European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2346

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2346 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0112/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2022 kien jammonta għal EUR 25 857 952, li jirrappreżenta żieda ta’ 4,01 % meta mqabbel mal-2021; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa kważi esklużivament derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi, fir-rigward tas-settur tal-akkwist tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata ebda kwistjoni li kienet tirrikjedi azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma kien hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (“ir-rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet tas-sena attwali ta’ 100,00 % (l-istess bħas-sena 2021); jinnota li rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 73,59 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 2,64 % meta mqabbla mal-2021;

2.

Jinnota li fl-2022 ġew adottati tliet emendi baġitarji, li żiedu l-baġit tal-Aġenzija b’EUR 1 562 781, li jirreferu għall-fondi riċevuti skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tal-għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja u l-ftehimiet ta’ sħubija mal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika tal-Bulgarija, l-Ombudsman Grieg u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Rumen, kif ukoll fir-rigward tas-sussidju tal-kera riċevut mill-awtoritajiet Awstrijaċi u d-dħul assenjat intern;

3.

Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija irriportat EUR 6,4 miljun (26 %) tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli mill-2022 għall-2023, li minnhom EUR 5,9 miljun jirrappreżentaw approprjazzjonijiet taħt it-Titolu III, relatati man-nefqa operattiva (74 % fl-2021); jenfasizza li livelli għoljin ta’ riporti huma kwistjoni rikorrenti għall-Aġenzija u li dan ġie osservat mill-Qorti, sa mill-2018, għal diversi snin finanzjarji konsekuttivi; jinnota l-opinjoni mġedda tal-Qorti li l-livell għoli ta’ riporti jikkontradixxi l-prinċipju baġitarju tal-annwalità u huwa indikattiv ta’ kwistjonijiet strutturali fil-proċess tal-baġit u ċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija għall-osservazzjoni tal-Qorti kif ukoll mir-rapport tal-Aġenzija bit-titolu “L-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza għall-2021 għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-miżuri meħuda mill-Aġenzija” (minn hawn ’il quddiem ir-“rapport ta’ segwitu tal-Aġenzija”) l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar il-livell għoli ta’ riporti relatati mal-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija: il-qafas speċifiku li fih taħdem l-Aġenzija jagħmilha diffiċli li wieħed jimpenja ruħu għan-nefqa operattiva ħafna aktar kmieni fis-sena, titjib fl-għodda tal-IT “Matrix” sar sabiex ikun hemm monitoraġġ aktar mill-qrib tal-eżekuzzjoni tal-baġit u stima bikrija tar-riporti (krediti C8) għas-sena ta’ wara, l-implimentazzjoni tal-baġit għandha tiġi vvalutata billi jitqies l-eżitu finali li fl-aħħar 10 snin kien ogħla minn 99 %; jirrikonoxxi, bħal fis-snin preċedenti, li r-riporti għoljin huma wkoll riżultat tan-natura tal-ħidma ewlenija tal-Aġenzija;

Prestazzjoni

4.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża sistema ta’ 25 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPIs) bħala parti mill-kejl tal-prestazzjoni tagħha; ifaħħar ir-rata għolja ta’ kisba fil-konfront tal-KPIs tagħha fl-2022, bl-Aġenzija taqbeż kważi l-miri kollha stabbiliti għal kull KPI, filwaqt li żammet livell għoli ta’ sodisfazzjon tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-avvenimenti tal-Aġenzija u r-rilevanza, l-utilità u l-affidabbiltà tal-output tal-Aġenzija u kkontribwiet għal livell għoli ta’ fehim tad-drittijiet u x-xejriet fundamentali; ifaħħar l-isforzi tal-Aġenzija li kkontribwew għall-kisbiet tagħha fl-2022 minkejja l-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-attivitajiet u r-riżorsi umani u finanzjarji kollha li għaddejjin bħalissa u l-posponiment u r-riorganizzazzjoni ta’ xi wħud mill-proġetti tal-Aġenzija;

5.

