European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6967

14.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tas-27 ta' Settembru 2024

li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2024/5)

(C/2024/6967)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Anness IX tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (3), u b’mod partikolari t-Taqsima I tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu żgurati miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali effettivi u konsistenti, huwa importanti li jiġi kkumplimentat l-għarfien meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni b'reċiproċità volontarja.

(2)

Il-qafas dwar ir-reċiproċità volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5) għandu l-għan li jiżgura li l-miżuri kollha tal-politika makroprudenzjali bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed ikunu rreċiprokati fl-Istati Membri l-oħra.

(3)

Fit-18 ta’ Lulju 2023, in-Nationale Bank van België / Banque Nationale de Belgique (NBB/BNB), li jaġixxi bħala l-awtorità nnominata għall-fini tal-Artikolu 133(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, innotifika lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) bl-intenzjoni tiegħu li jikkalibra mill-ġdid ir-rata ta’ riżerva settorjali għal riskju sistemiku (sSyRB) imposta preċedentement, fuq bażi konsolidata, subkonsolidata, u individwali, fuq l-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur tal-banek ibbażati fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB) kollha għal persuni fiżiċi ggarantiti permezz ta’ proprjetà immobbli residenzjali li għaliha l-kollateral jinsab fil-Belġju minn 9 % sa 6 % mill-1 ta’ April 2024.

(4)

Fil-25 ta’ Awwissu 2023, il-BERS adotta l-Opinjoni ESRB/2023/7 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6), fejn iddikjara li jqis ir-rati kumulattivi ta’ riżerva sSyRB u O-SII xierqa u effettivi biex jindirizzaw ir-riskji identifikati għal kull waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ miżuri.

(5)

Fit-3 ta’ Ottubru 2023, il-BERS adotta r-Rakkomandazzjoni BERS/2023/9 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (7) sabiex ikompli jinkludi r-rata sSyRB attivata u kkalibrata mill-ġdid għal 6 % mill-NBB/BNB fil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li huma rrakkomandati li jiġu reċiprokati skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2.

(6)

Fit-19 ta’ Lulju 2024, l-NBB/BNB, li taġixxi bħala l-awtorità maħtura għall-fini tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE, ressqet talba lill-BERS biex jirrakkomanda r-reċiproċità tal-miżura ta’ politika makroprudenzjali nnotifikata fit-18 ta’ Lulju 2023, fuq bażi konsolidata, subkonsolidata, u individwali, skont l-Artikolu 134(5) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(7)

Ir-reċiproċità tar-rekwiżiti kapitali makroprudenzjali attivata mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, fuq bażi konsolidata, subkonsolidata, u individwali, irrispettivament minn jekk l-iskoperturi kkonċernati humiex miżmuma permezz ta’ sussidjarji jew fergħat, jew jirriżultawx minn self transkonfinali dirett, tillimita t-tnixxijiet u l-arbitraġġ regolatorju, tindirizza r-riskji sistemiċi u b’hekk tippromwovi l-effettività ġenerali tal-politika makroprudenzjali billi tiżgura li r-riskji miżjuda jiġu indirizzati mhux biss fl-Istat Membru li introduċa r-rata ta’ riżerva għal riskju sistemiku (SyRB) iżda wkoll fi Stati Membri oħra fejn il-gruppi bankarji huma esposti għal dawk ir-riskji miżjuda. Ir-rikonoxximent għandu għalhekk ikollu wkoll l-għan li jiżgura li gruppi bankarji esposti għal dawk ir-riskji sistemiċi jkunu reżiljenti biżżejjed. Għalhekk, ir-rekwiżiti kapitali makroprudenzjali li jirriżultaw minn deċiżjoni li jiġu rikonoxxuti l-miżuri makroprudenzjali ta’ Stati Membri oħra għandhom b’mod ġenerali jiġu applikati fuq bażi konsolidata, subkonsolidata, u individwali.

