IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,22.11.2017
COM(2017) 801 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/713/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Renju Unit
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,22.11.2017
COM(2017) 801 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/713/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Renju Unit
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/713/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Renju Unit
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Billi:
(1)Fit-8 ta' Lulju 2008, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/713/KE skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Renju Unit 1 . Il-Kunsill innota li, skont id-data tal-EDP notifikata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit f’Marzu 2008, id-defiċit pubbliku tar-Renju Unit fl-2008-09 kien mistenni jilħaq it-3,2 % tal-PDG u b’hekk jaqbeż it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG. Barra minn hekk, wara l-pubblikazzjoni tal-baġit ta' Marzu 2008, tħabbira politika fit-13 ta' Mejju 2008 li naqqset it-taxxa fuq id-dħul personali fl-2008-09 kienet mistennija żżid ulterjorment id-defiċit ippjanat f'dik is-sena finanzjarja. Iż-żieda ta’ din il-miżura mat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2008 implikat defiċit ta’ 3,5 % tal-PDG fl-2008-09. Id-defiċit eċċessiv lanqas ma tqies bħala temporanju peress li t-tbassir tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ politiki li baqgħu l-istess, stima defiċit fl-2009-10 ta' 3,3 % tal-PDG. Il-Kunsill innota ulterjorment li l-proporzjon tad-dejn pubbliku baqa' sew taħt il-valur referenzjarju ta' 60 %, għalkemm kien ipproġettat li jinsab f'xejra tiela' sal-2009-10.
(2)Fl-istess data, skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza rakkomandazzjoni lir-Renju Unit bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 2009-10. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll it-8 ta' Jannar 2009 bħala d-data ta’ skadenza sa meta għandha tittieħed azzjoni effettiva.
(3)Skont l-Artikolu 104(8) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda, fis-27 ta' April 2009, li r-Renju Unit ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2008 2 .
(4)Filwaqt li rrikonoxxa li l-pożizzjoni baġitarja tar-Renju Unit fl-2009-10 rriżultat mill-implimentazzjoni ta' miżuri li kienu jammontaw għal madwar 1,5 % tal-PDG, li kienu reazzjoni xierqa għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, u l-operat liberu ta' stabbilizzaturi awtomatiċi, fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, fejn irrakkomanda li r-Renju Unit itemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014–15. Speċifikament, sabiex iġib id-defiċit pubbliku taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, ir-Renju Unit ingħata r-rakkomandazzjoni li jiżgura sforz fiskali annwali medju ta' 1¾ % tal-PDG bejn l-2010-11 u l-2014-15. Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill stabbilixxa data ta' skadenza tat-2 ta' Ġunju 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva f'konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.
(5)Fis-6 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, ir-Renju Unit kien ħa azzjoni effettiva f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat.
(6)Fid-19 ta' Ġunju 2015, skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li r-Renju Unit ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 3 . Il-Kunsill innota li r-Renju Unit kien esperjenza waqgħa kbira fit-tkabbir tal-PDG reali b'riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fl-2008 u fl-2009, li kienet laqtet ukoll il-finanzi pubbliċi tiegħu. Sussegwentement, ir-Renju Unit implimenta pjan ta’ konsolidazzjoni u d-defiċit pubbliku niżel, bħala perċentwal tal-PDG, kull sena bejn is-snin finanzjarji 2009-10 u 2014-15. Kuntrarjament, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG kompla jiżdied tul dan il-perjodu, xprunat l-iktar minn defiċit nominali, imma anke minn interventi fis-settur finanzjarju. Il-Kunsill ikkonkluda li, minkejja programm ta' konsolidazzjoni fiskali stabbilit u implimentat, ir-Renju Unit ma temmx id-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2014-15. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ma żammx mal-isforz fiskali annwali medju ta' 1¾ % tal-PDG li kien ġie rrakkomandat mill-Kunsill fit-2 ta' Diċembru 2009.
(7)Dakinhar stess, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza Rakkomandazzjoni lir-Renju Unit biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sas-sena finanzjarja 2016-17. Speċifikament, ir-Renju Unit ngħata r-rakkomandazzjoni li jilħaq il-mira ta' defiċit nominali ta' 4,1 % tal-PDG fl-2015-16 u 2,7 % tal-PDG fl-2016-17, li kien projettat li jkun konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 0,5 % tal-PDG fl-2015-16 u ta' 1,1 % tal-PDG fl-2016-17, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2015 aġġornat.
