SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
12 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Proċedura dixxiplinari – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Anness IX – Artikolu 3 – Eżekuzzjoni tas-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Annullament tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra – Setgħa ta’ evalwazzjoni – Obbligu li titkompla l-proċedura mill-punt preċiż fejn seħħet l-illegalità – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Artikolu 29 – Kumpens għad-dannu sostnut”
Fil-Kawża C‑587/21 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑23 ta’ Settembru 2021,
DD, irrappreżentat minn N. Lorenz, Rechtsanwältin,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), irrappreżentata inizjalment minn M. O’Flaherty, sussegwentement minn S. Rautio, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, il-President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tal-Ħames Awla, E. Regan u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, DD jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Lulju 2021, DD vs FRA (T‑632/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:434), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u li kien intiż, l-ewwel, għall-kumpens għad-danni morali li DD allegatament ġarrab, it-tieni, għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“FRA”) tad‑19 ta’ Novembru 2018, li ċaħdet it-talba tiegħu għall-kumpens u, it-tielet, għall-annullament, jekk neċessarju, tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019, li tiċħad l-ilment indirizzat kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tad‑19 ta’ Novembru 2018. |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
It-Titolu VI tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) huwa intitolat “Miżuri Dixxiplinari”. F’dan it-Titolu VI hemm l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, skont liema: “1. Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih. 2. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-‘OLAF’)] isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew invetigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx. 3. Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi [huma] mniżżla fl-Anness IX”. |
|
3 |
L-Artikolu 1 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Proċeduri dixxiplinari”, jipprovdi: “1. Kulmeta investigazzjoni mill-OLAF tikxef il-possibbiltà ta’ involviment personali ta’ uffiċjal jew ta’ persuna li qabel kienet uffiċjal, ta’ istituzzjoni, dik il-persuna għandha tkun infurmata malajr, sakemm dan mhux ta’ ħsara għall-investigazzjoni. F’kull każ, ma jistgħux jittieħdu konklużjonijiet li jirreferu bl-isem ta’ uffiċjal meta titlesta l-investigazzjoni mingħajr ma dak l-uffiċjal ikkonċernat jkollu l-opportunità biex jikkumenta fuq il-fatti dwaru. Il-konklużjonijiet għandhom jagħmlu riferenza għal dawn il-kummenti. […] 3. Jekk, wara l-investigazzjoni ta’ l-OLAF, l-ebda każ ma jista’ jsir kontra uffiċjal li saru allegazzjonijiet dwaru, l-investigazzjoni in kwestjoni tingħalaq, mingħajr ma tittieħed aktar azzjoni, bid-deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF, li għandu jinforma l-uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu bil-miktub. L-uffiċjal jista’ jitlob li din id-deċiżjoni tiddaħħal fil-file personali tiegħu”. |
|
4 |
L-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness IX jipprevedi: “Ir-regoli ppreżentati fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness għandhom japplikaw, b’kull bidla meħtieġa, għal inkjesti amministrattivi oħra, imwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra”. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi Anness IX: “Fuq il-bażi tar-rapport ta’ l-investigazzjoni, wara li tavża l-uffiċjal ikkonċernat bl-evidenza kollha fil-files u wara li tisma’ l-uffiċjal ikkonċernat, l-Awtorità tal-Ħatra tista’:
|
|
6 |
L-Artikolu 11 tal-istess Anness IX huwa fformulat kif ġej: “L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi fuq il-piena ta’ twissija bil-miktub jew ċanfira mingħajr ma tikkonsulta l-Bord. L-uffiċjal ikkonċernat għandu jinstema’ qabel it-tali azzjoni ma tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra”. |
|
7 |
L-Artikolu 29 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi: “Jekk l-ebda każ ma sar kontra l-uffiċjal skond l-Artikoli 1(3) u 22(2) ta’ dan l-Anness, l-uffiċjal għandu jkun intitolat li jitlob li l-ħsara li sofra għandha tkun magħmula tajba permezz ta’ pubbliċità xierqa għad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra”. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
8 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 17 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
9 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Settembru 2019, l-appellant ippreżenta r-rikors imsemmi fil-punt 1 ta’ din is-sentenza. |
|
10 |
