SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE– Artikolu 3(1)(b) – Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark – Karattru distintiv – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark għal servizz, kompost minn disinni ta’ kulur u intiż li jitwaħħal fuq l-oġġetti użati għall-provvista ta’ dan is-servizz – Evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal – Kriterji”

Fil-Kawża C‑456/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell ta’ Stokkolma sedenti bħala l-Qorti tal-Appell għall-Proprjetà Intellettwali u għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Aktiebolaget Östgötatrafiken

vs

Patent- och registreringsverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn, M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u, I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Aktiebolaget Östgötatrafiken, minn R. Berzelius u F. Weyde, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u K. Simonsson kif ukoll minn G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, sostanzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Aktiebolaget Östgötatrafiken u l-Patent- och registreringsverket (l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali, l-Isvezja) dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2008/95

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti”, kien jipprovdi:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari […] disinji, […] l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità”, kien jistabbilixxi:

“1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[…]

(b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

[…]

3.   Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.

[…]”

5

Id-Direttiva 2008/95 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-15 ta’ Jannar 2019, bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).

Id-Direttiva 2015/2436

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2436, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark”, huwa fformulat bil-mod segwenti:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal, b’mod partikolari […] disinji, […] kuluri, l-għamla ta’ oġġetti jew l-imballaġġ ta’ oġġetti, […] sakemm dawn is-sinjali jkunu jistgħu:

(a)

jiddistingwu l-oġġetti jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra; […]

[…]”

7

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut jew invalidità”, jipprevedi:

“1.   Dawn li ġejjin ma għandhomx jiġu rreġistrati jew, jekk jiġu rreġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli li jiġu ddikjarati invalidi:

[…]

(b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karattru ta’ natura distintiva;

[…]

4.   Trade mark ma għandhiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni skont il-paragrafu 1(b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, wara l-użu li jkun sar minnha, hi tkun akkwistat karattru ta’ natura distintiva. Trade mark ma għandhiex tkun iddikjarata bħala invalida għall-istess raġunijiet jekk, qabel id-data tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, wara l-użu li jkun sar minnha, hi tkun akkwistat karattru ta’ natura distintiva.

5.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jipprovdi li l-paragrafu 4 għandu japplika wkoll fejn il-karattru ta’ natura distintiva kienet akkwistata wara d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni iżda qabel id-data tar-reġistrazzjoni.”

8

Skont l-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, l-Istati Membri kellhom jittrasponu, b’mod partikolari, l-Artikoli 3 sa 6 tagħha sa mhux iktar tard mill-14 ta’ Jannar 2019.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija l-proprjetarja ta’ trade marks figurattivi rreġistrati mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali taħt in-numri 363521 sa 363523, għal servizzi pprovduti permezz ta’ vetturi u servizzi ta’ trasport li jaqgħu fil-Klassi 39 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

10

Dawn it-trade marks figurattivi huma rrappreżentati kif ġej:

–

Nru 363521

Image

–

Nru 363522

Image

–

Nru 363523

Image

11

Fit-23 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tliet applikazzjonijiet għal trade marks, għal diversi servizzi pprovduti permezz ta’ vetturi u servizzi ta’ trasport li jaqgħu fil-Klassi 39 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks.

12

Dawn it-tliet applikazzjonijiet kienu akkumpanjati mid-deskrizzjoni li ġejja: “Kulurazzjoni tal-vetturi fil-kuluri aħmar, abjad u oranġju, kif indikat”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreċiżat li dawn l-applikazzjonijiet ma kinux jikkonċernaw il-forma stess tal-vetturi jew il-kampijiet ta’ kulur iswed jew griż li jkopru dan.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2017, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali ċaħad l-imsemmija applikazzjonijiet, minħabba li s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont id-dritt tat-trade marks kellhom biss karattru dekorattiv, li ma setgħux jiġu pperċepiti bħala sinjali li jistgħu jiddistingwu s-servizzi koperti minn dawn l-istess applikazzjonijiet u li għalhekk ma kellhomx karattru distintiv.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja).

