European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/953

23.5.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/953

tat-23 ta’ Mejju 2025

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Il-medetomidina ġiet approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1731 (2) sal-31 ta’ Diċembru 2022, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Fis-27 ta’ Ġunju 2021, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 (“l-applikazzjoni”).

(3)

Fl-10 ta’ Diċembru 2021, l-awtorità kompetenti li tevalwa tan-Norveġja għarrfet lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, tirrikjedi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tressaqha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1495 (3) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 għat-30 ta’ Ġunju 2025, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet.

(7)

Fit-18 ta’ Awwissu 2023, l-awtorità kompetenti li tevalwa ressqet lill-Aġenzija r-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid flimkien mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha.

(8)

Fit-28 ta’ Mejju 2024, l-Aġenzija adottat l-opinjoni tagħha (4) dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-medetomidina f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u ressqitha lill-Kummissjoni.

(9)

Il-medetomidina titqies li għandha proprjetajiet ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fil-bnedmin, u għalhekk tissodisfa l-kriterju ta’ esklużjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Filwaqt li għaddejja l-eżaminazzjoni mill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk hijiex issodisfata tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, u jekk l-approvazzjoni tal-medetomidina tistax għalhekk tiġġedded, mhux se jkun possibbli li din l-eżaminazzjoni titlesta qabel l-iskadenza attwali tal-approvazzjoni.

(10)

Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal darba oħra għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex titlesta l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni. Filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għat-30 ta’ Ġunju 2026.

(11)

Wara l-posponiment għal darb’oħra tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-medetomidina tibqa’ approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1731,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidina għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1495 hija posposta għat-30 ta’ Ġunju 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1731 tat-28 ta’ Settembru 2015 li japprova l-medetomidin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 (ĠU L 252, 29.9.2015, p. 33; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1731/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1495 tat-8 ta’ Settembru 2022 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-medetomidin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 234, 9.9.2022, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1495/oj).

(4)  Biocidal Products Committee (BPC) opinion on the application for renewal of the approval of the active substance: medetomidine, Product type: 21, ECHA/BPC/422/2024, adottata fit-28 ta’ Mejju 2024.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/953/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)