Jinnota b’apprezzament il-prestazzjoni tal-Aġenzija, b’mod partikolari l-output għoli prodott fl-2022, inklużi pubblikazzjonijiet, laqgħat, organizzazzjoni ta’ avvenimenti, assistenza teknika u attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità, kif ukoll kontribut bil-miktub u verbali; jieħu nota li l-ħidma tal-Aġenzija ġiet imsemmija f’213-il pubblikazzjoni u ssemmiet 4 319 darba fil-media fl-2022; ifaħħar l-attivitajiet tal-Aġenzija fir-rigward tal-prijorità strateġika 1, “Identifikazzjoni tax-xejriet: il-ġbir u l-analiżi ta’ data u evidenza komparabbli”, li l-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija qiesu bħala l-aktar rilevanti u li jżidu l-aktar valur; jinnota f’dan il-kuntest il-kisbiet tal-Aġenzija fl-2022 bħall-pubblikazzjoni tar-rapport “Ir-Rom f’10 pajjiżi Ewropej” li enfasizza, fost l-oħrajn, it-titjib u l-lakuni fl-inklużjoni tar-Rom, il-bullettin dwar l-ażil u l-migrazzjoni li ffoka fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li waslu fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati tal-Unjoni minn pajjiżi terzi matul l-aħħar kwart tal-2021, ir-rapport “Preġudizzju algoritmiku. L-intelliġenza artifiċjali u d-diskriminazzjonijiet” li għamel lill-Aġenzija l-ewwel organizzazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li indirizzat, fost l-oħrajn, il-preġudizzju algoritmiku, u dan ir-rapport sar l-aktar rapport tal-2022 tal-Aġenzija li tniżżel fl-ewwel sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu, kif ukoll ir-rapport “Nipproteġu l-ispazju ċiviku fl-UE – Sejbiet ewlenin u Opinjonijiet tal-FRA” li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kwistjonijiet ewlenin tal-ispazju ċiviku madwar l-Unjoni; ifaħħar fir-rigward tar-rapport tal-aħħar li l-Aġenzija wriet il-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-proċessi politiċi u leġiżlattivi fl-ispazju ċiviku, bi proġetti tal-Presidenza Ċeka tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar dak is-suġġett li jinvolvu lill-Aġenzija fl-2022;

6.

Jilqa’ r-rispons f’waqtu tal-Aġenzija għal kwistjonijiet emerġenti tad-drittijiet fundamentali, bħall-gwida ġenerali tal-Aġenzija fir-rapport tagħha dwar “L-istabbiliment ta’ mekkaniżmi nazzjonali indipendenti għall-monitoraġġ tal-konformità mad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE”, li toffri assistenza lill-Istati Membri fl-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-mekkaniżmi nazzjonali tagħhom għall-monitoraġġ tal-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-iżgurar ta’ salvagwardji għall-indipendenza tal-mekkaniżmu; ifakkar li d-dritt internazzjonali jirrikjedi trattament mhux diskriminatorju għar-rifuġjati kollha;

7.

Jinnota b’apprezzament li l-Aġenzija malajr ħadet miżuri biex tirrispondi għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna wara l-invażjoni illegali u mhux provokata tar-Russja, permezz ta’ diversi azzjonijiet ewlenin bħal stħarriġ online dwar l-esperjenzi tal-persuni spostati li qed jaħarbu mill-Ukrajna, żewġ bullettini dwar l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna, il-pubblikazzjoni ta’ tabella dwar l-implimentazzjoni minn 16-il Stat Membru tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (2) u proġetti ta’ ġbir ta’ data dwar l-esperjenzi tan-nisa li qed jaħarbu mill-gwerra fir-rigward tal-vjolenza u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

8.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-Aġenzija fl-għoti tas-setgħa lill-infrastruttura nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, billi tikkoopera u toħloq sinerġiji mal-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u sħubijiet mal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinnota l-gwida kontinwa tal-Aġenzija, fil-qasam tal-ażil u l-migrazzjoni, b’ħarsiet ġenerali regolari indirizzati lill-Istati Membri rigward tħassib b’rabta mad-drittijiet fundamentali relatati mal-migrazzjoni; jilqa’ r-rwol tal-Aġenzija fit-trawwim ta’ narrattiva bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem billi tiżviluppa komunikazzjoni effettiva, tinvolvi ruħha fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u għodod diġitali ġodda, u tlaqqa’ flimkien l-atturi tad-drittijiet tal-bniedem biex jippromwovu l-valuri u l-libertajiet Ewropej.

9.