15

Insostenn tar-rikors tagħha, hija indikat li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni kienu jikkostitwixxu “trade marks ta’ pożizzjoni”, komposti minn elissi ta’ dimensjonijiet differenti u minn kuluri aħmar, oranġjo u abjad, b’daqs speċifiku u mqiegħda f’ċerta pożizzjoni fuq il-karozzi tal-linja u l-ferroviji li jippermettu l-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport.

16

Hija pprovdiet l-istampi segwenti tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, billi wriet il-borduri tal-vetturi bit-tikek, sabiex turi li l-protezzjoni mitluba ma kinitx tikkonċerna l-forma ta’ dawn il-vetturi:

Image

Viżjoni mill-ġenb

Image

Image

Elevazzjoni

Viżjoni minn wara

Image

Viżjoni mill-ġenb

Image

Image

Elevazzjoni

Viżjoni minn wara

Image

Viżjoni mill-ġenb

Image

Rivista tal-parti ta’ wara/ta’ wara

17

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet ukoll li t- trademarks li għalihom saret applikazzjoni joħolqu impressjoni li tista’ titqabbel ma’ dik li tirriżulta mit-trade marks irreġistrati taħt in-numri 363521 sa 363523 u li l-karattru distintiv ta’ dawk ta’ l-ewwel ma kellux jiġi evalwat b’mod differenti għar-raġuni biss li huma kienu intiżi sabiex jitqiegħdu b’mod speċifiku fuq il-vetturi li jservu għas-servizz ta’ trasport. B’mod iktar ġenerali, hija żiedet li d-diversi kumpanniji tat-trasport iwaħħlu l-grafika jew il-kulur tal-vetturi tagħhom stess, b’tali mod li l-utenti tas-servizzi li huma jipprovdu jikkunsidraw dawn il-grafika jew dawn il-kolorazzjonijiet bħala indikaturi tal-oriġini kummerċjali.

18

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali sostna li l-protezzjoni tal-elementi figurattivi tat-trade marks inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx mitluba b’mod astratt, iżda sabiex jiġu inklużi dawn l-elementi figurattivi fuq il-vetturi użati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Sa fejn l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv għandha ssir fl-intier tagħha u sa fejn il-vetturi ta’ trasport kummerċjali spiss jiġu dedotti b’disinni ta’ kulur, il-konsumaturi għandhom ikunu familjari minn qabel ma’ tali elementi sabiex jikkunsidraw li din hija trade mark, u fin-nuqqas ta’ dan huma jikkunsidrawhom bħala elementi dekorattivi. Fid-dawl tad-diversità fil-kulur u fid-dekorazzjoni tal-vetturi tat-trasport użati fis-settur ekonomiku kkonċernat, is-sinjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu pperċepiti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali biss jekk ikunu differenti b’mod suffiċjenti min-norma jew mill-użanzi tas-settur, li ma huwiex il-każ.

19

Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Marzu 2018, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-kuluri u l-forma tas-sinjali li l-protezzjoni tagħhom kienet mitluba skont id-dritt tat-trade marks kienu differenti f’dan il-punt mill-mod kif impriżi oħra jiddekorru l-vettura tagħhom, b’tali mod li ma setax jiġi kkunsidrat li dawn is-sinjali jiġu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell ta’ Stokkolma, sedenti bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja).

21

Din il-qorti tirrileva li r-rekwiżit fundamentali stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2436 huwa li, sabiex ikun trade mark, sinjal għandu jkollu karattru distintiv.

22

F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-perċezzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal mill-pubbliku rilevanti ma hijiex neċessarjament l-istess skont jekk it-trade mark inkwistjoni hijiex trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, jew trade mark verbali jew figurattiva. Fil-fatt, peress li l-konsumaturi medji ma għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ trade mark tridimensjonali iktar milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva. Huwa għalhekk li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sinjal li jinkorpora ruħu mad-dehra tal-prodott jista’ jitqies li għandu karattru distintiv biss jekk ikun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

23

Fil-qasam tat-trade mark li tindika servizz, l-istess qorti ssemmi li, fil-punt 20 tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple (C‑421/13, EU:C:2014:2070), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istruttura ta’ spazju ta’ bejgħ tista’ tkun adatta sabiex tiddistingwi l-prodotti jew servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra meta l-bini viżwali jvarja b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

24

Il-qorti tar-rinviju madankollu tosserva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżatx f’liema ċirkustanzi r-rekwiżit tad-diverġenza sinjifikattiva meta mqabbel man-norma jew mal-użanzi tas-settur għandu jiġi applikat fir-rigward ta’ trade mark li tindika servizz.