Permezz tar-rikors tiegħu, l-appellant talab b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-FRA sabiex tikkumpensa għad-danni morali kkawżati mill-proċedura dixxiplinari li wasslet għaċ-ċanfira, mid-deċiżjoni ta’ xoljiment u mill-eżekuzzjoni inkorretta tas-sentenza ta’ annullament li tannulla dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. Insostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent invoka sitt kapi ta’ illegalità bbażati fuq l-aġir illegali tal-FRA (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“aġir illegali”), li jirriżulta:
|
|
11 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrent talab il-kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-aġir illegali, huwa invoka, għal dan l-għan, diversi argumenti dwar ir-realtà ta’ dan id-dannu kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan tal-aħħar u dan l-aġir. |
|
12 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kundizzjonijiet li jridu jeżistu sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà tal-FRA ma kinux issodisfatti f’din il-kawża. Minn naħa, hija ma qieset, bħala fondat, ebda wieħed mill-kapi ta’ illegalità mressqa mill-appellant. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżistenza ta’ dannu morali u ta’ rabta kawżali bejnu u l-aġir illegali ma kinitx ġiet stabbilita mir-rikorrent. |
It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell
|
13 |
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
14 |
Il-FRA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
15 |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tmien aggravji, ibbażati fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, rispettivament, f’kull waħda mit-tmien partijiet tas-sentenza appellata, jiġifieri fl-espożizzjoni tal-fatti, fl-eżami tal-ewwel sas-sitt kap ta’ illegalità kif ukoll fil-parti dwar l-eżami tal-eżistenza ta’ dannu attwali u ta’ rabta kawżali. |
|
16 |
Permezz tat-tieni aggravju kif ukoll tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, li għandu jiġi analizzat l-ewwel, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonkludiet b’mod żbaljat li, f’dan il-każ, l-Artikolu 3(a) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx applikabbli u, għaldaqstant, li ma kienx hemm rispett tad-drittijiet tad-difiża, u, min-naħa l-oħra, ipprovdiet motivazzjoni kontradittorja f’dan ir-rigward. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni parti tat‑tieni aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
17 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat b’mod żbaljat li l-annullament ta’ att ma kienx jobbliga lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni jkomplu l-proċedura mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità, peress li dawn għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedu dwar il-mezzi li għandhom jiġu implimentati sabiex jinsiltu l-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-fatt, mis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (T‑471/11, EU:T:2014:739), iċċitata fil-punt 45 tas-sentenza appellata, isegwi li l-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat għandha titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità, peress li l-annullament ta’ deċiżjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji. |
|
18 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(a) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, meta ddeċidiet li dan l-artikolu ma japplikax meta investigazzjoni amministrattiva tiġi rtirata jew abbandunata f’ċirkustanzi, bħal dawk ta’ din il-kawża, fejn il-FRA ddeċidiet li ma tkomplix il-proċedura dixxiplinari mill-istadju li kien ivvizzja ċ-ċanfira. Skont l-appellant, l-Artikolu 3(a) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jelenka b’mod eżawrjenti l-għażliet li kellha l-FRA wara l-produzzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, l-għan ta’ dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 29 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-persuna kkonċernata, b’tali mod li l-irtirar ta’ rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva mingħajr ebda motivazzjoni u mingħajr ebda pubbliċità jikkostitwixxi ksur ta’ dawn l-artikoli. L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ħolqot distinzjoni artifiċjali bejn l-għeluq ta’ investigazzjoni amministrattiva u l-irtirar jew l-abbandun tagħha, li jċaħħad lill-Artikoli 3 u 29 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal minn parti kbira tal-effetti tagħhom. |
|
19 |
Il-FRA titlob li l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju jiġu miċħuda. |
|
20 |
Fir-rigward tal-ewwel parti, dan il-korp iqis li din hija ineffettiva. F’dan ir-rigward, il-FRA ssostni li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 tas-sentenza appellata ma tfissirx, kuntrarjament għal dak li jallega l-appellant, li l-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata tkompli proċedura dixxiplinari li tirriżulta li hija vvizzjata b’difett proċedurali. Hija żżid li, fi kwalunkwe każ, l-appellant ma għandu ebda interess leġittimu li jsostni li l-FRA kienet obbligata tkompli l-proċedura dixxiplinari u mhux tabbandunaha. |
