SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea – Membri tal-persunal temporanju – Proċedura dixxiplinari – Investigazzjoni amministrattiva – Kunċett ta’ ‘plaġjariżmu’ – Ħatra, mill-Awtorità tal-Ħatra, ta’ investigatur li miegħu għandha relazzjoni ta’ negozju – Kunflitt ta’ interess – Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Imparzjalità oġġettiva – Artikolu 17a – Libertà tal-espressjoni tal-uffiċjal – Artikoli 11, 12 u 21 – Osservanza tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità”

Fil-Kawża C‑680/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑4 ta’ Novembru 2022,

DD, irrappreżentat minn N. Lorenz, Rechtsanwältin,

appellant,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), irrappreżentata inizjalment minn M. O’Flaherty, sussegwentement minn S. Rautio, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, E. Regan u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, DD jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑7 ta’ Settembru 2022, DD vs FRA (T‑470/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:511), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat‑12 ta’ Novembru 2019 li permezz tagħha hija imponietlu sanzjoni dixxiplinari ta’ revoka (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ revoka”) u d-Deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2020 li tiċħad l-ilment kontra d-Deċiżjoni ta’ revoka (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”) u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu materjali u morali li huwa allegatament ġarrab.

Il‑kuntest ġuridiku

2

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“L-uffiċjal għandu jaqdi dmirijietu u jġib ruħu esklużivament bl-interessi tal-Unjoni [Ewropea] quddiem għajnejh. Huwa m’għandux ifittex jew jaċċetta istruzzjonijiet mill-ebda gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra l-istituzzjoni tiegħu. Għandu jaqdi d-dmirijiet fdati lilu b’mod oġġettiv, imparzjali u fir-rispett tad-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni”.

3

L-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“L-Uffiċjal għandu joqgħod lura minn kull azzjoni jew imġiba li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjoni tiegħu.”

4

L-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Uffiċjal għandu d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni, b’rispett dovut għall-prinċipji tal-lealtà u l-imparzjalità”.

5

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal, ikun xi jkun il-grad tiegħu, għandu jassisti u jgħaddi pariri lis-superjuri tiegħu; huwa għandu jkun reponsabbli mill-qadi tad-dmirijiet assenjati lilu.

Uffiċjal responsabbli minn kwalunkwe fergħa tas-servizz għandu jkun responsabbli mas-superjuri tiegħu dwar l-awtorità mogħtija lilu u biex iwettaq l-istruzzjonijiet mogħtija minnu. Ir-responsabbilta’ ta’ dawk ta’ taħtu bl-ebda mod ma tirrilaxxah mir-responsibbilta’ tiegħu stess.”

6

It-Titolu VI tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Miżuri Dixxiplinari”. Taħt dan it-Titolu VI hemm l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, skont liema:

“1.   Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih.

2.   Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew [l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)] isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew invetigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx.

3.   Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi [huma] mniżżla fl-Anness IX”.

7

Skont l-Artikolu 1 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Proċeduri dixxiplinarji”:

“1.   Kulmeta investigazzjoni mill-OLAF tikxef il-possibbiltà ta’ involviment personali ta’ uffiċjal jew ta’ persuna li qabel kienet uffiċjal, ta’ istituzzjoni, dik il-persuna għandha tkun infurmata malajr, sakemm dan mhux ta’ ħsara għall- investigazzjoni. F’kull każ, ma jistgħux jittieħdu konklużjonijiet li jirreferu bl-isem ta’ uffiċjal meta titlesta l-investigazzjoni mingħajr ma dak l-uffiċjal ikkonċernat jkollu l-opportunità biex jikkumenta fuq il-fatti dwaru. Il-konklużjonijiet għandhom jagħmlu riferenza għal dawn il-kummenti.

2.   Fil-każijiet li jitolbu segretezza assoluta għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni u li jeħtieġu l-użu tal-proċeduri ta’ investigazzjoni, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, il-konformità ma’ l-obbligu li jkun mistieden l-uffiċjal biex jikkummenta, bi qbil ma’ l-Awtorità tal-Ħatra, tista’ tkun posposta. Fit-tali każijiet, l-ebda proċeduri dixxiplinarji ma jistgħu jinbdew qabel l-uffiċjal jingħata l-opportunità biex jikkummenta.

3.   Jekk, wara l-investigazzjoni ta’ l-OLAF, l-ebda każ ma jista’ jsir kontra uffiċjal li saru allegazzjonijiet dwaru, l-investigazzjoni in kwestjoni tingħalaq, mingħajr ma tittieħed aktar azzjoni, bid-deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-OLAF, li għandu jinforma l-uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu bil-miktub. L-uffiċjal jista’ jitlob li din id-deċiżjoni tiddaħħal fil-file personali tiegħu”.

8

L-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.   Ir-regoli ppreżentati fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness għandhom japplikaw, b’kull bidla meħtieġa, għal inkjesti amministrattivi oħra, imwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra.

2.   L-Awtorità tal-Ħatra għandha tinforma l-persuna kkonċernata meta tintemm l-investigazzjoni, u għandha tikkomunikalha l-konklużjonijiet ta’ l-investgazzjoni u, meta mitluba u suġġetta għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ persuni terzi, id-dokumenti kollha li direttament relatati ma’ l-allegazzjonijiet li saru kontrih.

[…]”

9

L-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“Fuq il-bażi tar-rapport ta’ l-investigazzjoni, wara li tavża l-uffiċjal ikkonċernat bl-evidenza kollha fil-files u wara li tisma’ l-uffiċjal ikkonċernat, l-Awtorità tal-Ħatra tista’:

a)

tiddeċiedi li l-ebda każ ma jista’ jsir kontra l-uffiċjal, f’liema każ l-uffiċjal għandu jkun avżat b’hekk bil-miktub; jew

b)

tiddeċiedi, anki jekk hemm jew jidher li kien hemm nuqqas biex jitħarsu l-obbligi, li l-ebda miżura dixxiplinarja m’hi se tittieħed u, jekk ikun il-każ, tindirizza twissija lill-uffiċjal; jew

ċ)

fil-każ ta’ nuqqas biex jitħarsu l-obbligi, fis-sens ta’ l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal:

i)

tiddeċiedi li tibda l-proċeduri dixxiplinarji kif provdut fit-Taqsima 4 ta’ dan l-Anness, jew

ii)

tiddeċiedi li tibda proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Bord Dixxiplinari”.

10

L-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1.   Wara li tisma’ lill-uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tasal għad-deċiżjoni tagħha, kif ipprovdut fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan l-Anness fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta’ l-opinjoni tal-Bord. Ir-raġunijiet iridu jingħataw għal din id-deċiżjoni.

2.   Jekk l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li tagħlaq il-każ mingħajr ma timponi xi piena dixxiplinarja, għandha tinforma dan bil-kitba mingħajr dewmien lill-uffiċjal ikkonċernat. L-uffiċjal ikkonċernat jista’ jitlob li din id-deċiżjoni tiddaħħal fil-file personali tiegħu”.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

11

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 2 sa 36 tas-sentenza appellata kif ġej:

“2.

Ir-rikorrent ġie rreklutat fl‑1 ta’ Awwissu 2000 mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ta’ korp tal-Unjoni Ewropea, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC), li sar il-FRA, bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-impjieg”). Wara li kien irreklutat inizjalment taħt kuntratt għal żmien determinat, huwa bbenefika minn kuntratt għal żmien indeterminat b’effett mis‑16 ta’ Diċembru 2006.

3.

Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ġunju 2013, id-direttur tal-FRA li kien fil-kariga dak iż-żmien informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jxoljilu l-kuntratt.

4.

Permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2015, DD vs FRA (F‑106/13 u F‑25/14 [iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ annullament”], EU:F:2015:118), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni ta’ xoljiment minħabba li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, id-direttur tal-FRA ma kienx informa espressament lir-rikorrent li, fuq il-bażi ta’ diversi inċidenti, huwa kien qiegħed jikkontempla jxoljilu l-kuntratt u ma talbux jagħti l-kummenti tiegħu f’dan ir-rigward.