(8)Fis-16 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Renju Unit kien ħa azzjoni effettiva biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sas-sena finanzjarja 2016-17, kif irrakkomandat mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015.
(9)Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 4 .
(10)Il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet biex jirrevoka deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv abbażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv ikun jenħtieġ li tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' tbassir 5 .
(11)Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara l-Programm ta' Konverġenza tal-2017, in-notifika ta' Settembru 2017 mir-Renju Unit, u t-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2017, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:
–Ir-Renju Unit laħaq il-miri rakkomandati għad-defiċit pubbliku f'dawn l-aħħar snin. Wara massimu ta' 10 % tal-PDG fl-2009-10, id-defiċit pubbliku nominali segwa xejra dejjem nieżla, li niżlet għal 4 % fl-2015-16 u 2,3 % fl-2016-17, b'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015. Il-konsolidazzjoni fiskali li saret tul dan il-perjodu kienet fil-parti l-kbira bbażata fuq l-infiq, bl-infiq kurrenti totali jinżel minn 42,9 % tal-PDG fl-2009-10 għal 38 % tal-PDG fl-2016-17. Żieda fil-proporzjon tad-dħul tal-gvern, minn 37,4 % tal-PDG fl-2009-10 għal 38,6 % tal-PDG fl-2016-17, ikkontribwiet ukoll, għalkemm inqas.
–Il-Programm ta' Konverġenza 2016-17, ippreżentat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-27 ta' April 2017 u li jkopri l-perjodu 2016-17 sal-2021-22, ipprojetta żieda fid-defiċit pubbliku għal 2,8 % tal-PDG fl-2017-18 segwita minn tnaqqis għal 1,9 % tal-PDG fl-2018-19. Dan it-tbassir kien ibbażat fuq defiċit pubbliku ppjanat ta' 2,7 % fl-2016-17, skont id-data tal-EDP innotifikata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit f’Marzu 2017. Mill-preżentazzjoni tal-Programm ta' Konverġenza 'l quddiem, l-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali (ONS) irreveda 'l isfel l-istima tiegħu tad-defiċit pubbliku fl-2016-17 għal 2,3 % tal-PDG. Filwaqt li sussegwentement l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma ppubblikawx tbassir aġġornat tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika, it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2017 ipprojettat defiċits ta' 2,5 % fl-2017-18, 1,8 % fl-2018-19, u 1,3 % fl-2019-20, abbażi ta' suppożizzjoni tal-ebda bdil fil-politika. Għaldaqstant, id-defiċit mistenni jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattat matul il-perjodu ta' tbassir.
–Skont it-tbassir tal-ħarifa 2017, il-Kummissjoni tistma li l-bilanċ strutturali, li hu l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri oħra temporanji, tjieb b'3,2 % tal-PDG bejn l-2008-09 u l-2016-17.
–Il-proporzjon tad-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika tar-Renju Unit żdied b'mod sinifikanti minn meta l-Kunsill iddeċieda, fit-8 ta' Lulju 2008, li kien hemm defiċit eċċessiv fir-Renju Unit. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika żdied minn 41 % tal-PDG fl-2007-08 għal 86,8 % fl-2016-17, li rrifletta defiċits nominali tal-amministrazzjoni pubblika ogħla kif ukoll interventi fis-settur finanzjarju tul dan il-perjodu. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2017, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li laħaq il-massimu fl-2016-17 u li jonqos gradwalment għal 82,9 % tal-PDG fl-2019-20.
(12)F'konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv trid tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.
(13)Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fir-Renju Unit ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2008/713/KE għalhekk jenħtieġ li tiġi revokata.
(14)Mill-2017-18 'il quddiem, li hija s-sena finanzjarja ta' wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, ir-Renju Unit huwa soġġett għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jenħtieġ li jimxi lejn l-objettiv baġitarju minimu tat-terminu l-medju tiegħu b'pass xieraq, inkluż billi jirrispetta l-parametru referenzjarju tal-infiq u jikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Minn valutazzjoni kumplessiva jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Renju Unit ġiet ikkorreġuta.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2008/713/KE hija b'dan revokata.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President