13.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/66


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 386/2009

tat-12 ta’ Mejju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta’ grupp funzjonali ġdid ta’ additivi tal-għalf

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-allokazzjoni tal-addittivi fl-għalf f'kategoriji u anke fi gruppi funzjonali fi ħdan dawk il-kategoriji skont il-funzjonijiet u l-proprjetajiet tagħhom.

(2)

Ġew żviluppati addittivi ġodda tal-għalf li jissupprimu jew inaqqsu l-assorbiment, jippromwovu l-eskriment tal-mikotossini jew jimmodifikaw l-mod ta’ kif jaġixxu u b'hekk inaqqsu l-effetti avversi possibbli tal-mikotossini fuq saħħet l-annimali.

(3)

L-użu ta’ prodotti bħal dawn jista’ ma jirriżultax f'żieda tal-livelli massimi jew ta’ gwida eżistenti stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), imma għandu jtejjeb il-kwalità tal-għalf għan-nutriment li huwa legalment fis-suq, filwaqt li jipprovdi garanziji addizzjonali għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali.

(4)

Peress li additivi tal-għalf bħal dawn ma jistgħux ikunu allokati lil ebda wieħed mill-gruppi funzjonali previsti mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, hemm bżonn li jiżdied grupp funzjonali ieħor fil-kategorija tal-addittivi teknoloġiċi.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jiżdied il-punt li ġej:

“m)

sustanzi għat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-għalf bil-mikotossini: sustanzi li jistgħu jissupprimu jew inaqqsu l-assorbiment, jippromwovu l-eskriment ta’ mikotossini jew il-mod ta’ kif jaġixxu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.