5.

Fid‑29 ta’ Frar 2016, il-FRA, immexxija minn direttur ġdid, reġa’ daħħal lir-rikorrent lura fl-impjieg tiegħu, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-[sentenza ta’ annullament].

6.

Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, ir-rikorrent intalab mill-kap tad-dipartiment tiegħu biex iħejji espożizzjoni interna ta’ bejn 15 u 20 paġna, sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Marzu 2016, fuq ir-regoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġurisprudenza marbuta mal-libertà tal-ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, fuq livell internazzjonali u fuq il-livell tal-Unjoni.

7.

Permezz ta’ posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrent bagħat lill-kap tad-dipartiment tiegħu dokument ta’ 31 paġna kkwalifikat bħala “l-ewwel abbozz dwar l-espożizzjoni fuq il-libertà tar-reliġjon” intitolat “Nota ta’ informazzjoni interna dwar eventwali proġetti rilevanti tal-FRA li jikkonċernaw il-libertà ta’ ħsieb” (iktar ’il quddiem l-‘espożizzjoni kontenzjuża’).

8.

Fil-bidu tax-xahar ta’ April 2016, l-espożizzjoni kontenzjuża ġiet irreġistrata fis-sistema ta’ ġestjoni tad-dokumenti (iktar ’il quddiem is-“SĠD”) tal-FRA, li għaliha kellhom aċċess il-kollegi kollha tar-rikorrent.

9.

Fis‑7 ta’ April 2016, il-kap tad-dipartiment tar-rikorrent informa lil dan tal-aħħar li huwa kien bagħat l-espożizzjoni kontenzjuża lid-direttur tal-FRA u stiednu jibgħat lil wieħed mill-kollegi tiegħu l-link ta’ dan id-dokument irreġistrat fis-SĠD, sabiex huwa jkun jista’ jieħu konjizzjoni ta’ dan id-dokument u tal-analiżi li kien hemm fih.

10.

Permezz ta’ posta elettronika tas‑16 ta’ Ottubru 2017, il-kap tad-dipartiment tar-rikorrent talbu jirrevedi l-espożizzjoni kontenzjuża u japprofondixxi l-analiżi ddedikata għal-libertà ta’ reliġjon mill-perspettiva tal-Unjoni, fid-dawl ta’ eventwali pubblikazzjoni.

11.

Barra minn hekk, fis‑7 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta appell intern kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2016”), billi sostna li l-evalwazzjoni tal-effikaċja tiegħu, tal-kapaċità tiegħu u tal-kondotta tiegħu kellha tkun “tajba ħafna”, minflok “sodisfaċenti”. F’dan il-kuntest, għal dak li jikkonċerna l-espożizzjoni kontenzjuża, minn naħa, ir-rikorrent sostna li kien b’dispjaċir li, filwaqt li matul id-djalogu ta’ evalwazzjoni, il-kap tad-dipartiment tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur, kien ikkonferma li din l-espożizzjoni kienet utli ħafna u kienet tilħaq l-għan tagħha, huwa kkritikaha fl-osservazzjonijiet sussegwenti tiegħu. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent sostna li l-kummenti tal-evalwatur, fuq il-fatt li l-espożizzjoni kontenzjuża kienet fil-parti l-kbira komposta minn referenzi għal ġurisprudenza, ma kinux preċiżi, peress li l-espożizzjoni kien fiha wkoll analiżi legali, kunċettwali u politika.

12.

Fl‑1 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent bagħat verżjoni riveduta tal-espożizzjoni kontenzjuża.

13.

Fil‑5 ta’ Diċembru 2017, id-direttur tal-FRA ċaħad l-appell intern ippreżentat mir-rikorrent kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni 2016. F’din l-okkażjoni, id-direttur tal-FRA indika li kien sar jaf li l-espożizzjoni kontenzjuża kienet, fil-parti l-kbira ħafna tagħha, kopja diretta ta’ diversi sorsi, b’mod partikolari ta’ dokumenti tal-Kunsill tal-Ewropa, li ma kinux ġew indikati bħala referenzi f’din l-espożizzjoni, u li r-rikorrent ma kienx informa lill-kap tad-dipartiment tiegħu b’dan l-istat ta’ fatt, u ħallih jemmen li din l-espożizzjoni kienet ir-riżultat ta’ xogħolu.

14.

Fid‑9 ta’ Frar 2018, id-direttur tal-FRA kkonsulta mal-[OLAF] fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar l-aġir tar-rikorrent.

15.

Fl‑20 ta’ Marzu 2018, l-OLAF iddeċieda li ma jiftaħx investigazzjoni, fl-assenza ta’ ‘elementi suffiċjenti li jindikaw l-eżistenza ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ attivitajiet illegali oħra’.

16.

Fit‑23 ta’ Marzu 2018, id-direttur tal-FRA fetaħ investigazzjoni amministrattiva dwar l-aġir tar-rikorrent fir-rigward tal-espożizzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni”). L-investigatur maħtur [(iktar ’il quddiem l-“investigatur”)] iddikjara li ma kellux kunflitt ta’ interessi. L-għan ta’ din l-investigazzjoni kien li jiġi ddeterminat, l-ewwel, sa fejn preċiżament l-espożizzjoni kontenzjuża kienet ġiet ippreżentata mir-rikorrent bħala li hija r-riżultat ta’ xogħolu, u sa fejn kienet tirriproduċi estratti minn dokumenti li ma humiex tal-FRA li la kienu ċċitati u lanqas indikati bħala referenzi; it-tieni, minn dawn id-dokumenti, liema kienu dawk li eventwalment kienu koperti mid-drittijiet tal-awtur, it-tielet, jekk kinux jeżistu dokumenti oħra redatti mir-rikorrent fil-kuntest ta’ xogħolu fi ħdan il-FRA, fil-qasam tal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, li kienu jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u, ir-raba’, jekk ikun il-każ, jekk [ir-Regolamenti tal-Persunal] jew id-dritt tal-proprjetà intellettwali kinux ġew miksura.

17.

Fit‑23 u fl‑24 ta’ April 2018, l-investigatur interroga seba’ xhieda u lir-rikorrent, li bagħat lill-investigatur osservazzjonijiet bil-miktub.

18.

Fis‑17 ta’ Ġunju 2018, l-investigatur ittrażmetta lir-rikorrent il-konklużjonijiet preliminari tiegħu.

19.

Fit‑2 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent ressaq osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet preliminari tal-investigatur.

20.

Fit‑23 ta’ Lulju 2018, l-investigatur bagħat ir-rapport definittiv tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ investigazzjoni”), li kkonstata ksur tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tad-dmirijiet tiegħu ta’ lealtà u ta’ kooperazzjoni. L-investigatur irrileva, essenzjalment, l-ewwel, li l-ikkopjar u l-użu ta’ xogħol ħaddieħor mingħajr ma jiġi indikat bħala referenza u billi jingħadda bħala xogħolu kien jikkostitwixxi forma ta’ ngann, ta’ diżonestà u ta’ approprjazzjoni frawdolenti li tikser mhux biss l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, imma wkoll kważi kull regola morali; it-tieni, li r-rikorrent kien deliberatament inganna lill-membri tad-dipartiment tiegħu u kien ħeba informazzjoni importanti, aspett li kien jikser l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal; it-tielet, li l-fatt li r-rikorrent kien ħa tliet ġimgħat biex jifformula l-espożizzjoni kontenzjuża, li fil-parti l-kbira tagħha tikkonsisti f’kopja, kien jikkostitwixxi ksur ieħor, relattivament minuri, tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal; ir-raba’, li l-indikazzjoni li l-espożizzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi kwalità tajba, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016, kienet ingannuża u kienet tikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal; il-ħames, li l-użu ta’ materjal protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr ma jiġi informat l-awtur, jiġifieri l-Kunsill tal-Ewropa, kien jikser ukoll l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sitt, li r-rikorrent kien aġixxa b’mod ingannuż u/jew b’diżonestà u, konsegwentement, ma ġabx ruħu billi jżomm f’moħħu biss l-interessi tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ lealtà u, is-seba’, li l-użu ta’ xogħol ħaddieħor mingħajr ma jiġi indikat bħala referenza u mingħajr ma jinforma lis-superjuri tiegħu b’dan kien jikser l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dmir ta’ kooperazzjoni tar-rikorrent.

21.

Fil‑15 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent instema’ mid-direttur tal-FRA skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal […] u ttrażmetta ulterjorment dikjarazzjoni bil-miktub, bid-data tal-istess ġurnata.

22.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ottubru 2018, id-direttur tal-FRA fetaħ proċedura dixxiplinari quddiem il-Bord tad-Dixxiplina kontra r-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari”). Dik id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent fis‑7 ta’ Novembru 2018.

23.

Fis‑26 ta’ Frar 2019 ġie kkostitwit il-Bord tad-Dixxiplina b’deċiżjoni tad-direttur tal-FRA.

24.

Fis‑27 ta’ Frar 2019, id-direttur tal-FRA stabbilixxa r-rapport intiż għall-Bord tad-Dixxiplina, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“rapport tad-direttur tal-FRA”).

25.

Fil‑21 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent ippreżenta r-risposta tiegħu lill-president tal-Bord tad-Dixxiplina.

26.

Fit‑22 ta’ Marzu 2019 inżamm is-smigħ tar-rikorrent quddiem il-Bord tad-Dixxiplina.

27.

Fis‑7 ta’ Mejju 2019, il-Bord tad-Dixxiplina ħareġ opinjoni motivata (iktar ’il quddiem l-opinjoni tal-Bord tad-Dixxiplina”), konformement mal-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn ikkunsidra bħala fondati l-akkużi ta’ aġir kuntrarju għall-obbligi tar-rikorrent skont l-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-preżentazzjoni ta’ kitbiet ta’ ħaddieħor bħala xogħolu, mingħajr indikazzjoni tas-sorsi tagħhom. Il-Bord tad-Dixxiplina rrakkomanda li r-rikorrent jinżel żewġ gradi, jiġifieri għall-grad AD 7. Il-Bord tad-Dixxiplina ma semmiex ċirkustanzi attenwanti.

28.

Il-Bord tad-Dixxiplina rrileva, essenzjalment, l-ewwel, li r-rikorrent kien aġixxa billi ma kellux f’moħħu biss l-interessi tal-Unjoni, imma l-interessi tiegħu stess billi jieħu krettu għal test li tiegħu huwa ma kienx l-awtur; it-tieni, li ma kienx adotta l-aġir responsabbli mistenni min-naħa ta’ membru tal-persunal tal-FRA; it-tielet, li l-azzjonijiet tiegħu setgħu jikkawżaw ħsara lir-reputazzjoni tal-FRA u, ir-raba’, li ma kienx assista lis-superjuri tiegħu, anzi kien aġixxa kontra tagħhom, billi ppreżenta xogħol ħaddieħor bħallikieku kien tiegħu.

29.

Għaldaqstant, il-Bord tad-Dixxiplina kkonstata li r-rikorrent kien kiser, l-ewwel, l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ppreżenta deliberatament xogħol ikkopjat bħallikieku kien xogħolu; it-tieni, l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu l-fatt li jippreżenta xogħol ħaddieħor bħallikieku kien xogħolu kien jirrifletti ħażin fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrent u, it-tielet, l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu r-rikorrent ma kienx qeda l-kompiti fdati lilu, imma kien ippreżenta xogħol ħaddieħor bħallikieku kien tiegħu u fejn kien hemm riskju li l-espożizzjoni kontenzjuża, jew siltiet minnha, jiġu integrati f’dokument wieħed jew iktar ippubblikati mill-FRA, li seta’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha.

30.

Fil‑11 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent instema’ mid-direttur tal-FRA, konformement mal-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem is-“smigħ tal‑11 ta’ Lulju 2019”), u ppreżenta d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu.

31.

Fil‑11 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent irċieva nota mid-direttur, bid-data tal‑10 ta’ Ottubru 2019, li fiha esprima l-intenzjoni tiegħu li jimponilu sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni u stiednu jikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan bil-miktub fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol.

32.

Fl‑24 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lid-direttur tal-FRA.

33.

Fit‑12 ta’ Novembru 2019, id-direttur tal-FRA, bħala l-ASTK, adotta d-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Novembru 2019. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, id-direttur tal-FRA laqa’ l-konklużjonijiet tal-Bord tad-Dixxiplina, ħlief għal dik li kienet tikkonċerna s-sanzjoni proposta, peress li kkunsidra li t-twaqqigħ fil-grad ma kienx jirrifletti suffiċjentement il-gravità tal-ksur tal-obbligi professjonali previsti fl-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-direttur tal-FRA rrileva, b’mod partikolari, minn naħa, li l-Bord tad-Dixxiplina ma kienx semma ċirkustanzi attenwanti, iżda kien semma ċirkustanzi aggravanti, jiġifieri l-fatt li l-aġir tar-rikorrent kien deliberat, li huwa kien ipprova jikseb personalment krettu għal xogħol li jikkostitwixxi plaġjariżmu, li huwa ma kienx irrikonoxxa l-gravità tal-aġir tiegħu u li kien hemm riskju reali ta’ ħsara lir-reputazzjoni tal-FRA u, min-naħa l-oħra, li r-rabta ta’ fiduċja kienet ġiet serjament ippreġudikata.

34.

Barra minn hekk, id-direttur tal-FRA kkunsidra li l-Bord tad-Dixxiplina ma kienx ħa biżżejjed inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li kien jirrigwarda, minn naħa, l-aġir tar-rikorrent, li d-direttur tal-FRA kklassifika bħala “ksur tal-ogħla gravità” u, min-naħa l-oħra, tal-effetti ta’ tali aġir fuq ir-reputazzjoni tal-FRA, peress li, skontu, ir-rikorrent, waħdu, kien deliberatament ħoloq riskju gravi ta’ ħsara lil din ir-reputazzjoni għal perijodu ta’ żmien kunsiderevoli. Id-direttur tal-FRA approva l-konstatazzjoni tal-Bord tad-Dixxiplina li r-rabta ta’ fiduċja kienet ġiet serjament ippreġudikata, filwaqt li kkunsidra li l-imsemmija rabta kienet ġiet miksura b’mod irrevokabbli u, konsegwentement, li t-twaqqigħ fil-grad ma kienx sanzjoni adegwata.

35.

Fis‑16 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni.

36.

Fil‑15 ta’ April 2020, id-direttur tal-FRA ta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Lulju 2020, l-appellant ippreżenta r-rikors imsemmi fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

13

Permezz tar-rikors tiegħu, l-appellant talab lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel, tannulla d-deċiżjoni ta’ revoka, it-tieni, jekk ikun il-każ, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, it-tielet, tikkumpensa d-danni materjali u morali li huwa kien ġarrab u, ir-raba’, tikkundanna lill-FRA għall-ispejjeż. Insostenn tal-ewwel żewġ talbiet tiegħu, l-appellant invoka tmien motivi b’mod prinċipali u motiv wieħed b’mod sussidjarju, ibbażati:

–

l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fuq żbalji ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tal-Bundesgesetz über das Urheberrecht an Werken der Literatur und der Kunst und über verwandte Schutzrechte (Urheberrechtsgesetz) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u fuq id-Drittijiet Relatati) tad‑9 ta’ April 1936 (BGBl. 1936, 111/1936) u fuq il-ksur tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), inkwantu, l-ewwel, il-plaġjariżmu ġie kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni, it-testi kkopjati ma kinux protetti mil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u, it-tielet, ġiet miksura l-libertà ta’ espressjoni tiegħu;

–

it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza jew tad-dmir ta’ premura mill-investigatur u mid-direttur tal-FRA mal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, bid-deċiżjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni u mill-Bord tad-Dixxiplina kif ukoll fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ prova fl-investigazzjonijiet amministrattivi u fil-proċeduri dixxiplinari;

–

it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ newtralità, ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività tad-direttur tal-FRA bħala ASTK, fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u fuq abbuż ta’ poter;

–

ir-raba’ wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw il-ksur mill-appellant tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–

il-ħames wieħed, fuq il-ftuħ irregolari tal-investigazzjoni amministrattiva fl-assenza ta’ prova prima facie u fuq il-ftuħ irregolari tal-proċedura dixxiplinari;

–

is-sitt wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-parametri tal-investigazzjoni mill-investigatur u fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 7(6) tad-Deċiżjoni 2013/01 tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-FRA tat‑22 ta’ Mejju 2013 fuq it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari, tal-Artikolu 4(1)(a) sa (d) u tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), u, qabel l-applikabbiltà tar-Regolament 2018/1725, tal-Artikolu 4(1)(a) sa (d) u tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 26, p. 102), u fuq il-ksur tal-effetti ta’ sentenza ta’ annullament;

–

is-seba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ imparzjalità, ta’ newtralità u ta’ oġġettività tal-investigatur;

–

it-tmien wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 kif ukoll tal-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u

–

id-disa’ wieħed, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-impożizzjoni tas-sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni fid-dawl tal-fatti li bihom ġie akkużat l-appellant.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet kollha għal annullament u għall-kumpens imressqa mill-appellant. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba.

It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

15

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni ta’ revoka u, jekk ikun il-każ, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–

tikkumpensa d-danni materjali u morali li huwa allegatament ġarrab, u

–

tikkundanna lill-FRA għall-ispejjeż kollha.

16

Il-FRA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell, u

–

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż kollha

Fuq l‑appell

Fuq l‑ewwel aggravju

17

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet, fil-punti 179 sa 193 tas-sentenza appellata, diversi żbalji ta’ liġi matul l-evalwazzjonijiet tagħha dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-investigatur u li ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L‑argumenti tal‑partijiet

18

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jallega, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali, meta kkunsidrat, fil-punti 179 sa 185 tas-sentenza appellata, li l-provi prodotti minnu ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva tal-investigatur, naqset milli teżamina, fid-dawl ta’ dawn il-provi, eventwali nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva min-naħa tiegħu. Issa, eżami tal-fatti fid-dawl tan-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva huwa biżżejjed, anki jekk ma jeżistux elementi li jippermettu li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva.

19

It-tieni, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 186 sa 192 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva, huwa biżżejjed li jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li ma jistax jiġi eliminat. L-appellant isostni, barra minn hekk, li, f’dan il-każ, id-dubju dwar l-imparzjalità tal-investigatur huwa leġittimu mill-perspettiva tat-terzi osservaturi. Fil-fehma tiegħu, kull dubju dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ konsulent estern, li minnu jirriżulta li huwa jagħti wkoll pariri legali u jirċievi ħlasijiet ripetuti mingħand il-persuna li timpjega, huwa leġittimu mill-perspettiva ta’ osservatur terz. Barra minn hekk, skont hu, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata jikkonfermaw l-eżistenza ta’ dubju leġittimu, iżda l-Qorti Ġenerali wettqet, madankollu, klassifikazzjoni żbaljata ta’ dawn il-fatti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor fil-punt 187 tas-sentenza appellata, peress li ma kienx l-obbligu tal-appellant, iżda tal-FRA, li tneħħi dan id-dubju.

20

It-tielet, huwa jsostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, li l-ammonti mħallsa lill-investigatur kienu ġġustifikati mill-kwantità ta’ xogħol li kienet ġiet fdata lilu, hija irrilevanti f’din il-kawża, peress li ma tneħħix id-dubju leġittimu dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi min-naħa tal-investigatur għal raġunijiet finanzjarji. Issa, kunflitt ta’ interessi ta’ dan it-tip jikkostitwixxi wieħed mill-każijiet ta’ illegalità l-iktar gravi u, bħala tali, kull kunflitt ta’ interessi għal raġunijiet finanzjarji għandu jitqies bħala rilevanti, minkejja l-ammont ikkonċernat. Konsegwentement, l-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2012, Allgeier vs FRA (F‑58/10, EU:F:2012:130) hija rilevanti f’din il-kawża.

21

Fl-aħħar nett, ir-raba’, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-punt 189 tas-sentenza appellata. Huwa jallega f’dan ir-rigward li mill-provi li kienu ġew sottomessi għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali jsegwi li s-servizz ipprovdut mill-investigatur, li għalih huwa ġie rremunerat, kien jikkonsisti fil-fatt f’pariri legali.

22

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-provi u l-fatti sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha u li hija wettqet żball ta’ liġi fil-punti 187 sa 193 tas-sentenza appellata meta ċaħdet, fil-punti 292 sa 296 ta’ dik is-sentenza, l-ewwel u t-tieni talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-appellant.

23

Preliminarjament, il-FRA ssostni li l-appell jikkostitwixxi, fil-parti l-kbira tiegħu, repetizzjoni tal-perspettivi u tal-argumenti ppreżentati mill-appellant fir-rikors u fir-replika fl-ewwel istanza. Konsegwentement, fil-fehma tagħha, diversi argumenti allegatament ġuridiċi, imressqa fl-appell, huma fir-realtà tentattivi sabiex jiġu kkontestati fatti.

24

Il-FRA tqis li dan l-ewwel aggravju huwa parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

25

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li għandha tiġi analizzata l-ewwel, l-appellant jikkritika l-punti 292 sa 296 tas-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħhom, il-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tilqa’ l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li huwa kien talab sabiex juri l-eżistenza ta’ allegata assenza ta’ imparzjalità tal-investigatur u, konsegwentement, ma eżaminatx b’mod adegwat il-provi prodotti għall-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, hija żnaturat dawn tal-aħħar fil-punti 187 sa 193 ta’ dik is-sentenza.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB,C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għaldaqstant, l-appellant ma jistax jikkontesta utilment, fl-istadju ta’ dan l-appell, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma adottatx il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tagħhom huwa ssuġġerixxa l-adozzjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu fl-ewwel istanza.

28

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata, essenzjalment, fuq l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta eskludiet l-eżistenza ta’ dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva tal-investigatur, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Dan l-artikolu jipprovdi b’mod partikolari li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali minn dawn l-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Hamers vs Cedefop,C‑111/22 P, EU:C:2024:5, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-rekwiżit ta’ imparzjalità, impost fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwa intiż li jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament li hija l-bażi tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa intiż, b’mod partikolari, li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi eventwali fir-rigward ta’ uffiċjali u ta’ aġenti li jaġixxu għan-nom ta’ dawn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-garanzija ta’ indipendenza u ta’ integrità f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern kif ukoll l-immaġini esterna tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri kull ċirkustanza li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li għandu jiddeċiedi dwar kwistjoni għandu raġonevolment jifhem li tista’ tidher, f’għajnejn terzi, li tista’ taffettwa l-indipendenza tiegħu fil-qasam (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Hamers vs Cedefop,C‑111/22 P, EU:C:2024:5, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jinkludi komponent suġġettiv, li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, u komponent oġġettiv. Konformement ma’ dan il-komponent tal-aħħar, invokat mill-appellant, kull istituzzjoni, korp u organu tal-Unjoni għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, D & A Pharma vs Il-Kummissjoni u EMA, C‑291/22 P, EU:C:2024:228, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’mod partikolari, sabiex jintwera li l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma toffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Huwa biżżejjed li jkun jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li ma jkunx jista’ jitneħħa (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Hamers vs Cedefop,C‑111/22 P, EU:C:2024:5, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Minn dan isegwi li ma tistax tiġi meħtieġa min-naħa tal-persuni li l-każijiet tagħhom huma trattati minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, li huma jipproduċu, insostenn tal-argument tagħhom li r-rekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva ma ġiex osservat matul proċedura amministrattiva, il-prova ta’ indizji konkreti ta’ parzjalità. Fil-fatt, l-imparzjalità oġġettiva għandha tiġi evalwata indipendentement mill-aġir speċifiku tal-persuna kkonċernata (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, D & A Pharma vs Il‑Kummissjoni u EMA, C‑291/22 P, EU:C:2024:228, punt 80).

33

Billi, essenzjalment, fakkret din il-ġurisprudenza fil-punt 186 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 187 ta’ dik is-sentenza, li l-appellant ma kienx stabbilixxa li r-relazzjoni eżistenti bejn il-FRA u l-investigatur setgħet toħloq dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-investigatur. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 188 sa 191 tal-imsemmija sentenza, li, l-ewwel, mill-provi prodotti mill-appellant kien isegwi li l-investigatur kellu relazzjoni ta’ xogħol mhux mal-FRA, iżda mal-Kummissjoni Ewropea, it-tieni, li l-provi prodotti mill-appellant dwar il-kwalità ta’ konsulent legali tal-FRA tal-investigatur ma kinux biżżejjed sabiex isostnu dubju leġittimu dwar l-eżistenza ta’ preġudizzju eventwali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li r-rwol tal-investigatur kien limitat għal dak ta’ konsulent estern, u, it-tielet, fir-rigward tal-interessi finanzjarji eżistenti bejn l-investigatur u l-FRA, li l-ammont tal-kuntratti konklużi bejniethom kien raġonevoli u ġġustifikat fid-dawl tal-kwantità ta’ xogħol meħtieġa għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti.

34

għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NS vs Il‑Parlament, C‑218/23 P, EU:C:2024:358, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Ikun hemm tali żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata jew manifestament kuntrarja għall-formulazzjoni tagħha. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu joħroġ b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta appellant jallega żnaturament tal-provi, huwa għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wassluha għal dan l-iżnaturament (sentenzi tas‑27 ta’ April 2023, Fondazione Cassa di Risparmio di Pesaro et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/21 P, EU:C:2023:340, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Foz vs Il‑Kunsill, C‑524/22 P, EU:C:2024:23, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn, permezz tal-argumenti tiegħu, l-appellant isostni li l-provi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ta’ natura, sa fejn dawn juru r-rwol ta’ konsulent legali tal-FRA li kellu l-investigatur u l-ammont għoli ta’ remunerazzjonijiet li ngħatawlu mill-FRA fil-kuntest tal-kuntratti ta’ konsulenza esterna konklużi bejniethom, li jqajmu dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva ta’ dan l-investigatur. Fil-fatt, permezz ta’ tali argument, l-appellant irid jikseb evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-provi. Għalkemm huwa minnu li l-appellant jikkritika formalment lill-Qorti Ġenerali li żnaturat uħud mill-imsemmija provi, b’mod partikolari dawk dwar il-kwalità ta’ konsulent legali tal-FRA tal-investigatur, għandu jiġi kkonstatat li, bl-iskuża ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, l-appellant fil-fatt qiegħed jipprova jikseb eżami mill-ġdid tal-argumenti diġà mressqa f’dan ir-rigward fl-ewwel istanza, mingħajr madankollu ma jesponi kif il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni manifestament ineżatta tal-fatti u tal-provi.

37

Barra minn hekk, sa fejn, permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, meta ma kkunsidratx li s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ relazzjoni finanzjarja bejn l-investigatur u l-FRA kien biżżejjed, indipendentement mill-ammont tar-remunerazzjonijiet imħallsa, sabiex jitnissel dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva ta’ dan l-investigatur, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, dan is-sempliċi fatt ma huwiex biżżejjed sabiex joħloq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi f’investigatur ta’ natura li jivvizzja l-proċedura dixxiplinari, għaliex inkella l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jirrikorri għall-istess investigatur fil-kuntest ta’ missjonijiet differenti. Barra minn hekk, l-ebda kunflitt ta’ interess ma jista’ jirriżulta mill-fatt li investigatur diġà wettaq attivitajiet ta’ konsulenza esterna għall-FRA meta dawn l-attivitajiet l-oħra ma jikkonċernawx is-suġġett tal-investigazzjoni inkwistjoni. Issa, mill-punti 189 u 190 tas-sentenza appellata ma jirriżultax li dan huwa l-każ.

38

Fl-aħħar, sa fejn l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, li din il-kawża ma hijiex analoga għal dik li tat lok għas-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2012, Allgeier vs FRA (F‑58/10, EU:F:2012:130), l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li, minn naħa, is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali ma warrbitx, skont il-każ, fis-sentenza appellata, is-soluzzjoni adottata f’sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jikkostitwixxi żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, dan il-motiv huwa ta’ natura superfluwa.

39

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

40

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 67 sa 98 tas-sentenza appellata, diversi żbalji ta’ liġi, żnaturament tal-provi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ikkritikat lill-appellant mill-FRA, jiġifieri li wettaq “plaġjariżmu” sabiex ifassal l-espożizzjoni inkwistjoni, u li ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

41

L-ewwel, huwa jikkritika, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “plaġjariżmu” adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 58 sa 61, 70, 72, 79 u 81 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali pproponiet definizzjoni nieqsa minn rilevanza legali ta’ kelma li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost taħt il-lingwaġġ ta’ kuljum, sabiex tużaha sabiex tevalwa u tikkundanna l-aġir tal-appellant, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-aġir tal-appellant kellha ssir biss fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal.

42

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Pelham et (C‑476/17, EU:C:2018:1002), dwar l-interpretazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni msejħa ta’ “kwotazzjoni” prevista mid-Direttiva 2001/29 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), li tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-kwotazzjonijiet legali u l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, li ma jistgħux ikunu rilevanti f’dan il-każ. L-appellant isostni, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2001/29 tikkonċerna l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, mill-kliem u mill-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet isegwi li l-kelma “plaġjariżmu” li tinsab fihom tirreferi għal ksur tad-drittijiet tal-awtur fil-kuntest tal-qbiż tal-limiti tal-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni. Issa, il-FRA tikkunsidra hija stess li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma għandhiex importanza kbira fil-kuntest ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, l-appellant isostni li l-perspettiva żviluppata fil-kuntest tal-imsemmija konklużjonijiet hija rilevanti biss jekk it-testi kkopjati huma protetti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur fl-Awstrija. Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi ieħor, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 81 ta’ dik is-sentenza, li d-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma kienx rilevanti f’dak il-każ.

43

It-tieni, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali tidher li ċaħdet b’mod żbaljat l-applikabbiltà tal-Artikolu 11 tal-Karta. Issa, billi jagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-appellant isostni li l-libertà tal-espressjoni tapplika għar-riċezzjoni u għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-ideat kollha, mingħajr kunsiderazzjoni tal-kontenut tagħhom.

44

L-appellant jallega, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, meta għamlet riferiment għall-formulazzjoni tal-opinjoni konsultattiva tal-Bord Dixxiplinari, filwaqt li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biss hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 90, 91 u 97 tas-sentenza appellata, li jipprovdu, essenzjalment, li l-obbligu li jissemmew is-sorsi ma jistax jitqies li jikkostitwixxi restrizzjoni eċċessiva għal-libertà tal-espressjoni, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ksur tal-libertà tal-espressjoni jista’ jirriżulta wkoll mill-fatt li formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew sanzjonijiet jiġu imposti fuq il-persuna kkonċernata. Issa, l-obbligu li jiġu żvelati s-sorsi huwa formalità jew kundizzjoni marbuta mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta li jgħid li l-qrati tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta jinterpretaw il-Karta.

45

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑25 ta’ Novembru 1999, Hashman u Harrup vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:1125JUD 002559494), fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-rekwiżit, imsemmi fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun “prevista mil-liġi”. Il-Qorti Ġenerali injorat dan l-argument tal-appellant u għalhekk ma weġbitx b’mod adegwat, b’tali mod li s-sentenza appellata ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

46

Skont l-appellant, meta huwa fassal u kkondivida l-espożizzjoni kontenzjuża, huwa kien kopert mil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta. Issa, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li tkeċċija għal raġuni dixxiplinari tista’ tikser tali libertà u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni valida għaliha, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqset milli tinterpreta l-Artikolu 11 tal-Karta fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, konformement mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta, billi ma spjegatx kif l-aġir li bih huwa akkużat l-appellant, li għandu jiġi protett mill-Artikolu 11 tal-Karta, u li ma huwa suġġett għal ebda limitazzjoni legali valida, kellu jitqies bħala mhux xieraq u sanzjonabbli.

47

It-tielet, fir-rigward ta’ din l-assenza ta’ limitazzjoni legali valida, fis-sentenza appellata kollha u, b’mod iktar partikolari, fil-punti 67 sa 69 u 95 sa 98 tagħha, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-appellant jargumenta, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali injorat il-kuntest li joħroġ mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004, li ħadet inkunsiderazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 52 tagħha. Fil-fatt, l-Artikolu 11 tal-Karta mmotiva r-riforma tal-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-inklużjoni tal-Artikolu 17a fihom, inkwantu d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinux ċari u preċiżi biżżejjed dwar il-limitazzjonijiet magħmula għal-libertà tal-espressjoni tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal tal-Unjoni.

48

Ir-raba’, dejjem skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, żnaturat il-provi u għamlet motivazzjoni insuffiċjenti fil-punti 72 u 218 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, l-appellant jargumenta li, ċertament, il-FRA għandha regoli interni fil-qasam ta’ modifikar u ta’ produzzjoni tar-riżultati ta’ riċerka. Madankollu, dawn ir-regoli jiggarantixxu referenza korretta fi stadju ulterjuri għall-ewwel abbozz ta’ xogħol ta’ riċerka, bħalma kien il-każ tal-espożizzjoni kontenzjuża. L-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak li jsegwi, essenzjalment, mill-punti 73, 74 u 95 tas-sentenza appellata, il-fatt li ma inkludiex riferimenti u noti ta’ qiegħ il-paġna f’dan l-“ewwel abbozz” li kien jikkostitwixxi l-espożizzjoni kontenzjuża, ipprovduta bħala ħarsa ġenerali tal-istruttura u tal-kontenut tax-xogħol ta’ riċerka li kien mitlub iwettaq, ma jistax jitqies bħala aġir mhux xieraq jew att żleali min-naħa tiegħu. L-appellant ikkonforma ruħu mar-regoli interni tal-FRA u għalhekk ma jistax jiġi ssanzjonat f’dan ir-rigward.

49

Il-FRA teċċepixxi, essenzjalment, l-inammissibbiltà tal-argumenti mqajma mill-appellant fil-kuntest tat-tieni aggravju u, fi kwalunkwe każ, tqishom manifestament infondati.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

50

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tal-appellant dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “plaġjariżmu”, u li jirrigwarda essenzjalment il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 58 sa 61, 70, 72, 79 u 81 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li tali argument ma jistax jintlaqa’.

51

Ċertament, bħalma jsostni ġustament l-appellant, il-kunċett ta’ “plaġjariżmu” ma huwiex kunċett tad-dritt tal-Unjoni u l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur jaqgħu, bħala prinċipju, taħt id-dritt tal-Istati Membri.

52

Madankollu, f’dan il-każ, bħalma jsegwi b’mod partikolari mill-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkritikati mill-appellant fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali qieset li, sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażata fuq il-fatt li l-plaġjariżmu ma kienx jikkostitwixxi ksur tar-Regolamenti tal-Persunal, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir li bih huwa akkużat l-appellant setax jiġi ssanzjonat b’mod validu bħala ksur tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, u jekk l-appellant kienx f’pożizzjoni li jkun jaf b’eżattezza l-portata tal-obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal jimponulu fir-rigward tal-aġir ikkritikat, kien neċessarju li tiġi ddefinita n-natura ta’ dan l-aġir.

53

L-istess jgħodd fir-rigward tal-kritika, mill-appellant, tal-punt 57 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali affermat biss fl-imsemmi punt li kienet teżisti differenza fil-formulazzjoni, minn naħa, tad-deċiżjoni ta’ revoka, li fiha l-FRA kienet ikkonstatat li l-appellant kien wettaq plaġjariżmu, u, min-naħa l-oħra, tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, li l-aġir li bih huwa akkużat l-appellant, inkompatibbli mal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, kien jikkonsisti, essenzjalment, fi preżentazzjoni delibera ta’ dokument li jirriżulta minn ikkopjar bħala r-riżultat tax-xogħol tiegħu stess. Għalhekk, wara li identifikat l-għan tal-eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 58 sa 76 tas-sentenza appellata, evalwat il-kwistjoni dwar jekk l-aġir li bih huwa akkużat l-appellant, jiġifieri l-preżentazzjoni delibera ta’ dokument, li fil-parti l-kbira tiegħu jirriżulta minn ikkopjar, bħala r-riżultat ta’ xogħlu stess, kienx jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “plaġjariżmu” li għalih kienet tagħmel riferiment id-deċiżjoni ta’ revoka u, għaldaqstant, setax jikkostitwixxi ksur tal-obbligi li joħorġu mill-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal.

54

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li, meta uffiċjal ma jikkonformax ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li jaġixxi b’mod konformi mal-liġi nazzjonali ma jagħtix lill-persuna kkonċernata immunità fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa għalhekk ġustament, u mingħajr ma twettaq żnaturament tal-fatti, li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li, mill-perspettiva tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-riferimenti għad-dritt Awstrijak ma kinux rilevanti f’dan il-każ, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-portata ta’ dan id-dritt.

55

Fit-tieni lok, l-ilment ibbażat fuq il-kwistjoni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 90 u 91 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellant li l-FRA pprekludietu milli jeżerċita, b’mod assolut, id-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta u naqset milli tanalizza, fil-punti 86 sa 98 ta’ dik is-sentenza, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta, huwa bbażat ukoll fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

56

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali, fl-ebda punt tas-sentenza appellata, ma kkonstatat li l-kontenut tal-espożizzjoni kontenzjuża ma kienx kopert mil-libertà ta’ espressjoni, b’tali mod li kien hemm lok li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta u lanqas, a fortiori, ma qieset li sanzjoni dixxiplinari minħabba plaġjariżmu ma tistax titqies, jekk ikun il-każ, bħala restrizzjoni għal din il-libertà u, għaldaqstant, ma għandhiex tkun prevista mil-liġi, konformement mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

57

Għall-kuntrarju, bħalma jsegwi, b’mod partikolari, mill-punti 86 sa 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Karta, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi jew jikkomunika informazzjoni jew ideat mingħajr indħil minn awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri. Hija ddeċidiet ukoll li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, sabiex titqies bħala konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni għal dan id-dritt għandha tkun “prevista mil-liġi”, għandu jkollha għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, u ma għandhiex tkun eċċessiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li l-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu restrizzjonijiet leġittimi għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u li din il-limitazzjoni ma tistax titqies li hija eċċessiva.

58

Barra minn hekk, inkwantu l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tanalizza l-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Novembru 1999, Hashman u Harrup vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:1125JUD 002559494), għandu jitfakkar li aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza jammonta, essenzjalment, għal invokazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, XC vs Il‑Kummissjoni, C‑527/21 P, EU:C:2023:850, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Issa, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, issegwi r-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil-kawża, u għalhekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, XC vs Il‑Kummissjoni, C‑527/21 P, EU:C:2023:850, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, l-appellant sostna li restrizzjoni għad-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni “prevista mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, teżiġi ċertu grad ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà tal-liġi inkwistjoni. Huwa sostna, f’dan ir-rigward, li mis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Novembru 1999, Hashman u Harrup vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:1125JUD 002559494) kien jirriżulta li ma tistax titqies bħala “liġi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta, regola partikolarment impreċiża u li ma tagħtix indikazzjonijiet lill-persuna kkonċernata fir-rigward tat-tip ta’ aġir li jkun jikser l-ordni.

61

Issa, wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid li regola ma tistax validament timponi restrizzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni jekk din ma tkunx artikolata bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex iċ-ċittadin ikun jista’ jirregola l-aġir tiegħu, kif barra minn hekk jitlob ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 94 sa 98 tas-sentenza appellata, li l-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu jikkostitwixxu limitazzjonijiet legali suffiċjentement preċiżi tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

62

Għalhekk, sa fejn l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, l-argumenti li huwa jressaq f’dan is-sens għandhom jitqiesu bħala infondati.

63

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 67 sa 69 u 95 sa 98 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal bħala dispożizzjonijiet li jistabbilixxu limitazzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirrikonoxxi espressament dan id-dritt lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal tal-Unjoni, fil-limiti tal-osservanza stretta tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità.

64

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta l-libertà tal-espressjoni tal-uffiċjali tkun inkwistjoni, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom għandhom importanza partikolari li tiġġustifika li l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat jingħata ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk l-indħil fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà huwiex proporzjonat (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 49).

65

B’mod iktar partikolari, l-obbligu ta’ lealtà, stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, jimponi mhux biss li l-uffiċjal ikkonċernat jastjeni minn kondotti li jippreġudikaw id-dinjità tal-kariga u r-rispett dovut lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet tagħha, imma wkoll, speċjalment jekk huwa jkollu grad għoli, li huwa juri aġir li ma huwiex suspettuż, sabiex jinżammu r-rabtiet ta’ fiduċja li jeżistu bejn dik l-istituzzjoni u dan l-uffiċjal (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE,C‑446/19 P, EU:C:2020:918, punt 100).

66

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 27, 33 u 60 sa 62 tas-sentenza appellata, billi bbażat ruħha fuq il-motivi tad-deċiżjoni ta’ revoka u tal-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, li l-aġir allegat fil-konfront tal-appellant kien jikkonsisti fi preżentazzjoni delibera ta’ dokument bħala l-frott ta’ xogħlu stess, meta fil-parti l-kbira kien ir-riżultat ta’ kkopjar, sa fejn, kuntrarjament għal kwotazzjoni, minn naħa, ma kien hemm ebda interazzjoni bejn l-espożizzjoni inkwistjoni u d-dokumenti kkopjati u, min-naħa l-oħra, is-siltiet ikkopjati ma kinux jidhru b’mod ċar, f’din l-espożizzjoni, bħala li jikkostitwixxu elementi esterni għaliha.

67

Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali juru b’mod ċar li l-appellant ma ġiex issanzjonat minħabba li kien esprima opinjoni personali jew li ma taqbilx mal-espożizzjoni kontenzjuża, iżda għaliex huwa kien ippreżenta kitbiet ta’ ħaddieħor bħala r-riżultat ta’ xogħlu, u mingħajr ma semma s-sorsi tiegħu. Issa, abbażi ta’ tali konstatazzjonijiet ta’ fatt, li l-appellant ma jikkontestax, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tiddeduċi, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, li dan l-aġir tal-appellant seta’ jikser id-dmir ta’ lealtà, li l-bażi legali tiegħu hija kkostitwita mill-Artikoli 11, 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jaqgħu taħt ir-restrizzjonijiet leġittimi għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni billi jsegwu, b’mod partikolari, l-għan li jippreżervaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn istituzzjoni u l-uffiċjali tagħha.

68

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tiddeċiedi, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li din il-limitazzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ma tistax titqies li hija eċċessiva f’dan il-każ, peress li l-appellant jibqa’ f’pożizzjoni li jesprimi liberament l-opinjonijiet tiegħu fl-espożizzjoni kontenzjuża, mingħajr madankollu ma jkollu d-dritt li jippreżenta x-xogħol ta’ ħaddieħor bħala r-riżultat tax-xogħol tiegħu stess u mingħajr ma jsemmi s-sorsi tiegħu.

69

Billi ddeċidiet hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tielet aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

71

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li, fid-deskrizzjoni li tat tat-tilwima fil-punt 9 tas-sentenza appellata, żnaturat il-fatti u l-provi li huwa kien ipproduċa, b’mod partikolari messaġġ indirizzat lill-appellant mill-kap tad-dipartiment li permezz tiegħu dan tal-aħħar talbu jibgħat lil wieħed mill-kollegi tiegħu l-link li jagħti aċċess għall-espożizzjoni kontenzjuża rreġistrata fis-SGD. L-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak li affermat il-Qorti Ġenerali f’dan il-punt tas-sentenza appellata, huwa ma kienx sempliċement “mistieden” li jibgħat, iżda rċieva struzzjoni f’dan is-sens mill-kap tad-dipartiment. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat istruzzjoni minn superjur ġerarkiku bħala sempliċi “stedina”, li l-appellant ma kienx f’pożizzjoni li jinjora. Issa, konformement mal-Artikolu 21a tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ma jistax legalment jinżamm responsabbli għall-konsegwenzi li jkun ikkonforma ruħu mal-investigazzjoni inkwistjoni, sakemm din l-istruzzjoni ma kinitx manifestament illegali jew kuntrarja għar-regoli ta’ sigurtà applikabbli.

72

Il-FRA teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tielet aggravju billi ssostni li l-appellant sempliċement jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

73

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant sempliċement jikkontesta d-deskrizzjoni tal-fatti, kif saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 9 tas-sentenza appellata, fil-parti ta’ din tal-aħħar li tesponi l-fatti li wasslu għall-kawża, mingħajr ma jindika kif l-allegata klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-messaġġ mibgħut lill-appellant mill-kap tad-dipartiment tiegħu hija ta’ natura li tivvizzja l-evalwazzjonijiet ta’ dritt magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dik is-sentenza. Minn dan isegwi li, bl-iskuża ta’ tali klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti, huwa jikkontesta, fir-realtà, evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, mingħajr, barra minn hekk, ma jispjega kif dawn l-evalwazzjonijiet huma manifestament żbaljati jew kuntrarji għall-formulazzjoni tagħhom.

74

Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, it-tielet aggravju huwa inammissibbli.

Fuq ir‑raba’ aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

75

Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 101, 106, 107, 111 sa 113 u 122 tas-sentenza appellata, wettqet diversi żbalji ta’ liġi, żnaturament tal-provi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tar-regolarità tal-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, u li ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

76

L-appellant isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-punt 107 tas-sentenza appellata, inkwantu l-konsultazzjoni tal-OLAF kienet annessa biss mar-rapport tad-Direttur tal-FRA u li l-appellant rċevih biss wara s‑27 ta’ Frar 2019. Konsegwentement, l-appellant la ġie informat bil-kontenut tal-konsultazzjoni tal-OLAF waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni fit‑23 ta’ Marzu 2018, u lanqas, barra minn hekk, waqt il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari fit‑23 ta’ Ottubru 2018. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellant kien informat b’mod suffiċjenti waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni u meta applikat b’analoġija l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni (T‑203/03, EU:T:2005:346).

77

L-appellant isostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-kuntest ġuridiku li minnu jifforma parti l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Fil-fehma tiegħu, sabiex jiġi żgurat li l-kriterju tal- “prova prime facie”, imsemmi fl-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġi vverifikat waqt il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, l-uniku għan leġittimu ta’ investigazzjoni amministrattiva huwa intiż li jistabbilixxi, abbażi ta’ prova prima facie, li jista’ jiġi raġonevolment issuspettat li uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.

78

Barra minn hekk, l-appellant iqis li investigazzjoni amministrattiva hija, mid-definizzjoni tagħha, ipproċessar ta’ data li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jkun “għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi”. L-appellant iżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirrikjedux li l-Awtorità tal-Ħatra tippreċiża d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu nkisru, peress li din il-kwistjoni taqa’ pjuttost taħt l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt ir-Regolament Nru 45/2001. Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li investigazzjoni amministrattiva tista’ tinfetaħ biss biex jiġi vverifikat ksur, mill-uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni kkonċernat, mhux tad-dritt fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, iżda biss tar-Regolamenti tal-Persunal.

79

L-appellant isostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 111 tas-sentenza appellata meta ma applikatx il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), ikkonfermata permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Nanopoulos (T‑308/10 P, EU:T:2012:370), li teżiġi li għandu jkun hemm provi suffiċjentement preċiżi u rilevanti qabel ma tinfetaħ proċedura dixxiplinari.

80

Il-FRA teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-raba’ aggravju u żżid li, fi kwalunkwe każ, huwa manifestament infondat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

81

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiftaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, meta provi li jagħtu preżunzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ikunu nġiebu għall-għarfien tagħha. Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 86 isegwi li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-amministrazzjoni s-setgħa li tiftaħ investigazzjoni bbażata fuq allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal.

82

Għalkemm l-amministrazzjoni għandha, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, hija għandha madankollu, bħalma essenzjalment iddeċidiet fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza, tkun f’pożizzjoni li tibbaża ruħha, għal dan l-għan, fuq l-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li twettaq ksur dixxiplinari. Minn dan isegwi li, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal tal-Unjoni kkonċernat, l-amministrazzjoni għandha tiżgura li, qabel ma tiftaħ investigazzjoni, hija jkollha indizji li jippermettu li wieħed jissuspetta, fir-rigward ta’ dan l-uffiċjal jew ta’ dan il-membru tal-persunal, nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u, qabel ma tiftaħ il-proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu, elementi suffiċjentement preċiżi u rilevanti biex jikkorroboraw is-suspetti tagħha.

83

Wara li rrilevat, ġustament, dawn il-prinċipji, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, l-argument tal-appellant li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva ma kinitx issemmi l-Artikolu 21 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ASTK ma kinitx taf eżattament, fil-mument ta’ dan il-ftuħ, liema dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal seta’ kiser l-appellant.

84

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fl-istess punt 106, li l-Artikolu 1 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tiegħu fir-rigward tal-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra, ma jeżiġix li din l-awtorità, jew fejn xieraq l-ASTK, tippreċiża d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu ġew miksura, sa fejn, bħalma qieset il-Qorti Ġenerali, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, l-appellant kellu biżżejjed informazzjoni sabiex jifhem li huwa ġie akkużat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jeżiġu aġir leali mill-uffiċjali, u dan, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni, li kienet tippreċiża b’mod partikolari li l-aġir ikkritikat tal-appellant kien jikkonsisti fil-fatt li fl-espożizzjoni kontenzjuża kien inkluda partijiet purament u sempliċement ikkopjati minn sorsi oħra, mingħajr ma għamel referenzi jew informa lill-kap tad-dipartiment tiegħu dwar dan, billi ta x’jifhem li din l-espożizzjoni kienet ir-riżultat tax-xogħol tiegħu stess.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi jew żnaturament u wara motivazzjoni suffiċjenti, tikkunsidra, fil-punti 108 u 111 tas-sentenza appellata, li l-proċedura li tikkonċerna lill-appellant kienet infetħet b’mod regolari, peress li l-Awtorità tal-Ħatra kellha, waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, indizji suffiċjenti li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ ksur minnu tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, waqt il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, elementi suffiċjentement preċiżi u konkordanti li jikkonfermaw is-suspetti li kienu ġġustifikaw il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni.

86

Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq il‑ħames aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

87

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 16, 114, 119 sa 131 kif ukoll 135 u 136 tas-sentenza appellata, wettqet diversi żbalji ta’ liġi, żnaturament tal-provi, ipprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti u wettqet eżami inkomplet tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-“notifika legali” tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni.

88

Skont l-appellant, il-FRA ma ttrasferietx il-kompetenzi dixxiplinari tagħha lill-investigatur, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, iżda fdat lil dan tal-aħħar investigazzjoni speċifika li għandha għan u portata speċifiċi. Il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll evalwazzjoni żbaljata tal-kuntest ġuridiku ta’ dik id-deċiżjoni. L-appellant ifakkar, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li pproċessar ta’ data, bħal investigazzjoni amministrattiva, għandu jkollu “għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi” u li d-data pproċessata għandha tkun “adegwata, relevanti u mhux eċċessiva” fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata.

89

Il-FRA ssostni li l-ħames aggravju huwa inammissibbli.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

90

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet klassifikazzjoni żbaljata tan-“notifika legali” tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni. Madankollu, bl-iskuża ta’ aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari, fuq allegat ksur tar-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data matul il-proċedura amministrattiva, fuq żnaturament tal-provi, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq eżami inkomplet tar-rikors tiegħu, l-appellant jitlob, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-provi li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punti 16, 114, 119 sa 131 kif ukoll 135 u 136 tas-sentenza appellata, b’dik tagħha, li, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, ma jaqax fil-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.

91

Barra minn hekk, inkwantu l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-formulazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, huwa jillimita ruħu li jirrepeti l-argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, bħalma jsegwi mill-punti 122 sa 135 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jispjega kif dawn huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

92

Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq is‑sitt, is‑seba’ u t‑tmien aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

93

Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami inkomplet tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, inkwantu ma weġbitx għall-argument tal-appellant li l-Bord tad-Dixxiplina ma kienx illimita ruħu għall-fatti msemmija fir-rapport tad-Direttur tal-FRA u li għalhekk kien kiser ir-Regolamenti tal-Persunal.

94

Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li, fil-punti 194 u 200 sa 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa kien ipproduċa provi ta’ natura li jistabbilixxu li l-Awtorità tal-Ħatra kienet diġà ddeċidiet li tiddikjara s-sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni qabel is-smigħ tal‑11 ta’ Lulju 2019. Fin-nuqqas ta’ eżami ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali żnaturathom, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, wettqet eżami inkomplet tal-motiv invokat fl-ewwel istanza u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

95

Permezz tat-tmien aggravju tiegħu l-appellant jallega li mill-appell kollu jsegwi li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta billi ma tatux rimedju ġudizzjarju effettiv.

96

Il-FRA tirribatti li l-opinjoni tal-appellant dwar is-sitt aggravju għadha vaga u ma tindikax il-punti tas-sentenza appellata li jirreferu għalihom.

97

Fir-rigward tas-seba’ aggravju, hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti Ġenerali semmiet l-argument tiegħu fl-aħħar tal-punt 202 tas-sentenza appellata u weġbitu fil-punti 203 u 204 tagħha.

98

Fl-aħħar nett, skont il-FRA, it-tmien aggravju huwa manifestament inammissibbli.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

99

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li huwa mitlub l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et, C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

B’mod partikolari, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità b’mod partikolari peress li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u komprensibbli mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et, C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell li ma jkollux struttura koerenti, li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali u li ma jinkludi ebda indikazzjonijiet preċiżi marbuta mal-punti tad-deċiżjoni appellata li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni, C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

F’dan il-każ, fir-rigward tas-sitt u tat-tmien aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn ma jidentifikawx bi preċiżjoni l-punti ta’ motivi tas-sentenza appellata li huma diretti kontrihom u lanqas l-iżbalji ta’ liġi li huma allegatament ivvizzjati bihom. Barra minn hekk, dawn l-aggravji huma fformulati b’mod ġenerali ħafna, mingħajr ma jipprovdu argumenti suffiċjenti li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fondatezza tagħhom.

102

Bl-istess mod, fir-rigward tas-seba’ aggravju, għalkemm l-appellant jippreċiża li dan l-aggravju jirrigwarda l-punti 194 u 200 sa 205 tas-sentenza appellata, billi jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli ssemmi u milli teżamina l-provi li juru li l-Awtorità tal-Ħatra kienet diġà ddeċidiet li timponi s-sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni qabel is-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2019, xorta jibqa’ l-fatt li l-appell ma jinkludix argumenti ta’ liġi li jsostnu allegat nuqqas ta’ motivazzjoni.

103

Konsegwentement, is-sitt, is-seba’ u t-tmien aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

104

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mqajma insostenn tal-appell ma ntlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

106

Peress li l-appellant tilef, hemm lok, konformement mat-talbiet tal-FRA, li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-FRA.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

DD huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.