25

Barra minn hekk, hija tenfasizza li, f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma analizzatx jekk it-trade mark inkwistjoni kinitx indipendenti mill-aspett tal-oġġetti materjali li kienu jippermettu l-eżekuzzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata.

26

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tas-sinjali intiżi li jitwaħħlu fuq ċerti partijiet tal-vetturi ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ trasport sabiex issir distinzjoni bejn dan tal-aħħar, tali sinjali għandhomx ikunu differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell ta’ Stokkolma sedenti bħala l-Qorti tal-Appell għall-Proprjetà Intellettwali u għall-Affarijiet Ekonomiċi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva [2015/2436] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri servizzi u li tikkonsisti f’sinjal imqiegħed f’ċerta pożizzjoni u li jkopri partijiet kbar minn wiċċ l-oġġetti materjali użati għall-provvista tal-imsemmija servizzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat sa liema punt it-trade mark ma hijiex indipendenti mid-dehra tal-imsemmija oġġetti?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv, hemm bżonn li sabiex it-trade mark titqies li għandha karattru distintiv hija tmur lil hinn, b’mod sinjifikattiv, min-norma u mill-abitudnijiet tas-settur ekonomiku kkonċernat?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark, id-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 49).

29

F’dan il-każ, sa fejn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2016, jiġifieri f’data fejn it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/2436 kien għadu ma skadiex u sa fejn id-Direttiva 2008/95 ma kinitx għadha tħassret, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma dawk tad-Direttiva 2008/95 u mhux dawk tad-Direttiva 2015/2436.

30

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm ir-raġunijiet ta’ kulur li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi sabiex jitwaħħlu b’mod partikolari fuq parti kbira mill-oġġetti użati għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikat espressament li l-forma ta’ dawn l-oġġetti ma kinitx is-suġġett bħala tali ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

31

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-karattru distintiv ta’ sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark għal servizz, li huwa kompost minn disinni ta’ kulur u li huwa intiż li jitwaħħal esklużivament u sistematikament b’mod speċifiku fuq parti kbira tal-oġġetti użati għall-provvista ta’ dan is-servizz, għandux jiġi evalwat b’rabta ma’ dawn l-oġġetti u billi jiġi eżaminat jekk dan id-sinjal huwiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

32

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz immarkat, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2019, Hansson, C‑705/17, EU:C:2019:481, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Nru 2008/95, għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’rigward għall-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, min-naħa l-oħra, b’rigward għall-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, magħmul mill-konsumatur medju tal-imsemmija prodotti jew servizzi, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2019, Deutsches Patent- und Markenamt (#darferdas?), C‑541/18, EU:C:2019:725, punt 20).

33

Barra minn hekk, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95, l-awtorità kompetenti għandha twettaq eżami in concreto, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, inkluż, jekk ikun il-każ, l-użu li sar minn dan is-sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Hartwall, C‑578/17, EU:C:2019:261, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni għal trade mark tikkonċerna sinjal intiż li jitwaħħal esklużivament u sistematikament b’mod determinat fuq parti kbira tal-oġġetti użati sabiex tiġi eżegwita l-provvista ta’ servizzi, il-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal ma jistax jiġi evalwat indipendentement mill-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dawn l-oġġetti.

35

Fil-fatt, anki jekk l-oġġetti li jservu għall-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi ma humiex is-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark, xorta jibqa’ l-fatt li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi d-disinni ta’ kulur li jikkomponu s-sinjal ikkunsidrat bħala mwaħħal fuq l-oġġetti li jservu bħala appoġġ esklużiv għalihom.

36

Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ sinjal kompost minn disinni ta’ kulur li huma intiżi li jitwaħħlu esklużivament u sistematikament fuq l-oġġetti li jservu sabiex jiġu eżegwiti provvisti ta’ servizzi, li għandha b’mod partikolari ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmija perċezzjoni.

