Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑643/25

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände - Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

vs

Meta Platforms Ireland Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiċi kummerċjali żleali – Prattiki kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur – Artikolu 5(5) – Punt 20 tal-Anness I – Prattiki kummerċjali kkunsidrati li huma żleali fiċ-ċirkustanzi kollha – Deskrizzjoni ta’ prodott bħala ‘gratis’, ‘b’xejn’ jew ‘mingħajr ħlas’ – Provvista ta’ network soċjali – Reġistrazzjoni suġġetta għall-iżvelar ta’ data personali u għall-kunsens għall-użu tagħha għal finijiet kummerċjali – Kunċett ta’ spejjeż li għandhom ‘jitħallsu’”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda d-dikjarazzjoni “Facebook ist und bleibt kostenlos” (“Facebook huwa u ser jibqa’ b’xejn”) (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni inkwistjoni”), li ntweriet fil-paġna ta’ reġistrazzjoni bil-lingwa Ġermaniża tas-sit internet tan-network soċjali online Facebook fi Frar 2015.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk, meta jirreġistra bħala utent tan-network soċjali u meta jiżvela data personali għal użu kummerċjali, konsumatur effettivament “ikollux iħallas” xi ħaġa fis-sens tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE (2), jiġifieri, xi ħaġa differenti mill-kost inevitabbli li jwieġeb għall-prattika kummerċjali u li jiġbor jew iħallas għall-kunsinna tal-oġġett. Jekk dan ikun il-każ, id-deskrizzjoni ta’ dan is-servizz bħala mingħajr ħlas tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fiċ-ċirkustanzi kollha taħt din id-dispożizzjoni.

3.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali tal-Organizzazzjonijiet u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Unjoni Federali”) u Meta Platforms Ireland Limited (iktar ’il quddiem “Meta”), li topera Facebook fl-Unjoni Ewropea.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2005/29

4.        Il-premessi 7, 11, 13, 14 u 17 tad-Direttiva 2005/29 jiddikjaraw:

“(7)      Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. […]

[…]

(11)      Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar prattiċi kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment regolati fil-livell Komunitarju.

[…]

(13)      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità permezz tat-tneħħija ta’ l-ostakli għas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu sostitwiti l-klawżoli ġenerali u l-prinċipji legali eżistenti u diverġenti ta’ l-Istati Membri. Il-projbizzjoni ġenerali waħda u komuni, stabbilita b’din id-Direttiva għalhekk tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Sabiex jingħata sostenn lill-fiduċja tal-konsumatur, il-projbizzjoni ġenerali għandha tapplika ugwalment għal prattiċi kummerċjali żleali li jirriżultaw barra minn xi relazzjoni kontrattwali bejn kummerċjant u konsumatur jew li jirriżultaw wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi.

(14)      Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, li billi jqarrqu bil-konsumatur, iżommuh milli jagħmel għażla informata u b’hekk effiċjenti. [...] L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri. […]

[…]

(17)      Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(ċ)      ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

(d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi [...]”.

6.        Il-punt (ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 sussegwentement ġie ssostitwit bl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2019/2161 (3) u issa jaqra kif ġej:

“(c)      ‘prodott’ tfisser kwalunkwe oġġett jew servizz inklużi proprjetà immobbli, servizzi diġitali u kontenut diġitali, kif ukoll drittijiet u obbligi;”.

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

[…]

5.      Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

8.        L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Prattiċi kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali ”, jipprovdi, fil-punt 20 tiegħu:

“Fejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala ‘gratis’, ‘b’xejn’, ‘mingħajr ħlas’ jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta’ l-oġġett.”

2.      Id-Direttiva (UE) 2019/770

9.        Il-premessa 24 tad-Direttiva (UE) 2019/770 (4) tiddikjara:

“Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant. Dawn il-mudelli ta’ negozju jintużaw f’forom differenti f’parti konsiderevoli tas-suq. Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta’ tali mudelli ta’ negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali. [...] Id-data personali tista’ tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista’ jtella’ jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali. [...] Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali. Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella’, biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta’ kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.”

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/770, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe kuntratt li fih il-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz.

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll meta l-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant, ħlief meta d-data personali pprovduta mill-konsumatur hija esklussivament ipproċessata mill-kummerċjant għall iskop ta’ provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali f’konformità ma’ din id-Direttiva jew tippermetti lill-kummerċjant biex jikkonforma mar-rekwiżiti legali li għalihom huwa soġġett il-kummerċjant, u l-kummerċjant ma jipproċessa dik id-data għal ebda skop ieħor.”

3.      Id-Direttiva 2011/83/UE

11.      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/83/UE (5), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Hija wkoll applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż min-naħa tal-fornituri pubbliċi, sal-punt li dawn l-oġġetti ta’ bażi huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.”

12.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2019/2161 emenda din id-dispożizzjoni minn żewġ aspetti. Minn naħa, il-paragrafu 1 ġie sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika, taħt il-kundizzjonijiet u sal-punt stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur fejn il-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz. Hija għandha tapplika għal kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż min-naħa ta’ fornituri pubbliċi, sa fejn dawn il-komoditajiet huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.”

13.      Min-naħa l-oħra, iddaħħal il-paragrafu 1a:

“Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll f’każ fejn il-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jew servizz diġitali lill-konsumatur u l-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant, ħlief fejn id-data personali pprovduta mill-konsumatur tkun ipproċessata esklussivament mill-kummerċjant għall-finijiet tal-provvista tal-kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli jew servizz diġitali skont din id-Direttiva jew għall-kummerċjant biex jikkonforma mar-rekwiżiti legali li għalihom ikun soġġett, u l-kummerċjant ma jipproċessa dik id-data għal ebda fini oħra.”

14.      Il-premessa 31 tad-Direttiva 2019/2161 tiddikjara:

“Il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali spiss jiġu fornuti online permezz ta’ kuntratti li taħthom il-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant. Id-Direttiva 2011/83/UE diġà tapplika għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li mhuwiex fornut fuq mezz tanġibbli (jiġifieri l-forniment ta’ kontenut diġitali online) irrispettivament minn jekk il-konsumatur iħallasx prezz fi flus jew jipprovdi data personali. Madankollu, dik id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ servizz, inklużi l-kuntratti għal servizzi diġitali, li jipprevedu li l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas prezz. Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti għal servizzi diġitali fejn il-konsumatur jipprovdi data personali lill-kummerċjant mingħajr ma jħallas prezz. Minħabba x-xebh ta’ bejniethom u l-interkambjabbiltà ta’ servizzi diġitali mħallsa u s-servizzi diġitali pprovdut bi skambju għal data personali, dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess regoli taħt dik id-Direttiva.”

