SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Artikolu 24 – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv – Deċiżjoni li tħassar deċiżjoni preċedenti – Rikors għal annullament – Persistenza tal-interess ġuridiku – Rikors għad-danni – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża C‑181/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2022,

Nemea Bank plc, stabbilita f’San Ġiljan (Malta), irrappreżentata minn A. Meriläinen, asianajaja,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Heikki Niemelä, residenti f’Ohain (il-Belġju),

Mika Lehto, residenti f’Espoo (il-Finlandja),

Nemea plc, stabbilita f’San Ġiljan,

Nevestor SA, stabbilita f’Ohain,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn D. M. Brinkman, C. Hernández Saseta u A. Witte, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Nijenhuis u A. Steiblytė, sussegwentement minn A. Steiblytė, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati matul is-seduta tat-30 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Nemea Bank plc titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Diċembru 2021, Niemelä et vs BĊE (T‑321/17, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2021:942), li permezz tiegħu hija ddikjarat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ECB/SSM/2017–213800JENPXTUY75VSO/1 WHD-2017–0003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tat-23 ta’ Marzu 2017, li tirtira l-awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ta’ Nemea Bank (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u ċaħdet bħala manifestament inammissibbli t-talba intiża li jinkiseb kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba l-irtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament MSU

2

Skont il-kliem tal-premessa 64 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”).

“Il-BĊE għandu jipprovdi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-possibbiltà li jitolbu rieżami [eżami mill-ġdid] tad-deċiżjonijiet meħudin skont is-setgħat konferiti lilhom minn dan ir-Regolament u indirizzati lilhom, jew li huma ta’ interess dirett u individwali għalihom. L-iskop ta’ rieżami għandu jkun sabiex ikun hemm konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-regolament ta’ tali deċiżjonijiet waqt li jiġi rispettat il-marġni ta’ diskrezzjoni għall-BĊE biex jiddeċiedi dwar l-opportunintà biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet. Għal dak il-għan, u għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-BĊE għandu jistabbilixxi bord amministrattiv ta’ rieżami biex iwettaq tali rieżami intern. Meta jkun qed jifforma l-bord, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jaħtar individwi ta’ reputazzjoni għolja. […] Il-proċedura stabbilita għar-rieżami għandha tagħmel provvediment għall-Bord Superviżorju biex dan ikun jista’ jerġa’ jikkunsidra kif xieraq l-abbozz ta’ deċiżjoni preċedenti tiegħu.”

3

L-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

(a)

jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġett għal-Artikolu 14”.

4

L-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.”

5

L-Artikolu 24 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami [iktar ’il quddiem il-“BAR”] għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal rieżami skont il-paragrafu 5. L-iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet.

[…]

5.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont dan ir-Regolament li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. […]

[…]

7.   Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-[BAR] għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-[BAR] u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga [iħassar] d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

8.   Talba għal rieżami skont il-paragrafu 5 ma għandhiex ikollha effett sospensiv. Madankollu, il-Kunsill Governattiv jista’, fuq proposta tal-[BAR], jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

[…]

11.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jitressqu proċeduri quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattati].”

Ir‑Regolament (UE) Nru 468/2014

6

Mill-punt 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1), jirriżulta li “entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni [prudenzjali] fi Stat Membru taż-żona tal-euro” hija entità “li [b’mod partikolari] ma jkollhiex l-istatus ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni [prudenzjali] fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU”.

7

L-Artikolu 80 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.   Jekk l-NCA relevanti tikkunsidra li l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandha tiġi rtirata totalment jew parzjalment skont il-liġi nazzjonali tal-Unjoni jew dik nazzjonali, inkluż l-irtirar fuq talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu, hija għandha tissottometti lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni li tipproponi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni […], flimkien ma’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ relevanti.

2.   L-NCA għandha tikkoordina mal-awtorità nazzjonali kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu […] fir-rigward ta’ kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar li hija relevanti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali.”

Il-fatti li taw lok għall-kawża

8

Il-fatti li taw lok għall-kawża, kif ġew esposti fil-punti 1 sa 7 tad-digriet appellat, jistgħu jitqassru kif ġej.

9

Nemea Bank hija istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Malti, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni [prudenzjali] fi Stat Membru taż-żona tal-euro” fis-sens tar-Regolament Qafas tal-MSU, li kienet tipprovdi servizzi finanzjarji bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni mogħtija lilha mill-awtorità nazzjonali kompetenti, jiġifieri l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (iktar ’il quddiem il-“MFSA”), u li kienet suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tagħha.