|
21 |
Fir-rigward tat-tieni parti, il-FRA ssostni li hija ma abbandunatx ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva, iżda astjeniet milli tkompli l-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tar-rikorrent u neħħiet mill-fajl tiegħu l-atti kollha preċedenti relatati ma’ din l-investigazzjoni. L-Artikolu 266 TFUE li jirregola l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ annullament ma jipprekludix li hija tiddeċiedi li tabbanduna l-proċedura dixxiplinari u l-fatt li l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsemmix tali possibbiltà jfisser biss li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
22 |
Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tiegħu jkun ġie annullat għandu l-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tkun iddikjarat l-annullament ta’ dan l-att u, sabiex jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza kif ukoll sabiex jeżegwixxiha b’mod sħiħ, li josserva mhux biss id-dispożittiv tiegħu, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż f’dak id-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa bħala illegali u, min-naħa l-oħra, jindikaw ir-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni (C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29). |
|
24 |
Peress li l-Artikolu 266 TFUE ma jispeċifikax in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtur tal-att annullat sabiex jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, huwa dan tal-aħħar li għandu jidentifika dawn il-miżuri, filwaqt li għandu, fl-għażla tagħhom, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, sakemm jikkonforma ruħu mad-dispożittiv tas-sentenza li tkun annullat dan l-att u mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 102). |
|
25 |
B’mod iktar partikolari, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat għandha titkompla mill-punt preċiż fejn tkun seħħet l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament, 34/86, EU:C:1986:291, punt 47), peress li l-annullament ta’ att ma jaffettwax, bħala prinċipju, il-validità tal-miżuri preparatorji tiegħu, li jippreċedu l-istadju li fih dan id-difett ikun ġie kkonstatat (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, Toshiba vs Il‑Kummissjoni, C‑180/16 P, EU:C:2017:520, punt 24). |
|
26 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 45 sa 49 tas-sentenza appellata, li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament kienet timplika biss l-obbligu, għall-FRA, li tirtira ċ-ċanfira mill-fajl personali tal-appellant għar-raġuni li l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx applikabbli f’dan il-każ. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz tas-sentenza ta’ annullament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla ċ-ċanfira imposta fuq l-appellant minħabba li d-dritt għal smigħ tiegħu kien inkiser, sa fejn id-direttur tal-FRA kien ibbaża ruħu fuq il-konklużjonijiet tar-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva sabiex jiftaħ il-proċedura dixxiplinari u jadotta immedjatament id-deċiżjoni li tiġi imposta fuqu ċanfira, billi naqas milli jikkomunikalu dawn il-konklużjonijiet qabel is-smigħ tal‑20 ta’ Frar 2013 u għalhekk ma ppermettilux jipprepara d-difiża tiegħu b’mod utli. |
|
28 |
Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li d-deċiżjoni ta’ ċanfira kienet ittieħdet fi tmiem proċedura rregolari, bi ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 2, 3 u 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxu, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ tal-appellant. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa paċifiku li d-difett proċedurali kkonstatat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza ta’ annullament seħħ fl-istadju finali ta’ investigazzjoni amministrattiva preliminari u għalhekk ma affettwax il-proċedura dixxiplinari ab initio, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-validità tar-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. |
|
30 |
Għandu jitfakkar, minn naħa, li proċedura dixxiplinari fis-sens tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tinkludi żewġ fażijiet distinti, l-ewwel waħda kkostitwita mill-investigazzjoni amministrattiva li tinkrimina jew li tiskaġuna, mibdija permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u magħluqa, wara li l-persuna kkonċernata tkun instemgħet fuq il-fatti allegati fil-konfront tagħha, permezz ta’ rapport ta’ investigazzjoni, u t-tieni waħda kkostitwita mill-proċedura dixxiplinari nnifisha, mibdija mill-Awtorità tal-Ħatra abbażi tal-imsemmi rapport ta’ investigazzjoni u li tippreżumi li l-uffiċjal jinstema’ qabel ma tiġi adottata sanzjoni minnha fil-konfront tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni, C‑583/19 P, EU:C:2021:844, punt 56). |
|
31 |