4.      Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettronici 

15.      Il-premessa 16 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 (6) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”) tiddikjara:

“Sabiex servizz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, dan għandu jkun ipprovdut b’mod normali fi skambju ta’ remunerazzjoni. Fl-ekonomija diġitali, il-parteċipanti tas-suq iqisu dejjem iktar l-informazzjoni dwar l-utenti bħala xi ħaġa li fiha valur monetarju. Is-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi spiss jiġu fornuti lill-utenti finali mhux biss għall-flus, iżda kull ma jmur u b’mod partikolari aktar għall-għoti ta’ data personali jew data oħra. Il-kunċett ta’ remunerazzjoni jenħtieġ li għalhekk jinkludi sitwazzjonijiet fejn il-fornitur ta’ servizz jitlob u l-utent finali konxjament jipprovdi data personali fis-sens [tal-GDPR (7)] jew data oħra direttament jew indirettament lill-fornitur. Jenħtieġ li jinkludi wkoll sitwazzjonijiet fejn l-utenti finali jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni mingħajr ma jfornuha b’mod attiv, bħal data personali, inkluż l-indirizz IP, jew informazzjoni oħra ġġenerata awtomatikament, bħal informazzjoni miġbura u trażmessa permezz ta’ cookie. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) dwar l-Artikolu 57 tat-TFUE [...], teżisti remunerazzjoni wkoll fis-sens tat-TFUE jekk il-fornitur tas-servizz jitħallas minn parti terza u mhux minn dak li jirċievi s-servizz. Il-kunċett ta’ remunerazzjoni għalhekk jenħtieġ li jkopri wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-utent finali jkun espost għal reklamar bħala kondizzjoni biex jinkiseb l-aċċess għas-servizz, jew sitwazzjonijiet li fihom il-fornitur tas-servizz irendi fi flus id-data personali li jkun ġabar taħt [il-GDPR].”

B.      Id-dritt Ġermaniż

16.      Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem l-“UWG”) (8), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li l-prattiki kummerċjali żleali huma pprojbiti mil-liġi u, fl-Artikolu 3(3) tagħha, li l-prattiki kummerċjali li jkunu indirizzati lejn il-konsumaturi u li huma elenkati fl-anness ta’ din il-liġi huma illegali fiċ-ċirkustanzi kollha.

17.      Skont l-ewwel parti tas-sentenza tal-punt 21 tal-Anness tal-Artikolu 3(3) tal-UWG, fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, l-offerta ta’ oġġett jew ta’ servizz bħala “gratis”, “mingħajr ħlas”, “mingħajr spejjeż” jew simili, meta madankollu jkun hemm spejjeż li jkollhom jiġu sostnuti f’dan ir-rigward, tikkostitwixxi prattika kummerċjali illegali fis-sens tal-Artikolu 3(3) tal-UWG.

18.      Skont l-ewwel parti tas-sentenza tal-punt 20 tal-Anness tal-Artikolu 3(3) tal-UWG, fil-verżjoni attwalment fis-seħħ, li issa hija intitolata “Reklamar qarrieqi li jsostni li xi ħaġa hija mingħajr ħlas”, l-offerta ta’ oġġett jew servizz bħala “gratis”, “mingħajr ħlas”, “mingħajr spejjeż” jew simili, bħala prattika kummerċjali indirizzata lill-konsumaturi, hija dejjem illegali meta madankollu jkun hemm spejjeż li jkollhom jiġu sostnuti għall-oġġett jew għas-servizz ikkonċernat.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19.      L-Unjoni Federali hija assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Hija ssostni li l-użu ta’ Facebook ma huwiex mingħajr ħlas peress li l-utenti jipprovdu d-data personali tagħhom bi skambju għal dan l-użu. Għaldaqstant, hija ssostni li d-dikjarazzjoni inkwistjoni hija qarrieqa u tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali.

20.      L-Unjoni Federali ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) li fil-kuntest tiegħu talbet li Meta tiġi ordnata tastjeni milli tuża d-dikjarazzjoni inkwistjoni fis-sit internet tagħha fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ konsumaturi li huma residenti fil-Ġermanja. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2018, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija ddeċidiet li d-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 tapplika biss fil-preżenza ta’ spejjeż moħbija, fis-sens ta’ obbligu ta’ ħlas dirett jew indirett jew ta’ piż finanzjarju għall-konsumatur. Dik il-qorti ddikjarat ukoll li l-iżvelar ta’ data personali u l-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha jaffettwaw lill-konsumatur biss fir-rigward tal-interessi intanġibbli tiegħu, jiġifieri d-dritt għall-awtodeterminazzjoni fil-qasam tal-informazzjoni. Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2019, il-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Unjoni Federali kontra din id-deċiżjoni.

21.      L-Unjoni Federali għalhekk appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

22.      Skont dik il-qorti, il-formulazzjoni tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, u, għaldaqstant, id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponih, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ iktar minn interpretazzjoni waħda. Hija tosserva li l-kunċett ta’ spejjeż li għandhom jitħallsu jkopri, fi kwalunkwe każ, il-piżijiet li jnaqqsu l-assi tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-iżvelar ta’ data personali u l-kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data għal finijiet kummerċjali jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt dan il-kunċett ta’ spejjeż peress li tali data tikkostitwixxi assi prezzjużi għall-impriża li tisfruttaha. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni u l-għan tagħha fi ħdan id-dritt tal-Unjoni dwar il-konsumaturi jistgħu jsostnu tali interpretazzjoni. Madankollu, dik il-qorti, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell, tqis li r-risposta għal din id-domanda ma hijiex tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (9).

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘prezz’ [spejjeż] fis-sens tal-punt 20 tal-Anness I, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2005/29], ikopri wkoll l-iżvelar ta’ data personali u l-kunsens għall-użu tagħha għal finijiet kummerċjali?”

III. Analiżi

24.      Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “spejjeż”, fis-sens tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, ikoprix l-iżvelar ta’ data personali mill-konsumaturi u l-kunsens tagħhom għall-użu ta’ din id-data għal finijiet kummerċjali.

25.      Qabel ma nindirizza d-domanda preliminari, għandu l-ewwel jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, li l-Artikolu 2(ċ) tagħha jipprovdi li t-terminu “prodott” għandu jinftiehem f’sens wiesa’ bħala “kwalunkwe merkanzija jew servizz”. L-isfruttament ta’ network soċjali bħalma huwa Facebook u l-provvista tiegħu lill-utenti jikkostitwixxu servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan kien il-każ fil-mument tal-fatti li wasslu għall-proċedura nazzjonali, u jibqa’ l-każ wara l-emenda introdotta mid-Direttiva 2019/2161, li tipprevedi espliċitament li d-definizzjoni tat-terminu “prodott” tinkludi wkoll is-servizzi diġitali u l-kontenut diġitali (10). Barra minn hekk, id-deskrizzjoni ta’ tali servizz bħala mingħajr ħlas fil-paġna li fuqha jirreġistraw ruħhom l-utenti hija prattika kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, sa fejn hija konnessa direttament mal-promozzjoni ta’ prodott. Minn dan isegwi li prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/29.

