02018R0775 — MT — 09.06.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/775

tat-28 ta' Mejju 2018

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward tar-regoli biex jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju ta' ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 131 29.5.2018, p. 8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/802 tas-17 ta' Mejju 2019

  L 132

21

20.5.2019




▼B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/775

tat-28 ta' Mejju 2018

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward tar-regoli biex jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju ta' ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 fejn il-pajjiż tal-orġini jew il-post ta' provenjenza ta' oġġett ta' ikel jingħata bi kwalunkwe mezz bħala dikjarazzjonijiet, preżentazzjoni ta' stampi, simboli jew termini, li jirreferu għal postijiet jew żoni ġeografiċi, ħlief għal termini ġeografiċi inklużi f'ismijiet abitwali u ġeneriċi fejn dawk it-termini ġeografiċi litteralment jindikaw l-oriġini, iżda li l-fehim komuni tagħhom ma jkunx indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza.

2.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 jew ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 jew protetti skont ftehimiet internazzjonali u lanqas ma għandu japplika għal trademarks fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu indikazzjoni tal-oriġini, sakemm issir l-adozzjoni tar-regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) għal indikazzjonijiet bħal dawn.

Artikolu 2

Indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ingredjent primarju

Għandu jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza ta' ingredjent primarju meta mhuwiex l-istess bħal dak tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel partikolari:

(a) b'referenza għal waħda miż-żoni ġeografiċi li ġejjin:

(i) “UE”, “mhux tal-UE” jew “UE jew mhux tal-UE”; jew

(ii) Reġjun, jew kwalunkwe żona ġeografika oħra f'diversi Stati Membri jew f'pajjiżi terzi, jekk jiġu ddefiniti bħala tali skont id-dritt internazzjonali pubbliku jew li hija mifhuma sew mill-konsumatur medju normalment infurmat; jew

(iii) Żona tal-FAO, baħar jew korp tal-ilma ħelu, jekk jiġu ddefiniti bħala tali taħt id-dritt internazzjonali jew li hu mifhum sew mill-konsumatur medju normalment infurmat; jew

(iv) Stati Membru/i jew pajjiż(i) terz(i); jew

(v) Reġjun, jew kwalunkwe żona ġeografika oħra fi Stat Membru jew f'pajjiż terz, li hija mifhuma sew mill-konsumatur medju normalment infurmat; jew

(vi) Il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza skont dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal kull ingredjent(i) primarju/i bħala tali.

(b) jew permezz ta' dikjarazzjoni kif ġej:

“(isem l-ingredjent primarju) joriġina/ma joriġinax minn (il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel)” jew kwalunkwe kliem simili li jista' jkollu l-istess tifsira għall-konsumatur.

Artikolu 3

Preżentazzjoni tal-informazzjoni

1.  L-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 2 għandha tingħata b'tipa ta' daqs li mhuwiex iżgħar mid-daqs minimu tat-tipa kif meħtieġ skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel jingħata fi kliem, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 2 għandha tidher fl-istess parti viżiva bħall-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel u b'tipa li għandha għoli ta' x minn tal-anqas 75 % tal-għoli ta' x tal-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta' provenjenza tal-ikel ma jiġix indikat bil-kliem, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 2 għandha tidher fl-istess parti viżiva bħall-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ikel.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ, d-data tal-applikazzjoni u miżuri tranżitorji

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' April 2020.

Ikel li jitqiegħed fis-suq jew li jiġi ttikkettat qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jista' jiġi kkummerċjalizzat fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.