Min-naħa l-oħra, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tikkonsisti f’diversi fażijiet ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha li tippreċedi l-adozzjoni tal-att ikkontestat, indipendentement mill-motivi, mill-mertu jew mill-proċedura, tas-sentenza ta’ annullament. L-awtur tal-att għandu għaldaqstant ipoġġi ruħu fid-data li fiha huwa kien adotta l-att annullat sabiex jadotta l-att li għandu jissostitwixxih. |
|
32 |
F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, peress li l-annullament taċ-ċanfira ma affettwax l-atti preparatorji li ppreċedew dik id-deċiżjoni, il-FRA kellha tkompli l-proċeduri dixxiplinari fil-konfront tal-appellant mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità kkonstatata mis-sentenza ta’ annullament, jiġifieri fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-azzjoni li għandha tittieħed wara l-investigazzjoni amministrattiva. |
|
33 |
Barra minn hekk, mill-punt 47 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali stess fakkret li, wara s-sentenza ta’ annullament, il-FRA setgħet tibbaża ruħha mill-ġdid fuq ir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva tat‑12 ta’ Frar 2013 sabiex tkompli l-proċeduri dixxiplinari kontra r-rikorrent fl-istadju li fih kienet ivvizzjata minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, filwaqt li tosserva r-rekwiżiti proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
34 |
Fil-fatt, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tat-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha tosserva dawn ir-rekwiżiti proċedurali. |
|
35 |
Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, jikkundizzjonaw l-eżerċizzju, mill-Awtorità tal-Ħatra, tas-setgħa diskrezzjonali tagħha tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-ewwel fażi tal-proċedura dixxiplinari, li matulha titmexxa l-investigazzjoni amministrattiva imparzjali fil-konfront tal-persuna kkonċernata. |
|
36 |
B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa intiż sabiex jirregola l-azzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni amministrattiva, jelenka, b’mod eżawrjenti, it-tliet għażliet li għandha din l-awtorità abbażi tar-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ċara u inekwivoka ta’ dan l-artikolu jsegwi li, wara li tkun ikkomunikat lill-uffiċjal tal-Unjoni kkonċernat id-dokumenti kollha tal-proċess u wara li tkun semgħetu, l-Awtorità tal-Ħatra tista’, l-ewwel, tiddeċiedi li ma tista’ tittieħed ebda akkuża kontra dan l-uffiċjal, f’liema każ hija għandha tinformah bil-miktub. It-tieni, anki jekk hemm jew huwa preżunt li kien hemm nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi inkwistjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi li jkun xieraq li ma tiġi adottata ebda sanzjoni dixxiplinarja u, jekk ikun il-każ, hija tista’ tindirizza biss twissija lill-uffiċjal ikkonċernat. It-tielet, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, imwettaq volontarjament jew b’negliġenza, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi li tiftaħ proċedura dixxiplinari u, jekk ikun il-każ, li tirreferi l-kwistjoni lill-Bord Dixxiplinari. |
|
37 |
F’dan il-każ, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, wara s-sentenza ta’ annullament, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellant fi tmiem il-fażi amministrattiva tal-proċedura, il-FRA kienet tinsab preċiżament f’din il-fażi tal-proċedura, jiġifieri, fil-mument meta hija kellha tagħżel bejn dawn it-tliet għażliet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
38 |
Issa, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-FRA ma għażlet l-ebda waħda mit-tliet possibbiltajiet previsti f’din id-dispożizzjoni, iżda għażlet “soluzzjoni oħra” li tikkonsisti fl-abbandun tal-proċedura dixxiplinari billi rtirat mill-fajl personali tal-appellant l-atti kollha preċedenti relatati mal-investigazzjoni amministrattiva. |
|
39 |
Meta ddeċidiet, fil-punti 46, 48 u 49 tas-sentenza appellata, li billi għamlet hekk, il-FRA aġixxiet skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u ma kisritx l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, għar-raġuni li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli, peress li s-sentenza ta’ annullament kienet timponi biss lill-FRA tirtira t-twiddiba mill-fajl personali tar-rikorrent, peress li dan kien meqjus li qatt ma eżista, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
40 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-FRA, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, ma kinitx tippermettilha titbiegħed mit-tliet għażliet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li, billi ddeċieda li jabbanduna l-proċedura dixxiplinari billi jirtira mill-fajl personali tal-appellant l-atti preċedenti kollha relatati mal-investigazzjoni amministrattiva, dan il-korp kiser din id-dispożizzjoni u eċċeda l-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
|