26.      It-tieni, fir-rigward tal-portata ratione temporis, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dikjarazzjoni inkwistjoni ġiet ippubblikata fis-sit internet ta’ Facebook fi Frar 2015. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ordni mitluba fil-kawża prinċipali tippreżupponi li l-aġir kien illegali kemm fil-mument tal-fatti li wasslu għal din il-proċedura kif ukoll fid-data tas-seduta fil-kuntest tal-proċedura tal-appell fuq punt ta’ liġi, li nżammet fit‑3 ta’ Lulju 2025 (11). La l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 u lanqas il-punt 20 tal-Anness I tagħha ma kienu fost id-dispożizzjonijiet emendati mid-Direttiva 2019/2161, u t-tnejn li huma baqgħu l-istess matul dan il-perijodu (12). Minn dan isegwi li l-analiżi esposta iktar ’il quddiem tapplika għaż-żewġ mumenti msemmija mill-qorti tar-rinviju.

27.      Fir-rigward tal-mertu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29 jipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali. L-Artikolu 5(5) jippreċiża li l-Anness I ta’ din id-direttiva jinkludi lista ta’ prattiki kummerċjali li għandhom jitqiesu li huma żleali fiċ-ċirkustanzi kollha. F’dan ir-rigward, il-premessa 17 tal-imsemmija direttiva tindika espliċitament li l-prattiki elenkati fl-Anness I għandhom jitqiesu li huma żleali mingħajr ma jkollhom għalfejn ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni każ b’każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva (13). Skont il-punt 20 tal-Anness I tal-imsemmija diretttiva, din il-kategorija tinkludi “[f]ejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala ‘gratis’, ‘b’xejn’, ‘mingħajr ħlas’ jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta’ l-oġġett”.

28.      Id-domanda preliminari hija fformulata f’termini ta’ “spiża” li l-konsumatur għandu “jħallas”, li tirrifletti l-verżjoni bil-Ġermaniż tal-punt 20 tal-Anness I, li tipprovdi li l-projbizzjoni tapplika meta l-konsumatur ikollu jbati spejjeż addizzjonali – “weitere Kosten” – minbarra dawk li jkunu inevitabbli. Madankollu, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, dan il-punt ma jirreferix għal spiża, iżda għal dak li l-konsumatur “għandu jħallas”, lil hinn mill-ispejjeż inevitabbli li huwa jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (14). Għaldaqstant, il-kunċett li jeħtieġ interpretazzjoni huwa l-kunċett ta’ dak li l-konsumatur “għandu jħallas”, fis-sens ta’ dan il-punt, u huwa f’dan is-sens li ser tinftiehem il-kelma “spejjeż” użata fid-domanda preliminari.

29.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (15).

A.      Interpretazzjoni letterali

30.      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi rrilevat li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma jużawx l-istess terminoloġija sabiex jiddeskrivu l-piż fuq il-konsumatur. Għal dan l-għan, tista’ ssir distinzjoni bejn tliet gruppi ta’ verżjonijiet.

31.      Fl-ewwel grupp ta’ verżjonijiet, it-termini użati jindikaw il-ħlas ta’ somma flus (16).

32.      Fit-tieni grupp ta’ verżjonijiet, it-termini użati jestendu għall-impożizzjoni ta’ piż ta’ kwalunkwe tip, inkluż korrispettiv li ma jkunx neċessarjament ta’ natura monetarja iżda li jkollu valur ekonomiku (17). Il-verżjoni bil-Ġermaniż, li hija l-lingwa tal-kawża u l-verżjoni li fiha d-dikjarazzjoni inkwistjoni kienet espressa, taqa’ f’dan il-grupp.

33.      Fit-tielet grupp ta’ verżjonijiet, il-formulazzjoni tippermetti interpretazzjoni waħda jew oħra: verb ta’ ħlas, li ġeneralment jissuġġerixxi somma ta’ flus, huwa akkumpanjat minn espressjoni indefinita li ma tispeċifika xejn dwar x’inhu mħallas lil hinn mill-ispejjeż esklużi jew dwar il-forma li jieħu (18).

34.      Minn dan isegwi li l-formulazzjoni tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma hijiex uniformi. Diversi verżjonijiet jeħtieġu l-ħlas ta’ somma flus, oħrajn jimplikaw korrispettiv li għandu valur ekonomiku, filwaqt li oħrajn jistgħu jiġu interpretati b’mod jew ieħor. Għaldaqstant, waħedha, il-formulazzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk korrispettiv li ma huwiex flus huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni.

35.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ parti oħra tal-istess anness, diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ ħlas, billi ddeċidiet favur interpretazzjoni iktar wiesgħa. Fis-sentenza tagħha Peek & Cloppenburg (19), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 (20). Hija rrilevat li ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw termini li jissuġġerixxu ħlas fis-sens tal-ħlas ta’ somma flus (21), filwaqt li oħrajn kienu mfassla b’mod iktar wiesa’ (22). Wara li eżaminat id-dispożizzjoni, u filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-għanijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal ħlas monetarju. Hija ddeċidiet li kummerċjant “jkun ħallas” għal promozzjoni meta jipprovdi korrispettiv b’valur patrimonjali, kemm jekk fil-forma ta’ ħlas ta’ somma flus jew f’kull forma oħra, sakemm tkun teżisti rabta ċerta bejn dan il-korrispettiv u l-pubblikazzjoni (23). Għaldaqstant, il-fatt li l-punt 20 tal-Anness I juża verb li jindika ħlas ma jillimitax, fih innifsu, din id-dispożizzjoni għal ħlas monetarju.

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’lingwa partikolari ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u lanqas ma tista’ tipprevali fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra. In-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni tipprekludi li waħda mill-verżjonijiet titqies b’mod iżolat. Għall-kuntrarju, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ dan l-att biss, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (24).

B.      Interpretazzjoni kuntestwali

37.      Kif diġà ġie osservat (25), f’dan il-każ, il-legalità tal-aġir kellha tiġi evalwata kemm fi Frar 2015 kif ukoll fid-data tas-seduta fil-proċedura ta’ appell fuq punt ta’ liġi, li nżammet fit‑3 ta’ Lulju 2025. Diversi mill-istrumenti msemmija hawn taħt ġew adottati bejn dawn iż-żewġ dati. Dawn il-konklużjonijiet ma jsemmuhomx bħala li biddlu t-tifsira tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li baqa’ l-istess. L-intenzjoni hija pjuttost li jintwera kif il-leġiżlatur tal-Unjoni issa qiegħed jikkaratterizza l-provvista ta’ data personali bi skambju għal servizz diġitali.

1.      Il-koerenza interna tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29

38.      Kif diġà osservajt (26), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Peek & Cloppenburg, li kummerċjant iħallas għall-promozzjoni ta’ prodott (prattika komunement magħrufa bħala “advertorial”, jiġifieri kombinazzjoni ta’ reklam u ta’ kontenut editorjali (27)), fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, meta jipprovdi korrispettiv li għandu valur patrimonjali, kemm jekk fil-forma ta’ somma flus jew f’kull forma oħra, kemm-il darba jkun hemm rabta ċerta bejn dan il-korrispettiv u l-pubblikazzjoni (28). F’dik il-kawża, il-vantaġġ kien li min jirreklama kien iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-operatur tal-mezzi tax-xandir, mingħajr ħlas, id-drittijiet ta’ użu ta’ immaġni protetti mid-drittijiet tal-awtur (29). Għalhekk, min jirreklama ma ħallasx somma flus, iżda ta dritt li jintużaw immaġni li, sa fejn jista’ jiġi ddeterminat mis-sentenza, huwa baqa’ l-proprjetarju tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-vantaġġ seta’ jikkostitwixxi ħlas peress li kellu valur patrimonjali u kien intiż li jippromwovi l-bejgħ ta’ min jirreklama (30).

39.      Minn dan isegwi li ħlas għall-finijiet tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma jeħtieġx li l-persuna li toffri l-vantaġġ tiġi mċaħħda minnu. Dak li jgħodd huwa li l-vantaġġ ikollu valur patrimonjali u jkun marbut mal-prattika kummerċjali inkwistjoni. Il-forma speċifika tal-vantaġġ ma hijiex rilevanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi (31). F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ konsumatur li jirreġistra ma’ network soċjali hija simili. Billi jiżvela d-data personali tiegħu, il-konsumatur ma jkunx imċaħħad minnha, bl-istess mod bħalma min kien qiegħed jirreklama fil-kawża Peek & Cloppenburg ma ġiex imċaħħad mill-immaġni li huwa qiegħed għad-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-konsumatur jippermetti lill-kummerċjant juża din id-data u dan l-użu, flimkien mal-kunsens li jirrendih legali, jiġi sfruttat mill-kummerċjant sabiex jiffinanzja s-servizz.

40.      Tali interpretazzjoni tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 hija konformi mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-avviż tagħha intitolat “Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern” (32). Dan id-dokument jispeċifika li d-Direttiva 2005/29 tkopri l-prattiki kummerċjali kollha li jikkonċernaw prodotti indikati bħala li huma “b’xejn” u ma jistabbilixxix ħlas monetarju bħala prerekwiżit għall-applikazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tindika li l-prodotti ppreżentati bħala “b’xejn” huma partikolarment komuni fis-settur online; madankollu, diversi servizzi ta’ dan it-tip jiġbru d-data personali tal-utenti, bħall-identità tagħhom u l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom. Hija tenfasizza wkoll l-għarfien dejjem jikber tal-valur ekonomiku tal-informazzjoni dwar il-preferenzi tal-konsumaturi, tad-data personali u ta’ kontenut ieħor iġġenerat mill-utenti (33).

2.      Il-valur ekonomiku tad-data personali

41.      Fis-sentenza Meta Platforms et (34), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-mudell ekonomiku tan-network soċjali online Facebook kien ibbażat fuq finanzjament permezz tar-reklamar online adattat għall-utenti individwali skont, inter alia, l-aġir tagħhom bħala konsumaturi, l-interessi tagħhom, il-kapaċità tal-akkwist tagħhom u s-sitwazzjoni personali tagħhom (35). Dan ir-reklamar kien isir possibbli permezz tal-produzzjoni awtomatizzata ta’ profili tal-utent iddettaljati. Meta eżaminat f’dik il-kawża jekk awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-aċċess għad-data personali u l-użu tagħha huma ta’ importanza kbira fil-kuntest tal-ekonomija diġitali (36). Il-mudell kummerċjali li kien inkwistjoni f’dik il-kawża huwa xhieda ta’ din l-importanza (37), u l-aċċess għad-data personali u l-kapaċità li tiġi pproċessata saru parametri importanti tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi fl-ekonomija diġitali (38).

42.      Minn dan isegwi li d-data personali żvelata minn konsumatur meta jirreġistra ma’ dan in-network soċjali, kif ukoll il-kunsens li jawtorizza l-użu tagħha għal finijiet ta’ reklamar, għandhom valur patrimonjali għall-kummerċjant u jservu sabiex jiġi ffinanzjat is-servizz ipprovdut lill-konsumatur. Ir-rabta ċerta meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija preżenti wkoll (39) peress li r-reġistrazzjoni ma’ dan in-network soċjali hija suġġetta għall-provvista ta’ din id-data u għall-għoti ta’ dan il-kunsens, filwaqt li r-reklamar li din id-data tippermetti huwa dak li jiffinanzja s-servizz.

3.      Strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni

43.      It-tliet strumenti li ġejjin huma rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni kuntestwali f’dan il-każ: il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi; id-Direttiva 2019/770, li tirregola l-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali; u d-Direttiva 2011/83 dwar id-drittijiet tal-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 2019/2161.

44.      Dawn it-tliet direttivi jistgħu jiġu invokati minkejja li l-għanijiet tagħhom huma differenti minn dawk tad-Direttiva 2005/29. Id-Direttiva 2019/2161 estendiet id-Direttiva 2011/83 għas-servizzi diġitali pprovduti bi skambju għal data personali u emendat ukoll id-Direttiva 2005/29 innifisha, b’mod partikolari billi estendiet id-definizzjoni ta’ “prodott” sabiex ikopri wkoll is-servizzi diġitali u l-kontenut diġitali (40). Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni adatta ż-żewġ strumenti għall-ekonomija diġitali permezz ta’ att leġiżlattiv wieħed. L-istrumenti msemmija iktar ’il fuq huma bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE jew, fil-każ tad-Direttiva 2005/29, fuq l-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE (41), u b’hekk jikkontribwixxu, kull wieħed minnhom fil-qasam tiegħu, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Ikun inkoerenti jekk l-istess realtà kummerċjali tiġi kklassifikata bħala li tinvolvi korrispettiv għall-finijiet ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-istrumenti u bħala li hija mingħajr ħlas għall-finijiet tad-Direttiva 2005/29.

a)      Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

45.      Skont il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, servizz normalment għandu jiġi pprovdut bi skambju għal remunerazzjoni sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalkemm din id-direttiva ma hijiex inkwistjoni f’dan il-każ, il-premessa 16 tagħha turi kif il-leġiżlatur tal-Unjoni jifhem il-kunċett ta’ remunerazzjoni fl-ekonomija diġitali.

46.      Din il-premessa tindika li l-atturi tas-suq iqisu dejjem iktar l-informazzjoni dwar l-utenti bħala li għandha valur monetarju. Din il-premessa tkompli tgħid li s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi spiss jiġu pprovduti lill-utenti finali bi skambju għal data personali jew data oħra, iktar milli bi skambju għal flus. Għalhekk, il-kunċett ta’ remunerazzjoni għandu jinkludi sitwazzjonijiet fejn il-fornitur ta’ servizz jitlob data personali jew data oħra u l-utent finali jagħmel din id-data disponibbli konxjament. Din ir-remunerazzjoni tinkludi wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom l-utent finali jippermetti l-aċċess għal informazzjoni mingħajr ma jipprovdiha b’mod attiv, bħal indirizz IP jew informazzjoni miġbura minn cookie. Servizz jista’ anki jitħallas minn terz minflok mill-benefiċjarju ta’ servizz (42). Dan ifisser li dan il-kunċett ikopri sitwazzjonijiet li fihom l-utent finali jintwera reklami sabiex jaċċedi għas-servizz, kif ukoll sitwazzjonijiet li fihom il-fornitur tas-servizz isarraf b’mod monetarju d-data personali li jkun ġabar.

