|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1764 |
24.6.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1764
tat-13 ta’ Ġunju 2024
li tawtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem l-Unjoni Ewropea, fin-negozjati dwar protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1) u (2), l-Artikolu 83(1) u (2) u l-Artikolu 87(2), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4), tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (“il-Konvenzjoni”) fit-2 ta’ April 2009. Il-Konvenzjoni ġiet iffirmata minn 25 Stat Membru, u 23 minnhom rratifikawha. |
|
(2) |
Fit-23 ta’ Novembru 2023, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta t-Termini ta’ Referenza li jistabbilixxu l-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Irkupru tal-Assi Kriminali (“it-Termini ta’ Referenza”). Il-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Irkupru tal-Assi Kriminali għandu l-kompitu, taħt l-awtorità tal-Kumitat tal-Ministri u l-Kumitat Ewropew dwar il-Problemi tal-Kriminalità, li jħejji protokoll addizzjonali li jissupplimenta l-Konvenzjoni (“protokoll addizzjonali”). Dak ix-xogħol beda fid-29 ta’ Mejju 2024 u għandu jitlesta sa tmiem l-2025. |
|
(3) |
Skont it-Termini ta’ Referenza, il-protokoll addizzjonali huwa maħsub li jkun fih dispożizzjonijiet biex tissaħħaħ iċ-ċertezza u l-konsistenza fil-qsim tal-assi kkonfiskati bejn l-Istati Parti f’każijiet transnazzjonali, dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-assi sekwestrati, ikkonfiskati u ripatrijati, inkluż l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ konfiska, dispożizzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ konfiska mhux ibbażati fuq kundanna u ta’ konfiska estiża f’materji kriminali, inkluż il-kooperazzjoni fir-rigward u l-eżekuzzjoni ta’ talbiet f’każijiet transnazzjonali, u kwalunkwe kwistjoni oħra li l-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Irkupru tal-Assi Kriminali jqis li tkun ta’ konsegwenza biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fir-rigward tal-irkupru tal-assi. |
|
(4) |
L-Unjoni diġà adottat regoli komuni li fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu ma’ ċerti elementi li qed jiġu kkunsidrati għall-kontenut tal-protokoll addizzjonali. Dawk ir-regoli komuni jinkludu b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li ssostitwixxiet id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Barra minn hekk, id-Deċiżjonijiet Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI (4) u 2006/783/ĠAI (5) għadhom applikabbli fir-relazzjonijiet bejn ċerti Stati Membri. Dawk ir-regoli komuni tal-liġi tal-Unjoni jistgħu jiġu affettwati jew il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinbidel minħabba aspetti speċifiċi tal-protokoll addizzjonali, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(5) |
Sabiex tiġi protetta l-integrità tal-liġi tal-Unjoni u biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-regoli tad-dritt internazzjonali u dawk tal-liġi tal-Unjoni, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati dwar il-protokoll addizzjonali, rigward kwistjonijiet fil-kompetenza tal-Unjoni, kif definit mit-Trattati, u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni adottat regoli jew mistennija li tadotta regoli fil-futur qarib. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif definit mit-Trattati, għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati għal kwistjonijiet barra mill-mandat mogħti lill-Kummissjoni, jew għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti għall-konklużjoni tal-protokoll addizzjonali. |
|
(7) |
Id-direttivi ta’ negozjati li jinsabu fl-addendum għal din id-Deċiżjoni huma indirizzati lill-Kummissjoni u jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar jekk xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati. |
|
(8) |
Minħabba l-fatt li l-Istati Membri kollha huma wkoll Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, jenħtieġ li l-Istati Membri li jipparteċipaw fin-negozjati dwar il-protokoll addizzjonali, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’rispett reċiproku sħiħ, jappoġġaw lin-negozjatur tal-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.F’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta’ negozjar, inkluż permezz ta’ kuntatt regolari mal-esperti tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tagħhom fi Strasburgu. |
|
(9) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tipparteċipa f’negozjati, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet fil-kompetenza tal-Unjoni, kif definiti mit-Trattati, u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni adottat regoli jew mistennija li tadotta regoli fil-futur qarib, dwar protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kunsill jista’ sussegwentement joħroġ direttivi addizzjonali lill-Kummissjoni.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali (il-“Grupp ta’ Ħidma COPEN”), li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura regolarment lill-Grupp ta’ Ħidma COPEN dwar il-progress tan-negozjati u għandha tibgħatlu d-dokumenti kollha tan-negozjati malajr kemm jista’ jkun.
Meta tintalab hekk mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lilu dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
N. DE MOOR
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1805/oj).
(2) Id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1260/oj).
(3) Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/42/2014-05-19).
(4) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2003/577/oj).
(5) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2006/783/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1764/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)