10

Nemea plc u Nevestor SA, huma żewġ azzjonisti diretti ta’ Nemea Bank. H. Niemelä u M. Lehto huma membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Nemea Bank u benefiċjarji effettivi tagħha, permezz tal-ishma li huma għandhom f’Nemea u Nevestor.

11

Fil-25 ta’ Jannar 2017, wara li kkonsultat l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, il-MFSA ssottomettiet lill-BĊE, b’applikazzjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolament Qafas tal-MSU, abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil Nemea Bank għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

12

Fit-13 ta’ Marzu 2017, il-Bord Superviżorju tal-BĊE approva l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni kkonċernata u ta lil Nemea Bank terminu ta’ tlett ijiem sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-abbozz.

13

Fil-15 ta’ Marzu 2017, Nemea Bank ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha.

14

Fit-23 ta’ Marzu 2017, il-BĊE adotta d-deċiżjoni kontenzjuża b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU.

Il-fatti li ġraw wara d-deċiżjoni kontenzjuża

15

Fit-22 ta’ April 2017, il-BAR irċieva talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża mressqa minn Nemea Bank u mir-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza.

16

Fid-19 ta’ Ġunju 2017, il-BAR adotta opinjoni, li permezz tagħha ppropona li din id-deċiżjoni tiġi ssostitwita b’deċiżjoni identika. Fit-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE, insegwitu għal din l-opinjoni u abbażi ta’ abbozz tal-Bord Superviżorju, adotta, konformement mal-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU, id-Deċiżjoni ECB/SSM/2017–213800JENPXTUY75VS 07/2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017”) li, kif indikat fid-dispożittiv tagħha, issostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

17

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2017, Nemea Bank u r-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza ressqu azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li huma allegatament ġarrbu minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma invokaw sitt motivi.

18

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2017, il-BĊE eċċepixxa eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali għaqqdet mal-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura.

19

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat talba għal intervent insostenn tat-talbiet tal-BĊE, li ntlaqgħet permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018.

20

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-30 ta’ April 2018, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi mistoqsijiet lill-partijiet sabiex, b’mod partikolari, tiddetermina jekk, wara l-ħatra ta’ persuna kompetenti sabiex teżerċita l-parti l-kbira tas-setgħat normalment mogħtija lill-korpi maniġerjali ta’ Nemea Bank f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet speċifiċi u l-assi ta’ dan tal-aħħar, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhomx is-setgħa li jippreżentaw kemm rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-BĊE kif ukoll rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu mġarrab bħala konsegwenza ta’ tali deċiżjoni.

21

Fl-1 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċedura sal-għoti tas-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), u talbet lill-partijiet, permezz ta’ miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-10 ta’ Diċembru 2019, jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet li, fil-fehma tagħhom, kellhom jinsiltu minn din is-sentenza għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha.

22

Permezz ta’ miżuri oħra ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-30 ta’ Jannar 2020, tat-23 ta’ Diċembru 2020, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar l-iżviluppi tal-proċedura mibdija quddiem it-Tribunal dwar Servizzi Finanzjarji (Malta) sabiex terġa’ tiġi stabbilita r-rappreżentanza effettiva ta’ Nemea Bank.

23

Permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament minħabba l-għajbien tas-suġġett tagħha u tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza. Il-Qorti Ġenerali, permezz tal-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, ċaħdet it-talba għad-danni bħala manifestament inammissibbli. Fil-punt 3 tal-imsemmi dispożittiv hija kkundannat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza u lill-BĊE għall-ispejjeż rispettivi tagħhom fir-rigward tat-talba għal annullament. Fil-punt 4 tal-istess dispożittiv, hija kkundannat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza kemm għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-BĊE fir-rigward tat-talba għad-danni. Fl-aħħar nett, permezz tal-punt 5 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, hija kkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess.