47.      Minn din il-premessa nislet żewġ punti li huma rilevanti għal din il-kawża. L-ewwel, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li l-provvista ta’ data personali tista’ tikkostitwixxi remunerazzjoni għal servizz f’qasam relatat, jiġifieri f’dak tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. It-tieni, huwa rrikonoxxut li servizz iffinanzjat mir-reklamar jew mill-monetizzazzjoni tad-data miġbura mingħand l-utenti għandu jitqies li ġie pprovdut bi skambju għal remunerazzjoni. Minn dan isegwi li servizz offrut taħt dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jitqies li huwa pprovdut mingħajr ħlas.

b)      Kuntratti konklużi mal-konsumaturi għal kontenut diġitali u għal servizzi diġitali

48.      Id-Direttiva 2019/770 tapplika kemm għall-kuntratti li permezz tagħhom il-konsumatur iħallas prezz kif ukoll, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha, għal dawk li permezz tagħhom il-konsumatur minflok jipprovdi data personali, sakemm din id-data ma tiġix ipproċessata biss sabiex jiġi pprovdut is-servizz jew sabiex il-kummerċjant ikun jista’ jikkonforma ruħu ma’ obbligi legali (43). Eċċezzjoni bħal din turi li l-leġiżlatur kien qiegħed jirreferi għal skambju. Kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jekk il-kummerċjant jipproċessa d-data għall-iskopijiet tiegħu stess, bħalma jkun il-każ meta d-data ta’ konsumatur tinġabar meta dan jirreġistra ma’ network soċjali u tintuża sabiex jintwera reklamar personalizzat.

49.      Fir-rigward tas-servizzi diġitali, id-Direttiva 2011/83 ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2019/2161 sabiex tinkludi l-Artikolu 3(1a), li jkopri l-kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi servizz diġitali bi skambju għal data personali mingħand il-konsumatur (44). Minħabba x-xebh ta’ bejniethom u l-interkambjabbiltà ta’ servizzi diġitali mħallsa u s-servizzi diġitali pprovduti bi skambju għal data personali, dawn għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli (45). Għaldaqstant, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-provvista ta’ servizz diġitali bi skambju għal data personali kienet ekwivalenti għall-provvista ta’ servizzi diġitali bi ħlas.

50.      Kif indikajt iktar ’il fuq (46), ikun inkoerenti li l-istess realtà kummerċjali tiġi ttrattata bħala skambju fil-kuntest ta’ strument u bħala li hija b’xejn fil-kuntest ta’ strument ieħor. L-eżempji mogħtija fil-premessa 24 tad-Direttiva 2019/770 jiddeskrivu, essenzjalment, is-sitwazzjoni li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju. Din id-direttiva tapplika meta konsumatur jiftaħ kont tal-media soċjali u jipprovdi isem u indirizz tal-posta elettronika li jintużaw għal finijiet li jmorru lil hinn mill-provvista tas-servizz u mill-konformità mar-rekwiżiti legali. Hija tapplika wkoll meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar, għal finijiet kummerċjali, ta’ elementi li jikkostitwixxu data personali, bħalma huma ritratti jew kummenti li huwa jqiegħed online.

51.      Iż-żewġ partijiet tad-domanda magħmula, jiġifieri l-iżvelar ta’ data personali u l-kunsens għall-użu tagħha għal finijiet kummerċjali, jikkorrispondu għal sitwazzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espliċitament. Huwa diffiċli li qari tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 fis-sens li jipprovdi li servizz miksub taħt dawn l-istess kundizzjonijiet jista’ jiġi deskritt lill-konsumaturi bħala li huwa mingħajr ħlas jiġi rrikonċiljat mal-ekwivalenza stabbilita b’dan il-mod.

52.      Meħuda flimkien, dawn l-istrumenti jirriflettu żvilupp li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa b’mod kostanti: fl-ekonomija diġitali, is-servizzi qegħdin dejjem iktar jiġu pprovduti lill-konsumaturi bi skambju għad-data personali tagħhom, minflok għal flus, u dawn il-mudelli ekonomiċi qegħdin jintużaw, f’diversi forom, f’parti kunsiderevoli tas-suq (47). Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi interpretat il-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.

C.      Interpretazzjoni teleoloġika

53.      L-għan imfittex mid-Direttiva 2005/29 huwa, fost l-oħrajn, li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali żleali. Dan l-għan huwa bbażat fuq il-premessa li l-konsumaturi ġeneralment jinsabu f’pożizzjoni iktar dgħajfa meta mqabbla mal-kummerċjanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni u l-għarfien espert (48). Din il-premessa hija riflessa fil-premessi 7, 11, 13 u 14 ta’ din id-direttiva, li jirreferu għal prattiki kummerċjali li jkunu mmirati direttament sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-konsumaturi, sabiex jibdlu l-imġiba ekonomika tagħha, jew sabiex iwaqqfuhom milli jagħmlu għażla informata u għalhekk effiċjenti (49).

54.      F’dan il-kuntest, konsumatur li jintalab iħallas somma flus ikun jaf x’qiegħed jagħti bħala korrispettiv għas-servizz. Madankollu, konsumatur li jikseb aċċess għal servizz billi jiżvela data personali u billi jagħti l-kunsens tiegħu għall-użu tagħha għal finijiet kummerċjali jinsab f’sitwazzjoni differenti. Huwa improbabbli li din il-persuna jkollha għarfien tal-valur ekonomiku ta’ dak li hija tkun qiegħda tagħti jew tal-portata tar-reklamar li jista’ jagħti lok għalih l-iżvelar ta’ din id-data (50). Minn dan isegwi li l-iżbilanċ ta’ informazzjoni meħud inkunsiderazzjoni mid-Direttiva 2005/29 huwa partikolarment sinjifikattiv meta l-korrispettiv mitlub mill-konsumatur ma jkunx espress f’ċifri li jippermettu li jiġi evalwat il-valur tiegħu, li huwa l-każ tad-data personali. (51).

55.      Huwa diffiċli li interpretazzjoni tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 fis-sens li jirreferi biss għall-ħlas tal-flus tiġi rrikonċiljata mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħlas” fil-punt 11 tal-Anness I bħala li jeżiġi l-ħlas ta’ somma flus ma tirriflettix ir-realtà tal-prattiki ġurnalistiċi u pubbliċitarji; tali interpretazzjoni ċċaħħad fil-parti l-kbira lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha (52). L-istess japplika għall-punt 20 ta’ dan l-anness. Is-servizzi deskritti bħala “b’xejn” huma partikolarment komuni fis-settur online, fejn spiss jiġu ffinanzjati permezz tal-ġbir u tal-isfruttament tad-data tal-utenti pjuttost milli permezz tal-fatturazzjoni ta’ prezz (53). Għaldaqstant, tali interpretazzjoni ċċaħħad lill-punt 20 mill-parti kbira tal-effett tiegħu fis-settur stess fejn huwa l-iktar neċessarju (54).

