|
3.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/729
tas-26 ta’ Mejju 2020
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 79(2), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/453 (2), il-Ftehim ta’ Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (il-‘Ftehim’) ġie ffirmat fis-7 ta’ Ottubru 2019, soġġett għall-konklużjoni tiegħu. |
|
(2) |
Bħala riżultat tal-Ftehim, it-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta, f’konformità mal-pjan operazzjonali, ikunu jistgħu jiġu skjerati malajr fit-territorju tal-Montenegro, jirrispondu għall-bidla attwali fil-flussi migratorji lejn ir-rotta kostali, jassistu fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti irregolari. |
|
(3) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew marbuta bl-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta’ Status bejn l-Unjoni Ewropea u Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 12(1) tal-Ftehim (4).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
G. GRLIĆ RADMAN
(1) Approvazzjoni tat-13 ta’ Mejju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/453 tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Status bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Montenegro (ĠU L 79, 21.3.2019, p. 1).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.