|
12.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 301/15 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-8 ta’ Novembru 2013
dwar investigazzjonijiet tal-livelli tal-akrilammid fl-ikel
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/647/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-industrija tal-ikel, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ilhom mill-2002 jagħmlu sforzi kbar biex jinvestigaw xi jwassal għall-formazzjoni tal-akrilammid fl-ikel ipproċessat u biex inaqqsu l-livelli tiegħu. |
|
(2) |
L-organizzazzjoni FoodDrinkEurope, li tirrappreżenta lill-industrija Ewropea tal-ikel u x-xorb ħolqot “kaxxa tal-għodda” (1) bl-għodod li jistgħu jużaw il-produtturi tal-ikel b’mod selettiv f’konformità mal-ħtiġijiet partikolari tagħhom biex ibaxxu l-livelli tal-akrilammid fil-prodotti tagħhom. Barra minn hekk inħarġu fuljetti qosra b’informazzjoni dwar l-iktar għodod importanti għal kull settur. Ir-regolaturi appoġġaw dik l-attività u taw il-kontribut tagħhom għaliha. |
|
(3) |
Il-livelli tal-akrilammid f’ċerti oġġetti tal-ikel deher ogħla b’mod sinifikanti mil-livelli fi prodotti simili tal-istess kategorija ta’ prodotti. Għalhekk il-Kummissjoni qieset xieraq li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu investigazzjonijiet billi jeżaminaw il-metodi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar li jużaw l-operaturi tan-negozji tal-ikel. Għal dak l-għan, fl-10 ta’ Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar investigazzjonijiet dwar il-livelli ta’ akrilammid fl-ikel (2) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2011”). |
|
(4) |
Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-2011, l-Istati Membri jitħeġġu jwettqu l-investigazzjonijiet jekk il-livell tal-akrilammid misjub f’xi oġġett tal-ikel partikolari jaqbiżx il-valuri indikattivi stabbiliti fl-Anness ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni. |
|
(5) |
Il-livelli tal-akrilammid fl-ikel ġew sorveljati mill-Istati Membri mill-2007 sal-2009 skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/331/KE (3), u mill-2010 skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/307/UE (4). L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ hu mmirat fuq dawk l-oġġetti tal-ikel magħrufin li jkollhom livelli għoljin tal-akrilammid u/jew li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-konsum dijetetiku tal-bniedem. |
|
(6) |
Ir-riżultati tal-monitoraġġ mill-2007 sal-2010 ħadmithom l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) fir-Rapport Xjentifiku dwar “Aġġornament dwar il-livelli tal-akrilammid fl-ikel mill-monitoraġġ 2007-2010” (5) tat-18 ta’ Ottubru 2012. L-EFSA kkonkludiet li ma kienx hemm xejra konsistenti bejn il-gruppi tal-ikel lejn livelli aktar baxxi tal-akrilammid u li tnaqqis fil-livelli tal-akrilammid deher biss fi ftit kategoriji tal-ikel filwaqt li f’kategoriji tal-ikel oħrajn żdiedu l-livelli. |
|
(7) |
Skont ir-riżultati li nkisbu mill-investigazzjonijiet matul l-2011 u l-2012, u skont ir-riżultati tal-monitoraġġ li nkisbu skont ir-Rakkomandazzjonijiet 2007/331/KE u 2010/307/UE, jixraq li jinbidlu ċerti valuri indikattivi previsti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-2011. |
|
(8) |
Għalhekk ir-Rakkomandazzjoni tal-2011 għandha tinbidel b’Rakkomandazzjoni ġdida. |
|
(9) |
L-investigazzjonijiet għandhom jibqgħu jinkludu l-Analiżi tal-Periklu u l-Punti ta’ Kontroll Kritiċi (HACCP) tal-operatur tan-negozju tal-ikel jew sistema simili (6) bil-għan li mal-operatur tan-negozju tal-ikel jiġi investigat jekk ġewx identifikati l-passi tal-ipproċessar rilevanti suxxettibbli għall-formazzjoni tal-akrilammid u jekk itteħdux miżuri xierqa biex jiġu kkontrollati. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw safejn l-operatur tan-negozju tal-ikel implimenta l-alternattivi magħrufa bħalissa għall-minimizzazzjoni tal-livelli tal-akrilammid, pereżempju dawk proposti fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Codex għall-akrilammid u l-“kaxxa tal-għodda” tal-akrilammid li ħolqot FoodDrinkEurope. |
|
(10) |
Il-valuri indikattivi stabbiliti minn din ir-Rakkomandazzjoni, inħasbu biss biex juru l-ħtieġa ta’ investigazzjoni. Dawn mhumiex limiti stabbiliti tas-sikurezza. Għalhekk, azzjoni ta’ infurzar u/jew il-ħruġ ta’ Twissija Bikrija għandha ssir biss skont valutazzjoni tar-riskju soda li tkun saret abbażi ta’ każ b’każ, iżda mhux sempliċiment għax ikun inqabeż valur indikattiv. |
|
(11) |
Skont ir-riżultati tal-investigazzjonijiet li nkisbu fl-2013 u fl-2014 f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ li nkisbu skont ir-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE u r-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju aġġornata imwettqa mill-EFSA dwar il-preżenza tal-akrilammid fl-ikel, il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni wara li taslilha valutazzjoni tar-riskju mill-EFSA u tiddeċiedi dwar il-ħtieġa ta’ miżuri oħra xierqa, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
Bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel, l-Istati Membri għandhom iwettqu aktar investigazzjonijiet dwar il-metodi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar li jużaw il-produtturi tal-ikel meta l-livell tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel, ittestjat fl-eżerċizzju ta’ monitoraġġ skont ir-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE, ikun jaqbeż il-valur indikattiv għall-akrilammid stabbilit għall-kategorija tal-ikel rispettiva fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