56.      Bl-istess mod, il-prattiki elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandhom jitqiesu li huma żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva (55). Argument ibbażat fuq il-fehim tal-konsumatur medju jwassal sabiex jiġi applikat kriterju li huwa speċifiku għall-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmija direttiva, li ma għandux post fl-applikazzjoni tal-Anness I tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma tistax tiġi aċċettata pożizzjoni li tgħid li servizz huwa mingħajr ħlas kull meta l-konsumatur ma jkunx obbligat iħallas somma flus.

57.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta’ dak li l-konsumatur “għandu jħallas” fis-sens tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, jinkludi l-iżvelar ta’ data personali u l-kunsens għall-użu tagħha għal finijiet kummerċjali, kemm-il darba din id-data ma tiġix ipproċessata esklużivament għall-finijiet tal-provvista tas-servizz inkwistjoni jew sabiex il-kummerċjant ikun jista’ josserva r-rekwiżiti legali li għalihom huwa suġġett.

D.      Jekk l-interpretazzjoni tiddaħħalx inkwistjoni minn kunsiderazzjonijiet oħra jew le

58.      Din il-konklużjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mill-argumenti mressqa minn Meta dwar in-natura eżawrjenti tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, dwar il-protezzjoni diġà mogħtija mill-GDPR u dwar il-libertà ta’ intrapriża u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

59.      L-ewwel, Meta ssostni li l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jinkludi lista eżawrjenti ta’ prattiki li huma żleali fiċ-ċirkustanzi kollha, u li l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva jirriżerva d-dritt li tiġi emendata l-lista għal reviżjoni tal-imsemmija direttiva nnifisha, b’tali mod li din il-lista għandha tiġi interpretata b’mod strett.

60.      F’dan ir-rigward, dak li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2005/29 jirriżerva għal-leġiżlatur hija l-kompożizzjoni tal-lista, jiġifieri l-prattiki li jinsabu fiha, u mhux it-tifsira tat-termini li bihom hija deskritta kull prattika. Is-sentenzi invokati minn Meta f’dan ir-rigward kienu jikkonċernaw regoli nazzjonali li jipprojbixxu prattiki li ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29 (56). Dan il-każ ma jinvolvix żieda bħal din peress li l-prattika inkwistjoni hija deskritta fil-punt 20 tal-Anness I stess. Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni restrittiva lanqas ma tirriżulta mill-fatt li l-prattiki elenkati f’dan l-anness għandhom jitqiesu li huma żleali mingħajr ma jkollhom jiġu evalwati każ b’każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva. L-għan ta’ din il-lista huwa li jiġu evitati evalwazzjonijiet individwali diffiċli (57). Minn dan isegwi li l-punt 20 ta’ dan l-anness għandu jiġi applikat indipendentement mill-komprensjoni tal-konsumatur medju f’każ individwali, iżda ma jsegwix li t-termini li bihom huwa mfassal dan il-punt għandhom jingħataw tifsira stretta. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja stess jikkonferma dan. Fis-sentenza Peek & Cloppenburg, wara li fakkret espliċitament li l-Anness I fih lista eżawrjenti (58), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “ħlas”, li jinsab fil-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, bħala li jinkludi l-korrispettiv li għandu valur patrimonjali fil-forma ta’ ħlas ta’ somma flus jew fi kwalunkwe forma oħra, għar-raġuni li interpretazzjoni iktar stretta ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

61.      It-tieni, Meta ssostni li l-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom hija diġà żgurata mill-GDPR, b’mod partikolari mir-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikoli 12 et seq. tiegħu, b’tali mod li ma hijiex neċessarja interpretazzjoni wiesgħa tal-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29.

62.      F’dan ir-rigward, il-GDPR jiggarantixxi l-ipproċessar legali u trasparenti tad-data personali, filwaqt li d-Direttiva 2005/29 tirregola l-prattiki kummerċjali direttament marbuta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi. Konformement mal-GDPR, kummerċjant jista’ jiżvela b’mod eżawrjenti l-għanijiet li għalihom id-data miġbura ser tiġi pproċessata u xorta waħda jiddeskrivi s-servizz li għalih din id-data tagħti aċċess bħala servizz mingħajr ħlas. Id-deskrizzjoni ta’ servizz bħala “mingħajr ħlas” ma hijiex fiha nnifisha att ta’ pproċessar ta’ data personali. Dan ir-regolament jirregola l-legalità u t-trasparenza ta’ tali pproċessar, jiġifieri liema data tiġi pproċessata, għal liema raġunijiet, u x’għandu jiġi kkomunikat dwar dan lis-suġġett tad-data. Il-GDPR ma jidħolx fil-kwistjoni tan-natura preċiża ta’ dikjarazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom jiġi propost servizz. L-evalwazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni taqa’ taħt id-Direttiva 2005/29. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-osservanza tal-GDPR u l-applikazzjoni ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jsegwu għanijiet differenti huma kumulattivi iktar milli alternattivi (59).

63.      Lanqas l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 ma jwassal għal konklużjoni differenti. Skont din id-dispożizzjoni, huwa biss fil-każ ta’ kunflitt li din id-direttiva tagħti preċedenza lil dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali (60). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regoli li jobbligaw lill-kummerċjanti jipprovdu ċerta informazzjoni lill-konsumaturi ma jirregolawx, fihom infushom, aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali (61). L-istess japplika għar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikoli 12 et seq. tal-GDPR. Fi kwalunkwe każ, ikun hemm kunflitt fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 biss meta regoli oħra jimponu obbligi fuq il-kummerċjanti, b’tali mod li ma jħallulhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni, li jkunu inkompatibbli ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2005/29 (62). Dan ma huwiex il-każ hawnhekk peress li kummerċjant jista’ jikkonforma ruħu mal-GDPR filwaqt li jastjeni milli jikklassifika servizz bħala “mingħajr ħlas” meta jkun effettivament meħtieġ korrispettiv.

64.      It-tielet, Meta ssostni li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-libertà ta’ intrapriża, kif stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE. Fuq din il-bażi, hija targumenta li l-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv.

65.      Dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dak li huwa pprojbit mill-punt 20 tal-Anness I. Jekk kummerċjant ma jeżiġi xejn min-naħa tal-konsumatur lil hinn mill-ispejjeż inevitabbli msemmija f’din id-dispożizzjoni, huwa jista’ jirreklama s-servizz bħala “b’xejn” jew “mingħajr ħlas”. Bl-istess mod, kummerċjant li s-servizz tiegħu huwa ffinanzjat bl-użu ta’ data personali huwa liberu li jinforma lill-konsumaturi bil-kundizzjonijiet li fihom dan is-servizz huwa offrut. Madankollu, huwa ma jistax jiddeskrivi s-servizz bħala “mingħajr ħlas” jekk il-konsumatur “għandu jħallas” għalih fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

66.      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni li qiegħed nipproponi ma timplika ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ intrapriża jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dawn il-libertajiet ma jagħtux id-dritt li jiġu pprovduti deskrizzjonijiet ineżatti tas-servizzi u ma tqumx il-kwistjoni dwar jekk restrizzjonijiet għall-imsemmija libertajiet humiex ġustifikati u proporzjonati. Fi kwalunkwe każ, l-ebda waħda minn dawn il-libertajiet ma hija assoluta (63). Il-projbizzjoni li servizz jiġi deskritt bħala “b’xejn” meta fil-verità jkun meħtieġ korrispettiv tkun tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, limitazzjoni li hija permessa, għalkemm din hija evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali. Tali projbizzjoni ssegwi l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta u teżiġi biss li d-deskrizzjoni ta’ servizz tikkorrispondi mal-kundizzjonijiet li fihom jiġi propost.