It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

24

Nemea Bank titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla d-digriet appellat;

–

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn din għandha tiġi assenjata lil awla komposta minn imħallfin differenti minn dawk li fformaw il-kompożizzjoni tal-awla li tat id-digriet appellat, u

–

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

25

Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

26

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

27

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2024, Nemea Bank talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Insostenn tat-talba tagħha, hija tindika, essenzjalment, li hija tixtieq tressaq argumenti fir-rigward tas-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2024, Pilatus Bank vs BĊE (C‑750/21 P, EU:C:2024:124) u Pilatus Bank vs BĊE (C‑256/22 P, EU:C:2024:125), li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li tikkonsulta lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandiex biżżejjed informazzjoni jew inkella meta parti tipproduċi, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid li jista’ jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi u li l-elementi invokati minn Nemea Bank insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jikkostitwixxux fatti ġodda li jista’ jkollu influwenza fuq id-deċiżjoni li l-imsemmija qorti hija mitluba li tagħti.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li kkonsultat lill-Avukata Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l‑appell

32

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji. L-ewwel tliet aggravji, li huma diretti kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddikjara li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament, huma bbażati rispettivament fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, u assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-aħħar żewġ aggravji, diretti kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad bħala manifestament inammissibbli t-talba għad-danni, huma bbażati fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ksur tad-drittijiet tal-appellanti sanċiti, rispettivament, fl-Artikolu 41 tal-Karta u fl-Artikolu 340 TFUE.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

33

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 29 sa 55 tad-digriet appellat, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tagħha għal annullament, minħabba li hija kienet tilfet l-interess ġuridiku tagħha kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 263 TFUE li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-BĊE intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, kif ukoll l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet legali u fundamentali tal-appellanti.

34

L-appellanti ssostni, barra minn hekk, li l-effett ex tunc li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 imur kontra l-Artikolu 263 TFUE, peress li dan ċaħħadha mid-dritt tagħha li tara li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi eżaminata mill-qrati tal-Unjoni. Tali effett huwa purament fittizju, peress li, anki kieku d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata f’din l-aħħar data, is-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab l-appellanti qabel dan l-irtirar ma tkunx stabbilita mill-ġdid. L-effett reali tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 jista’ jkun biss ex nunc, u l-istess jgħodd fir-rigward tal-effett ta’ eventwali stabbiliment mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-appellanti baqgħet l-istess matul il-perijodu inkluż bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 f’dak li jirrigwarda din l-awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża kompliet tipproduċi l-effetti legali tagħha fir-rigward tal-appellanti bl-istess mod u mingħajr interruzzjoni, sa mill-adozzjoni tagħha, b’tali mod li l-annullament tagħha jista’ jkollu konsegwenzi legali u jipprovdi vantaġġi għaliha.

35

Il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta kkonstatat li r-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx għad għandu skop. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li din il-konstatazzjoni ma tiksirx id-drittijiet li l-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-appellanti, peress li, wara s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 kien ammissibbli fit-terminu stabbilit minn din id-dispożizzjoni. Tali rikors ikkostitwixxa rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Ir-rekwiżit ta’ persistenza tal-interess ġuridiku, sanċit f’ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, lanqas ma jmur kontra l-Artikolu 263 TFUE.

36

Barra minn hekk, wara s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, ma kienx iktar possibbli li jiġi ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Tali rikors ikun, effettivament, mingħajr skop, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tħassret u l-eventwali effetti dannużi tagħha issa huma imputabbli għad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, li kontriha l-appellanti ma ppreżentatx rikors u li għalhekk saret definittiva. Għalhekk, anki fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorizzazzjoni tal-appellanti tibqa’ rtirata bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017, b’tali mod li tali annullament ma jkun ta’ ebda benefiċċju għaliha. Madankollu, dan il-fatt ma jċaħħadx lill-appellanti mill-possibbiltà offruta lilha mid-dritt tal-Unjoni li tippreżenta rikors għad-danni fir-rigward tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mingħajr ma tkun obbligata tippreżenta, minn qabel, rikors għal annullament.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

37

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Nemea Bank hija istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt Malti li għandha l-kwalità ta’ “entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni [prudenzjali] fi Stat Membru taż-żona tal-euro” fis-sens tar-Regolament Qafas tal-MSU. Fit-23 ta’ Marzu 2017, fuq talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jiġifieri l-MFSA, il-BĊE adotta d-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha huwa rtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Nemea Bank għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Fit-22 ta’ April 2017, Nemea Bank, flimkien mar-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza, ressqet, quddiem il-BAR, talba għal eżami mill-ġdid amministrattiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament MSU. Fi tmiem dan l-eżami mill-ġdid, il-BĊE ħa d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 li ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża u li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak tad-deċiżjoni kontenzjuża.

38

Fit-22 ta’ Mejju 2017, matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv, Nemea u r-rikorrenti l-oħra fl-ewwel istanza ppreżentaw ukoll rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu huma talbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u l-kumpens għad-danni li huma allegaw li sostnew minħabba din id-deċiżjoni. Madankollu, huma ma ppreżentawx rikors kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 quddiem il-Qorti Ġenerali fil-forom previsti.