2. |
Għall-finijiet tal-punt 1, il-livell tal-akrilammid għandu jiġi vvalutat mingħajr ma titqies l-inċertezza analitika tal-kejl. |
|
3. |
L-investigazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 għandhom jinkludu l-verifikazzjoni tal-proċeduri tal-operatur tan-negozju tal-ikel ibbażati fuq l-Analiżi tal-Periklu u l-Punti ta’ Kontroll Kritiċi (HACCP), bl-għan li jkun verifikat:
|
|
4. |
B’mod partikolari, l-investigazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 għandhom jiċċaraw safejn l-operatur tan-negozju tal-ikel implimenta l-alternattivi magħrufa bħalissa għall-minimizzazzjoni tal-livelli tal-akrilammid, pereżempju dawk imsemmija fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Codex għall-akrilammid u l-“kaxxa tal-għodda” tal-akrilammid li ħolqot FoodDrinkEurope. |
|
5. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ir-riżultati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2014 u sat-30 ta’ April 2015. |
|
6. |
Din ir-Rakkomandazzjoni tieħu post ir-Rakkomandazzjoni tal-10 ta’ Jannar 2011 dwar investigazzjonijiet dwar il-livelli ta’ akrilammid fl-ikel. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) Il-“kaxxa tal-għodda” li ħolqot FoodDrinkEurope fiha 14-il parametru differenti (“għodod”), miġburin f’erba’ kategoriji ewlenin (“kompartimenti tal-kaxxa tal-għodda”) li jistgħu jużaw il-produtturi tal-ikel b’mod selettiv f’konformità mal-ħtiġijiet partikolari tagħhom biex ibaxxu l-livelli tal-akrilammid fil-prodotti tagħhom. L-erba’ kompartimenti jirreferu għall-fatturi agronomiċi, ir-riċetta tal-ikel, l-ipproċessar u t-tħejjija finali. Il-kaxxa tal-għodda tinstab hawn:
http://ec.europa.eu/food/food/chemicalsafety/contaminants/ciaa_acrylamide_toolbox09.pdf
(2) http://ec.europa.eu/food/food/chemicalsafety/contaminants/recommendation_10012011_acrylamide_food_mt.pdf
(3) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/331/KE tat-3 ta’ Mejju 2007 dwar il-monitoraġġ tal-livelli tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 123, 12.5.2007, p. 33).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/307/UE tat-2 ta’ Ġunju 2010 dwar il-monitoraġġ tal-livelli tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 137, 3.6.2010, p. 4).
(5) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Update on acrylamide levels in food from monitoring years 2007 to 2010 (Aġġornament dwar il-livelli tal-akrilammid fl-ikel mill-monitoraġġ 2007-2010). EFSA Journal 2012; 10(10):2938. [38 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2938. Jista’ jinstab onlajn fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).
ANNESS
Valuri indikattivi għall-akrilammid ibbażati fuq id-dejta tal-monitoraġġ tal-EFSA mill-2007 sal-2012
|
Oġġett tal-ikel |
Valur indikattiv [μg/kg] |
Kumment |
|
|
Ċipps lesti biex jittieklu |
600 |
Prodott li jinbiegħ lest biex jittiekel kif iddefinit fil-Parti C.1 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
Krips magħmula minn patata friska u minn għaġina tal-patata |
1 000 |
Prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.2 u C.10 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
Krekers ibbażati fuq il-patata |
|
||
|
Ħobż artab |
|
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.4 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
80 |
||
|
150 |
||
|
Ċereali tal-kolazzjon (ħlief il-poriġ) |
|
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.5 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
400 |
||
|
300 |
||
|
200 |
||
|
Gallettini u wejfers |
500 |
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
Krekers ħlief il-krekers ibbażati fuq il-patata |
500 |
||
|
Ħobż iqarmeċ (crispbread) |
450 |
||
|
Ħobż tal-ġinġer |
1 000 |
||
|
Prodotti simili għall-prodotti l-oħra f’din il-kategorija |
500 |
||
|
Kafè inkaljat |
450 |
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.7.1 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
Kafè instant (li jinħall) |
900 |
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.7.2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
Sostituti tal-kafè |
|
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.7.3 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
2 000 |
||
|
4 000 |
||
|
Ikel tat-trabi, għajr l-ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali (*2). |
|
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.8 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
50 |
||
|
80 |
||
|
Gallettini u biskuttelli għat-trabi u t-tfal żgħar |
200 |
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.9.1 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
|
|
Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar (*3), ħlief il-gallettini u l-biskuttelli |
50 |
Il-prodott kif jinbiegħ, kif iddefinit fil-Parti C.9.2 tal-Anness mar-Rakkomandazzjoni 2010/307/UE |
(*1) qamħ mhux sħiħ u/jew ċereali mhux ibbażati fuq in-nuħħala. Iċ-ċereali preżenti fl-akbar kwantità jiddeterminaw il-kategorija.
(*2) kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16).
(*3) kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2006/125/KE.