67.      Il-ġurisprudenza invokata minn Meta f’dan ir-rigward ma tippermettix li tinsilet konklużjoni differenti. Is-sentenzi inkwistjoni kienu jikkonċernaw projbizzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali li kienu preċiżi fuq il-mertu, u l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk projbizzjoni ġenerali fuq tali komunikazzjonijiet kinitx proporzjonata mal-għan imfittex (64). Ma tqum ebda kwistjoni paragunabbli meta d-deskrizzjoni inkwistjoni tkun, fi kwalunkwe każ, ineżatta.

68.      Għaldaqstant, ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jdaħħal inkwistjoni l-interpretazzjoni esposta fil-punt 57 iktar ’il fuq.

IV.    Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

Il-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “spiża”, fis-sens ta’ dan il-punt 20, li jirreferi għal dak li l-konsumatur “għandu jħallas”, ikopri l-iżvelar ta’ data personali mill-konsumatur u l-kunsens tiegħu għall-użu ta’ din id-data għal finijiet kummerċjali, kemm-il darba din id-data ma tiġix ipproċessata esklużivament għall-finijiet tal-provvista tas-servizz inkwistjoni jew sabiex il-kummerċjant ikun jista’ josserva r-rekwiżiti legali li għalihom huwa suġġett.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU 2019, L 328, p. 7).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU 2019, L 136, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 60).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36).


7      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 1.2016, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


8      BGBl. 2010 I, p. 254.


9      Ara l-punt 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li jiċċita s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 32 et seq.).


10      Il-punt (ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 ġie ssostitwit bl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2019/2161 u issa huwa fformulat kif ġej: “(c) ‘prodott’ tfisser kwalunkwe oġġett jew servizz inklużi proprjetà immobbli, servizzi diġitali u kontenut diġitali, kif ukoll drittijiet u obbligi”. Fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni kienet ifformulata kif ġej: “(ċ) ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi”.


11      Ara l-punt 12 tad-digriet tar-rinviju.


12      Il-punt 20 tal-Anness I u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 lanqas ma ġew affettwati mill-emendi magħmula mid-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29 u 2011/83 fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (ĠU L, 2024/825). Fi kwalunkwe każ, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħha kien is‑27 ta’ Marzu 2026 u l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri mis‑27 ta’ Settembru 2026; dawn iż-żewġ dati ġew wara s-seduta dwar l-appell fuq punt ta’ liġi li nżammet fit‑3 ta’ Lulju 2025.


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 56); tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑14 ta’ Novembru 2024, Compass Banca (C‑646/22, EU:C:2024:957, punti 65 u 66).


14      Ara l-punt 34 iktar ’il quddiem.


15      Sentenza tal‑4 ta’ Frar 2025, Keren (C‑158/23, EU:C:2025:52, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, pereżempju, il-verżjoni bil-Bulgaru, bil-Kroat, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Pollakk, bir-Rumen, bis-Sloven u bl-Ispanjol. Il-verżjoni bil-Bulgaru tuża l-verb “плати” (“ħallas”) u s-sostantiv “цена” (“prezz”), u mhux “spejjeż”. Il-verżjoni bil-Kroat tuża “iznos” (“ammont”), li jimplika somma flus jew, tal-inqas, valur pekunjarju. Fil-verżjoni bl-Estonjan, id-deskritturi huma “prii”, “tasuta” u “ilma rahata”, fejn din tal-aħħar tfisser “mingħajr flus”. Fil-verżjoni bil-Finlandiż, “maksuton” tfisser letteralment “mingħajr ħlas”. Il-verżjoni bil-Pollakk tuża l-kelma “należność”, li hija ddefinita bħala s-somma dovuta jew l-ammont li għandu jitħallas. Il-verżjoni bir-Rumen tgħid “o sumă în plus față de costurile” (“somma oħra apparti l-ispejjeż”). Il-verżjoni bis-Sloven tuża “če mora potrošnik plačati kakršen koli znesek” (“jekk il-konsumatur ikollu jħallas kwalunkwe ammont”). Il-verżjoni bl-Ispanjola titlob li l-konsumatur ikollu “abonar dinero por cualquier concepto distinto [...]” (“iħallas flus għal kwalunkwe ħaġa oħra għajr [...]”), li hija fost l-iktar referenzi espliciti għal flus fil-verżjonijiet kollha.


17      Ara, pereżempju, il-verżjoni bil-Ġermaniż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Portugiż u bis-Slovakk. Il-verżjoni bil-Ġermaniż tirrikjedi li l-konsumatur iġarrab spejjeż addizzjonali – “weitere Kosten […] zu tragen hat” – fejn il-verb użat jindika li jinġarr piż, iktar milli jitħallas prezz. It-termini bit-Taljan “pagare” (“ħallas”) u “costo” (“spiża”) jissuġġerixxu ħlas fi flus, għalkemm l-użu tagħhom f’sens iktar ġenerali, b’riferiment għal kull korrispettiv, ma jistax jiġi eskluż. Fost id-deskritturi tagħha, il-verżjoni bil-Latvjan tinkludi “bez atlīdzības”, jiġifieri mingħajr remunerazzjoni, u dan jindika l-assenza ta’ korrispettiv iktar milli l-assenza ta’ prezz, u tipprovdi li l-konsumatur għandu jħallas “vēl kas vairāk par obligātajām izmaksām” (“xi ħaġa iktar mill-ispejjeż obbligatorji”), espressjoni din li ma tindika xejn iktar fir-rigward ta’ x’inhi din il-ħaġa. Il-verżjoni bil-Litwan tipprovdi li l-konsumatur ikollu jħallas għal xi ħaġa iktar, mingħajr ma tispeċifika x’inhi din il-ħaġa. Fil-verżjoni bil-Portugiż, id-deskritturi huma “grátis”, “gratuito”, “sem encargos” u “equivalente”; “sem encargos” tista’ tindika prodott li la jkun suġġett għal spejjeż u lanqas għal piżijiet oħra li ma jkunux ta’ natura pekunjarja, u ebda espressjoni pekunjarja ma tintuża, la fid-deskrizzjoni tal-prodott u lanqas fid-deskrizzjoni tal-piż tal-konsumatur. Fil-verżjoni bis-Slovakk, l-ispejjeż inevitabbli jissemmew biss sabiex jiġu esklużi u ma hemm xejn li jirreferi għal dak li l-konsumatur iħallas lil hinn minn dawn l-ispejjeż.