Jinnota bi tħassib kbir li, għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, l-Aġenzija ddeċidiet li tikkollabora mal-Università Nazzjonali tas-Servizz Pubbliku u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali u tistrieħ fuq l-informazzjoni tagħhom, minkejja li ż-żewġ istituzzjonijiet għandhom rekord ta’ appoġġ għad-deterjorament tad-drittijiet fundamentali fl-Ungerija; jinnota, pereżempju, li l-Kummissjoni fir-Rapport tagħha tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt, kellha “tħassib aggravat” dwar l-indipendenza tal-Kummissarju Ungeriż għad-Drittijiet Fundamentali; jiddeplora l-fatt li l-Aġenzija madankollu ddeċidiet li ma terġax tikkunsidra l-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet li essenzjalment jippromwovu rigress demokratiku, minkejja li l-kompitu ewlieni tal-Aġenzija għandu jkun li tikkontribwixxi għad-difiża tad-drittijiet fundamentali, speċjalment f’każijiet problematiċi bħal dak tal-gvern Ungeriż; jistieden lill-Aġenzija tissospendi l-kollaborazzjoni tagħha ma’ dawn l-istituzzjonijiet u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza aġġornata dwar il-progress tagħha f’dan ir-rigward;

Effiċjenza u titjib

10.

Jinnota li fl-2022 l-Aġenzija kompliet tikkoopera u taħdem flimkien man-Network tal-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (JHAN) u l-aġenziji li jiffurmawh sabiex tindirizza l-isfidi fl-oqsma ta’ ħidma reċiproċi tagħhom, bħas-sigurtà interna, il-migrazzjoni, il-kriminalità organizzata, l-ażil u l-fruntieri, billi tikkontribwixxi b’għarfien espert dwar id-drittijiet fundamentali; jinnota f’dan il-kuntest b’mod partikolari l-kollaborazzjoni tal-Aġenzija fl-2022 mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar it-tħejjija ta’ stħarriġ dwar il-vjolenza kontra n-nisa, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil dwar ir-rieżami ta’ xi moduli ta’ taħriġ u t-tħejjija ta’ ktejjeb dwar il-protezzjoni temporanja għall-kustodji ta’ tfal mhux akkumpanjati), mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi billi jiġu ffaċilitati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar id-data u r-rapportar dwar ir-reati ta’ mibegħda u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali dwar l-iżvilupp tal-manwal dwar iċ-ċiberkriminalità u d-drittijiet fundamentali; jinnota l-kollaborazzjoni tal-Aġenzija ma’ aġenziji u entitajiet oħra lil hinn mill-JHAN, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u l-Eurostat fl-2022; iħeġġeġ li jiġu esplorati u identifikati aktar sinerġiji sabiex jiżdied it-titjib fl-effiċjenza u jitnaqqsu l-ispejjeż;

11.

Jinnota mir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Parlament li l-Aġenzija ħadet inizjattivi sabiex iżżid l-effiċjenza u l-kisbiet tagħha, permezz tal-awtomatizzazzjoni ta’ kompiti ripetittivi, l-immappjar u t-tfassil mill-ġdid tal-proċessi tan-negozju attwali, ir-rieżami tal-istruttura organizzattiva biex isir użu aħjar mir-riżorsi eżistenti, it-twaqqif ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni b’mod aktar sistematiku, is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani, kif ukoll evalwazzjonijiet kwalitattivi tal-isforzi biex tiżdied l-effiċjenza;

12.

Jinnota li fl-2022 l-Aġenzija kompliet tawtomatizza u tissimplifika l-proċessi tar-riżorsi umani, inkluż billi tespandi l-użu ta’ Sysper; jinnota f’dan il-kuntest li l-Aġenzija nediet għodda ġdida ta’ reklutaġġ biex tiffaċilita s-selezzjonijiet u toħloq esperjenza aktar faċli għall-kandidati u għar-riżorsi umani u introduċiet għodod ta’ data addizzjonali biex tawtomatizza aspetti tal-ipproċessar tal-pagi; jinnota wkoll li l-Aġenzija sadanittant adottat is-sistema elettronika tal-Kummissjoni għall-arkivjar u l-ġestjoni tar-rekords (ARES) li rriżultat fl-integrazzjoni tas-soluzzjoni tal-EU Sign li tippermetti l-użu tal-firma elettronika kwalifikata; ifaħħar it-tlestija tat-tħejjija għall-introduzzjoni fl-2023 tal-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (akkwist elettroniku) tal-Kummissjoni;

13.