39

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 41, 45, 47 u 52 tad-digriet appellat, li l-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU jimponi fuq il-BĊE obbligu li jagħmel id-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv retroattiva għall-mument tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni inizjali u li s-sostituzzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni b’deċiżjoni identika jew emendata twassal għall-għajbien definittiv tagħha mill-ordinament ġuridiku. Hija qieset li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 kienet ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża b’effett mid-data li fiha din tal-aħħar ġiet adottata, jiġifieri mit-23 ta’ Marzu 2017, b’tali mod li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu tilfu kull interess li jiksbu l-annullament tagħha, u minn dan iddeduċiet li r-rikors għal annullament tagħhom ma kienx għad għandu skop.

40

F’dan ir-rigward, huwa minnu, hekk kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 35 tad-digriet appellat, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu barra minn hekk ikompli jeżisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, u tal-21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il-Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jgħibx neċessarjament minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minnu jkun waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, rikorrent jista’ jżomm interess li jikseb dikjarazzjoni li dan l-att ikun illegali għall-perijodu li matulu huwa kien applikabbli u pproduċa l-effetti tiegħu, peress li tali dikjarazzjoni żżomm tal-inqas interess bħala bażi għal eventwali rikors għad-danni (sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 62, u tas-6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandha tiġi evalwata in concreto, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tal-allegata illegalità u n-natura tad-dannu allegatament subit (sentenzi tat-30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il-Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 41, u tas-7 ta’ Settembru 2023, Versobank vs BĊE, C‑803/21 P, EU:C:2023:630, punt 160 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għalkemm huwa ċertament minnu li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU jirriżulta li, meta l-BĊE jqis, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv, li ma hemmx lok li d-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-eżami mill-ġdid tiġi emendata, huwa għandu jħassar din id-deċiżjoni u jissostitwixxiha b’deċiżjoni li l-kontenut tagħha jkun identiku. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li tali tħassir segwit minn tali sostituzzjoni jkollu effett retroattiv paragunabbli għal dak ta’ annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni minn qorti tal-Unjoni.

44

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, b’differenza minn sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat jiġi eliminat retroattivament mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jitqies bħala li qatt ma eżista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 68). Issa, il-fatt li dan it-tħassir ġie segwit bis-sostituzzjoni tal-att inizjali b’att ġdid ma jistax jagħti effett retroattiv lil dan tal-aħħar.

45

Għalhekk, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU jirriżulta li l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni li tħassar u tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali u li l-kontenut tagħha huwa identiku ma teliminax retroattivament id-deċiżjoni inizjali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li l-effett tad-deċiżjoni inizjali kien l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-konsegwenza tat-tieni deċiżjoni kienet li testendi l-effetti tad-deċiżjoni inizjali, mingħajr ma tneħħi l-effetti diġà prodotti mill-istess deċiżjoni inizjali.

46

F’dan il-każ, hekk kif ġustament issostni l-appellanti, hija d-deċiżjoni kontenzjuża li kellha l-effett li tirtiralha l-awtorizzazzjoni li kienet ingħatatilha għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Hija għalhekk din id-deċiżjoni li pproduċiet l-eventwali konsegwenzi dannużi li dwarhom hija qiegħdha tilmenta.

47

Barra minn hekk, peress li t-talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni inizjali ma għandhiex, bħala prinċipju, konformement mal-Artikolu 24(8) tar-Regolament MSU, effett sospensiv, id-deċiżjoni kontenzjuża kompliet tipproduċi l-effetti tagħha sal-mument meta d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 bdiet tipproduċi l-effetti tagħha, jiġifieri fil-kuntest tal-komunikazzjoni tagħha lil-appellanti. Għalhekk huwa biss mid-data ta’ din il-komunikazzjoni li d-deċiżjoni msemmija l-aħħar ħassret u ssostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017.

48

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, essenzjalment, ikkonstatat, fil-punti 41, 42 u 47 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 kienet issostitwixxiet id-deċiżjoni kontenzjuża b’effett retroattiv, b’effett mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija l-aħħar.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 53 u 55 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet issostitwita b’effett retroattiv u li r-rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma kienx għad għandu skop.

50

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ u l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju tal-appell.