18      Ara, pereżempju, il-verżjoni bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bil-Malti u bis-Svediż. Il-verżjoni bl-Olandiż tuża “iets anders moet betalen dan de onvermijdelijke kosten” (“għandu jħallas xi ħaġa oħra minbarra l-ispejjeż inevitabbli”) u tinkludi fid-deskritturi tagħha “voor niets”, letteralment “b’xejn”, li jindika l-assenza ta’ kwalunkwe korrispettiv iktar milli l-assenza ta’ prezz; jista’ jingħad ukoll li l-espressjoni “betalen met je gegevens” (“tħallas bid-data tiegħek”) tintuża komunement fl-Olandiż fil-kuntest inkwistjoni. Il-verżjoni bl-Ingliż tipprevedi li l-projbizzjoni tapplika “if the consumer has to pay anything other other than the unavoiable cost”; il-verb “to pay” normalment jindika somma flus, iżda jista’ jkopri wkoll il-provvista ta’ oġġetti oħra ta’ valur, u ma jipprovdi ebda preċiżjoni ulterjuri. Il-verżjoni bil-Grieg tuża terminu li jindika ħlas, li jista’ jinftiehem fis-sens strett ta’ somma flus jew f’sens usa’ li jkopri kull korrispettiv, inkluż ħlas in natura. Il-verżjoni bl-Ungeriż taqra bħala “az elkerülhetlen költségén felül bármit is fizetnie kell” (“għandu jħallas xi ħaġa lil hinn mill-ispiża inevitabbli”); il-paragun stabbilit b’dan il-mod mal-ispiża inevitabbli jissuġġerixxi li t-tnejn huma tal-istess natura, minkejja li l-ħlas ta’ somma flus ma huwa meħtieġ imkien b’mod espliċitu. Il-verżjoni bil-Malti tuża t-terminu “prezz”, li ġeneralment jirreferi għal somma flus, filwaqt li ma tiddefinixxix x’inhu kopert minn “għandu jħallas xi ħaġa oħra”. Il-verżjoni bl-Isvediża tgħid “betala annat än den oundvikliga kostnaden” (“iħallas xi ħaġa oħra minbarra l-ispiża inevitabbli”), fejn il-pronom “annat” iservi sabiex jeskludi l-ispiża inevitabbli mingħajr ma jispeċifika s-suġġett tal-ħlas lil hinn minn din l-ispiża.


19      Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Peek & Cloppenburg (C‑371/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Peek & Cloppenburg”, EU:C:2021:674).


20      Il-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li ma ġiex emendat, jipprovdi: “Fejn il-kummerċjant juża kontenut editorjali fil-mijdja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur”.


21      Bħall-verżjoni bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Olandiż u bil-Pollakk. Ara s-sentenza Peek & Cloppenburg, punt 36.


22      Bħall-verżjoni bil-Franċiż u bit-Taljan, ibid.


23      Ibid., punti 37 sa 42 u 49.


24      Ara, f’dan is-sens u inter alia, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), u tad‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Talbiet eċċessivi) (C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 24).


25      Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.


26      Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.


27      L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 tiddefinixxi din il-prattika bħala l-użu ta’ “kontenut editorjali fil-mijdja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur”.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Peek & Cloppenburg, punt 49.


29      Ibid., punti 20 u 46.


30      Ibid., punt 46.


31      Ara, f’dan is-sens, ibid., punt 41.


32      ĠU 2021, C 526, p. 1.


33      Taqsima 3.4, “Użu tal-asserzjoni ‘b’xejn’ – Nru 20”, p. 66.


34      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meta Platforms et”, EU:C:2023:537”.


35      Ibid., punt 27.


36      Ibid., punt 50.


37      Ibid.


38      Ibid., punt 51.


39      Ara s-sentenza Peek & Cloppenburg, punt 49.


40      L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2019/2161 ssostitwixxa l-punt (ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29.


41      Ara r-referenza meta kull wieħed minn dawn l-atti jissemma għall-ewwel darba.


42      Il-premessa 16 tad-Direttiva 2018/1972 tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 57 TFUE. Ara, inter alia, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas, C‑291/13, EU:C:2014:2209, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43      Fid-Direttiva 2019/770, il-kunċett ta’ prezz jestendi biss għall-flus u għar-rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ valur bħala metodu ta’ pagament, bħalma huma vawċers elettroniċi jew kupuni elettroniċi (il-punt 7 tal-Artikolu 2; ara l-premessa 23 tagħha), u l-provvista ta’ data personali ma tissemma mkien bħala mezz ta’ korrispettiv.


44      Introdott bl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 2019/2161. L-Artikolu 3(1a) ikopri wkoll kontenut diġitali li ma jkunx ipprovdut fuq mezz tanġibbli; din hija l-estensjoni għas-servizzi diġitali li hija rilevanti f’dan il-każ.


45      Premessa 31 tad-Direttiva 2019/2161.


46      Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


47      Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2018/1972, il-premessa 24 tad-Direttiva 2019/770 u l-premessa 31 tad-Direttiva 2019/2161. Ara wkoll is-sentenza Meta Platforms et, punti 50 u 51.


48      Sentenza Peek & Cloppenburg, punt 39. Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 48), u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Orange Polska (C‑628/17, EU:C:2019:480, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Dwar il-premessi 7, 11, 13 u 14 tad-Direttiva 2005/29 ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, Compass Banca (C‑646/22, EU:C:2024:957, punt 49).


50      Ara l-punt 31 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


51      L-istess japplika għall-vantaġġ li kien inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Peek & Cloppenburg, fejn l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ immaġni protetti mid-drittijiet tal-awtur kellha valur patrimonjali, iżda ebda ċifra li tippermetti li jiġi ddeterminat dan il-valur ma kienet marbuta magħha. Ara l-punt 38 iktar ’il fuq.


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Peek & Cloppenburg, punt 42.


53      Ara l-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, u l-Gwida tal-Kummissjoni msemmija fihom.


54      Ara l-punt 54 iktar ’il fuq, u l-punt 31 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


55      Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.


56      Sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, EU:C:2010:12, punt 45), u tal‑14 ta’ Novembru 2024, Compass Banca (C‑646/22, EU:C:2024:957, punt 67).


57      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 46).


58      Sentenza Peek & Cloppenburg, punt 49. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod strett entrata fl-Anness I, hija għamlet dan b’mod li jirrifletti l-għan ta’ dan l-anness iktar milli favur il-kummerċjant: ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et (C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 41).


59      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Lindenapotheke (C‑21/23, EU:C:2024:846, punti 74 et seq.), u s-sentenza Meta Platforms et (punti 47 et seq.).


60      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      Ibid., punti 65 u 66.


62      Ibid., punti 60 u 61.


63      Għal dak li jirrigwarda l-libertà ta’ intrapriża, ara l-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta “għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Ara wkoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 45 u 46).


64      Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 76); tal‑14 ta’ Novembru 2024, Compass Banca (C‑646/22, EU:C:2024:957, punt 96), li kienet tikkonċerna miżura imposta minn awtorità nazzjonali fir-rigward ta’ prattika li ma hijiex elenkata fl-Anness I; u tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Reklamar ta’ spiżeriji) (C‑200/24, EU:C:2025:459, punti 73 u 100).