Jinnota l-approċċ “nagħmlu aktar b’inqas” tal-Aġenzija b’iffrankar ta’ EUR 350 000 li diġà sar u EUR 200 000 mistennija li jsiru minħabba l-użu ta’ riżorsi interni għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda tal-IT u t-teknoloġiji l-ġodda bbażati fuq il-cloud li għenu lill-Aġenzija tkompli tottimizza l-infrastruttura tal-IT tagħha; jinnota li l-Aġenzija qed tfittex ukoll l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tagħha billi tadotta applikazzjonijiet tal-Kummissjoni, tnaqqas it-temperatura tat-tisħin tal-bini, tuża proċeduri mingħajr karti fil-qasam finanzjarju u dak tal-ikkuntrattar u tnaqqas is-servizzi postali u tal-kurrier, fost l-oħrajn; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesporta l-aħjar prattiki f’dan ir-rigward permezz tal-kanali ta’ kooperazzjoni tagħha ma’ aġenziji deċentralizzati oħra tal-UE;

14.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Aġenzija mhijiex fost l-aġenziji li stabbilixxew pjanijiet korporattivi sabiex itejbu l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-operazzjonijiet tagħhom, li għandhom xi forma ta’ rapportar ambjentali integrat fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom u li rċevew ir-reġistrazzjoni tal-EMAS; jinnota, madankollu, mir-risposti tal-Aġenzija għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Parlament li ċ-ċertifikazzjoni EMAS hija prevista ladarba l-Aġenzija tirriloka għall-bini l-ġdid tagħha li għandu jaderixxi wkoll mar-rekwiżiti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; ifaħħar lill-Aġenzija għall-introduzzjoni ta’ kriterji ekoloġiċi tal-akkwist pubbliku b’rabta mar-rekwiżiti ambjentali u soċjali, u l-kriterji tas-selezzjoni u tal-għoti fil-limiti inerenti tal-fatt li l-Aġenzija fil-biċċa l-kbira takkwista servizzi;

Politika dwar il-persunal

15.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal ġiet eżegwita b’rata ta’ 94 %, hekk kif inħatru 68 aġent temporanju minn total ta’ 72 aġent temporanju li ġew awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (l-istess numru ta’ pożizzjonijiet awtorizzati bħal dak fl-2021); jinnota li, barra minn hekk, fl-2022 kien hemm 28,4 aġent kuntrattwali f’impjieg ekwivalenti għall-full-time (FTE) u 9 esperti nazzjonali sekondati (SNE) jaħdmu għall-Aġenzija; jinnota rata baxxa tad-dawran tal-ħaddiema (1,9 %) fl-2022; josserva, barra minn hekk, li fl-2022, l-Aġenzija kompliet tawtomatizza u tissimplifika l-proċessi tar-riżorsi umani sabiex tikseb aktar effiċjenzi;

16.

Jinnota b’sodisfazzjon il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri u intermedju tal-Aġenzija, bi 3 irġiel (50 %) u 3 nisa (50 %) fil-livell tal-Bord ta’ Tmexxija, b’33 minn 65 membru (51 %) li huma nisa, u fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, b’57 minn 105 membri (54 %) li huma nisa; jinnota li l-bilanċ bejn il-ġeneri huwa wieħed mill-miri kardinali ta’ nondiskriminazzjoni tal-Aġenzija u jżomm enfasi speċjali fuq il-ħidma tal-korpi tagħha, bħall-Grupp dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità, li jaħdem biex jippromwovi n-nondiskriminazzjoni bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tal-proċessi tar-riżorsi umani fl-Aġenzija;

17.

Jinnota li l-Aġenzija impjegat persunal minn 23 Stat Membru mill-1 ta’ Ottubru 2022; jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tilħaq bilanċ ġeografiku; jinnota li bħala parti mill-Istrateġija għall-Opportunitajiet Indaqs u n-Nondiskriminazzjoni tal-Aġenzija, il-promozzjoni tad-diversità, inkluż il-bilanċ ġeografiku, hija parti mill-objettivi ġenerali fil-proċessi tar-riżorsi umani bħar-reklutaġġ u s-selezzjoni;

18.

Josserva li l-Aġenzija ħadet diversi miżuri għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà billi pprovdiet akkomodazzjoni, għamlet titjib fil-bini tagħha biex tiffaċilita l-aċċessibbiltà, ippermettiet it-telexogħol eċċezzjonali u organizzat taħriġ regolari dwar is-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà għall-persunal; jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tattira applikazzjonijiet għal traineeships minn kandidati b’diżabbiltà; jinnota li l-Aġenzija qed tħejji wkoll politika ta’ appoġġ għad-diżabbiltà;

19.

Jinnota li l-Aġenzija appoġġat il-benesseri tal-persunal tagħha billi pprovdiet servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku, ħeġġet l-attività fiżika permezz ta’ skema ġdida adottata fl-2022 li tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għas-sħubija fl-isport u tadotta r-regoli tal-Kummissjoni dwar il-ħidma ibrida;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

20.