Fuq ir‑raba’ u l‑ħames aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

51

Permezz tar-raba’ u tal-ħames aggravju tagħha, li jirrigwardaw il-punti 56 sa 63 tad-digriet appellat u li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti ssostni li, billi qieset li t-talba għad-danni hija inammissibbli, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ksur, mill-BĊE, tad-drittijiet tagħha sanċiti fl-Artikolu 41 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 340 TFUE u intiżi li l-Unjoni tagħti kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-membri tal-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Il-Qorti Ġenerali b’dan il-mod ċaħħditha mid-drittijiet tagħha, minkejja d-dannu kunsiderevoli li l-BĊE u l-membri tal-persunal tiegħu kkawżawlha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali użat id-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix deċiżjoni dwar it-talba għal annullament bħala bażi għall-analiżi tagħha tat-talba għad-danni, sabiex tippermetti li l-BĊE jeżonera ruħu mir-responsabbiltà għall-atti tiegħu.

52

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat ir-rabta li teżisti bejn il-bażi tat-talba għal annullament u l-bażi tat-talba għad-danni, sa fejn it-talba għad-danni ma tistax tiġi eżaminata mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-bażi tat-talba għal annullament.

53

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 60 tad-digriet appellat, li tgħid li t-talba għad-danni hija stipulata b’mod astratt wisq u la tinkludi motivi jew argumenti u lanqas ma tinkludi sunt ta’ dawn tal-aħħar hija żbaljata, peress li t-talba għal annullament li sservi bħala bażi għat-talba għad-danni tinkludi dawn l-elementi kollha.

54

L-appellanti ssostni, barra minn hekk, li, li kieku l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, b’mod żbaljat, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament u li kieku hija aċċettat ir-rabta bejn din tal-aħħar u t-talba għad-danni, hija kienet tikkonstata li l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn ċertu numru ta’ irregolaritajiet, li kienu jkunu suffiċjenti, waħedhom, biex iservu ta’ bażi għat-talba msemmija l-aħħar. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, l-assenza ta’ rappreżentanza effettiva ta’ Nemea Bank f’din il-proċedura, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-aġir illegali tal-BĊE matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv ta’ din id-deċiżjoni mill-BAR.

55

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-aġir tal-BĊE, u, b’mod partikolari, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni li kienet ingħatatilha għall-aċċess għall-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, hija l-kawża diretta tad-dannu li hija ġarrbet, punt li hija kienet ipprovat. L-ammont ta’ dan id-dannu, li hija tistima għal EUR 100 miljun, madankollu la jkopri t-telf minn Nemea Bank tar-reputazzjoni tagħha, tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha u tal-attività tagħha u lanqas it-tnaqqis tad-dħul tagħha, iżda jkopri biss it-telf dirett fil-valur ta’ dan il-bank minħabba l-aġir tal-BĊE.

56

L-appellanti ssostni wkoll li, fil-kuntest tal-kritika li hija għamlet fir-rigward tan-nuqqasijiet tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn kienu kkawżati mill-assenza ta’ aċċess tal-appellanti għal rappreżentanza effettiva u għall-provi, sa fejn hija ma setgħetx tuża r-riżorsi tagħha u ma kellhiex aċċess għall-fajl tal-BĊE.

57

L-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li dawn iż-żewġ aggravji jiġu miċħuda.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

58

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tal-appellanti, miġbur fil-qosor fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza, li jgħid li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ċaħħditha mid-drittijiet tagħha sanċiti kemm fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta kif ukoll fl-Artikoli 263 u 340 TFUE, billi użat id-deċiżjoni tagħha li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal annullament bħala bażi għall-analiżi tagħha tat-talba għad-danni u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabta bejn dawn iż-żewġ talbiet, u dan sabiex il-BĊE jkun jista’ jeżenta ruħu mir-responsabbiltà għall-atti allegatament dannużi tiegħu, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ċċitat, fil-punti 59 sa 61 tad-digriet appellat, il-ġurisprudenza rilevanti dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u r-rekwiżit, li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, li jipprovdi li r-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja ta’ dawn il-motivi. Sussegwentement hija ġustament ikkonstatat, fil-punt 62 ta’ dan id-digriet, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza la kienu ssostanzjaw b’mod suffiċjenti fid-dritt l-aġiri tal-BĊE li minnhom kellha tirriżulta l-illegalità li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni u lanqas ma kienu ssostanzjaw ir-rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-effetti li d-deċiżjoni kontenzjuża setgħet eventwalment tipproduċi.

59

Minn dan isegwi li l-bażi taċ-ċaħda tat-talba għad-danni inkwistjoni ma hijiex id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tagħtix deċiżjoni dwar it-talba għal annullament, iżda n-natura lakunarja ta’ din it-talba għad-danni.