(8)

Biex tiġi rikonoxxuta r-rata ta’ sSyRB Belġjana kif mitlub mill-NBB/BNB, l-awtoritajiet kompetenti u/jew maħtura rilevanti ta’ Stat Membru ieħor jistgħu jistabbilixxu rata ta’ SyRB f’konformità mal-Artikoli 134 u 133 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 134(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, ir-rikonoxximent tar-rata ta’ sSyRB Belġjana notifikata minn Stati Membri oħra japplika għal skoperturi li jinsabu fil-Belġju ta’ istituzzjonijiet awtorizzati fl-Istati Membri reċiprokanti.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 133(4) tad-Direttiva 2013/36/UE, rata ta’ SyRB tista’ tiġi applikata fuq bażi individwali, subkonsolidata jew konsolidata. Għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ rata ta’ SyRB stabbilita minn Stat Membru ieħor jinvolvi l-possibbiltà li tiġi applikata rata ta’ SyRB għall-iskoperturi kollha fuq bażi konsolidata (inklużi skoperturi miżmuma permezz ta’ sussidjarji li jinsabu fi Stat Membru ieħor).

(11)

Devjazzjoni mill-approċċ ġenerali tal-applikazzjoni tal-miżura ta’ politika makroprudenzjali Belġjana rikonoxxuta kemm fuq bażi individwali, kif ukoll fuq bażi konsolidata tista’ tiġi ġġustifikata f’ċerti każijiet, pereżempju fejn l-awtoritajiet reċiprokanti jqisu li dawk ir-riskji sistemiċi huma diġà mitigati b’mod adegwat u xieraq mir-rekwiżiti makroprudenzjali jew mikroprudenzjali eżistenti applikati fl-Istat Membru fejn il-grupp bankarju huwa kkonsolidat.

(12)

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-BERS, kif emendata bir-Rakkomandazzjoni BERS/2017/4 (8), tirrakkomanda li l-awtorità rilevanti li tattiva miżura ta’ politika makroprudenzjali għandha, meta tippreżenta talba għal reċiproċità lill-BERS, tipproponi limitu ta’ materjalità li taħtu l-iskopertura ta’ fornitur individwali ta’ servizzi finanzjarji għar-riskju makroprudenzjali identifikat fil-ġurisdizzjoni fejn il-miżura ta’ politika makroprudenzjali tiġi applikata mill-awtorità ta’ attivazzjoni tista’ titqies bħala mhux materjali. Il-BERS jista’ jirrakkomanda livell limitu differenti jekk jitqies neċessarju.

(13)

Wara t-talba Belġjana għar-reċiproċità tal-miżura minn Stati Membri oħra li waslet fid-19 ta’ Lulju 2024 u sabiex tiġi evitata l-materjalizzazzjoni ta’ effetti transkonfinali negattivi fil-forma ta’ tnixxijiet u arbitraġġ regolatorju li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżura ta’ politika makroprudenzjali li se ssir applikabbli fil-Belġju, il-Bord Ġenerali tal-BERS iddeċieda li jkompli jinkludi l-miżura nnotifikata fit-18 ta’ Lulju 2023 fil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li huwa jirrakkomanda li jiġu reċiprokati skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, u li jirrakkomanda r-reċiproċità tal-miżura fuq bażi konsolidata, subkonsolidata u individwali f’konformità mat-talba għal reċiproċità riċevuta mill-NBB/BNB. Il-Bord Ġenerali tal-BERS iddeċieda wkoll li jirrakkomanda livell limitu ta’ materjalità speċifiku għall-istituzzjoni ta’ EUR 2 biljun. L-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura jistgħu jeżentaw lill-istituzzjonijiet mir-rekwiżit ta’ riżerva għal riskju sistemiku sakemm l-iskoperturi rilevanti tagħhom ma jaqbżux l-EUR 2 biljun. Peress li l-miżura li għandha tinħareġ b’rikonoxximent tar-rata ta’ sSyRB Belġjana notifikata għandha tapplika wkoll fuq bażi konsolidata, is-somma tal-iskoperturi miżmuma permezz ta’ fergħat, self transkonfinali dirett u permezz ta’ sussidjarji għandha tiġi vvalutata skont il-livell limitu ta’ materjalità.

(14)

Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Emendi

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 hija emendata kif ġej:

(1)

fit-Taqsima 1, is-subrakkomandazzjoni C(1), il-miżura taħt il-Belġju hija sostitwita b’dan li ġej:

“—

rata ta’ riżerva għal riskju sistemiku ta’ 6 % fuq l-iskoperturi kollha fil-livell tal-konsumatur IRB għal persuni fiżiċi ggarantiti permezz ta’ proprjetà immobbli residenzjali li għalihom il-kollateral jinsab fil-Belġju, applikabbli mill-1 ta’ April 2024.”;

(2)

l-Anness huwa emendat f‘konformità mal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Settembru 2024.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(2)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(3)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(4)   ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(5)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).

