32004R0416



Official Journal L 068 , 06/03/2004 P. 0012 - 0013


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 416/2004

tal-5 ta’ Marzu 2004

li jistabbilixxi miżuri transitorji sabiex jiġu applikati r-Regolament (KEE) Nru 2201/96 u r-Regolament (KE) Nru 1535/2003 minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakja ma’ l-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakja, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakja, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1) Għandhom jiġu stabbiliti miżuri transitorji sabiex jippermettu lill-produtturi u lill-proċessuri fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakja (minn issa ‘l quddiem imsejħa "l-Istati Membri l-ġodda") sabiex jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolment tal-Kummissjoni (KE) Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjes ta’ l-ikel [1].

(2) Skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2003 tad-29 ta’ Awissu 2003 li jistabilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex ta’ l-ikel [2], iridu jiġu konklużi l-kuntratti għat-tadam, għall-ħawħ u għal-lanġas bejn il-proċessuri approvati mill-awtoritjiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi mogħtija l-għarfien jew l-għarfien preliminari. Għandha ssir deroga temporanja mill-iskeda taż-żmien sabiex jiġu konklużi l-kuntratti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1535/2003. Inkella, u b’mod partikolari fil-każ tat-tadam, li għalih il-kuntratti jridu jiġu konklużi qabel il-15 ta’ Frar, il-partijiet interessati ma’ jkunux kapaċi jibbenefikaw mill-iskema tal-għajnuna matul l-ewwel sena tas-suq.

(3) Il-mekkaniżmu sabiex tiġi eżaminata l-konformità mal-għetiebi nazzjonali tal-proċessar ipprovvduti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 ma japplikax immedjatament għall-Istati Membri l-ġodda. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti miżuri transitorji għall-applikazzjoni tiegħu. Għall-ewwel sena tas-suq ta’ applikazzjoni, li dwarha ma teżisti l-ebda informazzjoni għall-kalkolu, il-għajnuna għandha titħallas kollha. Madankollu, bħala miżura prekawzjonarja, għandu jsir tnaqqis minn qabel li jrid jitħallas lura jekk ma jkun hemm l-ebda qbiż żejjed fl-aħħar tas-sena tas-suq. Għas-snin tas-suq sossegwenti, għandha ssir dispożizzjoni għall-applikazzjoni gradwali tas-sistema sabiex tiġi eżaminata l-konformità mal-għatba.

(4) Ġaladarba il-għajnuna fuq it-tadam tiġi ppubblikata f’Jannar li jiġi qabel is-sena tas-suq interessata, għandhom jiġu stabbiliti wkoll miżuri transitorji sabiex tiġi eżaminata l-konformità mal-għatba bil-għan li jiġi ffisat il-livell tal-għajnuna għas-sena tas-suq 2007/8.

(5) Il-miżuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tat-Ġestjoni tal-Prodotti Pproċessati mill-Frott u l-Ħxejjex ta’ l-Ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Minkejja l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1535/2003, fil-każ tat-tadam fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, s-Slovenja u s-Slovakja (minn issa ‘l quddiem imsejħa "l-Istati Membri l-ġodda") matul is-sena tas-suq 2004/2005, il-kuntratti bejn l-organizzazzjonijiet magħrufa tal-produtturi fit-tifsira tal-paragrafu 1(1)(a) tar-Regolament imsemmi u l-proċessuri approvati għandhom jiġu konklużi sal-15 ta’ Lulju u mill-inqas għaxart ijiem qabel ma jridu jibdew il-kunsinni.

Artikolu 2

Għas-sena tas-suq 2004/2005 u għall-Istati Membri l-ġodda, il-għajnuna pprovduta fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 għandha tkun ta’:

- EUR 25,88/tunnellata metrika għat-tadam,

- EUR 35,78/tunnellata metrika għall-ħawħ,

- EUR 121,28/tunnellata metrika għal-lanġas,

Artikolu 3

1. Meta l-eżami tal-konformità mal-għatba bil-għan li tiġi ffissata l-għajnuna għas-sena tas-suq 2005/2006 turi illi ma nqabżitx il-għatba Komunitarja, għandu jitħallas ammont addizzjonali egwali għal 25 % tal-għajnuna pprovvduta fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 fl-Istati Membri l-ġodda kollha wara t-tmiem tas-sena tas-suq 2004/2005.

2. Meta l-eżami tal-konformità mal-għatba bil-għan li tiġi ffissata l-għajnuna għas-sena tas-suq 2005/2006 turi illi nqabżet il-għatba Komunitarja, f’dawk l-Istati Membri l-ġodda li fihom ma tkunx inqabżet il-għatba jew li fihom il-għatba tkun inqbżet b’inqas minn 25 % għandu jitħallas ammont addizzjonali fit-tmiem tas-sena tas-suq 21004/2005.

L-ammont addizjonali riferit fl-ewwel paragrafu għandu jkun imsejjes fuq l-ammont li bih tkun inqabżet il-għatba nazzjonali interessata, sa massimu ta’ 25 % tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96.

Artikolu 4

Meta tiġi eżaminata l-konformità mal-għetiebi nazzjonali tal-proċessar għat-tadam, għall-ħawħ u għal-lanġas fl-Istati Membri l-ġodda, il-kalkolu għandu jkun imsejjes:

(a) għas-sena tas-suq 2005/06:

(i) fil-każ tat-tadam, fuq il-kwantitajiet li għalihom kienu ssottomessi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sena tas-suq 2004/2005;

(ii) fil-każ tal-ħawħ u l-lanġas, fuq il-kwantitajiet li għalihom il-għajnuna kienet attwalment imħallsa matul is-sena tas-suq 2004/2005;

(b) għas-sena tas-suq 2006/07:

(i) fil-każ tat-tadam, fuq il-medja tal-kwantitajiet li għalihom il-għajnuna kienet imħallsa attwalment matul is-sena tas-suq 2004/05 u l-kwantitajiet li għalihom kienu ssottomessi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sena tas-suq 2005/06;

(ii) fil-każ tal-ħawħ u tal-lanġas, fuq il-medja tal-kwantitajiet li għalihom il-għajnuna kienet attwalment imħallsa matul is-snin tas-suq 2004/2005 u 2005/2006;

(ċ) għas-sena tas-suq 2007/08 fil-każ tat-tadam, il-medja tal-kwantitajiet li għalihom il-għajnuna kienet imħallsa attwalment matul is-snin tas-suq 2004/05 u 2005/06 u l-kwantitajiet li għalihom kienu ssottomessi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għas-sena tas-suq 2006/07;

Il-kwantità miksuba meta tiġi eżaminata l-konformità mal-għatba nazzjonali għandha tiġi miżjuda ma’ l-ammonti għall-Istati Membri l-oħra kollha bil-għan li tiġi eżaminata l-konformità mal-għatba Komunitarja.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bla ħsara għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-5 ta’ Marzu 2004.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 29. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 453/2002 (ĠU L 72, ta’ l-14.3.2002, p. 9).

[2] ĠU L 218, tat-30.8.2003, p. 14.

--------------------------------------------------