60

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hija l-parti li tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza u dwar il-portata tad-danni li hija tinvoka kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni u d-danni allegati (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2018, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑376/16 P, EU:C:2018:299, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, jidher li r-rikors fl-ewwel istanza manifestament ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn din il-ġurisprudenza, peress li dan kien limitat għat-talba li l-BĊE jiġi kkundannat jagħti lir-rikorrenti fl-ewwel istanza kumpens fl-ammont ta’ EUR 10 miljun, miżjuda bl-interessi, bħala danni allegatament ikkawżati mid-deċiżjoni kontenzjuża, somma li dawn ir-rikorrenti barra minn hekk żiedu għal EUR 100 miljun fil-kuntest tar-replika tagħhom fl-ewwel istanza. Madankollu, ma tressaq ebda argument li jippreċiża kemm ir-rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali tal-BĊE u d-dannu invokat kif ukoll ir-realtà ta’ dawn id-danni, u ma ġiet prodotta l-ebda prova f’dan ir-rigward.

62

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 62 u 63 tad-digriet appellat, li t-talba għad-danni kienet manifestament inammissibbli minħabba n-nuqqasijiet tagħha.

63

Barra minn hekk, l-appellanti ma tispjegax kif id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ċaħħditha mid-drittijiet tagħha li titlob kumpens għall-eventwali danni kkawżati mill-BĊE. Bħala prinċipju, hija żżomm id-dritt li tressaq talba għad-danni ġdida li tirrimedja għan-nuqqasijiet li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fid-digriet appellat, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, li jipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet kontra l-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali huwa ta’ ħames snin b’effett minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għalihom, liema perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott, b’mod partikolari, permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

64

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument tal-appellanti, imfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li jgħid li, minn naħa, l-aġir tal-BĊE huwa l-kawża diretta tat-telf fil-valur ta’ Nemea Bank u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ EUR 100 miljun ikopri biss parti mid-danni mġarrba mill-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti ma tinvoka ebda żball ta’ liġi eventwalment imwettaq mill-Qorti Ġenerali, iżda sempliċement tirrepeti l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura fattwali mqajma fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza.

65

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-annessi tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2024, Wizz Air Hungary vs Il-Kummissjoni, C‑440/22 P, EU:C:2024:26, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti, imfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li jgħid li, fil-kuntest tal-kritika li hija għamlet fir-rigward tan-nuqqasijiet tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn kienu kkawżati mill-assenza ta’ aċċess tal-appellanti għal rappreżentanza effettiva u għall-provi, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li t-talba għad-danni kienet manifestament inammissibbli minħabba n-natura lakunarja tagħha. Fil-fatt, mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li l-appellanti ma kienet ipproduċiet ebda wieħed mill-elementi meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u ma kinitx spjegat kif speċifikament l-allegata assenza ta’ aċċess għar-riżorsi istituzzjonali u għall-provi setgħet tipprekludiha milli tippreżenta, bil-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ, l-argument tagħha dwar l-eżistenza ta’ dawn l-elementi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li, minn naħa, hija kienet irrappreżentata minn avukat u, min-naħa l-oħra, hija ma kinitx ressqet għal dan l-għan talba għal għajnuna legali.

67

Konsegwentement, ir-raba’ u l-ħames aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondati.

68

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, hemm lok li l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tad-digriet appellat jiġu annullati.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

69

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess taqta’ definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

70

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni mingħajr ma eżaminat la l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament u lanqas il-mertu tal-kawża, din ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni dwar din it-talba.

71

Barra minn hekk, it-talba tal-appellanti sabiex il-kawża tintbagħat lura quddiem awla tal-Qorti Ġenerali komposta minn imħallfin oħra differenti minn dawk li fformaw il-kompożizzjoni tal-awla li tat id-digriet appellat għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtuhiex il-possibbiltà li, wara li teżamina l-appell, tagħti istruzzjonijiet lill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-awla li lilha għandha tiġi assenjata l-kawża wara li tintbagħat lura quddiemha mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk ikun il-każ, huwa l-President tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 192(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li għandu jieħu deċiżjoni dwar l-eventwali assenjazzjoni tal-kawża lil awla oħra komposta mill-istess numru ta’ Mħallfin.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Diċembru 2021, Niemelä et vs BĊE (T‑321/17, EU:T:2021:942) huma annullati.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal annullament ta’ Nemea Bank plc.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.