European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1974

30.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1974

tad-29 ta’ Settembru 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1716 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1716 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/1716.

(2)

Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1716. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal żewġ persuni fiżiċi tiġi aġġornata.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1716 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1716 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)   ĠU L 262, 15.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1716/oj.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1716, taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2”, l-entrati 7 u 9 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“7.

Rosario María MURILLO ZAMBRANA

Psewdonimu: Rosario María MURILLO DE ORTEGA

Pożizzjoni(jiet): Viċi President tar-Repubblika tan-Nikaragwa (minn Frar 2025, preċedentement Viċi President, mill-2017). Mart il-President Daniel Ortega

Data tat-twelid: 22 ta’ Ġunju 1951

Post tat-twelid: Managua, in-Nikaragwa

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A00000106 (in-Nikaragwa)

Viċi President tan-Nikaragwa minn Frar 2025, First Lady tan-Nikaragwa u mexxejja taż-Żgħażagħ Sandinisti. Viċi President tan-Nikaragwa minn Jannar 2017 sa Frar 2025. Hija qdiet rwol strumentali biex tħeġġeġ u tiġġustifika r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet tal-oppożizzjoni mill-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa fl-2018. F’Ġunju 2021, hija heddet pubblikament lill-oppożizzjoni tan-Nikaragwa u skreditat lill-ġurnalisti indipendenti. Dak it-theddid ġie ripetut minn dak iż-żmien ’l hawn. Fi Frar 2023, Daniel Ortega żvela li Rosario María Murillo Zambrana hija l-istigatur ta’ repressjonijiet ġodda, jiġifieri relatati mat-tkeċċija u ċ-ċaħda taċ-ċittadinanza ta’ 222 priġunier politiku.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar tad-demokrazija fin-Nikaragwa.

2.8.2021

9.

Juan Antonio VALLE VALLE

Pożizzjoni(jiet): Mexxej fil-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa

Klassifikazzjoni: Ġeneral/Kummissarju Għoli

Data tat-twelid: 4 ta’ Mejju 1963

Post tat-twelid: Matagalpa, in-Nikaragwa

Sess: raġel

Nazzjonalità: Nikaragwana

Mexxej fil-grad ta’ kummissarju għoli (it-tieni l-għola grad) tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa (NNP) u sa Frar 2025 f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-pulizija f’Managua, Juan Antonio Valle Valle huwa responsabbli għal atti ta’ brutalità ripetuta mill-pulizija u użu eċċessiv tal-forza li rriżultaw fl-imwiet ta’ mijiet ta’ ċittadini, għal arresti u detenzjonijiet arbitrarji, għal ksur tal-libertà tal-espressjoni u għall-prevenzjoni ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-gvern.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa.

2.8.2021”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1974/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)