|
3.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 116/78 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/690
tat-30 ta' April 2019
dwar miżura li ħadet l-Iżvezja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-mudelli tat-turbini eoliċi SWT-2.3-101 u SWT-3.0-113 u li tirtira mis-suq il-magni li diġà tqiegħdu fih
(notifikata bid-dokument C(2019) 3118)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Iżvezja ħadet miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-mudell tat-turbina eolika SWT-2.3-101, li ma kienx konformi mar-rekwiżiti essenzjali għas-saħħa u għas-sigurtà stabbiliti fit-Taqsima 1.3.8.1 u fit-Taqsima 1.4.2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, u li tirtirah mis-suq. Skont it-Taqsima 1.3.8.1 dwar partijiet tat-trażmissjoni li jiċċaqalqu, il-mezzi ta' lqugħ iddisinjati biex jipproteġu lill-persuni mir-riskji maħluqa mill-partijiet tat-trażmissjoni li jiċċaqalqu għandhom ikunu mwaħħlin b'mod fiss kif imsemmi fit-Taqsima 1.4.2.1. Skont it-Taqsima 1.4.2.1, il-mezzi ta' lqugħ fissi għandhom jitwaħħlu b'sistemi li jkunu jistgħu jinfetħu jew jitneħħew biss permezz ta' għodda. B'rabta ma' dan, l-Iżvezja indikat li l-mezz ta' lqugħ fiss li joffri protezzjoni mill-partijiet li jiċċaqalqu ta' fuq ir-rotor tal-mudell SWT-2.3.-101 jista' jinfetaħ mingħajr għodda separata u b'hekk mhuwiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 1.3.8.1 u fit-Taqsima 1.4.2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
|
(2) |
F'dak li għandu x'jaqsam mal-mudell tat-turbina eolika SWT-3.0-113, l-Iżvezja ħadet il-miżura minħabba li l-magna mhix konformi mar-rekwiżit essenzjali għas-saħħa u għas-sigurtà stabbilit fit-Taqsima 1.5.14 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Skont ir-rekwiżit essenzjali għas-saħħa u għas-sigurtà mogħti fit-Taqsima 1.5.14, li jittratta r-riskju li wieħed jinqabad f'magna, il-makkinarju għandu jkun iddisinjat, mibni jew mgħammar b'mezz li jimpedixxi lil persuna milli tingħalaq fih jew, jekk dan ikun impossibbli, b'mezz biex din issejjaħ għall-għajnuna. B'rabta ma' dan, l-Iżvezja indikat li d-detettur tad-duħħan tat-turbina eolika SWT-3.0-113 ma fihx sinjal ta' twissija biex iwissi lil kull min jista' jkun ġot-turbina li hemm xi nirien. |
|
(3) |
Wara li rċeviet in-notifika dwar il-miżura ta' salvagwardja min-naħa tal-Iżvezja, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tismal-opinjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-manifattur fit-12 ta' Novembru 2018. Fit-tweġiba tiegħu tat-30 ta' Novembru 2018, il-manifattur għarraf lill-Kummissjoni li huwa kien ħa miżuri biex jirranġa n-nuqqasijiet ta' konformità tal-mudelli tat-turbini eoliċi SWT-2.3-101 u SWT-3.0-113 sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 2006/42/KE, u għarrafha li dawk il-miżuri kienu ġew iffinalizzati qabel l-iskadenza stabbilita tal-31 ta' Diċembru 2017. |
|
(4) |
L-ispjegazzjoni li tat l-Iżvezja b'rabta mal-miżura ta' salvagwardja u d-dokumenti li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha juru li l-mudell tat-turbina eolika SWT-2.3-101 naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali għas-saħħa u għas-sigurtà stabbiliti fit-Taqsima 1.3.8.1 u fit-Taqsima 1.4.2.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Barra minn hekk, il-mudell tat-turbina eolika SWT-3.0-113 naqas milli jissodisfa r-rekwiżit essenzjali għas-saħħa u għas-sigurtà stabbilit fit-Taqsima 1.5.14 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jikkompromettu s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-miżura ta' salvagwardja li ħadet l-Iżvezja titqies bħala ġġustifikata, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżuri li ħadet l-Iżvezja biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-mudelli tat-turbini eoliċi SWT-2.3-101 u SWT-3.0-113, immanifatturati mill-kumpanija Siemens Gamesa Renewable Energy AB, u biex tirtirahom mis-suq huma ġġustifikati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2019.
Għall-Kummissjoni
Elżbieta BIEŃKOWSKA
Membru tal-Kummissjoni