41 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 29 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk ma tkun imputata ebda responsabbiltà kontra l-persuna kkonċernata, din tal-aħħar għandha dritt, jekk ikun il-każ, għall-kumpens tad-dannu subit minn pubbliċità xierqa tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra. Għal din ir-raġuni wkoll, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, il-FRA kienet obbligata li terġa’ tibda, b’osservanza tal-Artikolu 3 tal-Anness IX, il-proċedura dixxiplinari fil-konfront tal-appellant u li tikkonstata, jekk ikun il-każ, li ma kellha tiġi imputata ebda responsabbiltà kontrih, b’tali mod li huwa jkun jista’ eventwalment jinvoka d-dritt tiegħu għal kumpens. |
|
42 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju għandhom jintlaqgħu. |
Fuq it‑tielet parti tat‑tieni aggravju u l‑ewwel parti tal‑ħames aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
43 |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju u l-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellant jikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni korretta tas-sentenza ta’ annullament, il-FRA ma kinitx obbligata li tisma’ l-kawża qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida dwar it-tkomplija tal-proċeduri dixxiplinari, konformement mal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
44 |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellant isostni, essenzjalment, li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali inkwantu l-Qorti Ġenerali, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, f’dan il-każ, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma kienx “strett”, “peress li l-FRA rtirat minn kull proċedura kontra l-appellant […] u li, għaldaqstant, hija ma adottatx att li jaffettwah negattivament fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta”. |
|
45 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-eżekuzzjoni korretta tas-sentenza ta’ annullament kienet teħtieġ seduta qabel ma tingħalaq l-investigazzjoni amministrattiva minħabba li ma setgħet tiġi imputata ebda responsabbiltà fil-konfront tiegħu, u li tali seduta qatt ma seħħet. |
|
46 |
Il-FRA tqis li hija ma adottatx deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-appellant, u għal din ir-raġuni ma kinitx obbligata tisimgħu minn qabel. L-appellant qiegħed jinjora, għaldaqstant, il-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, li wasslet għal li l-appellant jerġa’ jiddaħħal fil-kariga. Barra minn hekk, il-FRA tippreċiża li hija ma “ddeċidietx li ma setgħet tiġi imputata ebda responsabbiltà”, bħalma jeżiġi l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, imma abbandunat il-proċedura dixxiplinari, jiġifieri mingħajr ma ħadet tali deċiżjoni. |
|
47 |
Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ħames aggravju, l-appellant sempliċement iġedded l-argumenti tiegħu esposti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
48 |
Għandu jitfakkar, l-ewwel, l-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-obbligu li tevita li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30, u tad‑29 ta’ April 2004, IPK-München u Il‑Kummissjoni, C‑199/01 P u C‑200/01 P, EU:C:2004:249, punt 83). |
|
49 |
F’dan il-każ, bħalma ġie rrilevat fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, billi naqset milli tikkomunika lill-appellant il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva qabel is-smigħ tiegħu fl‑20 ta’ Frar 2013, li kellu preċiżament bħala għan li huwa jinstema’ fir-rigward tal-imsemmija konklużjonijiet, u li matulha l-FRA ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura dixxiplinari u sussegwentement li timponi sanzjoni fi tmiem l-istess smigħ wieħed, mingħajr ma ppermettietlu jipprepara d-difiża tiegħu b’mod utli, il-FRA kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha b’mod partikolari taħt l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
50 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li għandu bħala korollarju l-prinċipju tal-kontradittorju, għandu jiġi enfasizzat li l-uffiċjal li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva għandu jitqiegħed f’pożizzjoni, matul din il-proċedura, li jesponi b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, iċ-ċirkustanzi allegati u d-dokumenti li dik l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni tuża kontrih insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni, C‑583/19 P, EU:C:2021:844, punti 63 u 64). |
|
51 |
L-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi espliċitament id-dritt għal smigħ tal-uffiċjal ikkonċernat, sabiex ikun jista’ jsostni b’mod utli l-perspettiva tiegħu dwar l-istabbiliment tal-fatti mwettqa matul l-investigazzjoni amministrattiva qabel ma l-Awtorità tal-Ħatra tadotta, abbażi tar-rapport ta’ investigazzjoni, waħda mid-deċiżjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni (C‑583/19 P, EU:C:2021:844, punt 43). |
|
52 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-appellant ma nstemax qabel ma l-FRA ħadet id-deċiżjoni li tabbanduna l-proċedura u li tħassar l-atti kollha relatati mal-investigazzjoni amministrattiva mill-fajl tagħha, mingħajr madankollu ma ddeċidiet li ma setgħet tiġi imputata ebda responsabbiltà fil-konfront tiegħu, bħalma jeżiġi l-Artikolu 3(a) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