Jinnota li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija u tal-maniġment superjuri ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota mir-rapport ta’ segwitu tal-Aġenzija li hi ħadet id-deċiżjoni li ma tibqax tippubblika fuq is-sit web tagħha informazzjoni dwar esperti interni;

21.

Jilqa’ l-eżerċizzju tal-Aġenzija mwettaq fl-2022 għar-reviżjoni/għall-aġġornament tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-persunal kollu b’xi rakkomandazzjonijiet preventivi maħruġa, b’riżultat ta’ dan; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija tipprovdi taħriġ obbligatorju għall-persunal dwar l-etika u l-integrità u tagħti gwida għall-valutazzjoni tal-attivitajiet esterni; jinnota, fir-rigward tal-monitoraġġ tal-konformità tal-eks persunal tal-Aġenzija mad-deċiżjonijiet applikabbli fil-qasam tar- “revolving door” u r-restrizzjonijiet relatati, li l-Aġenzija qed tivvaluta l-possibbiltà li tagħmel kontrolli għal għarrieda; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li sar f’dan ir-rigward;

22.

Jinnota li fl-2022 l-Aġenzija identifikat riskju potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess perċepit ta’ membru tal-Bord ta’ Tmexxija b’rabta ma’ Kuntratt ta’ Proġett iffirmat mill-Aġenzija u ffinanzjat mill-Għotjiet ŻEE/Norveġja; jinnota li, wara valutazzjoni, ġie konkluż li s-sitwazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi kunflitt ta’ interess reali; jilqa’ madankollu l-miżuri meħuda biex jittaffew tali riskji, inkluż li qabel il-laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija li jmiss jintalab l-aġġornament tad-dikjarazzjoni ta’ interess mill-membru tal-Bord ikkonċernat, kif ukoll li jintalab li dak il-membru jastjeni fi kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord fir-rigward tal-proġett inkwistjoni;

Kontroll intern

23.

Jinnota li fl-2022 l-Aġenzija vvalutat is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha u kkonkludiet li dawn huma effettivi u li l-komponenti u l-prinċipji huma preżenti u qed jiffunzjonaw tajjeb b’mod ġenerali, b’xi nuqqasijiet żgħar relatati mal-prinċipji 5, 13 u 14 fir-rigward tal-konklużjoni f’waqtha tal-eżerċizzju tar-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Karriera kif ukoll il-ħtieġa li tittejjeb l-istrateġija għall-ġestjoni tal-partijiet ikkonċernati tal-komunikazzjonijiet interni u esterni;

24.

Jinnota li l-pjan ta’ azzjoni, fir-rigward tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija aġġornata fl-2021, qed jiġi implimentat, bl-azzjonijiet kollha tiegħu indirizzati, inkluża valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi ddedikata, is-sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar ir-regoli dwar il-prevenzjoni tal-frodi u l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, u aġġornament f’waqtu tal-qafas legali;

Kummenti oħra

25.

Jilqa’ l-isforzi li għamlet l-Aġenzija biex iżżid il-viżibbiltà pubblika u l-preżenza tagħha online; ifaħħar il-metriċi mtejba tal-Aġenzija fir-rigward tal-użu ta’ diversi pjattaformi tal-media soċjali fl-2022; jinnota li fl-2022, l-Aġenzija żviluppat kampanja tal-media soċjali bit-titolu “Our Data, Your Ally” (Id-data tiegħek - l-alleata tiegħek) biex tinforma liż-żgħażagħ fuq id-data dwarhom li jistgħu jużaw fil-ħidma ta’ promozzjoni tagħhom; jinnota wkoll li fl-2022 l-Aġenzija organizzat jew ko-organizzat 134 laqgħa u avveniment, inklużi sessjonijiet ta’ ħidma u webinars u organizzat ir-raba’ Djalogu dwar id-Drittijiet Fundamentali f’Pariġi, f’kollaborazzjoni mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, l-uffiċċji ta’ kollegament tal-Kummissjoni u l-Parlament fi Franza u fil-belt ta’ Pariġi, kif ukoll il-Laqgħa tal-Mexxejja u l-Esperti residenzjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-ewwel tat-tip tagħha) bit-titolu “Id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-futur tal-Ewropa” li laqqgħet flimkien 60 parti kkonċernata diversa;

26.

Jirreferi, rigward kummenti oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 38, 31.1.2023, p. 189.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2346/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)