta’ laqgħat multiġenerazzjonali fil-forma ta’ bini mhux residenzjali jew “raggruppamenti tal-irtirar” fi ħdan proprjetajiet residenzjali u żoni residenzjali jista’ jkollhom rwol simili. Barra minn hekk, l-ippjanar urban għandu jiffoka biex l-ispazji pubbliċi jsiru adatti għal persuni ta’ kull età. |
|
3.7. |
Mobbiltà: l-impatt tal-mobbiltà – adattata għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet kollha – fuq il-kwalità tal-ħajja, il-parteċipazzjoni u l-awtonomija huwa sottovalutat. Is-sistemi tat-trasport pubbliku huma daqstant importanti biex jiżguraw il-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ (inkluż fl-edukazzjoni, speċjalment f’żoni rurali remoti) u l-parteċipazzjoni u l-awtonomija tal-anzjani. Persuni f’etajiet differenti għandu jkollhom aċċess faċli għas-servizzi tat-trasport. Madankollu, il-ħtiġijiet ta’ ġenerazzjonijiet partikolari mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fl-ippjanar tas-sistemi tat-trasport u tal-mobbiltà. Fil-kuntest tal-politika dwar il-klima, it-trasport pubbliku mingħajr ħlas, kif diġà pprattikat f’xi żoni tal-UE (15), jidher ukoll li huwa soluzzjoni li ta’ min jikkunsidra. |
|
3.8. |
Politika dwar il-klima: it-tibdil fil-klima globali jqajjem problemi serji ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, u fost il-komunitajiet fi ħdan dawn il-ġenerazzjonijiet futuri. L-istrateġija għat-tibdil fil-klima għandha tiġi żviluppata skont il-prinċipji tal-ekwità interġenerazzjonali. L-istrateġija għandha tinkludi miżuri biex titnaqqas ir-rata tat-tibdil fil-klima, biex tiġi minimizzata l-ħsara diretta mit-tibdil fil-klima, u biex jiġu trasferiti r-riżorsi u l-għodod meħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, l-interessi tal-ġenerazzjonijiet kollha huma allinjati. Il-kriżi klimatika taffettwa lil kulħadd: lill-anzjani minħabba l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa pubblika, il-kwalità tal-ħajja u s-sikurezza u liż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri peress li se jkollhom jiffaċċjaw l-aktar konsegwenzi severi tal-kriżi klimatika u jġarrbu l-konsegwenzi għal żmien itwal. Iż-żgħażagħ qed ikunu fuq quddiem nett fl-istabbiliment ta’ movimenti biex iħabirku favur azzjoni klimatika bħal Il-Ġimgħa għall-Ġejjieni (Fridays for Future). F’ċerti Stati Membri tal-UE, diġà qed jissawru l-alleanzi u l-movimenti interġenerazzjonali fejn l-anzjani qed jieħdu r-responsabbiltà għall-futur tat-tfal u n-neputijiet tagħhom, eż. billi jissieħbu f’movimenti bħal Il-Ġimgħa għall-Ġejjieni. |
|
3.9. |
Tagħlim tul il-ħajja: il-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, demografika u diġitali, jeħtieġu politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja mfasslin tajjeb. Dan huwa partikolarment importanti għall-ħaddiema akbar fl-età, li huma f’riskju ta’ telf ta’ impjieg fl-aktar setturi milquta minn dawn it-tranżizzjonijiet, iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet kollha biex itejbu s-sodisfazzjon tal-ħajja u jżidu l-aċċess għal opportunitajiet differenti. Il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u ma’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili hija meħtieġa għall-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja. Aspett importanti ieħor tat-tagħlim tul il-ħajja huwa t-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza bejn il-ġenerazzjonijiet. Eżempju magħruf sew huma ż-żgħażagħ li jappoġġjaw lill-anzjani fil-kisba ta’ kompetenzi diġitali. Eżempju ieħor huwa l-volontarjat tal-anzjani biex jagħtu lezzjonijiet, flimkien mal-għalliema, fl-iskejjel (eż. l-etika, l-istorja, il-politika). Tali interazzjonijiet jistgħu jispiraw ukoll riflessjoni kritika dwar ir-rwol u l-kisbiet tal-ġenerazzjoni proprja. |
|
3.10. |
Parteċipazzjoni u volontarjat: l-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet jista’ jiġi stimulat aktar permezz tal-parteċipazzjoni u l-volontarjat – attivitajiet li jarrikkixxu l-ħajja ta’ individwi ta’ kull età u tal-komunitajiet. Il-volontarjat interġenerazzjonali sar element permanenti tal-attivitajiet ta’ volontarjat madwar l-UE u diġà huwa appoġġjat minn proġetti ffinanzjati mill-UE u fil-livell nazzjonali. Fil-livell lokali, il-volontarjat interġenerazzjonali jinkludi wkoll inizjattivi għall-“komunitajiet tal-kura” magħmula minn professjonisti, voluntiera u membri tal-familja. Is-solidarjetà interġenerazzjonali tħeġġeġ il-ħolqien ta’ networks soċjali differenti, li jistgħu jinkludu persuni ta’ kull età. Dan jista’ jgħin lill-individwi jħossuhom aktar konnessi u inklużi fil-komunitajiet tagħhom u jiġġieldu s-solitudni mhux mixtieqa, kif ukoll itejbu s-saħħa mentali, u joħolqu komunità aktar inklużiva u li tifhem lil xulxin. |
Brussell, it-18 ta’ Settembru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ” (COM(2018) 269 final) ( ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142).
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija Ewropea għall-Anzjani” ( ĠU C 349, 29.9.2023, p. 28).
(3) Il-Jum Ewropew tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet tnieda fl-2009 mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mis-Sena Ewropea tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. L-għan tiegħu huwa li jissensibilizza dwar l-importanza tas-solidarjetà interġenerazzjonali u li jippromovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn persuni ta’ kull età. Il-jum jiġi ċċelebrat kull sena fid-29 ta’ April.
(4) https://commission.europa.eu/document/download/e6cd4328-673c-4e7a-8683-f63ffb2cf648_en?filename=Political%20Guidelines%202024-2029_EN.pdf, pp 19/20.
(5) Democracy of Europe – 2023 edition, (Id-demogradija tal-Ewropa – edizzjoni tal-2023) ikkwotat mill-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-impatt tad-demografija fuq l-Ewropa Soċjali (ĠU C, C/2023/6867, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6867/oj).
(6) Projected old-age dependency ratio, (Il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata previst) ikkwotat mill-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-impatt tad-demografija fuq l-Ewropa Soċjali (ĠU C, C/2023/6867, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6867/oj).
(7) F’mill-inqas disa’ pajjiżi tal-OECD u f’Malta hemm istituzzjonijiet pubbliċi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji tal-gvern għall-ġenerazzjonijiet futuri. Uħud mill-entitajiet: L-Ungerija (Deputat Ombudsperson għall-Ġenerazzjonijiet Futuri), Wales (Kummissarju għall-Ġenerazzjonijiet Futuri), Malta (Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri).
(8) https://www.who.int/publications/i/item/9789240016866.
(9) Eż. https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC7732046/.
(10) https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?mode=dsw&docId=11775&langId=en.
(11) https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?mode=dsw&docId=12286&langId=en.
(12) The silver economy: final report (L-ekonomija tal-fidda: rapport finali [mhux disponibbli bil-Malti]).
(13) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1606&langId=mt.
(14) Ara Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kokreazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali bħala kontribut għal demokrazija aktar parteċipattiva fl-UE” ( ĠU C 486, 21.12.2022, p. 76).
(15) Eż. il-Lussemburgu (għal kulħadd), Tallinn (għar-residenti), l-Ungerija (ċittadini tal-UE kif ukoll ċittadini Żvizzeri u Norveġiżi li għandhom aktar minn 65 sena).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6869/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)