53 |
Issa, mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju jsegwi li, sabiex teżegwixxi s-sentenza ta’ annullament, il-FRA kellha tkompli l-proċeduri dixxiplinari mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità, konformement mal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
54 |
Huwa għalhekk biżżejjed li jiġi kkonstatat li, billi ddeċidiet, fil-punti 49 u 83 tas-sentenza appellata, essenzjalment, li l-FRA, meta ħadet id-deċiżjoni li tabbanduna l-proċeduri dixxiplinari billi tirtira mill-fajl personali tal-appellant l-atti kollha preċedenti dwar l-investigazzjoni amministrattiva, ma adottatx att li jaffettwah negattivament, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta, b’tali mod li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma kienx meħtieġ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li tali deċiżjoni, meħuda bi ksur, bħalma jsegwi mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju, tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ċaħditu mid-dritt għal smigħ stabbilit espliċitament f’din id-dispożizzjoni qabel l-adozzjoni ta’ waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fiha. |
|
55 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’. |
Fuq ir‑raba’ parti tat‑tieni aggravju
L‑argumenti tal‑partijiet
|
56 |
Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja inkwantu, minn naħa, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Artikolu 3(a) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx applikabbli u, min-naħa l-oħra, fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza, hija affermat il-kuntrarju. |
|
57 |
Il-FRA hija tal-fehma li ma hemm ebda kontradizzjoni bejn il-punt 49 u l-punt 76 tas-sentenza appellata, peress li, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti astjeniet milli tkompli bil-proċedura dixxiplinari u rtirat, mill-fajl personali tal-appellant, l-atti preċedenti kollha li jirrigwardaw l-investigazzjoni amministrattiva. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
58 |
Għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2010, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑54/09 P, EU:C:2010:451, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet kap ta’ illegalità, ibbażat fuq l-aspett li l-FRA ma kkumpensatx id-dannu morali li rriżulta miċ-ċanfira annullata permezz tas-sentenza ta’ annullament, li l-FRA ddeċidiet li tabbanduna l-proċeduri fil-konfront tal-appellant skont l-Artikolu 3(a) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tidher li tissuġġerixxi, fl-imsemmi punt 76, li s-soluzzjoni magħżula mill-FRA, sabiex teżegwixxi s-sentenza ta’ annullament, kienet tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
60 |
Madankollu, mill-punt 48 tas-sentenza appellata, li għalih jirreferi l-punt 76 tagħha, isegwi li, skont il-Qorti Ġenerali, il-FRA “għażlet soluzzjoni differenti” minn dawk offruti mill-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, billi kkunsidrat, fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, li din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-punt (a) tagħha, ma kinitx applikabbli f’dan il-każ. |
|
61 |
Għaldaqstant, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni f’dan ir-rigward. |
|
62 |
Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra, li ma jistgħux iwasslu għal annullament iktar estiż tas-sentenza appellata, hemm lok li t-tieni aggravju kif ukoll l-ewwel parti tal-ħames aggravju tiegħu jintlaqgħu u, konsegwentement, li s-sentenza appellata tiġi annullata. |
Fuq ir‑rinviju tal‑kawża lill‑Qorti Ġenerali
|
64 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jsegwi mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, it-talbiet għal kumpens tal-appellant huma intiżi għall-kumpens tad-dannu li huwa jiddikjara li ġarrab, minħabba l-fatt li l-FRA ma eżegwixxietx debitament is-sentenza ta’ annullament, li hija kkaratterizzata mill-aġir illegali. |
|
66 |
Madankollu, dan l-aspett tal-kawża jinvolvi l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt kumplessi, abbażi ta’ elementi li ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, peress li kkunsidrat li l-FRA kienet eżegwixxiet is-sentenza ta’ annullament b’mod korrett u, għalhekk, ma analizzatx jekk is-sitwazzjoni tal-appellant, li kien ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jinvalida l-allegazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva u, b’mod partikolari, li jikseb li l-FRA tiddeċiedi li ma setgħet tiġi imputata ebda responsabbiltà fil-konfront tiegħu, tistax tkun fl-oriġini ta’ dannu subit minnu minħabba aġir żbaljat tal-FRA. |
|
67 |
Konsegwentement, peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
68 |
Peress li l-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura ta’ appell jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.