(6)  Opinjoni BERS/2023/7 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-25 ta’ Awwissu 2023 rigward in-notifiki Belġjani tal-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta’ rata ta’ riżerva O-SII skont l-Artikolu 131 u l-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta’ rata ta’ riżerva għal riskju sistemiku skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, disponibbli fuq is-sit web tal-BERS fuq www.esrb.europa.eu.

(7)  7 Rakkomandazzjoni BERS/2023/9 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-3 ta’ Ottubru 2023 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C, C/2023/899, 14.11.2023) ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/899/oj).

(8)  Rakkomandazzjoni BERS/2017/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Ottubru 2017 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 431, 15.12.2017, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-miżura taħt il-Belġju hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Rata ta’ riżerva għal riskju sistemiku ta’ 6 % fuq l-iskoperturi IRB fil-livell tal-konsumatur kollha ggarantiti permezz ta’ proprjetà immobbli residenzjali li għaliha l-kollateral jinsab fil-Belġju. ”;

(2)

taħt il-Belġju, it-taqsima intitolata “I. Deskrizzjoni tal-miżura” hija ssostitwita b’dan li ġej:

“I.   Deskrizzjoni tal-miżura

2.

Mill-1 ta’ April 2024, il-miżura Belġjana, applikata f’konformità mal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE, timponi rata ta’ riżerva għal riskju sistemiku ta’ 6 % fuq l-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur tal-IRB għal persuni fiżiċi ggarantiti permezz ta’ proprjetà immobbli residenzjali li għalihom il-kollateral ikun jinsab fil-Belġju (kemm skoperturi mhux inadempjenti kif ukoll skoperturi inadempjenti).

2a.

Il-miżura tapplika fuq bażi konsolidata, subkonsolidata u individwali.”;

(3)

taħt il-Belġju, it-taqsima intitolata “II. Ir-Reċiproċità” hija sostitwita b’dan li ġej:

“II.   Reċiproċità

3.

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għall-iskoperturi IRB fil-livell tal-konsumatur għal persuni fiżiċi ggarantiti bi proprjetà immobbli residenzjali li għaliha l-kollateral ikun jinsab fil-Belġju (kemm bħala skoperturi mhux inadempjenti kif ukoll bħala skoperturi inadempjenti). Alternattivament, il-miżura tista’ tiġi rreċiprokata bl-użu tal-kamp ta’ applikazzjoni li ġej fir-rapportar tal-COREP: skoperturi IRB fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali fil-konfront ta’ individwi li jinsabu fil-Belġju (kemm bħala skoperturi mhux inadempjenti kif ukoll bħala skoperturi inadempjenti).

4.

Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali mhijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li għandha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rrakkomandata għar-reċiproċità, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stabbiliti fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4a.

Wara t-talba mill-NBB/BNB, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha fuq bażi individwali, subkonsolidata u konsolidata, irrispettivament minn jekk l-iskoperturi kkonċernati jkunux miżmuma permezz ta’ sussidjarji jew fergħat jew jirriżultawx minn self transkonfinali dirett.”;

(4)

taħt il-Belġju, it-taqsima intitolata “III. Livell Limitu ta’ Materjalità” hija ssostitwita b’dan li ġej:

“III.   Livell Limitu ta' Materjalità

5.

Il-miżura hija kkumplimentata minn livell limitu ta’ materjalità speċifiku għall-istituzzjoni biex jidderieġi l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura. L-istituzzjonijiet jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ riżerva għal riskju sistemiku sakemm l-iskoperturi settorjali rilevanti tagħhom ma jaqbżux EUR 2 biljun. Għalhekk, ir-reċiproċità tintalab biss meta jinqabeż il-livell limitu speċifiku għall-istituzzjoni.

5a.

L-iskoperturi kollha miżmuma permezz ta’ fergħat u self transkonfinali dirett u permezz ta’ sussidjarji għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-iskoperturi vvalutati skont il-livell limitu ta’ materjalità.

6.

F’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun huwa livell limitu massimu rrakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rrakkomandat għall-ġuriżdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

7.

Fejn ma jkunx hemm istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Istati Membri li jkollhom skoperturi materjali fil-Belġju, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, f’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Belġjana. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkommandat lilhom li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana meta istituzzjoni ta’ kreditu teċċedi l-livell limitu ta’ materjalità rrakkomandat.”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6967/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)