37

F’dan il-każ, ser tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha in concreto u globali tal-proċess, jekk it-taħlitiet ta’ kuluri li jinkludu arranġament sistematiku, kif indikati fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, jistgħux jagħtu lis-sinjali inkwistjoni karattru distintiv intrinsiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Hartwall, C‑578/17, EU:C:2019:261, punt 34). Din il-kundizzjoni ser ikollha titqies bħala ssodisfatta jekk jirriżulta minn din l-analiżi li t-taħlitiet ta’ kuluri, imwaħħla fuq il-vetturi tat-trasport tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jippermettu lill-konsumatur medju jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli s-servizzi ta’ trasport ipprovduti minn din l-impriża mis-servizzi pprovduti minn impriżi oħra.

38

Jekk jirriżulta li l-imsemmija taħlit ta’ kuluri ma għandhomx karattru distintiv intrinsiku għas-servizzi inkwistjoni, dan il-fatt mhux ser ikun ta’ natura li jeskludi li dawn jista’ jkollhom tali karattru distintiv wara l-użu li jsir minnhom.

39

Fil-kuntest tal-imsemmija analiżi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk is-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark humiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

40

Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva tan-norma jew tal-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat japplika għall-każijiet fejn is-sinjal huwa kkostitwit mid-dehra tal-prodott li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni bħala trade mark, peress li l-konsumatur medju ma għandux l-abitudni li jippreżumi l-oriġini tal-prodotti billi jibbaża ruħu, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew testwali, fuq il-forma tagħhom jew fuq dik tal-ippakkjar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs OHMI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258 punt 39; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs OHMI, C‑25/05 P, EU:C:2006:422, punti 27 sa 29, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 2015, Voss of Norway vs OHMI, C‑445/13 P, EU:C:2015:303, punti 90 u 91).

41

Dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni japplika wkoll meta s-sinjal ikun ikkostitwit mir-rappreżentazzjoni tal-ħolqien tal-ispazju fiżiku li fih jiġu pprovduti s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple, C‑421/13, EU:C:2014:2070, punt 20).

42

Issa, tali sitwazzjoni ma tqumx f’każ fejn, bħal dan il-każ, is-sinjali inkwistjoni huma kkostitwiti minn elementi grafiċi intiżi li jitwaħħlu fuq l-oġġetti li jintużaw sabiex jiġu pprovduti s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-oġġetti użati għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri vetturi ta’ trasport, jidhru bit-tikek fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, sabiex jindikaw kemm il-postijiet fejn it-trade marks li saret applikazzjoni għalihom huma destinati li jitwaħħlu kif ukoll l-parametri tagħhom, is-sinjali li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark hija mitluba ma jikkoinċidux madankollu mal-forma jew mal-ippakkjar ta’ dawn l-oġġetti lanqas ma għandhom l-għan li jirrappreżentaw l-ispazju fiżiku li fih jiġu pprovduti s-servizzi. Fil-fatt l-imsemmija sinjali jikkonsistu f’kompożizzjonijiet ta’ kuluri sistematikament aggregati u limitati fl-ispazju. Dawn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni għalhekk jirrigwardaw elementi grafiċi ddeterminati sew li, kuntrarjament għas-sinjali koperti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, ma għandhomx l-għan li jirrappreżentaw oġġett jew spazju ta’ provvista ta’ servizzi permezz tas-sempliċi riproduzzjoni tal-linji u tal-kontorni tiegħu.

44

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karattru distintiv ta’ sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark għal servizz, li huwa kompost minn disinni ta’ kulur u li huwa intiż sabiex jitwaħħal esklużivament u sistematikament b’mod speċifiku fuq parti kbira mill-oġġetti użati għall-provvista ta’ dan is-servizz għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dawn l-oġġetti mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan is-sinjal huwa differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karattru distintiv ta’ sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark għal servizz, li huwa kompost minn disinni ta’ kulur u li huwa intiż sabiex jitwaħħal esklużivament u sistematikament b’mod speċifiku fuq parti kbira mill-oġġetti użati għall-provvista ta’ dan is-servizz għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-twaħħil ta’ dan is-sinjal fuq dawn l-oġġetti mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan is-sinjal huwa differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ekonomiku kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.