|
13.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 92/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ April 2010
dwar l-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew ikunu disponibbli mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2227)
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
(2010/214/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mill-Gvern tar-Repubblika Taljana tas-17 ta’ April 2009 u l-4 ta’ Jannar 2010 fejn jitlob importazzjoni bla dazju ta’ oġġetti li jitqassmu jew li jkunu disponibbli mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana.
Billi:
|
(1) |
Terremot huwa diżastru skont it-tifsira tal-Kapitolu XVII C tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009; għalhekk hemm raġuni għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 74 sa 80 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun infurmata kif xieraq dwar l-użu magħmul tal-oġġetti ammessi bla dazju, il-Gvern tar-Repubblika Taljana jrid jikkomunika l-miżuri meħuda biex jipprevjenu dawn l-oġġetti milli jiġu użati b’mod differenti mill-użu stabbilit. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata wkoll dwar il-punt u n-natura tal-importazzjoni. |
|
(4) |
L-Istati Membri l-oħra ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-oġġetti impurtati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn entitajiet tal-Istat jew organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet Taljani kompetenti li għandhom jitqassmu minnhom mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana, jew li jkunu disponibbli mingħajr ħlas filwaqt li jibqgħu l-proprjetà tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati, għandhom ikunu ammessi bla dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009.
2. L-oġġetti impurtati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn aġenziji ta’ assistenza sabiex jilħqu l-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu tal-attività tagħhom għandhom ukoll ikunu ammessi bla dazju.
Artikolu 2
Il-Gvern tar-Repubblika Taljana għandu jikkomunika lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010 il-lista tal-organizzazzjonijiet approvati msemmija fl-Artikolu 1(1).
Artikolu 3
Il-Gvern tar-Repubblika Taljana għandu jinforma bis-sħiħ lill-Kummissjoni, mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti varji ammessi bla dazju taħt l-Artikolu 1, skont kategorija wiesgħa ta’ prodotti.
Artikolu 4
Il-Gvern tar-Repubblika Taljana għandu jinforma lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010 dwar il-miżuri li qed tieħu biex tiżgura li hemm konformità mal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009.
Artikolu 5
L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-importazzjonijiet magħmula wara s-6 ta’ April 2009 u mhux wara l-31 ta’ Mejju 2010.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2010.
Għall-Kummissjoni
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni