30.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1225

tad-19 ta’ Diċembru 2012

rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA SpA f’SEA Handling SpA ((SA.21420 (C 14/10) (ex NN 25/10) (ex CP 175/06))

(notifikata bid-dokument C(2012) 9448)

(Il-verżjoni bil-lingwa Taljana biss hija awtentika)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu (1),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti mibgħuta,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

F’ittra datata t-13 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-allegata għajnuna mħallsa lill-kumpanija SEA Handling SpA (“SEA Handling”), li tipprovdi servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milan Malpensa u ta’ Milan Linate. L-ilment kien inizjalment ippreżentat bin-numru CP 175/06.

(2)

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani għal kjarifika dwar l-ilment. Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2006, l-awtoritajiet Taljani talbu estensjoni taż-żmien mogħti għal tweġiba.

(3)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2007 il-Kummissjoni ppermettiet dik l-estensjoni. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2007, l-awtoritajiet Taljani pprovdew il-kjarifika mitluba.

(4)

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni infurmat lill-ilmentatur li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni li turi li l-kiriterju tar-riżorsi tal-Istat fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) kien f’dan il-każ issodisfat. Konsegwentement, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (3), ma kienx hemm bażi suffiċjenti sabiex titfassal opinjoni dwar il-każ. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2007, l-ilmentatur ipprovda informazzjoni addizzjonali. Fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżamina l-ilment.

(5)

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha kopja tal-ftehim mal-unjons li ġie konkluż fis-26 ta’ Marzu 2002. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani pprovdew id-dokument mitlub.

(6)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2008, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni l-ftehim mal-unjons konkluż fit-13 ta’ Ġunju 2008.

(7)

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, u talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha fi żmien xahar id-dejta u l-informazzjoni kollha neċessarja biex tivvaluta l-kompatibilità tal-miżuri in kwistjoni.

(8)

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Taljani talbu estensjoni tal-limitu ta’ żmien għal tweġiba sal-20 ta’ Settembru 2010; il-Kummissjoni wieġbet, u ppermettiet l-estensjoni, fit-23 ta’ Lulju 2010.

(9)

Fl-20 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw il-kummenti tal-Muniċipalità ta’ Milan dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(10)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali (“id-Deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri in kwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(11)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2011, SEA Handling talbet li l-iskadenza biex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tiġi estiża sal-21 ta’ Marzu 2011. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2011 il-Kummissjoni ppermettiet dik l-estensjoni.

(12)

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2011, […] (*1) talbet li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tiġi estiża sal-25 ta’ Marzu 2011.

(13)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2011, SEA Handling u SEA SpA (“SEA”) bagħtu lill-Kummissjoni kummenti konġunti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(14)

Bl-istess mod permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2011, […] bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(15)

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għaddiet il-kummenti tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Taljani, u talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom sas-16 ta’ Mejju 2011.

(16)

Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ April 2011, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni biex testendi l-iskadenza għall-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-partijiet interessati sat-2 ta’ Ġunju 2011. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 2011 il-Kummissjoni ikkonċediet dik l-estensjoni lill-awtoritajiet Taljani.

(17)

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2011, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ippreżentaw ukoll argumenti ġodda bbażati fuq studju li twettaq minn konsulent.

(18)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet Taljani biex jippreżentaw l-informazzjoni rikjesta fil-paragrafu 5 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li kienet għadha ma ġietx ipprovduta la mill-awtoritajiet Taljani u lanqas minn SEA.

(19)

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2011, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni biex testendi l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni mitluba sal-15 ta’ Ottubru 2011. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni ppermettiet estensjoni tal-iskandenza sal-15 ta’ Settembru 2011.

(20)

B’ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni li huma kienu jqisu li l-estensjoni tal-iskadenza li ingħatat wara t-talba inizjali tagħhom ma kinitx suffiċjenti.

(21)

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw it-tweġiba tagħhom għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2011, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw traduzzjoni għall-Ingliż tad-dokument li jinsab fl-Anness 5 tas-sottomissjoni preċedenti.

(22)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ottubru 2011, l-awtoritajiet Taljani ssupplimentaw l-Anness 12 mas-sottomissjoni preċedenti billi pprovdew informazzjoni mogħtija mill-Muniċipalità ta’ Milan. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2011, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw traduzzjoni ta’ dawk l-osservazzjonijiet għall-Ingliż.

(23)

Fid-19 ta’ Ġunju 2012 saret laqgħa bejn il-persunal tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani. Wara l-laqgħa, f’ittri tat-2 ta’ Lulju 2012 u l-10 ta’ Lulju 2012, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw argumenti ġodda favur l-opinjoni tagħhom tal-miżuri eżaminati. Fuq it-talba tal-awtoritajiet Taljani, saret laqgħa oħra mal-persunal tal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2012. F’dik l-okkażjoni l-awtoritajiet Taljani sostanzjalment ippreżentaw l-istess argumenti bħal fil-laqgħa preċedenti.

2.   ĠABRA FIL-QOSOR TAL-MIŻURI

(24)

Din id-deċiżjoni tikkonċerna injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA fis-sussidjarja tagħha SEA Handling, bejn l-2001 u l-2010, li kienu maħsuba essenzjalment biex jiġi kopert telf li ġarrbet SEA Handling.

2.1.   IL-BENEFIĊJARJU ALLEGAT TAL-GĦAJNUNA

(25)

Il-benefiċjarju tal-miżuri in kwistjoni hija SEA Holding, li hija kompletament proprjetà ta’ SEA. SEA hija kumpanija li topera s-sistema ajruportwali ta’ Milan li tinkludi l-ajruporti ta’ Linate u ta’ Malpensa. Din hija kumpanija limitata (SpA) stabbilita skont il-liġi privata, li matul il-perjodu relevanti kienet kważi kompletament proprjetà ta’ żewġ korpi pubbliċi, il-Muniċipalità ta’ Milan (84,56 %) u l-Provinċja ta’ Milan (14,56 %), flimkien ma’ xi azzjonisti pubbliċi u privati żgħar oħra (0,88 %). F’Diċembru 2011, 29,75 % tal-kapital ta’ SEA nbiegħ lill-fond privat F2i (Fondi italiani per le infrastrutture).

(26)

L-attivitajiet ta’ SEA jinqasmu kif ġej:

(a)

Amministrazzjoni ajurportwali ġenerali: l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport bl-ajru.

(b)

Il-ground handling: servizzi ta’ ground handling għal passiġġieeri, inġenji tal-ajru, bagalji u merkanzija.

(c)

Attivitajiet relatati: attivitajiet kummerċjali f’ajruporti, inkluż il-bejgħ għall-pubbliku ta’ diversi servizzi, oġġetti bla dazju, il-ġestjoni ta’ kjoskijiet tal-gazzetti, ristoranti, reklamar, parkeġġ, kiri ta’ vetturi, u l-amministrazzjoni u l-manteniment tal-infrastrutturi maħsuba għal attivitajiet mhux tal-ajru, bħal akkomodazzjoni turistika u servizzi loġistiċi. Dawn l-attivitajiet jitwettqu direttament minn SEA jew minn partijiet oħra b’kuntratti speċifiċi ma’ SEA.

(27)

SEA Handling ġiet stabbilita wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/99 tat-13 ta’ Jannar 1999 (5), li ttraspona fil-Liġi Taljana d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (6): dik id-Direttiva imponiet ir-rekwiżit li jinżammu kontijiet separati għal attivitajiet relatati mal-forniment tas-servizzi msemmija hawn fuq (7). Bil-formazzjoni ta’ SEA Handling, SEA bdiet biex tissepara dan il-grupp ta’ attivitajiet skont l-aspett ta’ kontabilità u dak ta’ liġi (8). Minbarra l-amministrazzjoni tal-ajruporti ta’ Malpensa u ta’ Linate, SEA tipprovdi diversi servizzi li huma sekondarji u kumplimentari għat-trasport bl-ajru.

(28)

SEA Handling bdiet topera fl-1 ta’ Ġunju 2002. Sal-1 ta’ Ġunju 2002 is-servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Linate u ta’ Malpensa kienu jiġu pprovduti direttament minn SEA (9).

2.2.   IL-MIŻURI LI QED JIĠU EŻAMINATI

(29)

Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, SEA Handling irċeviet sussidji minn SEA mill-2002 ‘l quddiem, fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital maħsuba essenzjalment biex jitkopra t-telf operattiv tagħha.

(30)

L-ammonti tat-telf ta’ SEA Handling kienu kif ġej (10):

—

fl-2002, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 4 3 6 39  040,39 (l-1 ta’ Ġunju 2002 – il-31 ta’ Diċembru 2002);

—

fl-2003, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 4 9 4 89  577,23 (l-1 ta’ Jannar 2003 – il-31 ta’ Diċembru 2003);

—

fl-2004, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 4 7 9 62  810 (l-1 ta’ Jannar 2004 – il-31 ta’ Diċembru 2004);

—

fl-2005, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 4 2 4 30  169,31 (l-1 ta’ Jannar 2005 – il-31 ta’ Diċembru 2005);

—

fl-2006, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 4 4 1 50  435 (l-1 ta’ Jannar 2006 – il-31 ta’ Diċembru 2006);

—

fl-2007, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 5 9 7 24  727 (l-1 ta’ Jannar2007 – il-31 ta’ Diċembru 2007);

—

fl-2008, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 5 2 3 87  811 (l-1 ta’ Jannar 2008 – il-31 ta’ Diċembru 2008);

—

fl-2009, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 29,7 miljun (l-1 ta’ Jannar 2009 – il-31 ta’ Diċembru 2009);

—

Fl-2010, SEA Handling irreġistrat telf totali ta’ EUR 13,4 miljun (l-1 ta’ Jannar 2010 – il-31 ta’ Diċembru 2010);

(31)

Bejn l-2002 u l-2010 it-telf totali ta’ SEA Handling ammonta għal EUR 339,784 miljun; b’reazzjoni, SEA ttrasferiet total ta’ EUR 359,644 miljun lil SEA Handling fil-forma ta’ żidiet fil-kapital li saru f’diversi ħlasijiet bin-nifs kull sena. Id-distribuzzjoni u l-ammonti murija fit-tabella huma meħuda minn tagħrif mibgħut mill-awtoritajiet Taljani.

(f’eluf ta’ EUR)

Sena

2002

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

 

L-ammonti injettati (1)

18  765

24  879

25  236

6  111

30  000

11  559

25  271

13  481

0

 

21  200

24  252

30  000

30  000

439

2  663

 

34  328

 

 

 

 

 

4  118

30  000

3  527

 

 

 

 

 

 

 

 

 

23  808

 

 

 

 

Total annwali

39  965

49  132

55  236

40  229

60  439

41  559

25  271

47  810

0

 

Total kumplessiv

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3 59  664

2.3.   IR-RWOL TAL-AWTORITAJIET PUBBLIĊI FIL-ĠESTJONI TA’ SEA U TA’ SEA HANDLING

(32)

Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, l-amministrazzjoni tal-Muniċipalita ta’ Milan, SEA u t-trade unions laħqu ftehim fis-26 ta’ Marzu 2002 li jgħid:

(33)

L-impenji msemmija hawnhekk ġew ikkonfermati permezz ta’ ftehimiet sussegwenti li speċifikament irriaffermaw il-kontenut tal-ftehim. Il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għar-reġistri tal-ftehimiet mal-unjons bejn SEA u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema bid-dati tal-4 ta’ April 2002, il-15 ta’ Mejju 2002 u d-9 ta’ Ġunju 2003, li kopji tagħhom intbagħtu lill-Kummissjoni.

(34)

Il-minuti tal-Kunsill Muniċipali jelenkaw ukoll fost l-impenji li daħlet għalihom il-muniċipalità “il-protezzjoni tad-drittijiet” u “garanzija tal-impjieg għall-ħames snin li ġejjin” (11). Dawk l-impenji ġew affermati mill-ġdid fil-laqgħa tal-Kunsill Muniċipali li saret fis-16 ta’ Ġunju 2003, u kopja tal-minuti tagħha ntbagħtet lill-Kummissjoni.

(35)

Barra minn hekk, fis-7 ta’ Novembru 2006, il-kunsillieri muniċipali esprimew tħassib dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi, filwaqt li saħqu fuq il-bżonn li tiġi ggarantita s-sopravivenza ekonomika ta’ SEA Handling ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi:

 

Id-diffikultajiet iffaċċjati minn SEA Handling SpA... ma jistgħux jaqgħu għal kollox fuq dahar il-ħaddiema ... Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-president tal-kumpanija tal-ajruport u s-sindku Moratti jridu jidhru quddiem il-Kumitat għat-Trasport [tal-Muniċipalità ta’ Milan] mill-aktar fis possibbli biex jispjegaw kif beħsiebhom jerġgħu jvaraw ir-rwol ta’ SEA Handling SpA fis-suq tas-servizzi ta’ appoġġ għat-titjiriet (12).

2.4.   IL-PRESTAZZJONI EKONOMIKA TA’ SEA HANDLING (13)

(36)

Il-grafika li ġejja turi l-progressjoni tal-kosti operattivi u l-marġni operattiv gross għall-perjodu 2002-2010. L-istess dejta tidher fit-tabella 1 hawn taħt, bil-progressjoni tal-fatturat ta’ SEA Handling, flimkien mal-progressjoni tal-marġini operattiv gross/il-fatturat u l-proporzjon bejn il-kosti lavorattivi u l-fatturat.

Grafika 1

Il-progressjoni ekonomika tal-kumpanija

(…)

Tabella 1

Il-Progressjoni tal-fatturat u l-ispejjeż operattivi

 

2002

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

Fatturat (miljuni ta’ EUR)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Il-progressjoni tal-fatturat (sena b’sena)

 

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

Il-kosti lavorattivi

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Il-progressjoni tal-kost lavorattiv (sena b’sena)

 

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

Kosti oħra

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Il-progressjoni ta’ kosti oħra (sena b’sena)

 

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

Il-marġni operattiv gross (EBITDA)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Il-progressjoni tal-EBITDA (sena b’sena)

 

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

Proporzjon bejn l-EBITDA u l-fatturat

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

Il-proporzjon bejn il-kosti lavorattivi u l-fatturat

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

(37)

It-tabella turi li l-kosti lavorattivi baqgħu stabbli bejn l-2002 u l-2007, b’varjazzjonijiet żgħar, fil-livell ta’ madwar EUR 160 miljun, iżda mbagħad naqas f’daqqa għal ftit anqas minn EUR 100 miljun fl-2010, tnaqqis ta’ kważi 38 % fi tliet snin. Il-progressjoni ta’ kosti oħra ssegwi xejra simili, bi tnaqqis ta’ 37 % fl-istess perjodu.

(38)

Il-fatturat kiber 10 % bejn l-2002 u l-2006. It-tnaqqis notevoli fl-attività tal-Alitalia f’Malpensa kellu impatt sinifikanti mill-2008, billi l-għadd ta’ vjaġġi bbukkjati permezz tal-Alitalia naqas b’87 % bejn l-2007 u l-2010, u l-introjti ġġenerati mill-preżenza ta’ Alitalia konsegwentement naqsu bi 72 %. Il-fatturat totali naqas b’27 % fl-istess perjodu, tnaqqis li kien ikkumpensat b’żieda fl-introjti minn linji tal-ajru oħra.

(39)

L-isforzi li saru biex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi u biex jiġi limitat it-telf wara d-dehubbing tal-Alitalia wassal għal titjib gradwali fil-marġni operattiv gross (negattiv), li tela’ minn – EUR 42,5 miljun fl-2007 għal – EUR 8,5 miljun fl-2010.

(40)

It-tabella li ġejja turi l-progressjoni tal-għadd ta’ ħaddiema espressi f’ekwivalenti full time (EFT).

Tabella 2

Il-Progressjoni tal-għadd ta’ ħaddiema

 

2002

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

Total EFT

3  842

3  976

3  820

3  562

3  476

3  310

2  969

2  460

2  221

li minnhom: permanenti

3  692

3  804

3  457

3  223

3  011

2  795

2  760

2  419

2  181

li minnhom: temporanji

150

172

363

338

465

515

208

40

40

EFT operattivi (total ta’ EFT + sigħat ta’ sahra – fond għas-sensji)

3  964

4  125

3  979

3  706

3  642

3  461

2  852

2  227

2  050

(41)

It-tabella turi tnaqqis kostanti fl-għadd ta’ ekwivalenti full-time mill-2003 ‘l quddiem (- 44 % bejn l-2003 u l-2010), partikolarment fost EFT permanenti.

(42)

L-għadd ta’ membri temporanju tal-persunal żdied b’mod konsiderevoli bejn l-2002 u l-2007, minn 150 għal 515 EFT. In-numru ta’ persunal temporanju mbagħad naqas, flimkien ma’ tnaqqis fil-fatturat li jirriżulta mit-telf tat-traffiku tal-Alitalia u sforzi akbar minn SEA Handling biex tnaqqas il-kont tagħha tal-pagi. Dan l-isforz wassal ukoll, fil-perjodu inkwistjoni, għal tnaqqis tas-sigħat ta’ sahra u għal żieda fil-fond għas-sensji (cassa integrazione), biex b’hekk inħoloq tnaqqis aktar qawwi fl-għadd ta’ EFT operattivi.

(43)

It-tabella ta’ hawn taħt turi t-titjib fil-produttività tal-persunal f’termini ta’ movimenti mmaniġġjati minn kull unità ta’ xogħol u l-progressjoni tal-kosti lavorattivi.

Tabella 3

Il-progressjoni fil-produttività tal-persunal

(…)

Tabella 4

Il-kosti lavorattivi

(…)

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-INIZJALAR TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(44)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur u mill-awtoritajiet Taljani, li l-miżuri għall-perjodu 2002-2005 setgħu kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni għalhekk talbet lill-Italja biex tipprovdi d-dokumenti meħtieġa, l-informazzjoni u d-dejta sal-aktar perijodu riċenti sabiex din tkun tista’ tivvaluta l-kompatibilità tal-miżuri. Hija indikat ukoll il-bżonn li jiġi eżaminat il-perjodu wara l-2005, fejn l-iskala tat-telf għall-ewwel ma kinitx ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, u l-perjodu 2002-2010 kollu kemm hu, sabiex jiġi determinat jekk SEA Handling kinitx irċeviet għajnuna mill-Istat illegali matul dak il-perjodu f’forma ta’ kumpens għal telf (14).

(45)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kien hemm tabilħaqq għajnuna mill-Istat, peress li qieset li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE kienu ssodisfati.

(46)

Il-Kummissjoni adottat il-fehma preliminari li, b’konsiderazzjoni tas-sehem maġġoritarju tal-Muniċipalità u tal-Provinċja ta’ Milan fil-kapital ta’ SEA, il-fondi użati biex jiġi kopert it-telf kienu ta’ oriġni pubblika. Il-Kummissjoni osservat ukoll li kien hemm evidenza konsiderevoli tat-tip imsemmija fis-sentenza Stardust Marine (15) li tindika li kien hemm involviment tal-awtoritajiet pubbliċi f’miżuri adottati minn SEA fir-rigward tas-sussidjarja tagħha SEA Handling.

(47)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri kienu selettivi, peress li dawn kienu jikkonċernaw biss lil SEA Handling, b’mod li jingħata vantaġġ ekonomiku lill-kumpanija li ma kienx ikollha f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

(48)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk meta kopriet it-telf ta’ SEA Handling, SEA kinitx qed taġixxi bħala investitur prudenti f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat diversi.

(49)

F’fażi preliminari, il-Kummissjoni rriżultalha li l-pjan tan-negozju approvat fl-2001 (16) kien jipprevedi li l-profitti ta’ SEA Handling jikbru sal-2005. Kien intqal li d-deċiżjoni li jitkompla l-operat fis-settur tal-ground handling wara l-2002, u li SEA Handling ma tinbiegħx immedjatament wara x-xoljiment taż-żewġ kumpaniji, kienet iġġustifikata minħabba l-evoluzzjoni pożittiva prevista fil-profitti fi żmien perjodu ta’ tliet snin. Madankollu, il-pjan ta’ negozju tal-2001 ma kienx fih strateġija dettaljata li tippermetti lil SEA tiggarantixxi li SEA Handling tkun profittabbli, u dak il-pjan kien ikopri l-attivitajiet kollha ta’ SEA. Ma ġie ppreżentat lill-Kummissjoni l-ebda pjan tan-negozju dettaljat li għandu x’jaqsam speċifikament ma’ SEA Handling.

(50)

Il-Kummissjoni rriżultalha ukoll li, bejn l-2003 u l-2005, SEA Handling għamlet progress limitat jew saħansitra kellha riżultati negattivi, b’telf annwali ta’ aktar minn EUR 40 miljun, waqt li l-kosti lavorattivi baqgħu stabbli, il-kosti totali naqsu b’madwar 3 %, il-fatturat naqas b’4,5 % u l-kosti għal kull unità lavorattiva żdiedu b’7,6 %.

(51)

L-awtoritajiet Taljani sostnew li l-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling kellha tiġi kkunsidrata minn perspettiva li tikkunsidra l-grupp kollu; il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li dan ma jispjegax għaliex, fil-livell ta’ grupp, kellu jitqies bħala aktar ta vantaġġ li jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling pjuttost milli din tinbiegħ jew tiġi ristrutturata. Il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni ta’ defiċit ta’ SEA Handling damet wisq fit-tul biex taqa’ fit-tifsira tat-terminu “perjodu limitat” fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni (17) u li n-natura rikorrenti tal-kopertura tat-telf mill-2002 ikkonfermat li SEA ma kinitx qed topera bħala investitur prudenti.

(52)

Il-Kummissjoni sabet li […] jew operaturi oħra kienu jkunu jistgħu jidħlu fis-suq; li t-telf ta’ dehra li invokaw l-awtoritajiet Taljani sabiex jiġġustifikaw l-irtirar ta’ SEA mill-ground handling ma kienx ikkwantifikat, u ġiet ppreżentat f’termini li kienu vagi wisq; u li l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi ta’ ground handling ma kienx jeħtieġ li SEA tipprovdi direttament tali servizzi, peress li l-preżenza ta’ provvedituri oħra kienet tikkostitwixxi alternattiva prattika u valida.

(53)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qatgħetha li l-miżuri mingħajr dubju kellhom impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni. L-effett fuq il-kummerċ kien ċar, meta jitqiesu l-objettivi tad-Direttiva 96/67/KE, li rregolat l-aċċess għas-suq tal-ground handling fl-ajruporti tal-Komunità li jkunu laħqu l-livelli ta’ traffiku speċifikati mid-Direttiva. Kien hemm ukoll impatt preżunt fuq il-kompetizzjoni, peress li l-miżuri saħħew b’mod sinifikanti l-pożizzjoni ta’ SEA Handling għad-detriment tal-kompetituri tagħha.

(54)

Għall-mument, il-Kummissjoni qieset li l-kopertura tat-telf kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida tal-Komunità dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (il-Linji Gwida dwar is-Settur tal-Avjazzjoni) (18), filwaqt li tirreferi għad-Direttiva 96/67/KE, tiddikjara li ‘Il fuq mil-limitu ta’ żewġ miljun passiġġier, is-servizzi ta’ ground handling iridu jkunu jiffinanzjaw lilhom infushom u ma jridux jiġu ssussidjati minn dħul ieħor kummerċjali tal-ajruport jew minn riżorsi pubbliċi mogħtija lilhom bħala awtorità tal-ajruport jew operatur ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (19). Il-Kummissjoni jirriżultalha li l-issussidjar ta’ attivitajiet bħal dawn mill-awtoritajiet pubbliċi imur kontra l-obettivi stabbiliti mid-Direttiva 96/67/KE u għalhekk jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-liberalizzazzjoni tas-suq.

(55)

B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex jitneħħa kull dubju dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri bħala għajnuna mill-Istat sal-aktar perijodu riċenti, u rigward il-kompatibilità tagħhom mas-suq intern.

4.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET TALJANI

Il-perjodu li qiegħed jiġi investigat

(56)

L-awtoritajiet Taljani stagħġbu bid-deċiżjoni l-aktar minħabba l-kronoloġija tal-pretensjonijet magħmula mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Taljani argumentaw li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu jirreferu għall-perjodu 2006-2008, li kien aktar tard mill-perjodu li kien jifforma l-bażi tal-investigazzjoni preliminari u, għalhekk, tat-talbiet għal kjarifika li huma kienu rċevew fir-rigward tal-perijodu 2002-2005. Il-Muniċipalità għalhekk talbet lill-Kummissjoni biex temenda l-perjodu ta’ żmien kopert mill-proċedimenti, u li tintbagħat lill-awtoritajiet Taljani talba regolari għal informazzjoni għall-perijodu sussegwenti (mill-2006’il quddiem) (20).

L-imputabilità lill-awtoritajiet pubbliċi tal-miżuri għall-kopertura ta’ telf

(57)

L-ewwel indikazzjoni ta’ imputabilità identifikata mill-Kummissjoni kienet tikkonsist f’siltiet mill-ftehim tas-26 ta’ Marzu 2002 iffirmat mill-Muniċipalità ta’ Milan, minn SEA u mir-rappreżentanti tat-trade unions, siltiet mid-dokumentazzjoni tal-ftehim mal-unions tal-4 ta’ April 2002, sussegwentement ikkonfermat fil-15 ta’ Mejju 2002, bejn SEA u l-organizzazzjonijiet konfederati tal-ħaddiema, u siltiet mill-minuti tal-ftehim mal-unions konkluż bejn SEA, SEA Handling u l-organizzazzjonijiet konfederati tal-ħaddiema tad-9 ta’ Ġunju 2003; l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-valur ta’ prova li għandhom dawn id-dokumenti.

(58)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani argumentaw li l-miżuri jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat biss fuq il-bażi ta’ sejbiet oġġettivi li juru li l-Istat Membru kien intervjena fid-deċiżjoni ta’ SEA b’mod li jiddeterminaha jew li jinfluwenzaha, fis-sens li SEA kienet tadotta mġiba differenti kieku setgħet tieħu deċiżjoni b’mod indipendenti (21); huma argumentaw li dan ma kienx il-każ għar-rigward tal-Muniċipalità ta’ Milan.

(59)

Il-Muniċipalità ressqet l-argument li hija ma kellha involviment ta’ xejn fl-iffirmar tal-ftehimiet tal-unions, u ma kellha x’taqsam xejn mal-impenji mogħtija minn SEA lir-rappreżentanti tat-trejdunjons fil-ftehimiet in kwistjoni. Il-Muniċipalità kienet ipparteċipat biss fil-laqgħa tas-26 ta’ Marzu 2002, u kienet ipproteġiet l-interessi tal-ħaddiema bħala l-azzjonist maġġoritarju u partikolarment bħala l-awtorità responsabbli fil-komunità lokali. Bħala tali, hija ma kienet daħlet għall-ebda impenn, iżda kienet tat “konferma” lill-unjons fil-livell politiku tad-deċiżjonijiet ta’ negozju ta’ SEA, u b’mod partikolari l-istrateġija tagħha li jiġu salvati l-impjiegi, bl-intenzjoni li tagħti appoġġ lill-unjons fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Il-ftehim, li b’mod ċar kien ta’ natura soċjopolitika, ma kellu l-ebda valur fil-liġi, u serva biss biex iserraħ moħħ il-unjons dwar l-affidabilità tal-impenji ta’ SEA. Mid-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni, ma setax jiġi inferit li l-Muniċipalità ta’ Milan kellha xi rwol determinanti fid-deċiżjoni biex jiġi koperti it-telf ta’ SEA Handling, jew li ħadet fuqha xi obbligi f’dan ir-rigward. SEA għalhekk ħadet id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha stess f’libertà u indipendenza sħiħa.

(60)

B’mod ġenerali, il-korrispondenza mill-2002 sal-2005 bejn l-amministraturi tal-kumpanija u ċerti membri tal-Kunsill Muniċipali, li ma ngħatalhomx aċċess għal ċerti dokumenti interni ta’ SEA li huma kienu talbu, b’mod partikolari, il-pjan tan-negozju, hija prova ta’ nuqqas ta’ interferenza mill-amministrazzjoni fl-attivitajiet ta’ SEA. Skont l-awtoritajiet Taljani, kien hemm prova addizzjonali fil-fatt li SEA kienet speċifikament saħqet fuq l-indipendenza tagħha mill-amministrazzjoni, pereżempju bi tweġiba għal mistoqsija mressqa minn kunsillier muniċipali.

(61)

L-awtoritajiet Taljani stqarrew ukoll li l-Muniċipalità ma setgħetx b’mod leġittimu tidħol f’impenji validi u effettivi mingħajr atti formali adottati mill-korpi kompetenti tagħha li jagħtu indikazzjonijiet speċifiċi ta’ kopertura finanzjarja.

(62)

It-tieni indikazzjoni ta’ imputabilità identifikata mill-Kummissjoni kienet id-dipendenza partikolari tad-diretturi u l-amministraturi ta’ SEA fuq il-Muniċipalità ta’ Milan: hawnhekk l-awtoritajiet Taljani ma qablux mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li allegazzjonijiet li saru f’artikli fil-gazzetti tikkunsidrahom fil-livell ta’ evidenza. Huma ressqu wkoll l-osservazzjonijiet li ġejjin.

(63)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-iffirmar mid-diretturi ta’ SEA ta’ ittri ta’ riżenja vojta li ġew ippreżentati lis-Sindku ta’ Milan qabel it-tmiem tal-mandat tagħhom, l-awtoritajiet Taljani saħqu li dawn ir-riżenji ma jurux li kienet teżisti xi sitwazzjoni ta’ dipendenza partikolari tad-diretturi ta’ SEA fuq il-Muniċipalità. Kif rikonoxxut mill-president tal-bord tad-diretturi fil-laqgħa ordinarja li saret fl-24 ta’ Frar 2006, din kienet prassi komuni “użata speċifikament biex jittieħdu passi f’waqthom biex jitneħħew diretturi li dwarhom ikun hemm allegazzjoni ta’ aġir mhux xieraq”. Il-president eskluda l-użu tat-tali ittri f’każijiet fejn l-azzjonist ma jaqbilx ma’ deċiżjonijiet maniġerjali magħmula mill-bord tad-diretturi: il-bord kellu r-responsabbiltà esklussiva għal dawn id-deċiżjonijiet. Huwa saħaq li “fi kwalunkwe każ, ħadd ma qatt applika xi pressjoni b’referenza għal din l-ittra jew għal dokumenti oħra”, u li dawn l-ittri kellhom “valur morali, iżda mhux valur legali”. Skont ir-rappreżentant tal-Muniċipalità fl-istess laqgħa ordinarja ta’ SEA, “ftit kien probabbli li l-imġiba tal-membri tal-bord tiġi influwenzata” minn dawn l-ittri Il-membri tal-bord huma suġġetti biss għal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti: huwa biss dak il-korp li jista’ jaħtarhom u jkeċċihom, u huwa biss lejn dak il-korp li huma responsabbli għall-amministrazzjoni tal-kumpanija”. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-uniku effett tal-ittri msemmija hawn fuq kien li direttur imkeċċi fil-laqgħa tal-azzjonisti jitlef l-intitolament għal kumpens għal tkeċċija inġusta.

(64)

It-tieni, dejjem fir-rigward tar-relazzjoni tad-dipendenza partikolari ta’ SEA fuq il-Muniċipalità ta’ Milan, l-awtoritajiet Taljani osservaw, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, li fir-rwol tagħha ta’ sorveljanza l-Muniċipalità ta’ Milan ma ħatret l-ebda rappreżentanti fil-bord tad-diretturi, iżda sempliċiment innominathom il-membri tal-bord inħatru biss mill-laqgħa ġenerali, skont ir-regoli ordinarji tal-liġi privata li tirregola l-kumpaniji limitati taħt il-Kodiċi Ċivili Taljan. Huma ressqu wkoll l-argument li f’konformità mar-regoli legali ordinarji, kif kien spiss ikun il-każ, il-kostituzzjoni ta’ SEA tat lill-bord tad-diretturi l-poter li jagħżel l-ismijiet tad-diretturi li jkollhom jiġu sottomessi lil-laqgħa għall-approvazzjoni tagħha.

(65)

L-awtoritajiet Taljani affermaw li indikaturi oħra li jista’ jkun jagħtu indikazzjoni dwar ta’ min tista’ tkun l-imputabbiltà ta’ miżura tal-Istat, u b’mod partikolari l-klassijiet ta’ evidenza identifkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Stardust Marine, bl-istess mod iwasslu għall-konklużjoni li l-miżura li qed tiġi mistħarrġa f’dan il-każ ma kinitx imputabbli lill-Istat. SEA ma kienet ġiet bl-ebda mod integrata fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, la lokalment u lanqas fil-livell nazzjonali. Rigward in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li s-SEA dejjem aġixxiet bħala ditta privata ordinarja. L-istatus legali tal-impriża lanqas ma seta’ juri li l-miżuri kienu imputabbli lill-Istat, peress li SEA kienet f’kull sens kumpanija privata. Fl-aħħar nett, b’referenza għall-aħħar tip ta’ evidenza identifikata mill-Qorti, jiġifieri l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-maniġment tal-impriża, huma sostnew li l-muniċipalità ma eżerċitat l-ebda influwenza u li l-kumpanija kienet hi stess iddikjarat l-indipendenza tagħha mill-Amministrazzjoni, ħaġa li turi li l-amministrazzjoni ma kinitx involuta fl-adozzjoni ta’ xi deċiżjoni korporattiva.

L-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat

(66)

Għar-rigward tal-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat, l-awtoritajiet Taljani sostnew li l-evidenza fattwali (ekonomika u anki dejta oħra) li l-Kummissjoni ġabret matul l-investigazzjonijiet preliminari tagħha, iżda li kellha x’taqsam maż-żmien ta’ wara li l-atti kkontestati kienu diġà deċiżi, jistgħu jintużaw fejn meħtieġ fil-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-miżuri mar-regoli tat-Trattat, jekk dawn kienu ġew ikklassifikati bħala għajnuna; iżda tali evidenza ma kienet tal-ebda għajnuna fid-determinazzjoni ta’ jekk il-miżuri finanzjarji inkwistjoni kinux kumpatibbli mat-test tal-investitur privat. Ir-raġunament kollu tal-Kummissjoni ġie vizzjat minn applikazzjoni ħażina tat-test tal-investitur privat, li seħħet minħabba apprezzament mhux eżatt tal-isfond tal-każ.

(67)

Fir-rigward tal-kuntest li kellu jiġi kkunsidrat, l-awtoritajiet Taljani osservaw l-ewwel nett li l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda konsiderazzjoni tal-fatt li, bħala parti mil-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi tal-ground handling Ewropew wara l-adozzjoni tad-Direttiva 96/67/KE, trasposta fil-leġiżlazzjoni Taljana permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/99, SEA kienet iddeċidiet mhux li sempliċement tissepara l-kontijiet tagħha, iżda biex taqtal-attivitajiet in kwistjoni u tittrasferihom lil entità legali ġdida. Din il-firda kienet strumentali, fil-miri strateġiċi tal-grupp li jinstab sieħeb industrijali li jipprovdi servizzi ta’ ground handling u biex jiġu identifikati miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi ta’ ground handling fl-ajruport ta’ Linate u Malpensa.

(68)

Skont l-awtoritajiet Taljani, bħala parti mill-proċess tal-liberalizzazzjoni, kumpaniji ta’ ġestjoni tal-ajruporti kienu ġeneralment irriorganizzaw is-servizzi ta’ ground handling wara li kienu kkunsidraw iż-żewġ mudelli kummerċjali vijabbli: is-servizzi ta’ ground handling jistgħu jkunu pprovduti mhux direttament mill-operatur tal-ajruport iżda minflok minn kumpaniji minn barra li jkunu joperaw fuq skala internazzjonali (“esternalizzazzjoni”, pereż. ajruporti f’Londra, Kopenħagen, Spanja jew Dublin), jew jistgħu jiġu forniti direttament mill-operatur tal-ajruport bil-kontijiet biss jiġu separati (pereż. Frankfurt jew Vjenna) jew permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanija separata (SEA jew Pariġi) (“ġestjoni diretta”). Kull wieħed miż-żewġ mudelli għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu, ħaġa li l-kumpaniji ta’ ġestjoni tal-ajruporti kienu investigaw bir-reqqa, partikolarment minħabba ċ-ċirkostanzi regolatorji differenti f’kull pajjiż. L-esternalizzazzjoni ippermettiet li r-riżorsi jkunu ffokati fuq in-negozju ċentrali, u kienet ta’ benefiċċju minnufih għall-kont tal-qligħ u t-telf, għaliex fil-biċċa l-kbira tal-każijiet is-servizzi ta’ ground handling kienu qed jaħdmu b’telf, sakemm ma kinux qed jiġu ipprovduti fuq skala kbira u mhux biss fl-ajruport ġestit mill-kumpanija. Iżda ż-żamma tal-attivitajiet ta’ ground handling ippermettiet lill-operaturi tal-ajruport biex ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll akbar fuq il-kwalità tas-servizz, li, apparti l-aspetti regolatorji, kellha benefiċċji indiretti fuq il-profitti tal-grupp, partikolarment fuq medda medja u twila ta’ żmien.

(69)

B’dan it-tieni mudell, li ntgħażel minn SEA, l-operatur tal-ajruport seta’ jipproteġi r-rwol taċ-ċentru ajruportwali u tal-proċessi ta’ trasferiment, li jżomm il-kontroll fuq il-livell tal-kwalità tas-servizz provdut, li jipprovdi servizzi magħżula ta’ ground handling f’ajruporti fejn l-ebda operaturi oħra ma kienu kapaċi li jipprovduhom u, fl-aħħar nett, biex iżomm influwenza qawwija fuq is-sigurtà tal-ajruport. Din l-għażla kienet teħtieġ kosti operattivi għolja li kienu inerenti fil-forniment dirett ta’ servizzi ta’ ground handling. Il-produttività f’dan il-qasam ma setgħetx titkejjel esklussivament b’termini finanzjarji.

(70)

L-awtoritajiet Taljani ressqu l-argument li din l-istrateġija tal-grupp SEA kienet perfettament raġunata, għaliex permezz tagħha SEA setgħet iżżomm f’idejha s-servizzi ta’ ground handling, filwaqt li setgħet isserraħ fuq żieda gradwali fil-produttività u fuq il-kwalità tas-servizzi u benefiċċji għall-grupp fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil. Fl-istess ħin, billi jaqtgħu l-attivitajiet u jittrasferixxu l-provvista ta’ servizzi lil kumpanija separata (SEA Handling), SEA tkun kapaċi tikkapitalizza fuq kull opportunità għal sħubija ma’ operaturi oħra fis-settur, bil-għan li tirkupra l-profittabilità bis-saħħa tas-sinerġiji miksuba permezz tal-integrazzjoni f’netwerk internazzjonali u l-akkwist ta’ għarfien espert operattiv ulterjuri.

(71)

Għaldaqstant, SEA kellha l-ħsieb li ġġorr it-telf li inizjalment ġie rreġistrat mis-sussidjarja tagħha minħabba l-benefiċċji li dan iħalli għall-grupp, flimkien ma’ titjib gradwali fl-introjtu u fil-probitabilità ta’ SEA Handling (li inizjalment kien mistenni li sseħħ wara tliet snin ta’ attività, jiġifieri sal-2005), li kellha tintlaħaq permezz ta’ miżuri mfissra fi pjan ta’ ristrutturar li pprovda wkoll, jekk possibbli, għad-dħul ta’ sieħeb strateġiku li jakkwista sehem minoritarju sinifikanti f’SEA Handling.

(72)

F’Mejju 2001, SEA nediet proċedura kompetittiva ta’ offerti bil-għan li tidentifika sieħeb strateġiku minoritarju f’SEA Handling, u fi tmiemha nstab li l-offerta ppreżentata minn […] kienet l-aktar waħda vantaġġjuża. In-negozjati li saru ma’ […] waslu qrib ħafna għall-firma, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ pjan ta’ rilanċ. Iżda minn hemm ‘il quddiem in-negozjati weħlu, l-aktar minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar il-valutazzjoni tal-kumpanija.

(73)

Il-miżuri mfissra fil-pjan ta’ negozju kkonsolidat tal-grupp SEA għall-2002-2006 (“il-pjan ta’ negozju kkonsolidat 2002-2006”) iffoka fuq irkupru fil-produttività tax-xogħol ta’ 20 % f’dak il-perjodu. Dawn il-miżuri ġew iġġudikati bħala xierqa u suffiċjenti biex tkun ivvalidata l-għażla tal-mudell ta’ negozju li kien sar. Filwaqt li l-objettiv għall-irkupru tal-profittabilità ma ntlaħaqx, ir-riżultati finanzjarji kienu inkoraġġanti, u kkonfermaw il-veduta ta’ SEA dwar l-adegwatezza tal-mudell ta’ negozju magħżul, fl-interess ekonomiku tal-grupp u l-azzjonisti tiegħu.

(74)

L-awtoritajiet Taljani ressqu l-argument li l-fatt li SEA Handling ma rat l-ebda rkupru fil-profitabbiltà fiż-żmien inizjalment propost kien dovut għal xenarju fis-suq li kien bil-bosta differenti minn dak li kien previst, bħala riżultat ta’ żewġ fatturi internazzjonali li affettwaw b’mod sinifikanti l-iżvilupp tat-traffiku tal-ajru f’dak il-perijodu, jiġifieri is-SARS u l-gwerra fl-Iraq, kif ukoll l-isfidi ekonomiċi konsegwenti iffaċċjati mill-linji internazzjonali tal-ajru, li sofrew minn żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt u, konsegwentement, kellhom jaċċettaw tnaqqis fil-prezzijiet f’ambjent kompetittiv li kien ferm aktar aggressiv milli mistenni.

(75)

L-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni biex terġa’ tqis l-oġġezzjoni tagħha għad-deċiżjoni ta’ SEA li tkompli tirkupra t-telf tas-sussidjarja tagħha anki meta, fil-fehma tagħha, l-iżviluppi ekonomiċi fl-ewwel sentejn sħaħ ta’ attività (2003 u 2004) urew li kien impossibbli li jkun hemm irpiljar fil-profittabilità fi żmien tliet snin. L-awtoritajiet Taljani argumentaw li din l-oġġezzjoni kienet ibbażata fuq applikazzjoni sempliċistika tat-test tal-investitur privat, essenzjalment f’termini ta’ profitt fi żmien qasir biss. Il-Kummissjoni kienet injorat il-fatt li, f’dan il-każ, kien hemm fatturi oħra x’jiġu kkunsidrati, minbarra l-flussi finanzjarji ġġenerati direttament mill-investiment, speċjalment minħabba li l-kumpanija prinċipali kienet vertikalment konnessa mas-sussidjarja tagħha, u li parti apprezzabbli tan-negozju tagħha kienet tiddependi fuq il-kwalità tas-servizzi li kienet qed tipprovdi s-sussidjarja. Il-Kummissjoni kienet illimitat ruħha li tħares lejn in-nuqqas ta’ profittabilità tal-miżura fl-ewwel sentejn ta’ operazzjoni, u kienet injorat kompletament in-natura speċifika tas-settur, fejn operatur ta’ ajruport jista’ jkollu interess li jmexxi negozju ta’ ground handling, jew li jappoġġjah finanzjarjament, irrispettivament mill-profittabilità immedjata tiegħu.

(76)

L-awtoritajiet Taljani pprovdew ukoll analiżi kontrofattwali magħmula minn konsulent estern bil-għan li jiġi ppruvat li l-ipoteżi wara d-dokument ippreżentat minn SEA, “Presentazione del piano aziendale 2003-2007 di SEA Handling” (Preżentazzjoni tal-pjan ta’ negozju ta’ SEA Handling 2003-2007, minn hawn’ il quddiem “il-pjan ta’ negozju 2003-2007”) kienu realistiċi u raġonevoli, u li għadd ta’ ċirkostanzi mhux previsti kellhom effetti negattivi serji fuq SEA Handling, li wasslu għal telf akbar minn dak li seta’ jiġi mbassar b’mod raġonevoli meta ttieħdet id-deċiżjoni biex jiġi kopert it-telf. Il-kostatazzjoni primarja ta’ din l-analiżi kienet li r-raġuni ewlenija li r-riżultati rreġistrati ma laħqux dawk imbassra fil-pjan ta’ negozju kien it-tnaqqis fit-traffiku mmaniġġat u fil-prezzijiet. Fi kliem ieħor, filwaqt li SEA Handling kien irnexxielha tilħaq l-objettivi tagħha fejn jidħol it-tnaqqis fl-ispejjeż għal kull unità, ma kinitx laħqet il-miri finanzjarji stabbiliti fil-pjan ta’ negozju minħabba telf sinifikanti ta’ introjtu li ġie mit-tnaqqis fit-traffiku u fil-prezzijiet meta mqabbla mal-livelli mbassra.

(77)

Il-Kummissjoni kienet ukoll naqset milli tagħti konsiderazzjoni xierqa lill-karattru speċifiku tas-settur fl-Italja fid-dawl tar-regolamenti Taljani applikabbli. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 3.3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/99 u l-Artikolu 705.2(d) tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni bil-Baħar u bl-Ajru, l-operatur tal-ajruport huwa obbligat li jiżgura li l-ajruport ikollu s-servizzi neċessarji ta’ ground handling, jew billi jipprovdihom direttament jew jikkoordina l-attivitajiet ta’ operaturi li jipprovdu dawn is-servizzi huma stess jew permezz ta’ partijiet esterni. Barra minn hekk, b’referenza speċifika għall-ajruporti ta’ Linate u ta’ Malpensa, l-Artikolu 4 tal-ftehim iffirmat bejn l-ENAC (l-Awtorità Taljana tal-Avjazzjoni Ċivili) u SEA fl-4 ta’ Settembru 2001 speċifikament obbliga lil SEA tiggarantixxi servizzi ta’ ground handling u li jiġu żgurati d-disponibilità u l-effiċjenza tal-vetturi, it-tagħmir u s-sistemi kollha, u ta’ kull ħaġa oħra neċessarja biex titkompla, b’mod regolari, il-provvista effettiva ta’ dawn is-servizzi.

(78)

L-awtoritajiet Taljani ressqu l-argument li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li SEA sempliċement tittrasferixxi jew testernalizza l-attivitajiet ta’ ground handling. Anki kieku kellha tiddeċiedi li timxi f’din id-direzzjoni, xorta kien ikollha tikkonkludi l-kuntratti xierqa u ġġorr l-ispejjeż neċessarji biex taċċerta ruħha li s-servizzi jissodisfaw id-domanda u r-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni jew li joħorġu mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-miżura li biha tiġi fdata l-ġestjoni tal-ajruport. L-operatur tal-ajruport baqa’ responsabbli lejn l-awtorità pubblika għall-provvista regolari u effettiva tas-servizzi ta’ ground handling.

(79)

Għall-applikazzjoni korretta tat-test tal-investitur privat għall-każ, fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Taljani osservaw li skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-operatur privat li miegħu kellu jsir il-paragun tal-kondotta tal-impriża pubblika irid ikun ta’ daqs u natura komparabbli (22), u li l-investiment li jikkonsisti mill-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling kien ġie deċiż u mwettaq mill-Grupp-SEA, azzjonist f’SEA Handling u detentur tal-konċessjoni għall-ġestjoni tal-ajruport ta’ Malpensa u Linate. L-ewwel nett, dan kien ifisser, kif fil-fatt il-Kummissjoni kienet indikat fid-deċiżjoni tagħha, li l-imġiba ta’ SEA ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ investitur komuni li jkun qed joħroġ kapital bil-ħsieb li jkollu profitt fi żmien relattivament qasir, iżda minflok kellha titqabbel mal-imġiba ta’ kumpanija possedenti privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwi politika strutturali – kemm jekk ġenerali kif ukoll jekk settorjali – u ggiwdata minn prospetti ta’ profitabbiltà fuq medda twila ta’ żmien (23). It-tieni, għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll għall-karatteristiċi speċifiċi tas-settur regolat in kwistjoni, u għad-dinamika normali, f’dak il-kuntest, tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-kumpanija prinċipali u s-sussidjarja (24).

(80)

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Taljani qiesu li l-Kummissjoni missha evalwat il-miżuri in kwistjoni minn perspettiva ta’ grupp, jiġifieri, eżaminat il-karta tal-bilanċ konsolidata ta’ SEA; kieku għamlet hekk, kienet issib li l-grupp kien irċieva introjtu gross sostanzjali, u kellu ħila sew li jassorbi internament it-telf li kellu mid-diviżjoni tal-ground handling waqt il-ħolqien tal-valur għall-azzjonisti tagħha.

(81)

Apparti l-probabilità ta’ profitt materjal indirett li toħoroġ mill-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling, kien hemm konsiderazzjonijiet oħra li kellhom jitqiesu, inkluż: a) il-possibbiltà li jinkisbu vantaġġi ekonomiċi indiretti minn relazzjonijiet kummercjali mas-sussidjarja; b) id-diffikultajiet tal-esternalizzazzjoni fil-kuntest nazzjonali ta’ referenza, minħabba l-obbligi ekonomiċi meħuda u l-impenji magħmula lill-awtoritajiet pubbliċi; c) il-protezzjoni tal-immaġni tal-grupp; u d) it-twettiq ta’ obbligi lejn l-Istat li jirriżultaw mill-ftehim u mil-liġi.

(82)

Fil-perjodu ta’ tliet snin 2003-2005, il-Grupp SEA kiseb riżultati sinifikanti fir-rigward tal-kwalità tas-servizz provdut lill-utenti. Iż-żmien ta’ stennija għal bagalji wara l-wasla tjieb u kien hemm titjib fil-puntwalità tas-sejħiet għall-imbark ġestiti minn SEA.

(83)

Bħala konklużjoni, l-awtoritajiet Taljani qiesu li l-imġiba ta’ SEA fil-każ kienet perfettament kompatibbli ma’ dak ta’ grupp ta’ negozju privat li kien qed isegwi politika strutturali u li pprefera li jagħmel tajjeb għat-telf ta’ waħda mid-diviżjonijiet ta’ negozju tiegħu għall-preżent, bil-ħsieb li jtejjeb il-profittabilità fit-tul u b’konsiderazzjoni għal fatturi oħra ta’ natura finanzjarja jew mhux finanzjarja li kienu inerenti għall-interessi ekonomiċi tal-grupp. Kontra l-argumenti tal-Kummissjoni, għalhekk, l-eżistenza ta’ prospetti solidi għal ritorn lejn il-profitabbiltà fi żmien raġonevoli intwera mit-titjib ekonomiku kostanti li kellha SEA Handling fil-perjodu 2003-2005, minkejja li ma setgħetx issib imsieħeb strateġiku u minkejja s-sitwazzjoni diffiċli tas-suq.

Kompatibbiltà

(84)

Fejn tidħol l-ammissibilità tal-miżuri, l-awtoritajiet Taljani essenzjalment saħqu fuq dawn il-punti: (i) meta wieħed iqis it-telf kostanti li ġie rreġistrat mid-diviżjonijiet tal-ground handling tagħha, anki qabel il-formazzjoni ta’ SEA Handling, kien ċar li l-kumpanija kienet f’diffikultà mid-data li bdiet topera; (ii) ir-ristrutturar ta’ SEA Handling kien ibbażat fuq pjan ta’ ristrutturar li kien jikkonsisti minn diversi dokumenti li jirrigwardaw il-perjodu 2003-2010, immirat biex jirrestawra l-profitabbiltà tan-negozju tal-ground handling tagħha; (iii) dawk id-dokumenti jfissru fid-dettall l-istrateġija ta’ SEA u l-iskeda ta’ miżuri li għandhom jittieħdu.

(85)

B’mod aktar speċifiku, il-pjan konsolidat tan-negozju għall-2002-2006 stabbilixxa l-miżuri li ġejjin sabiex tiġi rkuprata l-produttività tal-ground handling u biex jiżdied l-introjtu:

—

inċentivi għat-tnaqqis tar-rata ta’ assenteiżmu tal-impjegati;

—

il-kompjuterizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta’ attivitajiet operattivi tal-fergħa;

—

jiġi permess li ssir is-sahra;

—

l-integrazzjoni tas-setturi A u B tal-ajruport ta’ Malpensa minn Jannar 2002;

—

l-introduzzjoni ta’ kuntratti ġodda ta’ impjiegi b’sigħat flessibbli; kif ukoll

—

miżuri mmirati lejn it-tnaqqis taż-żmien ta’ trasferiment tal-persunal.

(86)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani sostnew li waħda mill-aktar miżuri importanti tar-ristrutturar kienet l-għażla ta’ azzjonist minoritarju.

(87)

It-tieni, skont l-awtoritajiet Taljani, il-pjan ta’ negozju 2003-2007, li kien iċċentrat fuq SEA Handling, identifika l-fatturi ewlenin li kien qed ikollhom effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-kumpanija: dan indika b’mod partikolari l-kosti lavorattivi, l-iżbilanċi organizzattivi, u innovazzjoni teknoloġika insuffiċjenti. Id-dokument indika l-miżuri prinċipali meħtieġa biex tiġi restawrata l-produttività tal-impriża: (i) żieda tas-sehem fis-suq tal-kumpanija; (ii) miżuri biex tiżdied l-innovazzjoni teknoloġika; (iii) miżuri biex tittejjeb l-adattabbiltà għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi; (iv) reviżjoni ta’ attivitajiet mhux ewlenin li jkollhom kosti għoljin; (v) tnaqqis tal-kosti lavorattivi; (vi)irkupru ta’ introjtu minn attivitajiet barra s-servizzi ta’ ground handling.

(88)

It-tielet, l-awtoritajiet Taljani osservaw li d-dokument “Executive Summary – Linee guida del piano strategico 2007-2012 del gruppo SEA – 11 maggio 2007” (Sommarju Eżekuttiv: Linji-gwida għall-pjan strateġiku 2007-2012 tal-grupp SEA, il-11 ta’ Mejju 2007, minn issa ‘l quddiem “il-pjan strateġiku 2007-2012”) kien jinkludi pjan bi tliet fażijiet immirat biex SEA Handling terġa ssir vijabbli sal-2011. L-għan li n-negozju tal-ground handling jerġa’ jsir profitabbli kien ukoll evidenti fil-pjan strateġiku tal-grupp SEA għall-2009-2016 (“il-pjan strateġiku 2009-2016”) u fil-pjan ta’ negozju tal-grupp SEA għall-2011-2013 (“il-pjan ta’ negozju 2011-2013”).

(89)

Ir-raba’, l-awtoritajiet Taljani ressqu l-argument li ma kien hemm ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni, peress li dawn il-miżuri kienu meħtieġa għal-liberalizzazzjoni tas-suq. Fi kwalunkwe każ kienu ttieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma titħarbatx b’mod mhux xieraq, b’mod partikolari t-tnaqqis gradwali fil-livelli tal-impjiegi (bi tnaqqis ta’ 1  755 impjieg bejn l-2003 u l-2010) u tnaqqis tal-preżenza fis-suq (irtirar totali min-negozju kollu mhux ċentrali; it-terminazzjoni tal-attivita ta’ tneħħija ta’ silġ minn fuq l-ajruplani; u t-tentattivi bla suċċess li jinbiegħ sehem minoritarju f’SEA Handling).

(90)

Fl-aħħar nett, l-Italja sostniet li l-għajnuna kienet b’mod ċar limitata għall-minimu neċessarju, minħabba t-telf operattiv sostnut mill-kumpanija u l-ammont meħtieġ biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet ta’ ground handling. L-għajnuna ma rriżultatx f’żieda tas-sehem mis-suq tal-kumpanija għad-detriment tal-kompetituri tagħha, peress li ma ttieħdu l-ebda miżuri ta’ investiment li ma kinux inklużi fil-pjanijiet ta’ ristrutturar.

5.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

5.1.   SEA

(91)

Fl-osservazzjonijiet tagħha, SEA appoġġat l-argumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani, u elaborat dwar ċerti aspetti.

L-imputabilità lill-Istat Taljan tal-miżuri għall-kopertura ta’ telf

(92)

Il-Kummissjoni kienet affermat li l-Muniċipalità kellha rwol attiv fil-ftehim mal-unjons tal-4 ta’ April 2002; SEA bdiet billi tat ħarsa aktar mill-qrib lejn is-sentenza Stardust Marine, bl-argument li l-piż tal-prova fir-rigward tal-imputabbiltà jaqa’ fuq il-Kummissjoni, u saħqet li l-evidenza pprovduta fil-każ kienet limitata fil-volum u ma kinitx soda la fil-kontenut u lanqas fil-konsistenza. Kien hemm kontraevidenza ħafna aktar soda u sinifikanti li turi li SEA kienet għamlet l-għażliet tagħha dwar ir-ristrutturar ta’ SEA Handling b’mod indipendenti.

(93)

Il-ftehimiet milħuqa mal-unjons kellhom l-għan li jserrħu moħħ l-impjegati li d-drittijiet tagħhom jitħarsu u li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-impjiegi bbażati fuq l-istrateġija adottata minn SEA jiġu implimentati. Il-Bord tad-Diretturi ta’ SEA kien iddeċieda li jorganizza l-grupp mill-ġdid, iżda ma kien daħal għal ebda impenn li matul ir-riorganizzazzjoni ma jitnaqqasx l-għadd ta’ persunal fid-dawl tal-eżiġenzi tas-suq. Id-deċiżjonijiet kollha biex jitnaqqas jew jiġi ristrutturat in-negozju sal-ġurnata tal-lum kienu kompletament ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, u l-Muniċipalità u l-forzi politiċi li kienu rappreżentati hemmhekk ma kellhom l-ebda rwol sinifikanti.

(94)

Il-ħsibijiet soċjali kienu riflessi b’mod ċar kemm fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/99, l-Artikolu 14 li kien jikkonċerna l-“protezzjoni soċjali”, kif ukoll fid-Direttiva 96/67/KE, li rrikonoxxiet li l-Istati Membri “għandhom iżommu is-setgħa li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema ta’ intraprizi li jipprovdu servizzi ta’ ground-handling” (premessa 24), u kompliet biex tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Direttiva u “suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja”. SEA ħadet id-deċiżjonijiet ta’ negozju tagħha liberament, u l-ħsibijiet soċjali kellhom rwol biss fil-limiti imposti mil-leġiżlazzjoni.

(95)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet injorat ċerta kontraevidenza ssuġġerita mill-Muniċipalità ta’ Milan, jiġifieri l-fatt li l-impenji allegatament mogħtija fil-ftehim mal-unjons tas-26 ta’ Marzu 2002 qatt ma kienu ġew applikati, u l-perjodu limitat ta’ żmien ta’ dawk l-impenji.

(96)

Il-Kummissjoni allegat li l-Muniċipalità kienet eżerċitat superviżjoni; SEA ddikjarat li kellha l-indipendenza sħiħa fejn jidħlu l-ġestjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, u li hija eżerċitat dik l-indipendenza liberament, mingħajr ebda influwenza fuqha mill-Muniċipalità jew mill-Provinċja ta’ Milan. Il-ġestjoni korporattiva kienet ir-responsabbiltà esklużiva tad-diretturi, u entitajiet esterni (pereż. azzjonisti li jikkontrollaw) ma setgħux jeżerċitaw is-setgħat u l-funzjonijiet tad-diretturi. Anki kieku wieħed kellu jissoppopni, purament f’ġieh l-argument, li l-azzjonist maġġoritarju pubbliku jista’ ordinarjament jeżerċita influwenza effettiva fuq id-deċiżjonijiet tal-korpi li jmexxu lil SEA, il-konsiderazzjoni kruċjali sabiex turi li kien hemm l-imputabbiltà għall-finijiet tas-sentenza Stardust Marine ma kinitx l-istruttura organizzattiva iżda l-interferenza attwali fid-deċiżjonijiet li dwarhom hemm kwistjoni.

(97)

Skont SEA, il-Kummissjoni kellha tieħu kont akbar tal-pożizzjonijiet kontrastanti li ħarġu fil-laqgħa tal-Kunsill Muniċipali ta’ Milan fis-16 ta’ Ġunju 2003, li l-minuti tiegħu b’mod inekwivoku juru l-awtonomija deċiżjonali tal-kumpanija, fuq naħa waħda meta l-kunsillieri muniċipali rrikonoxxew ir-rifjut ta’ SEA li tipprovdi tagħrif klassifikat li kien qed jiġi diskuss f’negozjati mal-unjons, u fuq in-naħa l-oħra fid-dawl taċ-ċaħda ta’ mozzjoni li kienet titlob lill-Eżekuttiv Muniċipali jitolbu lil SEA tippreżenta pjan ta’ negozju: mhux biss din il-mozzjoni kienet tiġi approvata, iżda qatt ma kien ikun hemm xi bżonn li titressaq, li kieku l-Muniċipalità ta’ Milan attwalment kienet teżerċita, jew kieku kienet konxja li tista’ teżerċita, l-influwenza li l-Kummissjoni jidher li trid tattribwilha.

(98)

Rigward ir-“riżenji vojta”, SEA żiedet mad-dikjarazzjonijiet li saru mill-Muniċipalità ta’ Milan li fil-laqgħa ġenerali ta’ SEA fl-24 ta’ Frar 2006, iil-president tal-bord tal-awdituri ta’ SEA kien ikkonferma li l-ebda wieħed mill-membri tal-bord ma kien intalab jiffirma tali ittri. It-tweġibiet kollha mogħtija f’dik il-laqgħa fir-rigward tar-riżenji vojta kienu evidenza ċara kontra t-teorija li kien hemm relazzjoni ta’ dipendenza partikolari fuq il-Muniċipalità ta’ Milan. Barra minn hekk, kif iddikjarat mill-president ta’ SEA fl-istess laqgħa, il-bord tad-diretturi ma kkonformax mat-talba tal-azzjonist biex jitqassam dividend ta’ bejn EUR 250 miljun u EUR 280 miljun, u minflok stabbilixxa l-ammont disponibbli għal EUR 200 miljun, biex b’hekk ħa deċiżjoni kontra x-xewqat tal-Muniċipalità u li turi li l-kumpanija ma kinitx influwenzata mill-eżistenza ta’ dawn l-ittri.

(99)

Fl-aħħar nett, l-akkużi li l-bord tad-diretturi ta’ SEA kien dipendenti fuq il-Muniċipalità ta’ Milan, li kienu rrappurtati fil-midja, kienu saru fl-2006, u bl-ebda mod ma huma prova ta’ xi influwenza eżerċitata mill-Muniċipalità fuq SEA qabel dik is-sena. Fil-fatt ma kien hemm l-ebda raġuni biex wieħed jissoponi li kienet teżisti xi influwenza bħal din, la l-Kummissjoni ma setgħet tipproduċi l-ebda evidenza soda f’dan is-sens li tkun tikkunsidra s-sekwenza tal-avvenimenti.

L-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat

(100)

SEA fakkret li fil-kawżi Alfa Romeo (25) u ENILanerossi (26) l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li hekk kif azzjonist privat jista’ raġonevolment jissottoskrivi l-kapital meħtieġ biex jiżgura s-sopravivenza ta’ kumpanija li tkun qed tesperjenza diffikultajiet temporanji iżda li tkun kapaċi terġa’ tikseb il-profitabilita, possibilment wara riorganizzazzjoni, hekk ukoll tista’ kumpanija possedenti tiddeċiedi li ġġarrab it-telf ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha għal raġunijiet oħra għajr dawk tal-kisba ta’ redditu fuq l-investiment fuq perjodu qasir ta’ żmien. F’ENILanerossi, il-Qorti indikat li f’għajnejn investitur privat li jkun qed jirsiti biex jilħaq l-għan ta’ profitabbiltà għat-tul (u mhux biss finanzjarja), it-trasferiment ta’ kapital lejn sussidjarja li tkun qed tagħmel it-telf jista’ jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet bħall-probabbiltà ta’ profitt materjali indirett mill-investiment, il-prospetti li s-sussidjarja titneħħa b’kundizzjonijiet aħjar, jew ix-xewqa li titħares l-immaġini tal-grupp jew biex tingħata direzzjoni ġdida lill-attivitajiet tagħha.

(101)

Fil-każ inkwistjoni, SEA qieset li f’għajnejn investitur privat il-kumpens tat-telf ta’ SEA Handling jista’ jiġi validatament ġustifikat mhux biss bil-preżenza ta’ pjan strateġiku u ta’ programm ta’ ristrutturar bi prospetti tajba ta’ profitti fit-tul, iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet oħra apparti sempliċement dawk li jolqtu r-redditu finanzjarju fuq l-investiment, kunsiderazzjonijiet li joħorġu mir-responsabbiltà speċjali li għandha SEA bħala operatur tal-ajruport u mill-immaġni tagħha, meta wieħed iżomm f’moħħu li fl-ebda mument il-kumpens intern ma kien jimponi xi dejn speċifiku jew piż finanzjarju fuq il-grupp, li fil-fatt kien qed jiġġenera profitt nett sinifikanti.

(102)

Barra minn hekk, SEA ddikjarat li d-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħha ma kinux neċessarjament ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ profitt immedjat, ħaġa li tista’ tiggwida d-deċiżjonijiet, possibbilment spekulattivi, ta’ azzjonist minoritarju bla setgħat ta’ kontroll, jew ta’ azzjonist ta’ kontroll li jkun motivat esklussivament minn xewqa li jikseb profitt massimu mis-servizzi ta’ appoġ għall-ground handling meħuda f’iżolament, iżda pjuttost fuq kunsiderazzjonijiet ferm usa’ diretti lejn l-objettiv li jiġu mmassimizzati l-profitti globali fit-tul tal-grupp SEA.

Il-kuntest tal-miżuri

(103)

SEA saħqet li l-Kummissjoni ma setgħetx ma tqisx il-kuntest regolatorju li fihom sar il-kumpens tat-telf. Il-qafas regolatorju ġġenera l-pressjoni kompetittiva li taħtha kienet qed topera SEA u l-obbligi li bihom hija kienet marbuta, u kellu impatt fuq id-deċiżjonijiet industrijali tagħha u fuq ir-riżultati miksuba bħala riżultat ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Madankollu, peress li l-miżuri kkontestati ġew implimentati fil-perjodu immedjatament wara l-adozzjoni tad-Direttiva 96/67/KE, li kellha l-għan li jiġi liberalizzat is-settur, u tat-traspożizzjoni tagħha fil-livell domestiku, SEA rrimarkat li mill-1996 kienet ħalliet fornitur ta’ servizzi ta’ ground handling (ATA Handling) fl-ajruporti tagħha.

(104)

Hija ġibdet l-attenzjoni wkoll li l-Italja kienet għażlet liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tas-servizzi tal-ground handling, bil-kundizzjoni unika tkun li l-awtorità superviżorja l-ENAC tkun intitolata timponi restrizzjonijiet temporanji fuq in-numru ta’ fornituri tas-servizz, sakemm ikollha raġunijiet validi. L-ENAC kienet iċċertifikat 246 fornitur li 84 minnhom kienu awtorizzati biex joperaw f’Linate u f’Malpensa, u SEA kkunsidrat li l-ENAC kienet b’hekk ħolqot konġestjoni fis-suq tas-servizzi tal-ground handling f’ċerti ajruporti Taljani. L-opzjoni magħżula mill-Italja kienet tiffavorixxi d-dħul ta’ bosta operaturi, iżda t-tendenza tas-suq kienet lejn tnaqqis fl-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ground handling li joperaw f’kull ajruport. Dan kien ikkonfermat mir-regoli approvati riċentament mill-ENAC, li introduċiet rekwiżiti aktar stretti minn dawk li kienu japplikaw qabel għaċ-ċertifikazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi bħal dawn, sabiex tiġi żgurata għażla aktar bil-għaqal ta’ operaturi, li mbagħad ikunu mistennija jiggarantixxu servizzi b’livelli ogħla ta’ kwalità u sigurtà. SEA ressqet l-argument li l-għażliet magħmula f’pajjiżi oħra Ewropej marru fid-direzzjoni opposta, sabiex tiġi evitata pressjoni kompetittiva eċċessiva u għalhekk żbilanċ fil-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-fornituri minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet tagħhom.

(105)

Fil-kuntest kompetittiv dejjem jiżviluppa, SEA ddikjarat li d-deċiżjoni biex tinqasam il-kumpanija ittieħdet fid-dawl tal-mudell kummerċjali strateġiku tagħha, li dak iż-żmien kien ibbażat fuq l-użu tal-ajruport ta’ Malpensa bħala ċentru, bi ħtieġa għall-kontroll, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tas-servizzi ta’ ground handling (fuq l-eżempju ta’ mudell simili għal dawk tal-ajruporti ta’ Frankfurt u Vjenna).

(106)

SEA insistiet li fl-analiżi tal-loġika ekonomika tad-deċiżjonijiet tagħha, kellha tingħata kunsiderazzjoni għan-natura tas-suq tas-servizzi ta’ ground handling. L-ewwel nett, in-negożju tal-ground handling kellu marġni ta’ profitt baxx ħafna, fattur amplifikat bil-liberalizzazzjoni tas-suq: il-profitabilità kienet dgħajfa meta s-servizz ma kienx saħansitra qed jiġi pprovdut b’telf. L-operaturi li l-aktar sabuha faċli biex jagħmlu profitt, anki jekk biss wieħed baxx, normalment kienu dawk li kellhom netwerk, spiss wieħed internazzjonali, li permezz tiegħu kienu jkunu jistgħu jifirxu r-riskju kummerċjali fost diversi siti ta’ operazzjoni. Pereżempju, preżenza f’diversi ajruporti tippermetti lil operatur li jikkumpensal-kosti li jeħel f’pajjiżi li jkollhom rekwiżiti regolatorji jew kuntrattwali aktar stretti fejn jidħlu l-ġestjoni tal-forza lavorattiva kontra kosti orħos imġarrba f’pajjiżi fejn ir-regoli kienu aktar flessibbli. L-operaturi li rnexxielhom jiksbu marġni pożittivi b’mod ġenerali kienu dawk li kellhom netwerk internazzjonali u li kisbu sinerġiji sostanzjali permezz ta’ kuntratti esklussivi globali, amministrazzjoni unika, ċentralizzata, ekonomiji ta’ skala fl-investimenti tagħhom, ishma tas-suq li kienu żgħar iżda ħafna drabi marbuta ma’ trasportatur wieħed ta’ referenza jew ħinijiet tax-xogħol speċifiċi, u ekonomiji ta’ skala akkwistati bl-għoti tas-servizz lil trasportatur partikolari f’bosta ajruporti.

(107)

Is-suq kien eteroġenju mill-perspettiva tal-provvista peress li s-servizzi ta’ ground handling jistgħu jiġu pprovduti minn entitajiet ta’ tipi, kapaċitajiet, responsabbiltajiet u oqsma ta’ attività differenti: l-operaturi tal-ajruport b’kontijiet separati, l-operaturi tal-ajruport bi strutturi ta’ negozju li joperaw b’mod separat, fornituri esterni tas-servizzi (li mbagħad ikunu jistgħu jinqasmu f’netwerks domestiċi jew internazzjonali u SMEs), jew linji tal-ajru li jipprovdu s-servizzi tagħhom stess ta’ ground handling.

(108)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax ma tikkunsidrax il-funzjonament u l-iżvilupp ġenerali tas-suq tal-ground handling u ma tqabbilx il-progressjoni ta’ SEA Handling ma’ dik ta’ operaturi paragunabbli. Mil-lat tal-iżvilupp ġenerali tas-suq, peress li l-marġnijiet tal-profitt kienu baxxi ħafna, SEA ikkunsidrat li, quddiem sitwazzjoni ta’ żbilanċ negattiv gravi f’termini ta’ produttività mid-diviżjoni tan-negozju, kif ukoll ta’ żbilanċ serju f’termini tal-istruttura tal-kosti tagħha, b’sitwazzjoni ta’ suq u ta’ klima ekonomika ġenerali partikolarment diffiċli, il-gwandann fil-profitabbiltà ma setax jiġi b’miraklu jew jiġi f’daqqa, u ma kien ikun hemm l-ebda sorpriża jekk il-qafas ta’ żmien stabbilit inizjalment jiġi estiż.

(109)

Għaldaqstant, SEA ikkontestat l-argument li, minħabba l-impossibilità li jiġi assoribit it-telf ta’ SEA Handling fil-previżjoni ta’ tliet -snin, SEA kellha tirrevedi l-istrateġija tagħha u tinqata’ mid-diviżjoni tagħha tal-ground handling. SEA tisħaq li hija ma setgħetx toqgħod terġa’ tiftaħ id-diskussjoni dwar id-deċiżjonijiet tagħha kull sena: il-ground handling, bħas-setturi ekonomiċi kollha konnesi mal-ajruporti, ikkalkolati f’perjodi ta’ snin, u l-validità tad-deċiżjonijiet, jistgħu jiġu evalwati sew biss fuq perjodu ta’ żmien twil.

(110)

Rigward it-tqabbil tal-prestazzjoni ekonomika ta’ SEA Handling ma’ dik ta’ operaturi oħrajn, SEA ssuġġerit li operatur tassew paragunabbli kellu jkun operatur ta’ ajruport li jipprovdi servizzi ta’ ground handling permezz ta’ kumpanija separata, u l-unika operatur bħal dan kien […]. Fil-perjodu 2004-2006, […] kien irrapporta li ġarrab telf fin-negozju tiegħu tal-ground handling, u r-riżultati negattivi komplew fis-snin sussegwenti u kien jidher li dawn hekk se jibqgħu fil-futur qrib.

(111)

Minħabba l-mudell kummerċjali tagħha bħala ajruport ċentrali, jew “hub”, SEA kellha bżonn ta’ operatur kapaċi jipprovdi s-servizzi kollha neċessarji ta’ ground handling bi standards ta’ kwalità għolja. Kienet biss SEA Handling li setgħet tilħaq dawn ir-rekwiżiti, peress li l-ebda wieħed fost l-oħrajn fis-suq ma kellu r-riżorsi materjali, ir-riżorsi ekonomiċi u fuq kollox ir-riżorsi umani meħtieġa biex jiggarantixxi l-provvista tas-servizzi kollha mitluba b’dan il-mudell.

(112)

Apparti l-interessi tagħha stess, SEA kellha obbligu legali, fis-sens li r-regolamenti nazzjonali jżommu responsabbli lill-operatur tal-ajruport fil-każ ta’ xi nuqqas fil-provvista ta’ servizzi ta’ ground handling.

(113)

Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq fl-Italja imponiet piżijiet itqal fuq l-operatur tal-ajruport, milli altrimenti kien ikollu jġorr f’suq li jkun biss parzjalment miftuħ. L-operatur tal-ajruport kellu l-obbligu u responsabbiltà lejn l-awtorità superviżorja li jżomm task forces speċjali kapaċi li jiżguraw servizz kontinwu fil-każ ta’ emerġenzi jew ġrajjiet mhux mistennija. Ma kellu l-ebda mezz kif seta’ jimponi obbligi ta’ servizz kontinwu fuq operaturi ġodda, filwaqt li wieħed jista’ jikkunsidra li jkun hemm it-tali obbligi fi speċifikazzjonijiet tal-offerta użati f’xi proċedura tal-għażla bħala parti minn liberalizzazzjoni parzjali.

Ir-razzjonalità ekonomika tal-imġieba ta’ SEA

(114)

SEA ressqet l-argument li s-separazzjoni u trasferiment sussegwenti tal-attivita tal-ground handling lil sussidjarja, SEA Handling, twettqet f’konformità mal-liġi tal-Unjoni Ewropea, u bil-ħsieb li tinkiseb liberalizzazzjoni bl-aħjar termini possibbli, b’mod li jinkiseb il-massimu tal-opportunitajiet għall-iżvilupp li toffri għat-tul. Is-separazzjoni kienet maħsuba biex tippermetti lil SEA timplimenta aħjar il-politiki meħtieġa biex titjieb l-effiċjenza u l-produttività taż-żewġ kumpanniji, filwaqt li fl-istess ħin tinħataf kull opportunità biex jinkisbu alleanzi ma’ msieħba esterni.

(115)

SEA tistqarr li l-effett kollaterali tal-attivitajiet ta’ ground handling wassal għal żieda fil-kosti tagħha, minħabba l-obbligu li kellha fir-rigward tal-ġestjoni ta’ emerġenzi u ta’ avvenimenti mhux mistennja. Bħala eżempju, l-iffrankar li għamlet bis-saħħa tal-ekonomiji ta’ skala li jirriżultaw mill-abbiltà tagħha li tuża’ l-kost marġinali tal-persunal ta’ SEA Handling għat-tkomplija tas-servizz, minflok ma jinġarr il-kost tal-istabbiliment u l-manteniment ta’ grupp speċjalizzat, ammonta għal EUR 10,7 miljun fl-2003 u EUR 8,7 miljun fl-2010.

(116)

SEA saħqet li sa mill-bidu SEA Handling kellha struttura ta’ kosti tqila ħafna, b’piżijiet straordinarji u l-kompitu speċifiku li bil-mod il-mod is-servizzi ta’ ground handling l-ewwel isiru sostenibbiltà u mbagħad ikunu jistgħu jagħmlu l-profitt. Sa mill-bidu, għalhekk, SEA kienet impliment ristrutturar u l-programm ta’ rkupru intensi bil-għan, jekk possibbli, li jiġi identifikat sieħeb strateġiku li jkun jista’ jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(117)

F’Mejju 2001, SEA nediet proċedura kompetittiva ta’ offerti bl-iskop li jintgħażel operatur wieħed jew aktar li jkunu interessati jixtru sehem minoritarju f’SEA Handling – proċedura li fiha pparteċipa għadd kbir ta’ operaturi ewlenin fl-industrija. Wara analiżi tal-kredenzjali u l-offerti ta’ kumpaniji interessati, fl-istess sena, SEA daħlet f’negozjati ma’ […], li kienet tefgħet l-aktar offerta vantaġġuża ta’ sħubija. Għalkemm in-negozjati kienu waslu fi stadju avvanzat, u kien tfassal pjan ta’ rilanċ għal SEA Handling, il-bord tad-diretturi ta’ SEA, fil-laqgħa tiegħu fl-10 ta’ Settembru 2002, iddeċieda li ma jaċċettax l-offerta tal-operatur, peress li qiesha bħala […]. SEA rrikonoxxiet li l-falliment ta’ dawk in-negozjati kkomprometta l-vijabbiltà tal-mira tagħha li SEA Handling terġa’ ssir profitabbli fiż-żmien inizjalment propost, mira li biex tintlaħaq kien importanti li jinstab sieħeb strateġiku minoritarju.

(118)

F’April 2008 SEA nediet proċedura ġdida ta’ bejgħ parzjali ta’ SEA Handling, li għad trid tiġi konkluża, minkejja interess inizjali minn operatur internazzjonali ewlieni.

(119)

SEA enfasizzat li l-programm ta’ rkupru ta’ SEA Handling kien ibbażat primarjament fuq il-mudell kummerċjali ta’ ajruport ċentru, kif magħżul mill-grupp, u kellu medda ta’ żmien medja/twila li tippermetti redditu ekonomiku xieraq fuq l-impenji finanzjarji meħtieġa biex twettaq tali attività. SEA indikat li d-Direttiva 96/67/KE tiddikjara li meta l-għadd tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ground handling ikun limitat, il-fornituri jridu jintgħażlu, permezz ta’ proċedura xierqa, għal seba’ snin, biex b’hekk b’mod impliċitu ikun qed jiġi rikonoxxut li perjodi iqsar ta’ żmien ma jkunux suffiċjenti biex jinkisbu skedar organizzattiv adegwat, u r-rendiment ekonomiku konsegwenti.

(120)

Speċifikament, il-programm kien jikkonsisti f’miżuri biex titjieb il-produttività tal-ħaddiema u biex jitnaqqsu ftit ftit il-kosti tal-persunal. Dawn l-objettivi kellhom jinkisbu kemm billi jittieħdu miżuri kwalitattivi, li jindirizzaw il-mod kif isiru l-attivitajiet ta’ ground handling, kif ukoll permezz ta’ kwantitattivi, li jolqtu l-għadd ta’ membri tal-persunal. Fl-ewwel post il-pjan ta’ ristrutturar ġie ingranat mal-pjan ta’ negozju konsolidat tal-grupp SEA għall-2002-2006, li fassal il-qafas tal-istrateġija u l-objettivi tal-grupp u l-miżuri li kellhom jiġu adottati sabiex is-servizzi tagħha ta’ ground handling ikunu jistgħu jerġgħu jsiru profitabbli. Minn hemm ‘il quddiem, il-pjan ta’ negozju 2003-2007 ta’ SEA Handling, adottat fid-29 ta’ Lulju 2003, kien jipprovdi għal programm ta’ ristrutturar bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi, l-istrutturi u r-riżorsi umani li jikkonċernaw il-ground handling. SEA ttamat li s-servizz tagħha tal-ground handling setgħu jerġgħu jsiru profitabbli fi żmien tliet snin, jiġifieri, sal-2005, jew sa mhux aktar tard mill-2007.

(121)

Għalhekk SEA kkontestat l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-pjan ta’ negozju konsolidat tal-grupp ma jagħtix deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li SEA kellha l-ħsieb li tadotta biex tirriorganizza SEA Handling, u li ma kienx hemm pjan ta’ negozju biżżejjed dettaljat speċifiku għal SEA Handling li jistabbilixxi l-istrateġija biex il-kumpanija tiffranka u l-passi li bihom l-istrateġija kellha tiġi implimentata.

(122)

SEA qieset li t-titjib fl-indikaturi ekonomiċi ewlenin bejn l-2003 u l-2004 kien inkoraġġanti u wera kemm kienu validi l-azzjonijiet ta’ SEA. Ir-ritorn għall-profitabilità sal-2005 previst fil-pjan ta’ negozju 2003-2007 ittellef minn sensiela ta’ fatturi li kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ SEA Handling. Fost dawn, SEA issemmi l-firxa tas-SARS bejn l-2002 u l-2003; l-bidu tal-gwerra fl-Iraq fl-2003 u t-theddida dejjem tikber tat-terroriżmu internazzjonali; pressjoni aktar qawwija biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-ground handling fl-2006, wara l-wasla ta’ operaturi ġodda fl-ajruport ta’ Malpensa, partikolarment Aviapartner, li rriżultaw f’reviżjoni negattiva ta’ diversi kuntratti, inkluż dak mal-Alitalia (- 6 % tal-prezz tal-unità); id-“de-hubbing” tal-ajruport Malpensa ta’ Milan deċiż mill-Alitalia fl-2007, li l-effetti sħaħ tiegħu bdew jinħassu minn April 2008; u s-sħaba tal-irmied mill-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull fl-2010.

(123)

Fid-dawl tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ SEA Handling bejn l-2006 u l-2007, u wara d-de-hubbing tal-Alitalia, SEA kellha tiddeċiedi żżommx il-mudell kummerċjali tagħha, f’liema każ kien ikollha tadatta u taġġorna l-programm għar-rilanċ ta’ SEA Handling. Fl-2007 SEA finalment iddeċidiet li tiffoka fuq il-ħolqien ta’ mudell “self-hub” jew “virtual hub”, u kkonfermat id-deċiżjoni strateġika li tissokta bl-irkupru u r-ristrutturar ta’ SEA Handling, filwaqt li tenniet l-importanza tas-servizzi ta’ ground handling għall-pjanijiet industrijali tagħha, bħal fil-mudell preċedenti. Id-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq ir-riżultati diġà miksuba f’termini ta’ produttività lavorattiva u tnaqqis tal-persunal, fuq il-fatt li l-esperjenza tal-imgħoddi wriet li kien possibbli jkun hemm ritorn għall-profitabbilità, u fuq il-kunsiderazzjoni li kwalunkwe soluzzjoni oħra, inkluż l-esternalizzazzjoni, kompliet tqajjem l-istess kontraindikazzjonijiet li kienu ġew evalwati fl-2003.

(124)

Il-kopertura tat-telf kien dejjem iġġustifikat, għaliex l-użu ta’ operaturi minn barra biex jipprovdu ċerti attivitajiet ta’ servizz kontinwu la kienet ekonomikament rakkomandabbli (minħabba l-ispiża ogħla ta’ servizzi esternalizzati meta mqabbel mas-sinerġiji li jistgħu jinkisbu internament) u lanqas prattikabbli (minħabba n-nuqqas ta’ operaturi minn barra li jkunu jistgħu jipprovdu sett komprensiv ta’ servizzi ta’ ground handling, u l-affidabbiltà baxxa u l-kwalità tas-servizzi pprovduti f’diversi okkażjonijiet mill-operaturi li jaħdmu fl-ajruport ta’ Milan).

(125)

Fir-rigward tal-prattiċità tas-servizzi offruti minn operaturi minn barra, SEA issostni, l-ewwel nett, li filwaqt li xi operaturi minn barra kienu kisbu ċ-ċertifikazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milan, bħal fil-każ ta’ Aviapartner, fl-2006 u wara, is-sitwazzjoni reali kienet pjuttost differenti. Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni standardizzata segwita mill-ENAC ma kinetx adegwata, għaliex ħafna drabi kienet ibbażata fuq jekk il-fornitur tal-ground handling kienx jissodisfa ċerti rekwiżiti ddikjarati f’termini tal-grupp kollu kemm hu, aktar milli l-kapaċità attwali li l-kumpanija setgħet tiggarantixxi f’xi ajruport partikolari. Bħala operatur tal-ajruport, SEA kellha tkun involuta fil-proċedura ta’ ċerfitikazzjoni ta’ fornitur tas-servizz ta’ ground handling, b’tali mod li ma kienx ikollha għalfejn issofri direttament il-konsegwenzi ta’ fallimenti jew ineffiċjenzi tas-servizzi min-naħa ta’ operaturi minn barra, mingħajr ma jkollha s-setgħa li tippenalizzahom. Taħt ir-regolamenti l-ġodda tal-ENAC tad-19 ta’ Jannar 2011, il-maniġer tal-ajruport kellu jagħti opinjoni motivata dwar ir-regolarità tal-proċedura u dwar l-istandards għal fornituri.

(126)

It-tieni, l-ebda operatur minn barra ma kien attwalment kapaċi joffri s-sett sħiħ ta’ servizzi, peress li l-istrateġija kummerċjali tagħhom kienet iffokata fuq is-servizzi li l-aktar iħallu profitt.

(127)

It-tielet, l-operaturi li jaħdmu fl-ajruporti kellhom dejn konsiderevoli ma’ SEA Handling, li spiss kellha tintervjeni f’emerġenzi biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tagħhom, u li finalment kienet iddeċidiet li tirrikorri għal mezzi legali biex tirkupra dak li kellha tieħu.

(128)

Ir-raba’, kuntrarju għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, il-kompetituri ewlenin li bħalissa qegħdin joperaw fl-ajruporti ta’ Milan, ATA Handling u Aviapartner, ma kinux għamlu profitti. ATA Handling kellha telf bejn l-2003 u l-2005 li, skont SEA, kienu l-akbar fuq l-ajruporti ta’ Milan. Aviapartner kienet għamlet profitti madwar in-netwerk tal-ajruporti li fih kienet topera, iżda SEA rat li kien hemm probabbiltà li l-kumpanija kienet irreġistrat telf fuq is-servizzi li kienet qed tipprovdi fl-ajruporti ta’ Milan.

(129)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tar-rizultati finanzjarji ta’ SEA Handling ir-riżultati finanzjarji, li, skont l-argumenti li tressqu, seta’ wassal għal deċiżjoni differenti, SEA enfasizzat li fis-settur tal-ground handling l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ negozju jistgħu jiġu evalwati biss fuq medda twila ta’ żmien u li, konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ SEA ma setgħetx raġonevolment tinbidel wara biss ftit snin, b’mod partikulari fid-dawl tar-riżultati inkoraġġanti miksuba fl-ewwel tliet snin, li kellhom effetti pożittivi, li ġew kompromessi biss minn avvenimenti li seħħew sussegwentement barra l-grupp SEA.

(130)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-arranġamenti tal-kontabilità, SEA ddikjarat li r-riżultati ta’ SEA Handling ma rċevewx is-sussidju għas-servizzi tal-groundhandling li seta’ jingħata billi jiġi allokat in-negozju lis-sussidjarja li tħallas skont skala ta’ rati aktar profittabbli, aktar milli bi prezzijiet tas-suq, kif kien il-każ ma’ operaturi Ewropej oħra. SEA Handling kienet ukoll l-uniku fornitur ta’ servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milan li regolarment ħallas lill-operatur tal-ajruport id-dritt għall-użu tal-faċilitajiet komuni; kieku SEA Handling, bħall-operaturi l-oħra li jaħdmu fl-ajruporti ta’ Milan, kellha ma tħallasx dan id-dritt, il-kontijiet ta’ SEA Handling kienu jkunu diġa pożittivi (fl-2011). Fl-aħħar nett, il-kontijiet għal servizzi ta’ ground handling ma kinux jinkludu introjti ġejjin mill-ġestjoni tal-infrastruttura ċentralizzata, kif ġara fil-każ ta’ operaturi paragunabbli. L-inklużjoni ta’ dawn l-attivitajiet b’rati stabbiliti fil-kontijiet ta’ SEA Handling tiġġenera introjtu addizzjonali annwali ta’ madwar EUR 70 miljun. SEA ċċitat l-eżempju ta’ […], li fil-kontijiet tagħha tas-servizzi ta’ ground handling inkludiet introjti ġejjin minn “ġestjoni ċentralizzata tal-infrastruttura”, partita li la kienet tidher fil-lista komprensiva ta’ servizzi ta’ ground handling li jinsabu fl-Anness A tad-Direttiva 96/67/KE, u lanqas fil-Ftehim Standard tal-IATA dwar il-Groundhandling. Kieku aġixxiet bl-istess mod fil-perjodu 2005-2009, SEA kienet tikseb marġni gross operattiv ta’ bejn -EUR 9 miljun u +EUR 8 miljun (meta mqabbel ma’ total attwali ta’ bejn -EUR 42,5 miljun u -EUR 23,2 miljun), li kien inaqqas it-telf operattiv b’medja ta’ 100 %.

(131)

SEA ddikjarat li sal-2012 is-servizzi tagħha ta’ ground handling kienu jerġgħu jsiru profitabbli bis-saħħa tal-perseveranza fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tagħha, li wera li kien prudenti u konsistenti mal-imġieba li kienet tkun mistenni minn investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq. SEA tista’ tkun kapaċi terġa tkompli tfittex sieħeb strateġiku għall-ground handling, pereżempju, sabiex tiżviluppa n-negozju tagħha stess fis-settur, fl-ajruporti ta’ Milan u fi bnadi oħra, u potenzjalment anki sabiex tespandi n-negozju tagħha lejn servizzi speċjalizzati li għadha ma tipprovdix.

(132)

Ħafna mill-operaturi tal-ajruport ta’ tip komparabbli ta’ negozju, inklużi impriżi akbar bħal […], kienu b’mod espliċitu eskludew kwalunkwe intenzjoni li jirtiraw mis-servizzi ta’ groundhandling, anki jekk xi drabi kienu ġew imħeġġa jagħmlu dan minn analisti finanzjarji, biex b’hekk ġiet ikkonfermata l-validità ta’ dan il-mudell kummerċjali.

5.2.   […]

(133)

[…] irrimarkat li l-industrija tal-groundhandling ġeneralment iġġenerat profitti minkejja l-marġni mnaqqsa. Il-kosti tal-persunal kienu jiffurmaw parti sinifikanti tal-kosti ta’ kull operatur, probabbilment x’imkien bejn 60 u 70 % tal-introjtu, u kien għalhekk vitali li jinżamm kontroll mill-qrib ta’ operazzjonijiet li jużaw sistemi ta’ ppjanar speċifiċi.

(134)

Kien hemm ekonomiji ta’ skala fis-settur: il-kost għal kull passiġġier naqset hekk kif l-għadd ta’ passiġġieri żdied. L-aqwa livell ta’ kost għal kull passiġġier intlaħaq meta kienu qed jiġu ġestiti 8-9 miljun passiġġier fis-sena, u SEA Handling faċilment qabżet dan il-livell, billi ġġestiet madwar 22 miljun passiġġier fiż-żewġ ajruporti b’sehem fis-suq li kien dejjem akbar minn 70 %.

(135)

[…] ċċitat lil SAGAT Handling bħala eżempju ta’ impriża li kienet profitabbli fuq is-suq, li ġġestiet madwar 2,5 miljun passiġġier fl-2009 b’kosti tal-persunal ekwivalenti għal madwar 55 % tal-fatturat tagħha. Hija ċċitati ukoll lil Fraport Ground Services Austria, lil Swissport u lil Menzies.

(136)

Il-kawża ewlenija tal-profitabilità baxxa ta’ SEA Handling kienet il-kost għoli tagħha fejn jidħol il-persunal, li konsistentement kienu qed jaqbżu l-85 % tal-fatturat tagħha bejn l-2002 u l-2008, piż li […] qieset bħala insostenibbli. […] dehrilha li dan huwa partikolarment sorprendenti peress li SEA Handling dehret li kellha aċċess għall-fond tas-sensji magħruf bħala cassa integrazione.

(137)

Ma setgħetx tiġi eskluża l-possiblità li SEA Handling setgħet kienet irċeviet għajnuna f’xi forom oħrajn. […] ssuġġerit li s-servizzi ta’ SEA Handling ta’ push-back, ta’ irmunkar, ta’ tneħħija tas-silġ, u ta’ trasport ta’ passiġġieri fuq l-art fl-ajruport kienu pprovduti minn SEA, filwaqt li SEA Handling biegħet dawn is-servizzi lill-klijenti tagħha. […] esprimiet dubji dwar kemm huma regolari l-operazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward ta’ ħruġ ta’ kontijiet ta’ dawn is-servizzi lil SEA Handling.

(138)

Bl-istess mod, jista’ jkun li SEA qed tagħti appoġġ ulterjuri lil SEA Handling billi tipprovdilha l-persunal tagħha stess. Jekk SEA Handling ma kinitx qed tħallas kif suppost għas-servizzi li tieħu, seta’ kien il-każ li din kienet qed tirċievi għajnuna illegali.

(139)

Jista’ jkun li SEA qed tagħti għajnuna lil SEA Handling billi tagħmel offerti kkombinati lil-linji tal-ajru billi tipproponilhom tnaqqis jekk jieħdu servizzi mingħand SEA Handling. Minn rapporti fil-gazzetti […] osservat li kull meta SEA attirat linja tal-ajru ġdida s-servizzi ta’ ground handling kienu kważi dejjem jiġu pprovduti minn SEA Handling.

(140)

Fl-aħħar nett, […] ftehim kollettiv bejn fornituri ta’ servizzi ta’ ground handling, u t-trejdunjons. Dan il-ftehim kien japplika għall-persunal kollu tal-fornituri ta’ servizzi ta’ ground handling. Kienet biss SEA li kompliet tapplika l-ftehim kollettiv tagħha stess, li kien inqas favorevoli għal SEA kemm ekonomikament kif ukoll legalment u kemm fuq żmien qasir kif ukoll fuq medda ta’ żmien twil: din kienet għażla mhux konsistenti mal-politika dikjarata bħala iffokata fuq it-tnaqqis tal-kosti.

6.   L-OSSERVAZZJONIJIET MAGĦMULA MILL-AWTORITAJIET TALJANI BI TWEĠIBA GĦALL-KUMMENTI MRESSQA MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(141)

L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom stess b’reazzjoni dawk li għamlet […].

(142)

L-awtoritajiet Taljani sostnew li l-ewwel argument, imsejjes fuq l-idea li l-profitabbiltà ta’ kumpanija ta’ ground handling tiddependi fuq il-volum ta’ traffiku li tiġġestixxi u għalhekk fuq l-għadd ta’ passiġġieri li sservi, kien argument semplistiku li joħorġu minn evalwazzjoni astratta li ma tieħu l-ebda kont tal-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ SEA kienu ggwidati minn konsiderazzjonijiet ekonomiċi fit-tul. Din l-ekonomija ta’ skala ma kinitx fattur deċiżiv fil-prestazzjoni ekonomika ta’ kumpanija ta’ ground handling. B’mod aktar speċifiku, l-introjtu ta’ kumpanija bħal din ma kien relatat bl-ebda mod għall-għadd ta’ passiġġieri ġestiti, iżda jiddependi fuq l-għadd ta’ titjiriet servuti u t-tunnellaġġ tagħhom.

(143)

Għall-finijiet tat-test tal-investitur privat, il-kwistjoni ewlenija ma kinitx jekk il-kumpanija setgħetx kienet kapaċi tagħmel profitti li, għal kwalunkwe raġuni, bil-provi ma setgħetx tagħmel, iżda jekk l-azzjonist kellux interess ekonomiku sod li jinvesti fil-kumpanija bit-tama li jikseb redditu fuq l-investiment tiegħu, anke fuq perjodu twil, jew anki f’termini strateġiċi iktar minn dawk sempliċement finanzjarji. Għaldaqstant, il-fatt li l-azjenda kienet potenzjalment f’pożizzjoni li tiġġenera l-profitti jindika li kienet tgħaddi minn dan it-test.

(144)

L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw ukoll l-argument li sabiex isir profitt ma kienx biżżejjed li jiġi ġestit volum kbir ta’ traffiku. Huma enfasizzaw l-importanza ta’ operat fuq netwerk wiesa’ ta’ ajruporti, ħaġa li għaliha kienu diġà ġibdu l-attenzjoni fil-passat.

(145)

Fornitur ta’ servizzi ta’ ground handling li ma kienx marbut ma’ operatur ta’ ajruport, u li ma kellux pożizzjoni dominanti fis-suq f’xi ajruport speċifiku, seta’ jsegwi strateġija kummerċjali li tiffoka biss fuq is-servizzi li jqis bħala profitabbli. SEA Handling ma setgħetx issegwi strateġija bħal din: bħala sussidjarja tal-operatur tal-ajruport, minħabba l-obbligi tal-operatur tal-ajruport lejn l-awtorità regolatorja (ENAC) li jiżgura l-provvista kontinwa u effettiva tal-firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ ground handling elenkati b’mod eżawrjenti fid-Direttiva 96/67/KE fl-ajruport ta’ Linate u Malpensa, ma setgħetx tipprovdi biss is-servizzi li kienu l-aktar ekonomikament vantaġġużi, jew tipprovdi servizzi biss f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata.

(146)

L-awtoritajiet Taljani ma qablux mad-dikjarazzjoni li għadd kbir ta’ impriżi Ewropej ta’ ground handling kellhom marġini ta’ profitti sostanzjali. Fl-2009, is-seba’ l-akbar operaturi fis-suq Taljan irreġistraw telf (b’żieda ma’ SEA Handling dawn kienu Aviohandling, Flightcare, ATA Handling, Aviapartner, Marconi Handling u SAGA). Kienet biss SAGAT Handling, li għandha sehem żgħir ħafna fis-suq tal-ground handling Taljan, li għamlet profitt, u dan il-profitt kien wieħed żgħir.

(147)

Fi kwalunkwe każ, il-prestazzjoni ekonomika ta’ SEA Handling ma setgħetx titqabbal ma’ dik ta’ operaturi fis-settur fl-Italja jew fl-Ewropa, bħal SAGAT Handling Fraport Ground Services Austria, Swissport jew Mezies. Lanqas ma dawn l-argumenti kienu ta’ għajnuna fl-analiżi għall-finijiet tat-test tal-investitur privat; dak li wieħed kellu jsaqsi, pjuttost, huwa jekk kienx hemm operaturi oħra komparabbli ma’ SEA Handling li l-azzjonisti tagħhom, anke jekk privati, kienu ħadu deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ SEA. L-attivitajiet ta’ SAGAT Handling u ta’ SEA Handling jippreżentat livelli differenti ta’ kumplessità. Menzies Aviation u Swissport kienu impriżi indipendenti ta’ ground handling li joperaw fil-forma ta’ netwerk internazzjonali, u l-indikaturi ekonomiċi tagħhom ma setgħux jitqabblu b’mod affidabbli ma’ dawk ta’ SEA Handling għal raġunijiet diġà spjegat mill-awtoritajiet Taljani.

(148)

Tressaq l-argument li l-ispejjeż tal-persunal kellhom impatt eċċessiv fuq il-fatturat ta’ SEA Handling meta mqabbel mal-medja tal-industrija, u li dan kien evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mat-test tal-investitur privat; l-awtoritajiet Taljani sostnew li dan l-argument ma jqisx id-diversità bejn l-operaturi differenti. B’mod aktar speċifiku, l-operaturi li nħolqu wara s-separazzjoni tas-servizzi tal-ground handling minn dawk tas-servizzi ta’ ġestjoni tal-ajruport, bħal SEA Handling, kienu inevitabbilment se jesperjenzaw kosti lavorattivi ogħla meta mqabbla ma’ atturi ġodda, għall-inqas matul l-ewwel snin ta’ operazzjoni.

(149)

Fil-każ tas-sussidjarji ta’ operatur ta’ ajruport li joffri l-firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ ground handling, dan l-impatt medju tal-kosti għall-persunal fuq il-fatturat kellu jiġi stabbilit għal 70-75 %. Il-kost ogħla kien dovut għall-fatt li dawn l-impriżi jużaw persunal bi kwalifiki għolja b’għarfien estensiv tal-industrija u tar-regoli u l-proċeduri li bihom hija rregolata, u kienu kapaċi jipprovdu l-firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ ground handling. Bħala tali, l-azzjonist/l-operatur tal-ajruport, minkejja li jkun irid inaqqas ftit ftit l-impatt tal-kosti lavorattivi, jagħti aktar importanza għall-preżervazzjoni tal-ħiliet akkumulati u l-integrazzjoni ma’ servizzi ta’ ground handling, li t-tnejn li huma kienu ta’ valur strateġiku sinifikanti għall-grupp. L-awtoritajiet Taljani enfasizzaw ukoll li l-atturi l-ġodda fis-suq ma kinux affettwati minn kosti storiċi li jirriżultaw minn kuntratti li kienu jeżistu qabel.

(150)

L-awtoritajiet Taljani qalu li t-tibdiliet fl-impatt tal-kosti lavorattivi fuq il-fatturat kienu differenti ħafna minn dak li kien ġie deskritti minn […]: matul il-perjodu 2002-2011 il-moviment kien pożittiv, u laħaq ftit inqas minn 80 % fl-2010, b’xejra lejn il-medja għal operaturi indipendenti ta’ ground handling, li kienet ta’ ftit anqas minn 70 %.

(151)

Rigward il-forom suspettati ta’ għajnuna indikati minn […], l-awtoritajiet Taljani ċaħdu dak li qiesu bħala sempliċi suppożizzjonijiet li ma kellhom l-ebda bażi jew evidenza li ssostnihom.

(152)

Is-servizzi li għalihom SEA Handling tuża SEA (push-back, irmunkar, trasport fl-ajruport ta’ passiġġieri) kienu rregolati minn ftehimiet bi ħlas ma’ subkuntratturi, konklużi b’kundizzjonijiet tas-suq, kif muri kemm fil-ftehimiet mal-linji tal-ajru klijenti, kif ukoll fuq iċ-ċertifikat maħruġ mill-ENAC. L-aċċess għal dawk is-servizzi ġie pprovdut b’mod li ma jiddiskrimnax kontra xi operatur ieħor li jitlobhom, u l-esternalizzazzjoni ta’ ċerti servizzi kienet prattika komuni fl-industrija Taljana tal-ground handling.

(153)

L-affermazzjoni li SEA Handling użat b’xejn lill-persunal ta’ SEA għall-forniment ta’ servizzi ta’ ground handling ma kinitx ġustifikata, u meta s-servizzi ta’ ground handling kienu nqatgħu għalihom, il-ħiliet kollha meħtieġa għall-forniment ta’ tali servizzi kienu ġew allokati liċ-ċentri tal-kostijet ta’ SEA Handling.

(154)

Għar-rigward tal-allegata konċessjoni minn SEA ta’ kundizzjonijiet aktar favorevoli għal linja tal-ajru ġodda biex ikollhom aċċess għall-ajruport ta’ Milan (jiġifieri roħs) bil-kundizzjoni li dawn juru preferenza lil SEA Handling fuq il-kompetituri tagħha, l-awtoritajiet Taljani kkunsidraw din l-allegazzjoni bħala totalment bla bażi, mingħajr kwalunkwe prova u tabilħaqq il-fatti jikkontradixxuha, peress li trasportaturi ewlenin bħal Gulf Air f’Malpensa u Air Malta, Air Baltic u Carpatair f’Linate għażlu fornituri li kienu kompetituri ta’ SEA Handling.

(155)

Fl-aħħar nett, rigward l-applikazzjoni għall-impjegati ta’ SEA Handling tal-ftehim kollettiv ta’ negozjar aktar milli l-ftehim kollettiv ta’ negozjar il-ġdid speċifiku għall-ħaddiema fl-industrija tal-groundhandling, […], anke kieku kellu jirriżulta li dan kien aktar vantaġġuż minn ta’ qablu mil-lat ekonomiku kif ukoll mill-perspettiva regolatorja, l-awtoritajiet Taljani enfasizzaw fuq dan kollu li, irrispettivament mill-kontenut u l-applikazzjoni tal-ftehim in kwistjoni, l-oġġezzjoni li tqajmet kienet irrilevanti f’dawn il-proċedimenti, peress li kienet tikkonċerna avveniment li seħħ barra l-perjodu rilevanti.

(156)

Fi kwalunkwe każ, b’kunsiderazzjoni għall-ftehim kollettiv ta’ negozjar, li kien jikkonsisti minn parti ġenerali, li tinkludi kollox u tliet taqsimiet speċifiċi, innegozjat separatament minn kull waħda mill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi affettwati (Assoaeroporti, Assohandlers u Assocatering), SEA Handling applikat il-parti ġenerali tal-ftehim għall-impjegati tagħha, flimkien mar-regoli speċifiċi nnegozjati minn Assoaeroporti, għaliex SEA Handling ma setgħetx teżenti ruħha mill-konformità mal-ftehimiet konklużi qabel mal-unions, kif deskritt fil-ftehim mal-unjons tal-4 ta’ Frar 2002 (27), skont liema “SEA Handling se tapplika ftehim kollettiv ta’ negozjar iffirmat minn Assoaeroporti u mill-unjons”.

7.   INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI PPREŻENTATA FIT-28 TA’ ĠUNJU 2012

(157)

Wara l-laqgħa tad-19 ta’ Ġunju 2012, il-Muniċipalità ta’ Milan ippreżentat osservazzjonijiet addizzjonali li jfissru l-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri in kwistjoni, partikolarment fejn tidħol l-opinjoni tagħha li r-riorganizzazzjoni ta’ SEA Handling kienet materja interna għall-grupp SEA, tal-mudell tan-negozju magħżul minn SEA għall-iżvilupp tal-ajruporti taħt il-ġestjoni tagħha, u l-bżonn li jkun hemm distinzjoni bejn perjodi differenti li jkunu qed jiġu investigati.

Ir-riorganizzazzjoni ta’ SEA Handling hija kwistjoni interna għall-grupp SEA

(158)

L-awtoritajiet ta’ Milan irriaffermaw li fl-ebda ħin SEA ma talbet appoġġ finanzjarju għall-irkupru tagħha mill-azzjonisti, il-Muniċipalità u l-Provinċja ta’ Milan. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet pubbliċi inkwistjoni rċevew dividendi sostanzjali mill-grupp SEA, li jammontaw għal EUR 550 miljun fuq il-perjodu 2002-2012.

(159)

Ma setax jiġi preżunt – u dan kien għadu jrid jiġi ppruvat – li kieku SEA ddeċidiet li ma tkoprix id-djun tal-kumpanija ta’ ġestjoni, u minflok użat is-servizzi ta’ operatur indipendenti, l-awtoritajiet pubbliċi kienu jirċievu xi benefiċċju finanzjarju saħansitra ogħla. Din kienet essenzjalment dovuta għad-diffikultà biex jinkisbu mingħand entitajiet esterni, bi prezzijiet kompetittivi, is-servizzi kollha ta’ ground handling li SEA, bħala l-operatur tal-ajruport, kienet obbligata li tipprovdi lil-linji tal-ajru u l-passiġġieri kollha fuq bażi kontinwa, aċċessibbli u komprensiva, skont ir-regolamenti fis-seħħ; għad-diffikultà li tinżamm sorveljanza fuq il-kwalità tas-servizz, rekwiżit li kien vitali għall-kompetittività tal-ajruport u għall-irkupru tat-traffiku (li SEA kienet fil-fatt kisbet grazzi għal mudell ta’ negozju magħżul minnha); u għar-rabta intrinsika bejn il-mudell ta’ negozju tal-kumpanija u l-mudell tal-ajruport bħala hub (partikolarment wara d-de-hubbing tal-Alitalia mill-ajruport ta’ Milan Malpensa u l-ħtieġa tal-iżvilupp ta’ self-hub jew kunċett ta’ hub virtwali). Il-Muniċipalità ta’ Milan ma kenitx konxja ta’ xi evalwazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni, jew minn esperti indipendenti f’isimha, li jistgħu jiġu ppreżentati bħala kontradizzjoni ta’ dan.

(160)

Fl-aħħar nett, minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe fluss finanzjarju ġej mill-azzjonisti pubbliċi ta’ SEA, u l-fatt li d-deċiżjoni li tiġi riorganizzata SEA Handling kienet konformi mal-objettivi strateġiċi ta’ SEA, kull sejba li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat trid tkun akkumpanjata minn prova tal-imputabilità tal-Istat ta’ kull deċiżjoni biex jiġi kopert it-telf li jkun sar matul il-perjodu kollu inkwistjoni, u speċjalment fit-tieni fażi (wara s-sena 2007), li għaliha ma japplikawx il-kunsiderazzjonijiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ, minkejja li l-Muniċipalità fi kwalunkwe każ ikkontestathom.

Il-mudell ta’ negozju tal-grupp SEA

(161)

L-awtoritajiet ta’ Milan tennew li l-mudell magħżul, ibbażat fuq l-opzjoni li ma jiġux esternalizzati s-servizzi ta’ ground handling, għandu jkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp fit-tul tal-ajruporti. Din l-għażla kienet preferibbli mill-perspettiva tal-grupp meta s-sistema ajruportwali inkwistjoni kienet qed taġixxa bħala hub. Il-ġestjoni ta’ sistema ajruportwali bbażata fuq il-preżenza ta’ trasportatur ta’ hub, jew fuq il-provvediment ta’ attivita ta’ hub, minħabba grad għoli ta’ kumplessità tas-sistema, titlob li l-operatur għandu jipprovdi xi servizzi ajruportwali direttament, inklużi il-ground handling, biex jiġi żgurat l-operat effiċjenti tal-ajruport. L-awtoritajiet ta’ Milan iċċitaw l-eżempji ta’ Frankfurt, Vjenna u tal-ajruporti ta’ Pariġi. L-għażla kienet iġġustifikata minħabba l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Kienet konsistenti mal-għan ta’ SEA li tiżviluppa l-attività tagħha ta’ hub fl-ajruport ta’ Milan Malpensa, ħaġa li kienet tirrekjedi sorveljanza kontinwa, monitoraġġ u ġestjoni ta’ servizzi ta’ ground handling ipprovduti lit-trasportatur tal-hub, u kienet anki aktar importanti meta jiġi segwit mudell ta’ self-hub jew hub virtwali. Taħt mudell ta’ self-hub jew hub virtwali l-ajruport jiġi żviluppat bħala hub mingħajr il-preżenza ta’ trasportatur wieħed jew aktar ta’ hub. Taħt dan il-mudell l-operatur tal-ajruport innifsu joffri lill-utenti l-opportunità li jintuża l-ajruport bħala hub, u joħloq rabta bejn it-titjiriet li jkunu qed jaslu u dawk li jkunu qed jitilqu, imħaddma mit-trasportaturi kollha fl-ajruport irrispettivament minn jekk ikunx hemm xi ftehim ta’ interkonessjoni bejn it-trasportaturi.

(b)

Dan kien appoġġat mill-fatt li l-ajruporti fl-Ewropa kontinentali bl-aħjar prestazzjoni bħala hubs kienu għażlu l-istess soluzzjoni.

(c)

Kienet neċessarja għall-iżvilupp tat-traffiku tal-merkanzija fl-ajruport ta’ Milan, settur fejn il-kompetizzjoni bejn l-ajruporti Ewropej kienet għaddejja minn tkabbir qawwi, u l-potenzjal li jiġu attirati trasportaturi ġodda kien ukoll relatat mal-livell ta’ speċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ ground handling. Il-mudell kummerċjali magħżul minn SEA ippermetta li jkun hemm tkabbir kostanti fl-attività tat-trasport tal-merkanzija f’Milan, li kienet fl-ewwel post fl-Italja u s-sitt post fl-Ewropa, bl-akbar konċentrazzjoni ta’ trasportaturi ta’ merkanzija biss joriġinaw mill-Lvant Nofsani u Mbiegħed, li kienu ż-żoni li kienu qed jesperjenzaw l-aktar tkabbir ekonomiku mgħaġġel fid-dinja.

(d)

Kienet konsistenti mal-mudell ta’ negozju magħżul biex jiżdied il-kapital tal-kumpanija ta’ ġestjoni tal-ajruport bil-ħsieb li din tiġi sussegwentement privatizzata.

Distinzjoni bejn il-perjodi taħt investigazzjoni għall-fini tal-valutazzjoni tal-miżuri

(162)

L-awtoritajiet ta’ Milan ikkwotaw il-pjan ta’ negozju 2003-2007, li kien ġie sottomess lill-Kummissjoni wara li ngħata bidu għall-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Fl-opinjoni tagħhom, il-pjan wera li azzjonijiet ta’ SEA li jkopru t-telf li ġew deċiżi skont it-test tal-investitur privat.

(163)

Madankollu, l-analiżi tal-pjan ta’ negozju ta’ SEA Handling għall-2003-2007 irid fi kwalunkwe każ jagħti prova li r-riorganizzazzjoni ta’ SEA Handling kienet konformi mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (“il-Linji Gwida għar-Ristrutturar tal-2004”) (28), peress li r-rijorganizzazzjoni twettqet b’kontribut sinifikanti mill-kumpanija sussidjarja, l-intervent finanzjarju kien limitat għall-minimu meħtieġ sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ insolvenza li toriġina skont ir-regolamenti tal-liġi tal-kumpaniji applikabbli, u SEA Handling kienet indirizzat l-isforzi kollha tagħha stess lejn l-irkupru, b’mod li tilfet xi sehem tas-suq li kellha għall-benefiċċju tal-kompetituri tagħha u ċediet ċerti attivitajiet periferali li ma kinux fin-negozju ċentrali tagħha.

(164)

Filwaqt li t-tamiet tal-azzjonist li jkun hemm irkupru fil-perjodu ippjanat ta’ ħames snin ġew imfixkla minn sensiela ta’ avvenimenti esterni, flimkien mas-sitwazzjoni inizjali diffiċli tal-kumpanija (li ma kinitx ġiet stabbilita bħala negozju li għadu kemm jiftaħ, iżda bħala spin-off ta’ diviżjoni ta’ kumpanija eżistenti f’diffikultà) u l-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tal-ground handling fl-Italja, madankollu l-isforzi li saru fil-perjodu inizjali, li kien ta’ sfida, wera li l-irkupru ta’ SEA Handling kien ċertament possibbli. Fl-aħħar ta’ dak il-perjodu inizjali, il-kumpanija sabet ruħha f’sitwazzjoni ekonomika u b’livell ta’ produttività li kienu b’mod sinifikanti aħjar milli fl-2002.

(165)

Fir-rigward tat-tieni fażi tal-irkupru, l-awtoritajiet ta’ Milan rreferew għall-pjani strateġiċi tal-grupp SEA għall-2007-2012 u l-2009-2016. Skont il-grupp SEA, kien mistenni li matul l-2012 tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm telf. F’każ li, minkejja l-evidenza mressqa, il-Kummissjoni kellha tifforma opinjoni mod ieħor, l-awtoritajiet ta’ Milan iqisu li hija għandha tanalizza kull wieħed mill-interventi fil-kapital ta’ SEA Handling individwalment, biex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ għajnuna u b’mod partikolari l-imputabbiltà tal-għajnuna fuq il-Muniċipalità ta’ Milan, li nċaħdet bil-qawwi.

8.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

(166)

Wara investigazzjoni formali mibdija skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE, u f’kunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani u mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkumpatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u inammissibbli skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(167)

Fir-rigward tal-perjodu li għalih tirreferi din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Italja biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li jidhrilha neċessarja biex tiddetermina l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni, u tispeċifika l-perjodu indikat fit-Taqsima 2.1 u t-Taqsima 5 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Fit-Taqsima 5, il-Kummissjoni talbitha tippreżentalha il-pjan ta’ negozju tal-2002 għal SEA Handling, flimkien ma’ kwalunkwe emendi sussegwenti, jew kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-istrateġija u r-ritorn għall-profitabbiltà ta’ SEA Handling; ir-riżultati ekonomiċi ta’ SEA Handling għall-perjodu kollu 2002-2009; l-ammonti eżatti u l-forma ta’ kumpens tat-telf u, b’mod partikolari, id-dejta kollha relevanti għall-perjodu mill-2005 sal-lum.

(168)

Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Taljani kienu mitluba li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-perjodu kollu eżaminat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Fil-paragrafu 42 tad-deċiżjoni l-Kummissjoni stipulat b’mod partikolari li il-Kummissjoni għalhekk tqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-perjodu 2002-2010 biex jiġi determinat jekk SEA Handling irċevitx għajnuna illegali mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal telf matul dak il-perjodu.

(169)

Barra minn hekk, peress li l-awtoritajiet Taljani ma pprovdewx l-informazzjoni ta’ hawn fuq għall-perjodu kollu imsemmi b’mod espliċitu fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni speċifikat id-dokumenti li jridu jiġu pprovduti u l-perjodu taħt eżami għat-tieni darba fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Lulju 2011.

(170)

Wara din l-ittra mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw osservazzjoni u pprovdew dettalji sa 2010, l-aktar fl-ittra tagħhom tal-15 ta’ Settembru 2011.

(171)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri investigati għall-perjodu 2006-2010 kienu tal-istess tip bħal dawk eżaminati għall-perjodu preċedenti, jiġifieri injezzjonijiet ta’ kapital biex jiġi kopert it-telf operattiv, u ġew adottati mill-istess korp għall-benefiċċju tal-istess kumpanija. Għalhekk il-Kummissjoni kellha d-dmir li teżamina l-perjodu kollu inkwistjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti.

(172)

Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni tqis li l-perjodu taħt investigazzjoni jibda mid-data li fiha SEA Handling ġiet stabbilita fl-2002 sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali fit-23 ta’ Ġunju 2010.

(173)

Din id-Deċiżjoni l-ewwel nett tindirizza l-kwistjoni jekk SEA Handling kinitx kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-1999 tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (“il-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar”) (29) u l-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar tal-2004 (it-Taqsima 8.1). Il-Kummissjoni mbagħad tivvaluta jekk il-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lil SEA Handling skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (it-Taqsima 8.2), u, fl-aħħar nett, jekk din l-għajnuna tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (it-Taqsima 8.3).

8.1.   ID-DIFFIKULTAJIET TA’ SEA HANDLING

Il-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar

(174)

Il-punt 5 tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar tal-1999 jgħid li impriża kkunsidrata bħala f’diffikultà fejn aktar minn nofs il-kapital reġistrat ma għandux aċċessibbli u aktar minn kwart tal-kapital intilef fit-12-il xahar ta’ qabel; jew...fejn taħt il-liġi domestika tagħha tissodisfa kriterji biex tkun soġġetta għal proċeduri ta’ falliment kollettiv.

(175)

Il-punt 6 tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar tal-1999 jgħid li is-sinjali tas-soltu li jindikaw li ditta hi f’diffikultà huma telf dejjem jiżdied, qligħ li qiegħed jonqos, inventarji bi stokk dejjem jiżdied, kapaċità eċċessiva, nuqqas fid-dħul tal-flus kontanti, dejn jiżdied, rati ta’ interess li qegħdin jiżdiedu u valur nett li qiegħed jonqos jew spiċċa.

(176)

Il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-fatt li punt 6 tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar jirreferi għal telf li jkun qed “jiżdied” ma jistax iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tieħu in konsiderazzjoni l-presenza kontinwa ta’ telf fuq medda ta’ diversi snin konsekuttivi bħala sinjal ta’ diffikultajiet finanzjarji, anki jekk dak it-telf ma jkunx qieħed jiżdied (30). Il-Kummissjoni tqis li fl-2002, fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex issir l-ewwel injezzjoni ta’ kapital, id-diffikutaljiet finanzjarji ta’ SEA kienu evidenti. Is-sitwazzjoni tal-kumpanija tjiebet b’mod sinifikanti fil-perjodu 2003-2004. Kienet qed taħdem b’telf sostanzjali li ġġenera telf operattiv akkumulat ta’ aktar minn EUR 140 miljun fi tliet snin.

(177)

Il-Qorti Ġenerali aċċettat ukoll li tnaqqis sostanzjali fil-kapital ta’ kumpanija hija fattur rilevanti biex jiġi determinat jekk ditta tkunx f’diffikultà (31). Il-Kummissjoni tqis li t-telf kontinwu rreġistrat mill-kumpanija, it-tnaqqis sussegwenti tal-kapital tagħha, u d-deċiżjoni ta’ SEA li tagħmel l-injezzjonijiet ta’ kapital li dwarhom qed issir din l-investigazzjoni sabiex jiġi indirizzat dan it-tnaqqis, juru biċ-ċar li l-kumpanija kienet qiegħda tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji serji matul il-perjodu kopert mill-investigazzjoni. Fir-rapporti annwali u fil-kontijiet tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2002, 2003 u 2004, il-kumpanija nnifisha ddikjarat telf ta’ SEA Handling li kien jaqbeż terz tal-kapital tagħha.

(178)

Il-Qorti Ġenerali qatgħetha wkoll li l-lista ta’ fatturi ekonomiċi li jistgħu jindikaw li kumpanija tkun f’diffikultà, kif tidher fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar mhijiex eżawrjenti (32). Id-djun ta’ SEA Handling telgħu minn EUR 250,3 miljun fl-2002 għal EUR 310,6 miljun fl-2003, u niżlubiss ħarira fl-2004, għal EUR 259,3 miljun. Il-valur nett tal-assi ta’ SEA Handling wkoll naqsu, minn EUR 35,1 miljun fl-2002 għal EUR 34,8 miljun fl-2003. Dawn l-indikaturi wkoll jixħtu dawl fuq id-diffikultajiet finanzjarji li affaċċjat il-kumpanija fl-2002 u l-2003.

(179)

Ir-rapport annwali u l-kontijiet fil-31 ta’ Diċembru 2003 jirreferu għar- riżultati negattivi ta’ SEA Handling, fejn l-ispejjeż baqgħu għolja wisq f’relazzjoni mas-sehem tagħha fis-suq irrispettivament mill-benefiċċju parzjali li jirriżulta mill-ftehimiet li jolqtu l-forza lavorattiva. Il-prospett ta’ aktar tnaqqis fil-volum tal-attivitajiet ta’ ground handling fis-snin futuri jfisser li l-kumpanija mhix se tkun kapaċi tilħaq il-bilanċ ekonomiku fiż-żmien propost. Bl-istess mod, ir-rapport annwali u l-kontijiet fil-31 ta’ Diċembru 2004, jistqarru li għadu diffiċli biex SEA Handling terġa’ ssir vijabbli fi ftit tas-snin oħra, b’mod partikolari fid-dawl ta’ kompetizzjoni akbar fis-suq wara li daħlu operaturi ġodda. Stqarrijiet simili jinsabu fir-rapport u l-kontijiet fil-31 ta’ Diċembru 2005.

(180)

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-kumpanija kienet f’diffikultà fil-mument tal-ewwel injezzjoni ta’ kapital issemma ripetutament mill-awtoritajiet Taljani u minn SEA (33), u ġie kkonfermat f’bosta pjanijiet ta’ negozju ppreżentati lill-Kummissjoni. Ikun biżżejjed li jiġi indikat li l-pjan ta’ negozju kkonsolidat 2002-2006 kien jipprevedi li l-attivitajiet ta’ ground handling jerġgħu jsiru profitabbli sal-2003 (p. 31). SEA Handling stess ikkonfermat, fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, li ma kienx ikun possibbli għaliha li tassorbi t-telf li ġarrbet għall-perjodu 2003-2005. Kieku dak it-telf ma kienx kopert minn SEA, SEA Handling kien tkun insolventi.

Il-Linji gwida tal-2004 dwar ir-Ristrutturar

(181)

Id-definizzjoni ta’ ditta “f’diffikultà” għadha sostanzjalment l-istess fil-Linji gwida tal-2004 dwar ir-Ristrutturar. Id-dispożizzjonijiet fil-punti 5 u 6 tal-Linji gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar jidhru mill-ġdid bħala punti 10 u 11 tal-Linji gwida tal-2004 dwar ir-Ristrutturar.

(182)

Barra minn dan, il-punt 11 tal-Linji gwida tal-2004 dwar ir-Ristrutturar jiddikjara li Anki meta ma jkun hemm l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi previsti fil-punt 10, ditta xorta tista’ titqies bħala waħda f’diffikultà, b’mod partikolari fejn ikun hemm is-sinjali tas-soltu ta’ meta impriża tkun f’diffikultà, bħal telf li jkun qed jiżdied, fatturat li jkun qed jonqos, żieda fl-istokk, kapaċità eċċessiva, tnaqqis fil-likwidità, żieda fid-dejn, piżijiet jiżdiedu tal-imgħax, u valur nett tal-assi li jkun qed jonqos, jew li jkun ixxejjen.

(183)

La d-dejn tal-kumpanija u lanqas il-valur nett tal-assi tagħha ma tjiebu b’mod sinifikanti matul il-perjodu 2004-2010. SEA Handling ġarrbet telfiet matul il-perjodu kollu. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar fl-2007 meta din irreġistrat telf operattiv ta’ aktar minn EUR 59 miljun, segwit fl-2008 minn telf operattiv ta’ EUR 52,4miljun. Matul il-perjodu 2004-2010 il-fatturat totali naqas minn EUR 177,4 miljun fl-2004 għal, EUR 125,9 miljun fl-2010. Fl-istess perjodu, SEA Handling irċeviet injezzjonijiet ta’ kapital li b’kollox jammontaw għal aktar minn EUR 270 miljun.

(184)

Bosta dokumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani jikkonfermaw li SEA Handling kienet tinsab f’diffikultà finanzjarja anki wara l-2004. Pereżempju, il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling, li saret fil-31 ta’ Mejju 2007 jispjegaw li s-SEA Handling tirrikjedi riorganizzazzjoni mill-qiegħ, ħaġa li tindika li l-miżuri adottati qabel ma kinux suffiċjenti sabiex isolvu d-diffikultajiet tad-ditta. Bl-istess mod, il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling li saret fil-21 ta’ Diċembru 2006 jirrappurtaw li wieħed mill-membri tiegħu tenna li s-sitwazzjoni ta’ SEA Handling kienet għadha “allarmanti serjament”.

(185)

Dan kollu juri li SEA Handling trid titqies bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt 11 tal-Linji gwida tal-2004 dwar ir-Ristrutturar, skont liema ditta tista’ titqies bħala waħda f’diffikultà b’mod partikolari meta jkunu jidhru s-sinjali tas-soltu li jindikaw li ditta tkun f’diffikultà, bħal telf li jkun qed jiżdied, fatturat qed jonqos, stokkijiet qed jikbru, kapaċità eċċessiva, tnaqqis fil-likwidità, dejn jiżdied, rati ta’ imgħax tilgħin u valur nett li jkun qiegħed jonqos jew li jkun ixxejjen.

(186)

Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda dubju li SEA Handling kienet kumpanija f’diffikultà meta l-miżuri ġew deċiżi. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li anke qabel ma n-negozju tal-ground handling ġie trasferit lil SEA Handling fl-2002, din kienet qed tagħmel telf. Id-differenza sostanzjali u rikorrenti bejn id-dħul u l-kosti ta’ SEA Handling u t-telf ripetut tagħha, ifissru li SEA Handling kienet impriża f’diffikultà matul il-perjodu kollu investigat (34).

8.2.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(187)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(188)

Biex miżura nazzjonali tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-kriterji kollha li ġejjin iridu jkunu ssodisfati: 1) il-miżura trid tkun mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat; 2) il-vantaġġ irid ikun selettiv u jrid ikun jagħti benefiċċju ekonomiku; u 3) il-miżura trid tkun waħda li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (35).

(189)

Ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet kollha huma mfissra hawn taħt.

8.2.1.   IR-RIŻORSI TAL-ISTAT U L-IMPUTABBILTÀ TAL-MIŻURI LILL-ISTAT

(190)

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat jinkludi għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll minn entitajiet pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħtura mill-Istat biex jiġġestixxu l-għajnuna. Il-kunċett ikopri l-mezzi finanzjarji kollha li permezz tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu tassew jappoġġaw l-impriżi, irrespettivament minn jekk dawn il-mezzi jkunux assi permanenti tas-settur pubbliku jew le. Għalhekk, anki jekk l-ammonti li jikkorrispondu għal miżura ta’ għajnuna mill-Istat ikunu riżorsi finanzjarji ta’ impriżi pubbliċi u ma jkunux miżmuma b’mod permanenti mit-Teżor, il-fatt li dawn jibqgħu kostantement taħt il-kontroll pubbliku u għalhekk, disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ikun biżżejjed biex dawn jaqgħu taħt il-kategorija ta’ riżorsi tal-Istat (36).

(191)

Ir-riżorsi użati biex jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling kienu ta’ oriġni pubblika, minħabba li ġew minn SEA, li 99,12 % tal-kapital tagħha kien proprjetà tal-Muniċipalità u l-Provinċja ta’ Milan matul il-perjodu investigat (37). Il-fatt li t-trasferimenti saru minn SEA, pjuttost milli saru mill-awtoritajiet lokali msemmija, ma jfissirx li dawn ma kinux ta’ oriġni pubblika. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-azzjonijiet tal-organizzazzjoni inkwistjoni għandhomx jitqiesu bħala r-riżultat ta’ kondotta imputabbli lil awtoritajiet pubbliċi.

(192)

Il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni inizjali tagħha li l-miżuri huma tabilħaqq imputabbli lill-awtoritajiet Taljani, u b’mod aktar speċifiku lill-Muniċipalità ta’ Milan. L-ewwel nett, fl-osservazzjonijiet tagħhom tal-15 ta’ Settembru 2010 l-awtoritajiet Taljani rrikonoxxew li l-Muniċipalità eżerċitat kontroll fuq SEA, u ħatret lill-bord tad-diretturi u lill-bord tal-awdituri tagħha. It-tieni, il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid il-valur tal-evidenza ta’ imputabilità msemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. Dik l-evidenza hija valida għall-perjodu kollu li qed jiġi investigat, u għall-injezzjonijiet kollha ta’ kapital ikkunsidrati f’din id-Deċiżjoni.

(193)

Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Stardust Marine li Huwa ... neċessarju li wieħed jeżamina jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx ikunu kkunsidrati bħala li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Fuq dan il-punt, ma jistax jiġi mitlub li dan jintwera, fuq il-bażi ta’ inkjesta preċiża, li fil-każ partikolari l-awtoritajiet pubbliċi speċifikament inċitaw l-impriża pubblika biex jieħdu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fl-ewwel post, f’kunsiderazjoni tal-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi huma qrib xulxin, hemm riskju reali li l-għajnuna mill-Istat tingħata permezz tal-intermedjarju ta’ dawk l-impriżi b’mod li ma jkunx trasparenti u bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti mit-Trattat (38).

(194)

Il-Qorti sabet ukoll li biex tintwera l-imputabilità, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-argumenti tagħha fuq kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, involviment mill-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ xi miżura jew l-improbabbiltà li ma kinux involuti (39).

(195)

L-ewwel kategorija ta’ evidenza, li tikkonsisti minn bosta dokumenti (40), tindika li l-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling minn SEA saret fuq talba tal-Muniċipalità, jew tal-inqas bl-involviment attiv tagħha. Il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni tagħha tad-dokumenti in kwistjoni, li juru b’mod ċar li l-Muniċipalità ta’ Milan kienet involuta fil-ġestjoni ta’ SEA Handling, permezz ta’ SEA, speċjalment bil-għan li jinżammu l-livelli tal-impjiegi.

(196)

Dan huwa partikolarment evidenti mid-dokumentazzjoni tal-ftehim bejn SEA u l-unjons li jġib id-data tal-4 ta’ April 2002, li jiddikjara li SEA ...tintrabat ... li ġġor il-kopertura tat-telf sabiex jiġu bbilanċjati l-finanzi u l-assi ta’ SEA Handling SpA u li dawk l-impenji jkunu ggarantiti permezz tal- ftehim iffirmat mill-Muniċipalità ta’ Milan, fost affarijiet oħra fil-kapaċità tagħha bħala azzjonist maġġoritarju assolut (f’SEA SpA), bil-kontribuzzjonijiet magħmula, bir-riżorsi finanzjarji li mhumiex soġġetti għal limitazzjonijiet legali trasferibbli minn SEA SpA lil SEA Handling SpA, u permezz tas-solidità tal-assi u l-finanzi ta’ SEA (41).

(197)

Bl-istess mod, id-dokumenti kollha msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ (it-taqsimiet 2.4.2 u 3.1.1.2) (42) juru li l-Muniċipalità ta’ Milan kienet qed tintervjeni fit-tmexxija ta’ SEA Handling permezz ta’ SEA, speċjalment bil-għan li jinżammu l-livelli tal-impjiegi.

(198)

Il-Kummissjoni tqis li l-passi meħuda mill-awtoritajiet Taljani, partikolarment fil-laqgħa tas-26 ta’ Marzu 2002, iggwidaw id-deċiżjonijiet meħuda minn SEA fir-rigward tas-sussidjarja tagħha SEA Handling. Fil-ftehim li ntlaħaq f’dik id-data, il-Muniċipalità ta’ Milan ħadet fuqha impenji speċifiċi b’impatt dirett fuq it-tmexxija ta’ SEA Handling u fuq ir-rwol ta’ SEA fil-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha; barra minn hekk, il-Muniċipalità impenjat ruħha li żżomm għajneja fuq l-applikazzjoni tal-ftehim, billi tevalwa l-implimentazzjoni tagħha regolarment. L-involviment tal-Muniċipalità ta’ Milan għalhekk mhix fattur insinifikanti tal-importanza, kif qed jissuġġerixxu l-awtoritajiet Taljani u SEA. SEA ma tistax tinjora l-impenji u r-rekwiżiti li l-awtorità pubblika u l-azzjonist bil-kontroll kienu aċċettaw f’dak il-ftehim, iżda kellha żżommhom f’moħħha meta kienet ħadet il-miżuri fir-rigward tal-ġestjoni ta’ SEA Handling. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-miżuri li jkopru t-telf kienu aktar milli “iggwidati” mill-impenn li ħadet fuqha l-Muniċipalità ta’ Milan fil-Ftehim tas-26 ta’ Marzu 2002, u li kienu fil-fatt ir-riżultat ta’ dak l-impenn.

(199)

Il-Kummissjoni tiċħad id-dikjarazzjoni li l-Muniċipalità ta’ Milan ma assumiet l-ebda rwol meta din intrabtet bl-impenn imsemmi hawn fuq, u sempliċiment ikkonfermat mal-unjons l-istrateġija dwar il-ħarsien tal-impjiegi adottata minn SEA.

(200)

Il-fatt li l-Muniċipalità ma ħaditx sehem fl-iffirmar tal-ftehimiet mal-unjons, li sar wara l-ftehim tas-26 ta’ Marzu 2002, mhu tal-ebda ġustifikazzjoni biex tiġi injorata l-influwenza sinifikanti li kellha fuq dawk il-ftehimiet sussegwenti mal-unjons. B’mod aktar speċifiku, ir-referenzi li hemm fil-ftehimiet mal-unjons tal-4 ta’ April 2002 u d-9 ta’ Ġunju 2003 għall-impenn mogħti mill-Muniċipalità huma prova suffiċjenti tat-tifsira tal-ftehim tas-26 ta’ Marzu 2002 u tal-influwenza tagħha fuq il-ftehimiet li sussegwentement saru mal-unjons. SEA stqarret li l-ftehim mal-unjons tal-4 ta’ April 2002 kien għadu applikabbli u li kienet obbligata żżomm mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani ressqu wkoll l-argument li SEA Handling ma setgħetx teżenti ruħha milli tikkonforma mal-ftehimiet konklużi preċedentement mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, b’mod li ma setgħetx tkeċċi ħaddiema, ħaġa li fil-fehma tal-Kummissjoni turi l-ambitu ta’ dawk il-ftehimiet u għalhekk l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi.

(201)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni identifikat evidenza oħra li turi li l-Muniċipalità ta’ Milan kienet involuta l-ħin kollu meta SEA ħadet deċiżjonijiet importanti fir-rigward ta’ SEA Handling. Fil-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA tal-31 ta’ Mejju 2007, fir-rigward tas-sottomissjoni lill-bord tal-pjan ta’ negozju ta’ SEA (li, skont l-awtoritajiet Taljani, kellu wkoll iservi bħala l-pjan ta’ negozju ta’ SEA Handling), hemm dikjarat li l-pjan kien diġà ġie sottomess lill-azzjonist maġġoritarju ta’ SEA, li kien esprima l-opinjoni tiegħu. Sussegwentement, kif irreġistrat fil-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling iddatati t-13 ta’ Ġunju2008 rigward l-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku ta’ SEA Handling għall-2009-2016, il-president tal-bord iddikjara li kien intlaħaq qbil dwar il-pjan strateġiku mal-Muniċipalità/l-azzjonist. Il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ dokumenti jagħmluha ċara li r-rwol tal-Muniċipalità kien imur lil hinn minn dik ta’ azzjonist normali, li kien jiġi infurmat bid-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi u jivvalutahom primarjament permezz tal-korpi interni tal-kumpannija u l-komunikazzjonijiet uffiċjali tagħha. L-insistenza fuq il-fatt li l-pjan ta’ negozju kien ġie miftiehem preċedentement mal-azzjonist tikkonferma r-rwol predominanti tal-azzjonist fl-għażliet strateġiċi ta’ SEA. Dan ir-rwol huwa rifless ukoll fil-fatti stabbiliti fil-paragrafu 51 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, fil-paragrafu 35 ta’ din id-Deċiżjoni (membru tal-eżekuttiv muniċipali kien talab lill-president ta’ SEA u lis-Sindku ta’ Milan biex jidhru quddiem il-Kumitat muniċipali għat-Trasport biex jispjegaw kif kien beħsiebhom jirrilanċaw lil SEA Handling), u f’paragrafi 69 u 70 tad-deċiżjoni tal-ftuħ (b’referenza għal rabtiet stretti bejn il-maniġment superjuri ta’ SEA u SEA Handling, li l-ħatra tiegħu hija kkontrollata mill-Muniċipalità).

(202)

Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll il-validità tat-tieni parti tal-evidenza ta’ imputabilità li nstabet, jiġifieri d-dipendenza partikolari tad-diretturi u l-manaġers ta’ SEA fuq il-Muniċipalità ta’ Milan.

(203)

Kuntrarju għall-affermazzjoniet tal-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni tikkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru f’rapporti tal-istampa bħala evidenza valida biss meta dawn jirrappurtaw fatti vverifikati (43). La l-awtoritajiet Taljani u lanqas SEA ma kkontestaw il-fatti inkwistjoni, u lanqas ma kkummentaw dwar il-fatt li fl-2006 is-sindku ta’ Milan, Letizia Moratti, talbet u kisbet ir-riżenja tal-president u d-direttur maniġerjali ta’ dak iż-żmien, is-Sur Bencini, sentejn qabel il-konklużjoni naturali tal-mandat tiegħu (44).

(204)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tindika li fiStardust Marine l-Avukat Ġenerali kien qal li “Minħabba d-diffikultajiet ta’ prova u l-periklu ovvju ta’ ċirkumvenzjoni” l-evidenza ta’ għajnuna mill-Istat tista’ tinftiehem saħansitra minn “rapporti fl-istampa” (45).

(205)

Skont SEA, ir-rapporti fl-istampa u l-fatti rrapurtati fiha huma tal-2006 u ma jistgħu jippruvaw xejn rigward l-influwenza tal-Muniċipalita fuq SEA; il-Kummissjoni tqis li l-evidenza tad-dipendenza tad-diretturi tindika l-kuntest ġenerali tal-ħidma ta’ SEA, u b’hekk il-kuntest li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet annwali biex jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkopri wkoll il-perjodu wara l-2006.

(206)

It-tielet, fir-rigward tar-riżenji vojta mibgħuta mid-diretturi ta’ SEA lis-Sindku ta’ Milan, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni ta’ SEA u tal-awtoritajiet Taljani li dawk l-ittri, li allegatament kellhom biss valur morali u l-ebda validità legali, ma kienx probabbli li jinfluwenzaw l-azzjonijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi. Il-Kummissjoni tqis li jista’ jkun li din il-prattika ma kellha l-ebda skop ieħor ħlief li tissikka l-kontroll tal-Muniċipalità ta’ Milan fuq id-diretturi ta’ SEA, u b’hekk b’mod inekwivoku ssaħħaħ is-setgħa tagħha li żżomm id-diretturi responsabbli, setgħa li l-Muniċipalità kellha teżerċita biss fil-limiti tad-drittijiet tagħha bħala azzjonist f’SEA. Anke jekk l-ittri kellhom biss valur morali, li ma jidhirx li huwa l-każ, huma xorta waħda jikkonfermaw l-interferenza tal-awtoritajiet pubbliċi fit-tmexxija ta’ SEA. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tirrimarka li fil-p. 37 tal-osservazzjonijiet tagħhom tal-15 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Taljani tennew li, pjuttost minn valur purament morali, l-ittri legalment ma ħallewx lid-direttur in kwistjoni jikseb kumpens wara tkeċċija inġusta skont il-kodiċi ċivili Taljan. Il-Muniċipalità, li tikkontrolla l-laqgħa tal-azzjonisti, għandha wkoll kontroll strett fuq id-diretturi, peress li anke jekk dawn ikunu aġixxew fl-aqwa interess tal-kumpanija, jistgħu jitneħħew mil-laqgħa ġenerali mingħajr l-ebda dritt għal kumpens minħabba tkeċċija inġusta. SEA Handling ssostni li l-bord tad-diretturi ma setgħax ġie influwenzat mir-riżenji vojta peress li m’aċċettax talba magħmula mill-azzjonist pubbliku biex jitqassmu EUR 250-280 miljun f’dividendi straordinarji; il-Kummissjoni tosserva li l-minuti tal-laqgħa ġenerali ta’ SEA tal-24 ta’ Frar 2006 għamluha ċara li distribuzzjoni ta’ mhux aktar minn EUR 200 miljun f’dividendi straordinarji jippermettu lill-kumpanija żżomm rata ta’ dejn konformi mar-rata medja għal kumpaniji komparabbli u tiżgura biżżejjed flessibilità finanzjarja. It-tieni, l-istess dokument jispeċifika li SEA kienet stabbiliet il-livell ta’ dividendi għal EUR 200 miljun fuq bażi oġġettiva u li dan kien jirrappreżenta l-massimu li l-kumpanija setgħet tħallas fid-dawl tal-indikaturi finanzjarji ta’ dak il-mument. Ir-rapport maniġerjali għall-2006 jikkonferma li d-dejn kien qed jiżdied (kien irdoppja fl-2006 meta mqabbel mal-2005) anki minħabba t-tnaqqis fil-likwidità straordinarja minħabba d-distribuzzjoni tad-dividendi straordinarji lill-azzjonisti. Kieku SEA ħallset dividendi ogħla, kien ikun aktar diffiċli biex jiġi koperti it-telf ta’ SEA Handling dik is-sena. Barra minn hekk, il-fatt li azzjonist jista’ jitlob ċertu ammont f’dividendi f’ċerti okkażjonijiet filwaqt li l-amministrazzjoni mbagħad tħallas ċifra iżgħar jidher li hija okkorrenza normali fil-ħajja ta’ kumpanija, u mhix f’kontradizzjoni ma’ kontroll strett fuq l-amministrazzjoni mill-istess azzjonist.

(207)

Il-Kummissjoni tqis li din il-prattika tikkostitwixxi riflessjoni oġġettiva ta’ sitwazzjoni ta’ dipendenza. Mingħajr ma hu possibbli għaliha li tevalwa preċiżament l-influwenza preċiża a posteriori, il-Kummissjoni tqis li bis-sempliċi eżistenza tagħhom (a priori) l-ittri ta’ riżenja ċertament kienu jistgħu jinfluwenzaw l-azzjonijiet tal-membri tal-bord tad-diretturi maħturin mill-Muniċipalità ta’ Milan. L-awtoritajiet pubbliċi lanqas biss kellhom għalfejn jirreferu għall-ittri sabiex jeżerċitaw tali influwenza, peress li kien evidenti li l-eżistenza tagħhom biss tpoġġi lid-diretturi f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni għas-sindku ta’ Milan.

(208)

Rigward id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Taljani li jikkonċernaw il-ħatra tad-diretturi, il-Kummissjoni ttenni li l-Muniċipalità “taħtar il-membri tal-bord tad-diretturi”de facto. Dan jidher ċar mill-fatt li, kif stqarrew l-awtoritajiet Taljani, il-Muniċipalità tagħżel lid-diretturi, li mbagħad jinħatru mil-laqgħa ġenerali, li fiha l-Muniċipalità tifforma parti bħala l-azzjonist maġġoritarju. Dan il-kontroll formali eżerċitat mill-Muniċipalità fuq SEA mhuwiex biżżejjed fih innifsu biex iservi ta’ prova li l-Muniċipalità fil-fatt teżerċita kontroll fuq SEA f’dan il-każ partikolari, iżda fil-fatt jgħin biex jagħti prova ta’ dan.

(209)

L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw kontroprovi biex juru li l-miżuri ma kinux imputabbli għall-Istat, jiġifieri l-fatt li membri tal-Eżekuttiv Muniċipali ġew miċħuda l-aċċess għal dokumenti interni ta’ SEA f’diversi okkażjonijiet; il-Kummissjoni tqis din l-evidenza bħala inkonklussiva, peress li s-sempliċi konformità mal-obbligu formali fil-Kodiċi Ċivili Taljan li ma tiġix żvelata informazzjoni interna tal-kumpanija, bħall-minuti tal-bord tad-diretturi, ma tostakolax l-eżerċizzju ta’ influwenza mill-Muniċipalità fuq SEA fil-fatt, kemm b’mod ġenerali kif ukoll f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-membri tal-kunsill muniċipali li ġew miċħuda aċċess għal ċerti dokumenti jappartjenu għall-oppożizzjoni, u ma kinux jifformaw parti mill-korp eżekuttiv tal-Muniċipalità. Meta l-Kummissjoni tafferma li l-Muniċipalità ta’ Milan iżżomm lil SEA fi stat ta’ dipendenza fuqha, tkun qiegħda tirreferi b’mod speċjali għall-awtoritajiet li jeżerċitaw il-poter li jieħdu d-deċiżjonijiet f’isem il-Muniċipalità, u li huma għalhekk fil-pożizzjoni li jinfluwenzaw il-ġestjoni tal-kumpanija.

(210)

Ir-raba’, fuq livell ġenerali, minħabba l-importanza tal-operazzjoni tal-ajruporti ta’ Malpensa u Linate fil-kuntest soċjoekonomiku lokali u r-rwol essenzjali tagħhom, f’termini kemm ta’ trasport kif ukoll ta’ żvilupp reġjonali, l-awtoritajiet pubbliċi lokali bħala regola mhux se jkunu “assenti” meta l-operatur tal-ajruport jagħmel deċiżjonijiet importanti dwar il-funzjonament u l-iżvilupp fit-tul ta’ infrastrutturi bħal dawn, speċjalment meta awtorità bħal din tkun ukoll l-azzjonist bil-kontroll tal-operatur tal-ajruport. Fl-osservazzjonijiet tagħhom l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw l-importanza politika tal-miżuri in kwistjoni. F’dan il-każ, barra minn dan, il-miżuri biex jiġi koperti it-telf ta’ SEA Handling kienu mill-inqas parti integrali fl-istrateġija tal-grupp SEA, kif l-awtoritajiet Taljani jispjegaw fl-osservazzjonijiet tagħhom.

(211)

Il-ħames, il-miżuri sabiex jitkopra t-telf, implimentati permezz ta’ żidiet fil-kapital ta’ SEA Handling, ma kinux miżuri ordinarji ta’ amministrazzjoni iżda miżuri eċċezzjonali. Il-karattru straordinarju tal-miżuri huwa rifless kemm f’termini ekonomiċi, minħabba l-kobor tal-ammonti inkwistjoni (kull assorbiment tat-telf ġie kkumpensat permezz ta’ żieda fil-kapital ta’ bosta miljuni ta’ euro), u f’termini politiċi, minħabba l-impatt antiċipat tal-miżuri fuq iż-żamma tal-impjiegi.

(212)

Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħhom, il-miżuri ma ġewx adottati mill-bord tad-diretturi ta’ SEA, fl-eżerċitazzjoni tas-setgħat proprji tiegħu: skont il-kostituzzjoni stess ta’ SEA u l-prinċipji stabbiliti fil-kodiċi ċivili kellhom jiġu espressament approvati mil-laqgħa ġenerali, li fiha l-Muniċipalità hija l-azzjonist maġġoritarju. Għalhekk m’hemm l-ebda dubju li l-Muniċipalità kienet infurmata b’mod sħiħ dwar il-miżuri u approvathom, kif jidher fil-minuti tal-laqgħa ġenerali. Mhux talli l-miżuri joriġinaw minnha, b’riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim tas-26 ta’ Marzu 2002, iżda hija ġiet ukoll infurmata b’kull miżura biex jitkopri t-telf ta’ SEA Handling, li hija approvat sistematikament. Miżuri eċċezzjonali bħal dawn għalhekk huma neċessarjament imputabbli lill-Istat.

(213)

Il-Kummissjoni tosserva li fis-sentenza Stardust Marine, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-imputabilità tista’ tiġi dedotta minn kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, kwalunkwe involviment mill-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ xi miżura jew l-improbabbiltà li ma jkunux involuti, filwaqt li jikkunsidraw ukoll il-firxa tal-miżura, il-kontenut tagħha jew il-kondizzjonijiet li fiha (46).

(214)

Fl-aħħar nett, kif jidher fit-taqsima 8.2.3, il-fatt li SEA ma kinitx qed taġixxi konformi mat-test tal-investitur privat jikkonferma li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti fil-miżuri li qed jiġu kkunsidrati (47).

(215)

Fil-każ partikolari, minħabba l-iskala tal-miżuri u tal-fatturi l-oħra identifikati f’din id-Deċiżjoni u fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li għandha biżżejjed evidenza dwar l-imputabbiltà tal-miżuri in kwistjoni lill-Istat Taljan, minħabba l-involviment tal-Muniċipalità ta’ Milan fil-miżuri biex jitkopra t-telf ta’ SEA Handling, jew in-nuqqas ta’ probabilità li l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux involuti.

(216)

Konsegwentement, il-Kummissjoni trid tiċħad is-suġġeriment tal-awtoritajiet Taljani li l-Kummissjoni għandha tanalizza kull waħda mill-miżuri meħuda fir-rigward tal-kapital ta’ SEA Handling individwalment, sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ għajnuna u, b’mod partikolari, l-imputabilità ta’ kwalunkwe tali għajnuna lill-Muniċiplità ta’ Milan. Il-fatturi deskritti fil-paragrafi 174-186, u l-analiżi tal-miżuri mill-perspettiva ta’ investitur privat, jipprovdu biżżejjed evidenza li kopertura tat-telf b’injezzjonijiet ta’ kapital tista’ tkun biss ir-riżultat ta’ strateġija u ta’ involviment min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi matul il-perjodu kollu eżaminat. L-awtoritajiet Taljani stess stqarrew li filwaqt li d-deċiżjonijiet biex jitkopra t-telf ġew adottati formalment fuq bażi annwali, kien hemm strateġija multiannwali biex jitkopra t-telf matul il-perjodu meħtieġ għar-ristrutturazzjoni (ara l-paragrafi 225-232).

(217)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżuri jridu jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat.

8.2.2.   IN-NATURA SELETTIVA TAL-MIŻURI

(218)

Il-miżura inkwistjoni hija selettiva, minħabba li hija relatata biss ma’ SEA Handling.

8.2.3.   L-APPLIKAZZJONI TAT-TEST TAL-INVESTITUR PRIVAT F’EKONMIJA TAS-SUQ U L-PREŻENZA TA’ VANTAĠĠ EKONOMIKU

(219)

Rigward l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, jeħtieġ li jiġi determinat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ikunx kopra telf tan-natura li kienu koperti hawnhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qatgħetha li għalkemm l-imġiba ta’ investitur privat li miegħu jrid isir il-paragun tal-intervent ta’ investitur pubbliku li jkollu għanijiet ta’ politika ekonomika mhux bilfors trid tkun l-imġiba ta’ investitur ordinarju li jkun qed iwarrab kapital bil-ħsieb li jakkwista qligħ f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, trid tkun tal-anqas imġiba ta’ kumpanija possedenti privata jew grupp privat ta’ impriżi li jsegwi politika strutturali – kemm jekk ġenerali kif ukoll jekk settorjali – u ggiwdata minn prospetti ta’ qligħ għat-tul (48).

(220)

Il-Qorti qatgħetha wkoll li sieħeb privat jista’ raġonevolment jipprovdi l-kapital meħtieġ biex jiżgura s-sopravivenza ta’ impriża li jkollha diffikultajiet temporanji, iżda li tkun kapaċi li terġa’ tibda tagħmel il-qligħ, possibilment wara riorganizzazzjoni. Madankollu, meta l-injezzjonijiet ta’ kapital minn investitur pubbliku ma jagħtu l-ebda kont tal-prospetti ta’ qligħ, lanqas għat-tul, it-tali provvista ta’ kapital trid titqies bħala għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE (49).

(221)

Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li sabiex jiġi eżaminat jekk jekk l-Istat adottax jew le l-imġiba ta’ investitur prudenti f’ekonomija tas-suq, wieħed għandu jerġa’ jpoġġi ruħu fil-kuntest taż-żmien meta kienu ttieħdu l-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju sabiex tiġi vvalutata r-razzjonalità ekonomika tal-imġiba tal-Istat, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe valutazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni posterjuri (50). Għalhekk, biex jintwera li, qabel jew fl-istess żmien li jkun ingħata l-vantaġġ, l-Istat Membru jkun ħa dik id-deċiżjoni bħala azzjonista, mhuwiex biżżejjed li wieħed jistrieħ fuq il-valutazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ, permezz tal-iskoperta posterjuri li l-investiment magħmul mill-Istat Membru konċernat kien effettivament profittabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti tat-tip ta’ azzjoni li attwalment tkun intgħażlet. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta milli teżamina l-evidenza prodotta li ġiet stabbilita wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha sar l-investiment in kwistjoni (51).

Strateġija pluriennali ta’ kopertura tat-telf

(222)

L-awtoritajiet Taljani u SEA jsostnu fl-osservazzjonijiet tagħhom li, filwaqt li d-deċiżjonijiet biex jitkopra t-telf kienu formalment meħuda fuq bażi annwali, l-istrateġija pluriennali biex it-telf jiġi assorbit matul il-perjodu meħtieġ għar-ristrutturazzjoni ma setgħetx tiġi diskussa mill-ġdid kull sena, u li r-riżultati setgħu jiġu evalwati biss fuq perjodu ta’ numru ta’ snin. Il-Kummissjoni tosserva li ġew ippreżentati lilha ħames pjanijiet ta’ negozju, uħud minnhom kienu jirrigwardaw perjodi fuq xulxin, b’tul ta’ validità ta’ mhux aktar minn ħames snin. Meta jitqies li l-abbozzar ta’ pjan ta’ negozju ġdid ġeneralment jinvolvi evalwazzjoni tal-istrateġija ta’ negozju tal-kumpanija, sabiex jiġi determinat jekk għandux jinżamm jew jinbidel, il-Kummissjoni tqis li l-istrateġija adottata fir-rigward ta’ SEA Handling setgħet tabilħaqq tiġi riveduta fi kwalunkwe ħin qabel l-adozzjoni ta’ pjan ġdid, sabiex jittieħed kont ta’ żviluppi tas-suq.

(223)

L-awtoritajiet Taljani u SEA ddikjaraw li d-deċiżjoni biex jitkopra telf li jista’ jiġġarrab fil-futur kienet inizjalment saret fl-2002 u mbagħad it-tieni darba fl-2007, meta, fid-dawl tal-fatt li ma kinux intlaħqu l-miri mistennija, ittieħdet id-deċiżjoni biex tiġi riveduta l-istrateġija inizjali li titlob li jiġi kopert it-telf, u wara dan ġie deċiż li wieħed jipproċedi skont il-pjan oriġinali. Essenzjalment, jidher li dawn qed jippreżentaw il-miżuri in kwistjoni bħala żewġ injezzjonijiet ta’ kapital li kellhom isiru f’pagamenti annwali iżda li ġew deċiżi fl-2002 u l-2007.

(224)

Fl-ittra tagħhom tal-14 ta’ Settembru, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li d-dehubbing tal-Alitalia fl-2007 kellu riperkussjonijiet gravi fuq l-attività ta’ SEA Handling. Dawk ir-riperkussjonijiet fuq il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija ġew aggravati bil-kriżi ekonomika u wasslu lil SEA biex terġa’ tevalwa l-vijabbiltà tal-mudell ta’ hub u biex tevalwaw l-possibbiltà li tagħżel mudell ta’ negozju differenti. Skont l-awtoritajiet Taljani, pjuttost milli għażlet li testernalizza s-servizzi ta’ ground handling, fl-aħħar mill-aħħar SEA ddeċidiet li toħloq mudell ġdid ta’ negozju, jiġifieri l-mudell tagħha stess ta’ “self-hub” jew “virtual hub”, li kien sempliċement żvilupp loġiku tal-mudell preċedenti. Il-mudell il-ġdid kien jirrekjedi kontroll strett tal-attivitajiet ta’ ground handling. Dan wera r-razzjonalità tad-deċiżjonijiet ta’ SEA li tkompli tkopri t-telf operattiv tas-sussidjarja tagħha SEA Handling sabiex in-negozju tagħha ta’ ground handling ikun jista’ jerġa’ jibda jagħmel il-qligħ. L-awtoritajiet Taljani għalhekk sostnew li r-reviżjoni tal-istrateġija ta’ SEA fir-rigward tas-sussidjarja tagħha kien kompletament ġustifikat miċ-ċirkostanzi esterni mhux previsti, u bl-ebda mod ma kien jikkomprometti l-objettiv ta’ SEA li n-negozju tagħha tal-ground handling jerġa’ jibda’ jagħmel il-qligħ għat-tul.

(225)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ strateġija pluriennali għall-kopertura ta’ telf mill-awtoritajiet Taljani (skont l-impenn li ħadet fuqha l-Muniċipalità ta’ Milan biex tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja ta’ SEA Handling, u f’konformità mal-evidenza mfissra hawn fuq fir-rigward tal-imputabbiltà ta’ dawk id-deċiżjonijiet lill-Muniċipalità), iżda hija tal-fehma li strateġija bħal din ma tikkorrispondix mal-imġiba ta’ investitur privat prudenti.

(226)

Filwaqt li jista’ jkun li jgħaddu diversi snin biex xi proċess ta’ ristrutturazzjoni jibda’ jagħti l-frott, investitur privat prudenti ma jidħolx f’impenn pluriennali fl-għama, imma minflok jipprova jiddeċiedi kull sena jekk għandux jinjetta fondi ġodda fil-kumpanija fid-dawl tar-riżultati tal-proċess ta’ ristrutturar u l-prospetti għall-vijabbiltà futura. Fil-każ preżenti investitur privat ċertament kien jivvaluta mill-ġdid l-istrateġija fl-2003 jew fl-2004, meta kien evidenti li l-għan ta’ ritorn għall-profitabbiltà fl-2005 ma kienx se jinkiseb, jew fi kwalunkwe każ fl-2005, meta kien hemm il-prova li dak l-għan ma kienx intlaħaq. Anke kieku kellu investitur privat jimbarka fuq strateġija għat-tul ta’ kopertura tat-telf, dak l-investitur, dejjem jekk wieħed jassumi li ma jkunx hemm restrizzjonijiet legali vinkolanti, kien jirrevedi l-istrateġija kull meta kien jintalab jipprovdi fondi biex jiġi eliminat it-telf ta’ SEA Handling (52).

(227)

B’mod aktar speċifiku, kif għamlitha ċara SEA fl-osservazzjonijiet tagħha, in-negozjati ma’ […] li fallew fl-2002 ikkompromettew b’mod sinifikanti l-possibbiltà li jinkiseb l-objettiv ta’ ritorn ta’ SEA Handling lejn il-profittabilità sal-2005. Iżda wara li l-bord tad-diretturi caħad l-offerta fl-10 ta’ Settembru 2002, ftit tax-xhur biss wara t-twaqqif ta’ SEA Handling, ma ġie qatt ikkunsidrat xi tibdil fl-istrateġija li jitkopra t-telf.

(228)

It-tieni, deċiżjoni importanti daqstant importanti bħal m’hi l-injezzjoni ta’ kapital, li hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali, ma tistax titqies bħala sempliċiment pass fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ġenerali biex jitkopri telf li jista’ jiġġarrab fil-futur.

(229)

It-tielet, id-deċiżjonijiet fuq bosta snin biex jitkopri telf li jista’ jiġġarrab ma ssemmewx fil-pjani strateġiċi ta’ negozju ta’ SEA Handling jew ta’ SEA. L-entitajiet li jamministraw lil SEA ma daħlu fl-ebda impenn formali u vinkolanti bbażat fuq pjan ta’ negozju li jipprovdi għall-injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA imsemmija għal ċertu numru ta’ snin (53). Id-deċiżjonijiet meħuda fl-2002 u l-2007 kienu jolqtu l-aktar l-aspett tar-ristrutturar ta’ SEA Handling, aktar milli l-kopertura tat-telf fuq diversi snin. Investitur privat, fi kwalunkwe każ, ma kienx jintrabat li jkopri t-telf fuq medda ta’ diversi snin mingħajr ma jkollu mill-inqas stima preliminari tal-kost totali.

(230)

Minn dan jirriżulta li l-għajnuna ngħatat f’kull waħda mis-snin li qed jiġu investigati, u b’mod partikolari fid-dati meta SEA ddeċidiet li żżid il-kapital ta’ SEA Handling, primarjament sabiex tkopri t-telf tagħha, u daħlet għal obbligi legali vinkolanti f’dak ir-rigward (54).

(231)

Madankollu, fl-analiżi tal-injezzjonijiet ta’ kapital, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-injezzjonijiet preċedenti. Il-miżuri kienu marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Skont l-awtoritajiet Taljani, dawn kienu jiffurmaw parti minn strateġija waħdanija. Huma kellhom l-istess għan, jiġifieri dak li jikkumpensaw it-telf ta’ SEA Handling sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-impriża u terġa’ tinkiseb il-profittabilità tagħha. Minn perspettiva kronoloġika, ukoll, dawn iffurmaw proċess kontinwu, fis-sens li huma kienu jiġu adottati kull sena, waħda wara l-oħra, bħala reazzjoni għad-diffikultajiet kontinwi tar-riċevitur (55).

(232)

Minħabba s-sitwazzjoni ta’ diffikultà li sabet ruħha fiha SEA Handling mindu twaqqfet, il-Kummissjoni tqis li investitur privat prudenti kien jevalwa r-riskju li, mill-ewwel injezzjoni ta’ kapital, il-miżuri jistgħu jikkostitwixxu għajnuna Statali illegali u inkumpatibbli u għalhekk kien jistudja l-impatt li l-irkupru possibbli ta’ din l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-profitabilità tal-investiment tiegħu. L-awtoritajiet Taljani qatt ma pprovdew xi evidenza li turi li t-tali valutazzjoni twettqet.

Injezzjonijiet ta’ kapital fl-2002

(233)

Mhux qed jiġi kkontestat il-fatt li meta saret l-ewwel injezzjoni ta’ kapital SEA Handling kienet impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

(234)

Il-punti 16 u 17 ta’ dawk il-Linji gwida jgħidu li meta jiġi pprovdut kapital mill-awtoritajiet pubbliċi lil impriża li tkun tinsab f’diffikultajiet finanzjarji, huwa probabbli li l-finanzjament ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (peress li hu estremament diffiċli li tali investiment jiġġenera qligħ li jkun aċċettabbli għal investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, jekk jiġu kkunsidrati r-riskji involuti). Tali injezzjonijiet ta’ kapital iridu għalhekk jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni bil-quddiem sabiex jiġu awtorizzati bħala għajnuna mill-Istat.

(235)

Fl-2002 l-awtoritajiet Taljani injoraw l-indikazzjonijiet fil-Linji gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar, kif għamlu wkoll fil-każ tal-injezzjonijiet ta’ kapital li ġew wara, u għażlu li jagħmlu l-injezzjonijiet anki jekk ma jidhirx li huma bbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq pjan ta’ negozju dettaljat li juri li SEA Handling kienet kapaċi treġġa’ lura s-sitwazzjoni tagħha u terġa’ tibda tagħmel il-qligħ fi żmien raġonevoli (56).

(236)

Il-Kummissjoni tqis li investitur tas-suq ma kienx iwettaq l-injezzjonijiet ta’ kapital tal-2002 mingħajr pjan ta’ negozju dettaljat biżżejjed, ibbażat fuq ipoteżijiet sodi, affidabbli, li jiddeskrivi preċiżament il-miżuri meħtieġa biex tiġi rrestawrata l-profitabilità tal-kumpanija, janalizza d-diversi xenarji possibbli, u juri li l-investiment jiġġenera reddittu sodisfaċenti għall-investitur (filwaqt li jitqies ir-riskju intrinsiku) f’termini ta’ dividendi, valur ogħla tal-ishma, jew vantaġġi oħra.

(237)

Għaldaqstant, l-ewwel injezzjonijiet ta’ kapital, fl-2002, ma jidhirx li kienu jissodisfaw it-test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, u taw vantaġġ lil SEA Handling li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

Il-kuntest fiż-żmien li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet

(238)

Dwar il-kuntest li fih ingħatat l-għajnuna, li l-Kummissjoni trid tqis meta tapplika t-test tal-investitur privat, il-Kummissjoni sejra issa tfisser l-approċċ tagħha, b’risposta għall-punti mqajma mill-awtoritajiet Taljani u minn SEA.

(239)

L-ewwel nett, għar-rigward tal-impatt fuq id-deċiżjonijiet ta’ SEA tal-qafas regolatorju speċifiku tal-Italja u l-pressjoni kompetittiva partikolarment qawwija li dan jiġġenera, il-Kummissjoni hija responsabbli biex tiżgura li l-objettiv tad-Direttiva 96/67/KE, jiġifieri li jinħoloq suq uniku għas-servizzi ta’ ground handling fl-Unjoni Ewropea billi jiġi lliberalizzat is-settur, li jinvolvi kompetizzjoni akbar bejn l-operaturi, ma jiġix kompromess bl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat li tista’ tħarbat il-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-miżuri adottati minn Stat Membru biex jimplimenta d-Direttiva mhumiex evidenza li l-appoġġ finanzjarju mogħti lil ċertu operatur biex jiġu kkumpensati l-effetti ta’ ambjent ekonomiku aktar kompetittiv huwa konformi mat-test tal-investitur privat prudenti. Iżda f’din id-Deċiżjoni, u b’mod aktar speċjali fl-analiżi tagħha tal-iżvilupp tal-imġiba li investitur privat kien jadotta f’sitwazzjoni bħal dik ta’ SEA, il-Kummissjoni se tqis il-fatt li l-Italja kienet għażlet liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tal-ground handling, u li l-ENAC kienet awtorizzat 84 fornitur sabiex jaħdmu f’Malpensa u Linate.

(240)

Ħafna Stati Membri oħra għażlu forma simili ta’ liberalizzazzjoni (id-Danimarka (Kopenħagen), Spanja, l-Irlanda (Dublin), ir-Renju Unit (Londra), Franza (Pariġi)).

(241)

Il-qafas regolatorju applikabbli huwa fi kwalunkwe każ l-istess għal kull fornitur fis-settur fl-Italja, li n-numru tagħhom huwa għoli, f’opinjoni ta’ SEA, bi 84 fornitur awtorizzat li jopera.

(242)

L-awtoritajiet Taljani ma ressqux l-argument li s-servizzi huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li s-suq ma jkunx jista’ jiggarantixxi.

(243)

Irrispettivament mill-fatt li SEA għażlet separazzjoni legali tal-attivitajiet (u, għalhekk, tal-kontijiet), l-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/67/KE jibqa’ japplika: dan jistipula li l-operaturi “għandhom jisseparaw rigorożament il-kontijiet tal-attivitajiet ta’ ground handling mill-kontijiet tal-attivitajiet l-oħra tagħhom, skont il-prattika kummerċjali fis-seħħ”, u jipprojbixxi “flussi finanzjarji bejn l-attività tal-korp li jmexxi bħala awtorità tal-ajruport u l-attività tiegħu ta’ ground handling”. Din is-separazzjoni tal-kontijiet u l-projbizzjoni ta’ flussi finanzjarji bejn il-korp li jmexxi u l-entitia tal-ground handling għandha l-għan li tiggarantixxi kundizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-ground handling, billi jiġi żgurat li l-attività ta’ ground handling ta’ operaturi integrati vertikalment ma tirċievi l-ebda vantaġġ speċifiku fuq operaturi oħra.

(244)

Il-kopertura tat-telf mill-operatur tal-ajruport li tkun tinvolvi flussi finanzjarji bejn l-attività tal-operatur u n-negozju tal-ground handling tmur kontra d-Direttiva 96/67/KE u l-objettivi tagħha. Konsegwentement, il-fatt li SEA għażlet mhux biss separazzjoni tal-kontabilità iżda separazzjoni legali tal-oqsma ta’ attività tagħha ma jibdilx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ngħata vantaġġ inġust lil SEA Handling.

(245)

Rigward l-affermazzjoni li SEA hija obbligata li tiggarantixxi l-forniment tas-servizzi kollha ta’ ground handling, il-Kummissjoni tosserva li dan l-“obbligu legali” jfisser biss, kif l-awtoritajiet Taljani stess jindikaw, li r-responsabbiltà tista’ tiġi eżerċitata mill-ajruport innifsu, jew li l-ajruport jista’ jikkoordina l-operazzjonijiet ta’ fornituri esterni. Kif qalet il-Kummissjoni fil-paragrafu 95 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, SEA mhi obbligata bl-ebda mod li tiggarantixxi tali dispożizzjoni la direttament u lanqas permezz tas-sussidjarja tagħha SEA Handling. Ir-responsabbiltà ġenerali tal-operatur tal-ajruport fil-każ ta’ xi ħaġa li tmur ħażin għalhekk ma tistax tiġi invokata biex turi li ma hemmx alternattivi għall-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling. Fit-tieni lok, anki kieku wieħed kellu jaċċetta dak li sostniet SEA li n-negozju tal-ground handing ġeneralment joffri livelli baxxi ta’ qligħ, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-kuntest proprju tas-suq jiġġustifika l-injezzjonijiet tal-kapital għal finijiet tat-test tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq, speċjalment minħabba l-iskala tat-telf imġarrab minn SEA Handling matul il-perjodu in kwistjoni. Għall-kuntrarju, fil-p. 5 tal-pjan strateġiku 2007-2012, hemm il-konferma li l-aktar operaturi effiċjenti tal-ajruporti fl-Ewropa kienu taw l-attivitajiet ta’ ground handling lil sottokuntrattur. Dan l-istess punt jiġi mtenni fil-p. 7 tal-pjan strateġiku 2009-2016, u jiġi kkonfermat fil-p. 28 ta’ dak id-dokument li x-xejra tas-suq fl-2001 kienet lejn l-għoti tas-servizzi ta’ ground handling lil sottokuntrattur. Din l-evidenza tikkontradixxi l-idea li l-integrazzjoni vertikali bejn l-operatur tal-ajruport u l-fornitur tas-servizz ta’ ground handling hija essenzjali sabiex tiġi ggarantita il-kwalità, u li fid-dawl tal-marġini baxxi ta’ profitt fil-ground handling kien raġonevoli li ma jingħatax f’idejn sottokuntrattur.

(246)

B’mod partikolari, f’suq li joffri tali marġini baxxi ta’ profitt, pjuttost milli jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling Sea kien imissha ħadet miżuri ħafna iktar radikali biex tiżdied l-effiċjenza ta’ SEA Handling, b’mod li jitnaqqsu l-kosti tal-persunal b’mod sinifikanti, li skont l-awtoritajiet Taljani nfushom jikkostitiwixxu parti konsiderevoli tal-istruttura tal-kosti ta’ kumpanija f’dan is-settur, settur suġġett għal pressjoni kompetittiva qawwija.

Alternattivi għal kopertura tat-telf ta’ SEA Handling

(247)

Il-Kummissjoni tqis l-opinjoni ta’ SEA li ma kien hemm l-ebda alternattiva għar-ristrutturar ta’ SEA Handling u l-kopertura tat-telf tagħha ma tikkorrispondix għall-imġiba ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq. Alternattivi possibbli kienu jinkludu l-esternalizzazzjoni sħiħa jew parzjali, jew it-twaqqif ta’ alleanza strateġika permezz tat-trasferiment ta’ parti minn SEA Handling li sieħeb strateġiku. Barra minn hekk, kif indikat fil-paragrafu preċedenti, ma kien hemm xejn li jwaqqaf lil SEA milli tadotta miżuri aktar radikali ta’ ristrutturar bil-għan li tiżdied l-effiċjenza ta’ SEA Handling f’perjodu aċċettabbli għal investitur privat.

(248)

Rigward il-possibbiltà ta’ trasferiment, il-Kummissjoni ma tistax tgħaddi ġudizzju dwar l-isforzi li saru minn SEA biex tistabbilixxi tali alleanza, li potenzjalment setgħet tippermettilha tiggwadanja minn sinerġiji li joħorġu mill-integrazzjoni tagħha f’netwerk internazzjonali. Il-Kummissjoni tinnota, madankollu, li fil-kummenti tagħha SEA semmiet biss żewġ tentattivi ta’ bejgħ parzjali: dak li wassal għan-negozjati li fallew ma’ […] fl-2002, u dak li kien ġie mibdi iżda mhux mitmum fl-2007-2008. Minn dakinhar il-possibbiltà ta’ bejgħ jidher li saret tiddependi fuq il-kisba mill-ġdid b’mezzi oħra tal-profittabilità minn SEA Handling. Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas evidenti ta’ interess fost kumpaniji privati biex jinvestu f’SEA Handling bħala indikatur li l-kumpanija ma kelliex prospetti solidi li tagħmel il-qligħ.

(249)

Fir-rigward tal-possibilità ta’ esternalizzazzjoni totali jew parzjali ta’ attivitajiet ta’ ground handling, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-ewwel nett l-argument li l-ebda operatur ma ried jieħu f’idejh in-negozju. Il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna mill-Istat kienet irrappurtata minn […], u li […] ukoll esprimiet oppożizzjoni għall-miżuri.

(250)

Barra minn hekk, la dik id-dikjarazzjoni u lanqas l-istqarrija aktar speċifika li operaturi esterni potenzjali huma interessati biss f’ċerti servizzi aktar profittabbli (“cherry picking”) m’huma bbażati fuq osservazzjoni soda ta’ diżinteress ċar, pereżempju wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti mibdija minn SEA għall-provvista tas-servizzi in kwistjoni. Fi kliem ieħor, din l-istqarrija mhijiex appoġġata minn xi evidenza speċifika, filwaqt li għadd ta’ operaturi huma awtorizzati li joffru s-servizzi tagħhom fl-Italja u b’mod partikolari fl-ajruporti ta’ Malpensa u Linate.

(251)

Rigward il-kapaċità ta’ operaturi esterni, l-awtoritajiet Taljani insistew li ma kien hemm l-ebda operatur kapaċi li jiggarantixxi l-livell ta’ kwalità rikjest mill-mudell kummerċjali ta’ SEA, jiġifieri dak ta’ ajruport “hub” jew “selfhub”. SEA kkunsidrat li kellha bżonn fornitur li jkun kapaċi jipprovdi s-servizzi kollha tagħha ta’ ground handling, u li dan kien impossibbli minħabba li l-operaturi l-oħrajn fis-suq ma kellhomx ir-riżorsi materjali, ir-riżorsi ekonomiċi jew speċjalment ir-riżorsi umani meħtieġa biex jiżguraw il-firxa sħiħa ta’ servizzi.

(252)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirreleva li SEA m’għandhiex raġun tissupponi li l-provvista disponibbli ta’ servizzi ta’ ground handling hija limitata għal dik ta’ partijiet esterni f’xi mument partikolari fl-ajruporti ta’ Malpensa u Linate, u ma tinkludix il-provvista potenzjali minn xi fornituri oħra li huma wkoll awtorizzati biex jooperaw hemm. Id-dikjarazzjonijiet pjuttost vagi ta’ SEA dwar il-qagħda ekonomika allegatament negattiva ta’ fornituri oħra attivi fl-ajruporti ta’ Milan jew il-livell tar-riżorsi li attwalment jużaw f’dawk l-ajruporti m’huma bl-ebda mod rilevanti. Il-preżenza marġinali ta’ fornituri li attwalment joperaw fl-ajruporti ta’ Milan hija biss eżempju wieħed tal-provvista li hija potenzjalment disponibbli u li tista’ tidħol fis-suq. Barra minn hekk, il-fatt li l-fornituri esterni bħalissa joperaw fl-ajruporti ta’ Milan ma jkoprux is-servizzi kollha ta’ ground handling ma jfissirx li wieħed jista’ jasal għal konklużjonijiet dwar kemm huma kapaċi li jagħmlu dan.

(253)

It-tieni, l-awtoritajiet Taljani u SEA ma kkjarifikawx għaliex SEA kellha bżonn tittrasferixxi s-servizzi kollha ta’ ground handling tagħha lil operatur wieħed. Waqt li jista’ jkun aċċettat li xi attivitajiet jistgħu jħallu anqas qligħ, dawn l-attivitajiet setgħu raġonevolment ġew trasferiti lil operatur li jkun jista’ jieħu vantaġġ mill-ekonomiji ta’ skala internazzjonali.

(254)

It-tielet, rigward il-kapaċità attwali ta’ operaturi esterni li jipprovdu s-servizzi kollha ta’ ground handling, il-Kummissjoni tiċħad l-istqarrija li l-ebda l-operatur m’għandu r-riżorsi meħtieġa. Skont SEA, 84 fornitur huma awtorizzati joperaw f’Linate u Malpensa. Barra minn hekk, kif diġà ssemma, kien ċertament prattiku li parti mill-attivitajiet tiġi esternalizzata, aktar milli kollha kemm huma.

(255)

Ir-raba’, SEA ma urietx b’mod speċifiku li operatur estern ma kienx ikun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità meqjusa bħala essenzjali biex il-mudell kummerċjali ta’ jSEA ikun jista’ jiffunzjona kif suppost. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni li r-rekwiżit tal-kwalità ta’ servizz imsemmi fid-Direttiva 96/67/KE u fil-leġiżlazzjoni Taljana jkun japplika f’dan il-kuntest.

(256)

Dwar il-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ SEA, li għandha l-għan li turi l-inadegwatezza li jiġu esternalizzati ċerti servizzi ta’ ground handling, minħabba li l-operatur tal-ajruport għandu r-responsabbiltà aħħarija li jiggarantixxi l-provvidiment kontinwu tas-servizzi f’każijiet ta’ emerġenza jew avvenimenti mhux previsti, il-Kummissjoni għandha riżervi dwar diversi punti.

(257)

L-ewwel nett, SEA ressqet kalkoli dubjużi biex issostni din it-teorija. Skont dawn, l-għadd ta’ unitajiet ta’ persunal f’ekwivalenti full-time (FTE) f’SEA Handling assenjati għall-ġestjoni tal-emerġenzi huwa f’livell għoli ħafna. Fl-2003, SEA tistma li ċ-ċifra kienet ta’ mhux inqas minn 336 FTE, b’kost totali ta’ EUR 9,9 miljun u ekwivalenti għal 8 % tal-FTEs’ totali ta’ SEA Handling. Huwa ċar li l-kost reali mġarrab minn SEA Handling kien ferm inqas, billi dawk il-membri tal-persunal kienu wkoll – jekk mhux primarjament – assenjati fuq kompiti oħra. Madankollu, biex jiġi kkalkulat il-kost totali li jkollha ġġor SEA bħala operatur tal-ajruport fl-2003 biex tkopri din l-attività, SEA ssuġġeriet li jiġi mmultiplikat l-għadd ta’ FTEs assenjati għas-servizz kontinwu u l-ġestjoni tal-emerġenza b’fattur ta’ 1,7, biex b’hekk intlaħqet il-konklużjoni li SEA kellha bżonn 569 ħaddiem fulltime li jiswew total ta’ EUR 20,6 miljun. SEA kkonkludiet li d-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti (EUR 20,6 miljun u EUR 9,9 miljun) tirrappreżenta l-gwadann effettiv min-nuqqas ta’ trasferiment tal-attivitajiet ta’ SEA. Il-Kummissjoni tqis il-fattur ta’ 1,7 bħala arbitrarju, peress li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni, filwaqt li kienet SEA li kellha turi li dan il-kost ipotetiku kien ikkalkulat sew. Il-Kummissjoni tistma wkoll li l-għadd ta’ FTEs użati biex jiġi kkalkulat il-kost totali li ġarrbet SEA mhu realistiku xejn.

(258)

Il-Kummissjoni pjuttost tqis li l-istima tal-kosti imġarrba minn SEA Handling għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-kost reali li SEA Handling normalment titlob bħala ħlas minn SEA, kif ukoll stima iżjed realistika tal-għadd ta’ FTEs ta’ SEA Handling assenjati għal dmirijiet bħal dawn imsejsa fuq l-għadd medju ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, avvenimenti mhux previsti u każijiet ta’ servizz kontinwu li seħħew matul sena waħda.

(259)

It-tieni, il-kalkolu ma jagħti l-ebda konsiderazzjoni għall-kosti sostanzjali mġarrba minn SEA bħala riżultat tal-kopertura tat-telf, li setgħu ġew evitati bl-esternalizzazzjoni ta’ xi attivitajiet ta’ ground handling, jew kollha kemm huma, lil operatur aktar kompetittiv. L-esternalizzazzjoni ta’ xi attivitajiet ta’ servizz kontinwu setgħet wasslet għal kosti potenzjalment ogħla għal SEA, minħabba s-sinerġiji li setgħu jinkisbu bħala riżultat tat-taħlita ta’ dawk is-servizzi ma’ attivitajiet interni oħra, iżda l-kisba totali minn esternalizzazzjoni bħal din kienet potenzjalment tkun pożittiva, b’mod li dan l-argument fih innifsu ma jurix li ma kien hemm l-ebda soluzzjoni disponibbli barra milli jiġi kopert it-telf ta’ SEA Handling, kif issostni SEA fil-kummenti tagħha.

(260)

[…] kienet qed tippjana d-diżinvestiment minn SEA Handling fl-2010 wara d-dehubbing tal-Alitalia. Skont […], l-objettiv primarju ta’ SEA kien li Malpensa jiġi żviluppat bħala hub ewlieni (p. […]) u li tiġi identifikata linja tal-ajru ġdida fi żmien ħames snin (p. […]). Id-diżinvestiment minn SEA Handling kien kruċjali għall-kisba ta’ dan l-objettiv, u kienu jirrappreżenta pass importanti fir-riorganizzazzjoni ta’ SEA sabiex titqiegħed fost l-operaturi tat-trasport bl-ajru l-aktar profitabbli (p. […]). SEA nnifisha għalhekk ma rat l-ebda ħtieġa li żżomm lil SEA Handling fil-grupp, la biex topera l-ajruport ta’ Malpensa u lanqas bħala hub jew biex ittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ SEA.

(261)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li filwaqt li jidher li SEA għamlet sforzi biex tistabbilixxi alleanza ma’ sieħeb strateġiku kapaċi li jħalli impatt sinifikanti biex SEA Handling terġa’ tagħmel profitt, l-esternalizzazzjoni sħiħa jew parzjali tal-attivitajiet tagħha lil operaturi esterni kienet tkun għażla ekonomikament vantaġġuża li investitur privat kien bilfors jikkunsidra, u, jekk xieraq, iwettaqha, aktar milli jkompli jħallas telf operattiv kbir għal ħafna snin. Madankollu, l-ebda wieħed mid-dokumenti ppreżentati ma juri li kien hemm xi riflessjoni dwar il-futur ta’ SEA Handling matul il-perjodu kollu inkwistjoni.

L-għażla tal-mudell kummerċjali tal-grupp SEA

(262)

L-awtoritajiet Taljani għamlu d-dikjarazzjoni ġenerali li d-deċiżjoni ta’ SEA li topera sistema ta’ ajruport ta’ hub tirrekjedi li dawn is-servizzi jiġu forniti direttament mill-operatur tal-ajruport, iżda dan l-argument ma jidhirx li huwa sostnut minn analiżi maħsuba biex jiġi ddeterminat għaliex, meta kkonfrontat mad-dħul potenzjali mill-eżistenza tal-hub, kien ekonomikament vantaġġuż għal SEA li tikkumpensa madwar EUR 360 miljun f’telf. Apparti l-istqarrijiet ġenerali, l-awtoritajiet Taljani ma ppreżentawx dokument wieħed li juri kif dik l-għażla saret.

(263)

B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-argument li l-kopertura tat-telf ta’ SEA Handling kienet tipprovdi l-bażi possibbli l-aktar effiċjenti għal mudell ta’ hub magħżul minn SEA, minħabba n-natura kumplimentari tal-attivitajiet ta’ groundhandling u ta’ ġestjoni tal-ajruport, il-Kummissjoni tosserva li, mingħajr ma tiġġudika kemm kienu għaqlija d-deċiżjonijiet li ħa l-grupp SEA, din ir-restrizzjoni fuq l-istrateġija ta’ SEA Handling (minbarra li hija f’kontradizzjoni mal-osservazzjoni li l-ajruporti/hubs fl-Ewropa li jiksbu l-aqwa riżultati ttrasferew is-servizzi tagħhom ta’ groundhandling, u permezz tal-pjani ta’ negozju msemmija fil-paragrafi 281-282 u 283-286 (57)) hija essenzjalment ibbażata biss fuq il-preżunzjoni li l-ebda operatur estern ma jkun kapaċi jipprovdi kwalità suffiċjenti. SEA ma kkjarifikatx il-livell ta’ kwalità li hija titlob, jew l-impatt li livell insuffiċjenti ta’ kwalità seta’ kellu fuq il-funzjonament tal-ajruport u l-introjti tiegħu. Dan huwa saħansitra aktar sorprendenti meta wieħed jikkunsidra dak li ssostni SEA li l-provvediment inadegwat ta’ servizzi ta’ groundhandling minn partijiet esterni kien ikun ta’ dannu għar-reputazzjoni ta’ SEA bħala operatur tal-ajruport, fatt li seta’ jiġi faċilment ikkonfermat minn studju tas-suq (paragrafu 106 tal-ittra ta’ SEA Handling tal-21 ta’ Marzu 2011). Minħabba n-nuqqas ta’ valutazzjoni ċara tad-dannu li seta’ ġie kkawżat lill-immaġini jew ir-reputazzjoni ta’SEA kieku s-servizzi ta’ groundhandling, totalment jew parzjalment, kienu ingħataw lil sottokuntrattur, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument li l-imġiba ta’ SEA – li b’mod sistematiku tkopri telf ta’ SEA Handling – kienet ekonomikament razzjonali u meħtieġ sabiex jiġi evitat dannu bħal dan. Barra minn hekk, biex ikun applikat l-Artikolu 15 tad-Direttiva 96/67/KE, Stat Membru jista’ jimponi regoli ta’ imġiba fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling sabiex jiżgura t-tħaddim kif imiss tal-ajruport (fejn xieraq fuq proposta mill-ajruport), anki jekk dawk il-fornituri ikunu ġejjin minn barra l-ajruport. Fi kwalunkwe każ, la SEA u lanqas l-Italja ma pprovdew xi prova konkreta li l-mudell ta’ hub ma setax jiġi implimentati permezz ta’ esternalizzazzjoni totali jew parzjali tas-servizzi ta’ groundhandling.

(264)

Pjuttost, […] tikkonferma l-intenzjoni ta’ SEA li ma tagħmilx aktar investiment f’SEA Handling, peress li l-investiment tagħha huwa meqjus bħala possediment mhux strateġiku għall-iskop biex jiġi żgurat li Malpensa jerġa’ lura għal status ta’ hub wara d-dehubbing tal-Alitalia.

Ir-ristrutturar ta’ SEA Handling u l-għanijiet ta’ SEA

(265)

L-awtoritajiet Taljani jiċċitaw is-sentenza ENI-Lanerossi fejn hemm dikjarat li azzjonist privat jista’ raġonevolment jipprovdi l-kapital meħtieġ biex jiżgura s-sopravivenza ta’ impriża li jkollha diffikultajiet temporanji, iżda li tkun kapaċi terġa’ tibda tagħmel il-qligħ, possibilment wara riorganizzazzjoni. Għalhekk għandu jiġi aċċettat li kumpanija possedenti tista’ wkoll, għal perjodu limitat, iġorr it-telf ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ ttemm l-operazzjonijiet tagħha bl-aħjar kondizzjonijiet possibbli. Tali deċiżjonijiet jistgħu jkunu mmotivati mhux biss mill-probabbiltà ta’ qligħ materjali indirett iżda wkoll minn konsiderazzjonijiet oħra, bħal xewqa li titħares l-immaġini tal-grupp jew li tingħata direzzjoni ġdida lill-attivitajiet tiegħu. Madankollu, meta l-injezzjonijiet ta’ kapital minn investitur pubbliku ma jkunu jinkludu ebda perspettiva ta’ qligħ, anke għat-tul, provvisti bħal dawn ta’ kapital iridu jitqiesu bħala għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tat-Trattat, u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni trid tiġi evalwata fuq il-bażi biss tal-kriterji stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (58).

(266)

L-awtoritajiet Taljani ressqu l-argument b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tivvaluta deċiżjonijiet ta’ kopertura tat-telf ta’ kumpanija sussidjarja fuq il-bażi mhux biss tal-probabbiltà ta’ qligħ immedjat, iżda fuq kunsiderazzjonijiet oħra li jistgħu jiġġustifikaw il-kopertura tat-telf ta’ sussidjarja li tkun kapaċi terġa’ tagħmel qligħ wara proċess ta’ ristrutturar.

(267)

SEA ssostni li t-tpattija tat-telf ta’ SEA Handling hija ġġustifikata, l-ewwel, bil-preżenza ta’ pjan strateġiku u ta’ programm ta’ ristrutturar bi prospetti tajbin ta’ profitabbiltà għat-tul, u, it-tieni, minn kunsiderazzjonijiet oħra minbarra s-sempliċi profitt finanzjarju.

(268)

Fir-rigward tal-ewwel argument, il-Kummissjoni tqis li l-pjanijiet ta’ negozju għal SEA Handling li ngħatawlha mhumiex dettaljati biżżejjed biex jiġġustifikaw deċiżjoni bħal din minn investitur privat f’ekonomija tas-suq. B’mod aktar speċifiku, il-pjanijiet mhumiex il-pjanijiet ta’ “irkupru” li investitur privat prudenti jkun jeħtieġ qabel ma jidħol għal tali injezzjonijiet sostanzjali fil-kapital ta’ kumpanija li tkun f’diffikultajiet ekonomiċi minn mindu twaqqfet. Il-pjanijiet mhumiex ibbażati fuq eżerċizzju ta’ awditjar fil-fond tal-kawżi tad-diffikultajiet u tal-miżuri meħtieġa biex jiġu riżolti. Mhumiex ibbażati fuq tbassir realistiku dwar l-iżvilupp tal-attività ta’ SEA Handling attività jew tas-settur, u lanqas ma jinkludu analiżi ta’ xenarji alternattivi, li investitur privat diliġenti kien jistenna f’sitwazzjoni simili.

Il-pjan ta’ negozju konsolidat 2002-2006

(269)

Speċifikament, il-pjan ta’ negozju konsolidat 2002-2006 approvat fl-2001 kien jipprevedi li SEA Handling terġa’ tibda tagħmel qligħ sal-2005. Iżda dak il-pjan kien ikopri t-totalità tal-attivitajiet ta’ SEA, u ma kienx jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li SEA kellha tieħu sabiex tiggarantixxi l-profittabilità ta’ SEA Handling.

(270)

Il-pjan jelenka l-miżuri li għandhom jiġu implimentati sabiex titjieb il-produttività tal-forza lavorattiva b’20 % mill-2006 (p. 17), iżda ma jevalwax l-effett ta’ tali żieda fil-produttività fuq il-prestazzjoni finanzjarja globali tal-kumpanija. Il-Kummissjoni tqis li l-pjan ma jistax jitqies bħala bbażat fuq ipoteżijiet kredibbli, peress li ma jinkludix xi miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-kawżi strutturali ta’ telf kroniku fil-ground handling, jiġifieri l-kosti lavorattivi eċċessivi (p. 23). Għall-kuntrarju, id-dokument jipprovdi għal żieda fil-kosti lavorattivi fil-ground handling f’dak il-perjodu (Anness 3, p. 13). Jipprevedi wkoll żieda fil-qligħ ta’ 37 % fil-introjti mis-servizzi ta’ ground handling (p. 30) mingħajr ma jagħti l-ebda ġustifikazzjoni realistika, b’mod partikolari meta wieħed iqis il-preżenza ta’ operaturi oħra ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Milan ajruporti u l-kompetizzjoni dejjem tikber fis-settur. Il-Kummissjoni tosserva li fir-rapport u l-kontijiet tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2003, SEA rrikonoxxiet li s-sehem tas-suq ta’ SEA Handling kien waqa’ b’riżultat tal-kompetizzjoni.

(271)

Kif il-Kummissjoni osservat fil-paragrafi 82-85 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-prestazzjoni ekonomika ta’ SEA Handling fuq il-bażi tal-pjan ta’ negozju konsolidat 2002-2006 u l-pjan ta’ negozju 2003-2007 ma kinitx sodisfaċenti.

Il-pjan ta’ negozju 2003-2007

(272)

Id-deċizjoni tal-ftuħ talbet b’mod ċar lill-awtoritajiet Taljani biex jissottomettu “l-pjan tan-negozju tal-2002 għal SEA Handling, ma’ kwalunkwe emendi sussegwenti, jew kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-istrateġija u r-ritorn għall-profitabbiltà ta’ SEA Handling”. Fl-osservazzjonijiet tagħhom l-awtoritajiet Taljani inizjalment ma rreaġixxewx. Bħala parti interessata, SEA finalment issottomettiet dokument intitolat “Piano d’impresa 2003-2007 di SEA Handling” (Pjan ta’ negozju 2003-2007 għal SEA Handling). Mit-titolu u l-forma tiegħu, madankollu, dan id-dokument huwa aktar preżentazzjoni tal-pjan ta’ negozju diġà msemmi li jiddeskrivi b’mod ġenerali l-ipoteżijiet fundamentali ewlenin għar-ritorn lejn il-profittabilità mbassar fil-previżjonijiet għall-2005 tal-kumpanija. Il-Kummissjoni tqis li fis-sustanza din il-preżentazzjoni tirriproduċi l-politika għal SEA Handling stabbilita fil-livell tal-grupp SEA fil-pjan ta’ negozju konsolidat ta’ SEA għall-2002-2006, iżda ma tispjegax bi preċiżjoni suffiċjenti l-miżuri biex tiġi żgurata l-profittabilità li investitur privat loġikament kien jistenna.

(273)

Il-pjan ta’ negozju 2003-2007 jiddeskrivi sitwazzjoni li hija kritika ħafna għal SEA Handling (kosti lavorattivi eċċessivi, żbilanċi organizzattivi sostanzjali, innovazzjoni teknoloġika mhux suffiċjenti u nuqqas li jittieħed vantaġġ minn ċerti elementi potenzjali ta’ introjtu, p. 1), li tista’ tirriżulta f’telf mis-sehem tas-suq u li dwar dan SEA Handling kienet taf tajjeb (p. 15); iżda l-miżuri għat-tnaqqis tal-kosti lavorattivi huma essenzjalment limitati għal noti qosra dwar politika’ ta’ inċentivar għall-irtirar kmieni, żieda fil-persunal temporanju u tnaqqis tas-sahra. SEA stmat li dan inaqqas il-kosti għall-persunal bi 3,1 % bejn l-2003 u l-2007.

(274)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, il-kosti lavorattivi kienu jammontaw għal 103,7 % tal-fatturat ta’ SEA Handling fl-2002, u għal 94,9 % fl-2003, filwaqt li ċ-ċifra korrispondenti għal operaturi indipendenti kienet ta’ anqas minn 70 % bħala medja; iżda SEA Handling stabbiliet għaliha nnifisha l-mira li tilħaq biss iċ-ċifra ta’ madwar 75 % sal-2005 u li żżomm ma’ dak il-livell minn hemm ‘il quddiem.

(275)

Barra minn hekk, SEA Handling kienet qed tipprevedi li dan it-titjib ikun jista’ jseħħ primarjament permezz ta’ żieda ta’ 25 % fil-fatturat bejn l-2003 u l-2007 (pp. 5 u 6 tal-pjan ta’ negozju), u mhux minn tnaqqis fil-kosti tal-persunal, li kien stmat li jkun biss madwar - 3,1 % bejn l-2003 u l-2007 (b’żieda żgħira fil-kosti lavorattivi fil-perijodu 2004-2007).

(276)

Il-Kummissjoni tqis li, meta wieħed jikkunsidra l-iskala ta’ ristrutturar meħtieġ, investitur privat kien jiffoka l-isforzi tiegħu biex jerġa’ jikseb il-profitabilita tal-intrapriża bis-saħħa ta’ miżuri interni li fuqhom ikollu l-aktar kontroll, essenzjalment relatati ma’ tnaqqis fil-kosti lavorattivi, li f’dak iż-żmien kienu ogħla mill-fatturat, aktar milli jantiċipa żieda fil-prezzijiet u d-domanda, fatturi li fuqhom SEA Handling kellha ħafna anqas kontroll.

(277)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-kuntratt iffirmat mal-Alitalia għall-perjodu 2001-2005 kien jipprevedi żieda ta’ 7 % fil-prezzijiet fl-2004 u fl-2005, żieda li aktar tard deher li kienet eċċessiva u li ġiet segwita bi tnaqqis fl-2006 u l-2007 fuq l-isfond ta’ tnaqqis fil-prezzijiet minħabba ambjent aktar kompetittiv. Minħabba li seta’ kien mistenni li l-liberalizzazzjoni tas-settur twassal fl-aħħar mill-aħħar għal tnaqqis fil-prezzijiet, il-Kummissjoni tqis li SEA ma tistax b’mod raġonevoli tippretendi li tnaqqis bħal dan kien “avveniment negattiv mhux prevedibbli”. Il-pjan ta’ negozju 2003-2007 għalhekk ma kienx ibbażat fuq prospetti realistiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur privat kien jantiċipa l-bidla fl-ambjent kompetittiv li ġġib magħha l-liberalizzazzjoni tas-settur, u ma kienx jimbarka fuq strateġija li tagħmel ir-ritorn lejn il-profittabilità jiddependi primarjament fuq żieda fil-fatturat.

(278)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-kisba tal-objettiv ta’ ritorn għall-vijabbiltà sal-2005 ma kinetx realistika jekk l-uniċi miżuri meħuda kienu dawk meqjusa bħala meħtieġa minn SEA skont l-indikazzjonijiet fil-pjan ta’ negjozju 2003-2007 u l-pjan ta’ negozju konsolidat 2002-2006.

(279)

Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2011, l-awtoritajiet Taljani ma setgħux jipprovdu l-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling li kienet approvat il-miżuri deskritti fil-pjan ta’ negozju ta’ SEA Handling. Minflok, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni l-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA li saret fit-23 ta’ Lulju 2003, li fiha kien ġie approvat pjan ta’ negozju konsolidat għall-grupp SEA. F’dik l-okkażjoni, skont l-estratt tal-minuti ipprovvdut, il-pjan ta’ negozju 2003-2007 għal SEA Handling ġie biss ippreżentat biss, u konsegwentement ma ġiex approvat.

(280)

Fir-rigward tal-possibilità ta’ emenda għall-pjan inizjali ta’ negozju, jew l-abbozzar ta’ pjan ta’ negozju sussegwenti, il-Kummissjoni tikkonkludi, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani bi tweġiba għat-talba tagħha tal-11 ta’ Lulju 2011, li wara din l-okkazjoni, il-bżonn ta’ programm ta’ rkupru ġdid ġie diskuss biss waqt il-laqgħa tal-bord tad-diretturi fil-21 ta’ Diċembru 2006, meta kien ġie deċiż li l-president kellu pjan iddettaljat ta’ ristrutturar. F’dik l-okkażjoni ma kien issemma xejn dwar pjan ta’ ristrutturar li kien qed jiġi implimentat fil-mument.

Il-pjan strateġiku 2007-2012

(281)

L-istrateġija ppjanata minn SEA ġiet sussegwentement imfissra f’dokument abbozzat minn konsulent estern li ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling fil-31 ta’ Mejju 2007. Dan id-dokument, imsejjaħ “Executive Summary – Linee guida del piano strategico 2007-2012 del gruppo SEA – 11 maggio 2007” (Sommarju Eżekuttiv: Linji gwida għall-pjan strateġiku tal-grupp SEA 2007-2012 il-11 ta’ Mejju 2007), huwa preżentazzjoni esterna tax-xenarji possibbli ta’ żvilupp għall-grupp SEA, u jagħti biss deskrizzjoni fil-qosor tas-sitwazzjoni ta’ SEA Handling, biss fuq żewġ paġni (pp. 8 u 12), sempliċement billi jindika l-ħtieġa assoluta biex terġa’ tinkiseb il-profittabilità sal-2012. Ma jissemmew l-ebda miżuri speċifiċi biex il-kumpanija terġa’ tibda tagħmel il-qligħ. Il-Kummissjoni għalhekk tikkontesta l-istqarrija tal-awtoritajiet Taljani li dan id-dokument jippreżenta l-istrateġija tal-grupp SEA għal 2007-2012 fi tliet fażijiet. L-unika miżura strateġiku diskussa waqt il-laqgħa kienet ir-riorganizzazzjoni tal-mudell ta’ produzzjoni b’indikazzjoni qasira ta’ ċerti miżuri ta’ rkupru.

(282)

Barra minn hekk, kif diġà ġie enfasizzat, il-pjan jikkonferma li operaturi li mhumiex vertikalment integrati jipprovdu servizzi li huma aħjar f’termini ekonomiċi minn dawk tal-operaturi tal-ajruporti li żammew kontroll fuq l-operaturi ta’ ground handling.

Il-pjan strateġiku 2009-2016

(283)

Skont l-awtoritajiet Taljani, meta l-Alitalia wettqet dehubbing tal-ajruport ta’ Malpensa fl-2007, SEA kkunsidrat li twarrab il-mudell ta’ hub minħabba li t-trasportatur li fuqu l-mudell kien ibbażat ma baqax juża l-ajruport. Konsegwentement, tfassal pjan strateġiku ġdid minn konsulent estern (“Piano strategico 2009-2016”) li ġie ppreżentat lill-bord tad-diretturi ta’ SEA, li approvah-15 ta’ Lulju 2008. Dan id-dokument juri l-istess karatteristiċi bħal dak ta’ qablu, li ma jagħti ebda dettalji ta’ miżuri relatati mal-irkupru ppjanat ta’ SEA Handling ħlief għal deskrizzjoni qasira ta’ aspetti li jirrigwardaw reviżjoni kuntrattwali u titjib maniġerjali u wkoll proċeduri ta’ emerġenza bħalma huwa l-fond straordinarju għas-sensji (cassa integrazione).

(284)

Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, l-objettiv primarju ta’ SEA skont dan il-pjan huwa li Malpensa jiġi żviluppat bħala hub ewlieni billi jiġi identifikat trasportatur ġdid “fi żmien ħames snin”” (p. 5). Skont il-pjan ta’ diżinvestiment ta’ SEA Handling, huwa essenzjali dan l-objettiv jinkiseb sal-2010 (pp. 12, 35 u 37). Il-Kummissjoni tosserva li l-pjan ma fih l-ebda referenza għall-mudell ta’ hub virtwali, u lanqas ma jgħid li l-istrateġija ta’ żvilupp hija bbażata fuq mudell ġdid ta’ negozju u neċessarjament tinvolvi l-integrazzjoni vertikali ta’ SEA Handling. Il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA Handling fit-13 ta’ Ġunju 2008 bl-istess mod tikkonferma li l-objettiv ta’ SEA f’dak iż-żmien ma kinitx li ssir hub vitwali, iżda li tattira trasportatur ġdid ta’ hub. Il-minuti tal-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ SEA tal-15 ta’ Lulju 2008 jiddeskrivu wkoll id-diżinvestiment minn SEA Handling sal-2010 bħala fattur ewlieni fis-sostenibbiltà tal-pjan.

(285)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li d-dokument “VIA Milano”, ippreżentat mill-awtoritajiet Taljani fit-28 ta’ Ġunju 2012, jinkludi deskrizzjoni tal-mudell ta’ hub virtwali. Id-dokument jissuġġerixxi li SEA kienet qed issegwi din l-istrateġija mill-2011. Iżda lanqas hawn m’hemm xi suġġeriment li l-mudell ta’ hub virtwali jirrekjedi l-integrazzjoni vertikali tal-operaturi tal-ajruport u tal-ground handling.

(286)

Il-pjan jikkonferma li mill-2001 ‘l quddiem l-operaturi tal-ajruporti ewlenin tal-Ewropa ftit ftit abbandunaw is-suq tal-ground handling, bir-riżultat li fih daħlu operaturi indipendenti ġodda (p. 28).

Il-pjan ta’ negozju 2011-2013

(287)

Fl-aħħar nett, SEA tistqarr li fis-27 ta’ Ġunju 2011 il-bord tad-diretturi tagħha approva dokument bit-titlu “Piano d’impresa di SEA 2011-2013” (Pjan ta’ negozju 2011-2013 ta’ SEA), li fost affarijiet oħra enfasizza “il-ħtieġa li titkompla l-istrateġija ta’ titjib fl-effiċjenza tal-ground handling”. Il-Kummissjoni tosserva, madankollu, li dan id-dokument fih biss projezzjonijiet finanzjarji, u ma jsemmi ebda miżura speċifika b’referenza għal SEA Handling.

(288)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta’ negozju jindika li l-imposti relatati mal-kosti lavorattivi mġarrba minn SEA Handling kienu baqgħu prattikament l-istess mill-2009 (ara t-tabella dwar il-kosti lavorattivi).

(289)

Il-Kummissjoni tikkonkludi, għalhekk, li l-awtoritajiet Taljani ma kinunx kapaċi jipprovdulha pjani ta’ negozju biżżejjed dettaljati għal SEA Handling, u lanqas kwalunkwe dokumenti oħra li jistgħu jiddeskrivu l-istrateġija ta’ ristrutturar u l-implimentazzjoni tagħha matul il-perjodu in kwistjoni, u ħafna anqas ma pprovdew xi dokumenti li jistgħu juru li din l-istrateġija kienet mill-bidu tipprevedi n-neċessità jew il-possibbiltà li jiġi koperti it-telf ta’ SEA Handling għal perjodu ddikjarat u għal ammonti ddikjarati. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-awtoritajiet Taljani ma kinux kapaċi jipproduċu evidenza konkreta ta’ strateġija ta’ ristrutturar għal SEA Handling li f’għajnejn investitur privat prudenti tiġġustifika l-kopertura temporanju tat-telf tagħha bil-ħsieb li tirritornaha lejn il-profittabilità. Dan huwa sorprendenti fil-każ preżenti peress li operatur privat, li jħares lejn kumpanija li kienet qed takkumula t-telf sa minn mindu twaqqfet xi snin ilu, kien jitlob għal verifika fil-fond u għal miżuri preċiżi li għandhom jittieħdu qabel ma jinvesti riżorsi fil-kumpanija.

(290)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ SEA Handling li l-fatt li SEA Handling kienet kważi laħqet il-punt ta’ ekwilibriju fl-2011/2012 huwa turija tar-razzjonalità tal-istrateġija ta’ SEA li tkopri t-telf ta’ SEA Handling tul il-perjodu kollu, biex b’hekk turi li l-injezzjonijiet tal-kapital issodisfaw it-test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Minħabba li t-telf ta’ SEA Handling kien kopert kontinwament għal kważi għaxar snin, mhuwiex sorprendenti li SEA Handling finalment irritornat għall-profittabilità. Kwalunkwe impriża li tkun irċeviet l-istess appoġġ finanzjarju se tkun kapaċi terġa’ tagħmel il-qligħ permezz ta’ miżuri ta’ ristrutturar limitati. Iżda din il-prospettiva ma tkunux biżżejjed biex tissodisfa investitur privat, li jitlob mill-inqas projezzjoni li turi li l-qligħ mistenni mill-istrateġija ta’ kopertura tat-telf fuq perjodu medju u twil – f’termini ta’ dividendi, żieda fil-valur tal-ishma, prevenzjoni ta’ dannu lill-immaġini, eċċ – tkun waħda li tiżboq il-kapital injettat biex ikun ikkumpensat telf ta’ din ix-xorta. Il-Kummissjoni tosserva li l-ebda pjan ta’ negozju ppreżentat mill-Italja ma jipprovdi tbassir li jipprova juri li l-istrateġija ta’ kopertura tat-telf tul perjodu daqstant twil tkun ekonomikament aktar vantaġġuż għal SEA milli diżinvestiment minn SEA Handling, jew li jipprova jnaqqas il-perjodu ta’ ristrutturar bil-għan li terġa’ tinkiseb il-profittabilità fi żmien raġonevoli u biex jiġi mminimizzat it-telf.

(291)

Minħabba t-telf ripetut ta’ SEA Handling kull sena matul il-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni tqis li SEA Handling kienet qed tagħmel it-telf għal perjodu li kien twil wisq biex jitqies bħala “perjodu limitat” skont it-tifsira tas-sentenza ENILanerossi (59). SEA Handling ilha tagħmel it-telf minn mindu twaqqfet fl-2002, u fl-aqwa xenarju tista’ tibda tagħmel il-qligħ mhux qabel l-2012, skont it-tbassir ta’ SEA fl-2011. Id-deċiżjonijiet sabiex jiġi koperti it-telf ittieħdu sena b’sena, u t-telf annwali ripetut ma wassalx għal bidla fl-istrateġija ta’ SEA jew għal xi miżuri ta’ ristrutturar aktar radikali.

(292)

Fir-rigward tat-tieni argument, dwar kunsiderazzjonijiet oħra minbarra s-sempliċi profitt finanzjarju, il-Kummissjoni, għar-raġunijiet diġà msemmija qabel, tikkontesta l-preokkupazzjonijiet iċċitati mnn SEA rigward il-livell ta’ kwalità allegatament mhux suffiċjenti li fornitur estern kien ikun kapaċi jipprovdi, ħaġa li, skont l-argument, kien ikollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp u l-prestazzjoni ġenerali ta’ SEA u setgħet tesponi lil SEA għal responsabbiltà minħabba xi ħsara.

(293)

Kif diġà ġie osservat, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Taljani u SEA ma pprovdewx dettalji dwar il-ħsara potenzjali għall-immaġini ta’ SEA jew il-ħsara li l-passiġġieri setgħu jsofru. Huma ma kkwantifikawx dawn id-danni lanqas wara d-deċiżjoni tal-ftuħ. Madankollu SEA rrikonoxxiet li tali telf seta’ faċilment jiġi kkonfermat minn studju tas-suq. Il-Kummissjoni hija tal-fehma, għalhekk, li n-nuqqas ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tad-dannu għall-immaġini ta’ SEA, jew tar-responsabbiltajiet tagħha, jew tal-prospetti ta’ redditu indirett fuq perjodu twil, huwa partikolarment dannuż għal kwalunkwe tentattiv biex jintwera li l-miżuri huma kompatibbli mat-test tal-investitur privat prudenti meta wieħed iqis l-iskala tal-injezzjonijiet ta’ kapital involuti. Azzjonist prudenti kien jagħmel evalwazzjoni ekonomika ta’ dawn ir-riskji u l-prospetti qabel ma jħallas total ta’ EUR 359,644 miljun (60).

(294)

Tressaq l-argumentat li l-għan li jiġu mmassimizzati l-profitti fit-tul tal-grupp SEA għandu jipprevali fuq il-profittabilità finanzjarja ta’ SEA Handling, iżda dan jinjora l-fatt li kieku SEA ma koprietx b’mod sistematiku t-telf tas-sussidjarja tagħha, il-profitti tagħha kienu jkunu ħafna akbar. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani ma ppreżentaw l-ebda evidenza li tista’ turi li, għat-tul, SEA kienet tikseb profittabilità akbar billi ssegwi l-istrateġija tagħha li tkopri t-telf, pjuttosti milli billi tieħu miżuri aktar drastiċi ta’ ristrutturar jew l-esternalizzazzjoni totali jew parzjali tas-servizzi tagħha ta’ ground handling.

(295)

Skont it-termini użati fis-sentenza ENI-Lanerossi, il-Kummissjoni tqis li SEA Handling ma kinitx qed “tesperjenza diffikultajiet temporanji” iżda kellha problema strutturali serja, u li t-telf tagħha ma kienx kopert minn SEA għal “perjodu limitat”. Barra minn hekk, kieku t-telf ġie kopert “sabiex [is-sussidjarja] setgħet tagħlaq l-operazzjonijiet tagħha taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli”, għandu jiġi osservat li mill-2001 SEA inizjat biss żewġ proċeduri ta’ offerti kompetittivi, jew tal-anqas li l-kundizzjonijiet ottimali ma nkisbux fi żmien raġonevoli. Fi kwalunkwe każ, dak l-objettiv ma jistax minnu nnifisu juri li l-miżuri jikkonformaw mat-test tal-investitur privat prudenti.

(296)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ssib li l-pjani ta’ negozju ppreżentati lilha mhumiex ibbażati fuq tbassir realistiku tal-iżvilupp tan-negozju ta’ SEA Handling jew tas-settur, u ma jipprovdux l-analiżi ta’ xenarji alternattivi li investitur privat diliġenti kien jippretendi f’sitwazzjoni simili.

Il-prestazzjoni ekonomika ta’ SEA Handling

(297)

Filwaqt li l-prestazzjoni ekonomika ta’ SEA Handling wara d-deċiżjoni biex jiġi kopert it-telf tagħha għal sena partikolari ma tippermettix li jsir ġudizzju f’dak li għandu x’jaqsam mal-konformità mat-test tal-investitur privat, ir-riżultati tagħha qabel tali deċiżjoni, u partikolarment id-direzzjoni li lejha kienu sejrin, jikkjarifikaw fil-fatt il-kuntest fattwali li fih ittieħdet id-deċiżjoni. Il-korrelazzjoni bejn il-miżuri ta’ ristrutturar applikati lil SEA Handling u r-riżultati li pproduċew matul il-perjodu in kwistjoni neċessarjament kien ikollha mill-inqas influwenza fuq deċiżjoni minn investitur privat dwar jekk għandux ikompli, jew le, ikopri t-telf tal-kumpanija. Għalhekk jeħtieġ li jiġu analizzati f’dan il-kuntest.

(298)

L-awtoritajiet Taljani u SEA jirrikonoxxu b’mod impliċitu dan il-prinċipju meta jgħidu li l-progressjoni pożittiva tar-riżultati ekonomiċi ewlenin ta’ SEA Handling matul il-perjodu 2003-2004 kienu, fl-opinjoni tagħhom, inkoraġġanti, u juru li kien possibbli li jkun hemm ritorn għall-profittabilità. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, madankollu, il-Kummissjoni osservat li, bejn l-2003 u l-2005, it-telf tal-kumpanija baqa’ aktar minn EUR 40 miljun; il-marġni gross operattiv tagħha baqa’ negattiv; il-kosti lavorattivi għal kull unità żdiedu b’ 7,6 %; il-kosti totali naqsu biss b’madwar 3 %; u l-introjtu żdied b’madwar 4,5 %.

(299)

Jekk wieħed iwarrab il-valutazzjoni negattiva tal-Kummissjoni tal-livell ta’ preċiżjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturar sottomessi mill-awtoritajiet Taljani, ta’ min jinnota li l-indikaturi ta’ żvilupp ekonomiku b’saħħtu rreġistrati matul il-perjodu, partikolarment dawk relatati essenzjalment mal-miżuri interni adottati u mhux ibbażat fuq fatturi esterni, li fuqhom il-kumpanija ma kellha l-ebda influwenza, jippermettu li ssir evalwazzjoni diretta tal-iskala tal-miżuri ta’ ristrutturar li fil-fatt ġew implimentati. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ tnaqqis osservat fil-kosti għall-persunal li jirriżulta minn żieda fil-produttività, tnaqqis fil-kosti lavorattivi għal kull unità u tnaqqis fl-ammont ta’ impjegati.

(300)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-indikaturi tal-kwalità, bħal bidliet fil-ħinijiet ta’ stennija għal bagalji li jaslu u l-puntwalità tas-sejħiet għat-tluq ġestiti minn SEA, filwaqt li huma utli għall-evalwazzjoni tal-kompetittività tas-servizzi offruti, ma jistgħux jintużaw biex jiġġudikaw l-iskala tal-miżuri ta’ ristrutturar.

(301)

Rigward ir-riżultati ekonomiċi attwalment miksuba, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tal-grafiċi u t-tabelli fit-Taqsima 2.4.

(302)

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li skont id-dejta murija fit-Tabella 3 kien osservat tkabbir fil-produzzjoni ta’ 22 % bejn l-2004 u l-2010. SEA stqarret li dan it-titjib kien ir-riżultat ta’ użu aħjar u aktar flessibbli tar-riżorsi umani, l-esternalizzazzjoni ta’ servizzi bi produttività baxxa (pereż. it-tindif tal-kabini), u superviżjoni aħjar tal-persunal (b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis tar-rata ta’ assenza).

(303)

SEA ssostni li SEA Handling ma laħqitx il-mira li tikseb il-profittabilità sal-2005 jew mhux iktar tard mill-2007 l-aktar minħabba telf ta’ introjtu, li jirriżulta b’mod partikolari minn tnaqqis fil-prezzijiet, inklużi dawk imħallsa mill-Alitalia mill-2006 ‘l quddiem u miż-żieda fil-kosti lavorattivi għal kull unità. Fl-aħħar nett, SEA tiddikjara li l-livell aktar baxx milli mistenni ta’ traffiku kellu riperkussjonijiet fuq l-introjtu bejn l-2002 u l-2007.

(304)

Rigward il-kosti lavorattivi, il-Kummissjoni tosserva li l-kosti lavorattivi għal kull unità żdiedu bi kważi 10 % bejn l-2003 u l-2010. SEA ssostni li l-kapaċità tagħha biex tikseb tnaqqis sinifikanti għall-kosti operattivi tagħha kienet limitata. Hija tgħid li l-qawwa tal-unjons f’negozjati għal ftehimiet kollettivi, u r-rwol politiku tagħhom fl-Italja rrestrinġew il-possibilità tagħha ta’ manuvrar fuq perjodu qasir. It-tnaqqis fl-għadd tal-persunal kien sostanzjali, iżda ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa għaż-żieda fil-kosti lavorattivi għal kull unità qabel l-2008, u lanqas biex jitnaqqsu l-kosti lavorattivi b’mod sinifikanti (- 38 % bejn l-2008 u l-2010). Il-Kummissjoni tieħu nota hawnhekk tal-minuti tal-bord tad-diretturi laqgħa tal-21 ta’ Diċembru 2006, li fih wieħed mill-membri rrimarka li s-sitwazzjoni ta’ SEA Handling kienet għadha “allarmanti ħafna”. Il-fatt li mill-2008 ‘il quddiem SEA Handling irnexxielha tnaqqas konsiderevolment il-kosti lavorattivi tagħha juri li saru sforzi konsiderevoli f’dan il-qasam. Iżda fil-kuntest tal-każ dan il-fatt ma jurix li l-injezzjonijiet tal-kapital kienu konformi mat-test tal-investitur privat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni diġà osservat li l-injezzjonijiet ta’ kapital li saru mill-2007 ‘l quddiem ma jistgħux jiġu eżaminati mingħajr ma jitqiesu l-injezzjonijiet preċedenti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li dawn ma kinux ibbażati fuq analiżi finanzjarja u pjanijiet ta’ negozju komparabbli ma’ dawk li kien jitlob investitur privat.

(305)

Rigward it-tnaqqis fil-prezzijiet impostj mill-Alitalia, il-Kummissjoni tosserva li l-kuntratt iffirmat mal-Alitalia għall-perjodu 2001-2005 kien jipprevedi żieda ta’ 7 % fil-prezzijiet fl-2004 u fl-2005, żieda li aktar tard deher li kienet eċċessiva u ġiet segwita bi tnaqqis fl-2006 u l-2007 fuq sfond ta’ tnaqqis fil-prezzijiet minħabba ambjent aktar kompetittiv. Minħabba li seta’ kien mistenni li l-liberalizzazzjoni tas-settur fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta fi tnaqqis fil-prezzijiet, il-Kummissjoni tqis li SEA ma tistax b’mod raġonevoli tippretendi li t-tnaqqis, li kien fil-parti l-kbira tiegħu aġġustament wara żieda li kienet eċċessiva u reazzjoni għad-dħul ta’ kompetitur, Aviapartner, fl-2006, kien “avveniment negattiv mhux prevedibbli”. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur privat kien jantiċipa l-bidla fl-ambjent kompetittiv li ġġib magħha l-liberalizzazzjoni tas-settur. Pereżempju, tali investitur ma kienx iserraħ moħħu minn żieda fil-prezzzijiet ta’ 9 % bejn l-2003 u l-2007 (61), u kien jistenna li s-sehem tas-suq ta’ SEA Handling, filwaqt li essenzjalment jirrifletti status ta’ monopolju, kien jiċkien.

(306)

Skont SEA, “avveniment mhux prevedibbli” ieħor li kellu riperkussjonijiet serji negattivi ir-ritorn ta’ SEA Handling għall-vijabbiltà kien it-telf ta’ introjtu wara l-2008 li rriżulta mid-deċiżjoni tal-Alitalia li tnaqqas is-servizzi tagħha f’Malpensa. Il-Kummissjoni tagħraf is-sinifikat ta’ dan l-irtirar għall-introjtu ta’ SEA Handling, iżda hija tal-fehma li l-isforzi ta’ SEA biex ittejjeb is-sitwazzjoni ta’ SEA Handling ġew intensifikati meta l-irtirar kien tħabbar fl-2007. L-għadd ta’ FTEs operattivi naqas bi kważi 41 % bejn l-2007 u l-2010. Bħala riżultat, il-kosti lavorattivi naqsu bejn l-2007 u l-2009, filwaqt li t-tkabbir fil-produttività aċċellera. Kosti operattivi oħra wkoll naqsu b’40 % bejn l-2007 u l-2010. Kollox ma’ kollox, grazzi għal dan it-tnaqqis tal-kosti wara li l-Alitalia naqqset is-servizzi, il-marġini operattiv gross tal-kumpanija tjieb, minkejja tnaqqis fil-fatturat tagħha. Madankollu, dawn ir-riżultati ma poġġewx lil SEA Handling fil-pożizzjoni li tirritorna għall-ekwilibrju ekonomiku fi żmien qasir, minkejja l-għajnuna mogħtija preċedentement. Barra minn hekk, f’xenarju kontrafattwali li fih l-Alitalia kienet tkompli bis-servizzi tagħha f’Malpensa u s-sehem tas-suq ta’ SEA Handling kien jibqa’ fil-livell tal-2005 kif indikat mill-awtoritajiet Taljani, il-kalkoli jissuġġerixxu li SEA Handling setgħet kellha t-tama li terġa’ lura lejn il-profittabilità fl-2009, iżda l-Kummissjoni hija tal-fehma li l-isforzi biex jitnaqqsu l-kosti fil-perjodu in kwistjoni ma kinux ikunu daqstant estensivi kieku l-Alitalia ma rtiratx (62). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li għal stima ta’ konformità mal-prinċipju tal-investitur privat, mhux biżżejjed li wieħed jiddependi fuq il-valutazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara li jkun ingħata l-vantaġġ, wara sejba retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kien tassew profittabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti tat-tip ta’ azzjoni li attwalment tkun intgħażlet ... fejn ikun jidher li t-test tal-investitur privat jista’ jkun applikabbli, il-Kummissjoni hi fid-dmir li titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tiddetermina jekk il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikabilità u l-applikazzjoni ta’ dak it-test ikunux issodisfati, u ma tistax tirrifjuta li teżamina dik l-informazzjoni sakemm l-evidenza ppreżentata tkun ġiet stabbilita wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jsir l-investiment in kwistjoni (63).

(307)

L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-gravità potenzjal tas-sitwazzjoni wara l-irtirar tal-Alitalia ħeġġeġ lil SEA biex tagħmel sforzi biex jittejbu l-kosti.

(308)

Fl-aħħar nett, SEA Handling iddikjarat ukoll li avvenimenti mhux mistennija kellhom impatt negattiv fuq ir-riżultati tagħha, u rreferiet b’mod partikolari għall-effetti fuq il-fatturat tagħha tas-SARS, it-theddid terroristiku wara li faqqgħet il-gwerra tal-Iraq fl-2003, u l-isbroff tal-vulkan Eyjafjallajökull fl-2010. Il-Kummissjoni tosserva li l-unika kwantifikazzjoni tal-impatt ta’ dawn l-avvenimenti fuq il-fatturat ta’ SEA Handling saret fl-istudju ta’ RBB Economics tal-1 ta’ Ġunju 2011. Iżda hawnhekk l-istudju sepliċement jirrepeti d-dikjarazzjonijiet magħmula minn SEA Handling, jiġifieri li s-SARS u t-theddid terroristiku wara li faqqgħet il-gwerra fl-Iraq fl-2003 kienu wasslu għal tnaqqis ta’ 3 % fil-fatturat, u l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull kienet ikkawżat tnaqqis ta’ EUR 1,5 miljun fil-fatturat. L-analiżi kontrafattwali hija bbażata fuq dawn l-presuppożizzjonijiet, u ma tipprovdi l-ebda mezz biex bih jiġu evalwati l-effetti tal-avvenimenti in kwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li anke kieku l-istimi ta’ SEA kellhom jitqiesu bħala affidabbli mingħajr ebda evidenza ta’ sostenn, l-effetti tal-avvenimenti mhux prevedibbli indikati fl-istudju ta’ EBB Economics xorta ma jiġġustifikawx realistikament l-injezzjonijiet kontinwi ta’ kapital minn SEA, li ammontaw għal kważi EUR 360 miljun għall-perjodu 2002-2010. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li investitur li jkun qed jopera taħt kundizzjonijiet tas-suq probabbilment ikun għamel studju immedjatament wara avvenimenti ta’ din ix-xorta, pjuttost milli jagħmlu bosta snin aktar tard, sabiex jevalwa l-impatt tagħhom u jiddeċiedi jekk għandux ibiddel l-istrateġija tiegħu, ikomplix mal-istrateġija fis-seħħ, jew jemendax il-pjan ta’ negozju tiegħu. Iżda peress li l-istudju ta’ RBB Economics sar diversi snin wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li dan ma jikkorrispondix mal-imġieba ta’ investitur privat prudenti, iżda twettaq għall-iskopijiet ta’ dawn il-proċeduri preżenti, sabiex tintwera ex post ir-razzjonalità ekonomika presunta tal-imġiba ta’ SEA. L-istudju għaldaqstant ma jistax jittieħed f’kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li preċiżament sabiex tiżgura l-profittabilità tal-investiment tagħhom anki wara avvenimenti negattivi, investituri privati jitolbu analiżijiet finanzjarji li jindikaw ir-redditu fuq l-investiment tagħhom f’xenarji batuti, partikularment f’industriji bħalma huma t-trasport bl-ajru, li min-natura tiegħu huwa espost għal fatturi ta’ riskju li huma barra l-kompetenza u l-kontroll tal-operaturi. La l-Italja u lanqas SEA qatt ma wrew li saret analiżi bħal din fiż-żmien tal-miżuri in kwistjoni.

(309)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-isforzi biex jitnaqqsu l-kosti, għalkemm kienu sostanzjali f’diversi aspetti wara t-twaqqif tal-kumpanija, u partikolarment wara l-2007, ma kinux biżżejjed biex jipprevedu ritorn għall-profittabilità, jew imbagħad biss fuq medda twila ta’ żmien, jiġifieri f’aktar minn għaxar snin, u mingħajr ma jitqies ir-riskju li jkun hemm bżonn li tingħata lura kwalunkwe għajnuna illegali mogħtija fil-passat. Mhuwiex sorprendenti li wara li rċeviet sostenn pubbliku għal tant snin SEA tejbet ir-riżultati tagħha, iżda l-Kummissjoni tqis li minħabba l-istruttura estremament tqila tal-kosti ta’ SEA Handling u l-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq, investitur privat kien jipprova jwettaq operazzjoni ta’ ristrutturar ħafna aktar estiża fl-2002 qabel ma jaqbel sabiex ikopri t-telf għaż-żmien meħtieġ biex jitlesta l-proċess ta’ ristrutturar u biex jinkiseb redditu raġonevoli fuq l-investiment tiegħu fi żmien raġonevoli.

Paragun mal-profitti ta’ operaturi oħra

(310)

Il-Kummissjoni tiċħad l-argument li ma jista’ jsir l-ebda paragun mal-prestazzjoni ekonomika ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ground handling li jkunu ta’ “natura differenti” (l-awtoritajiet Taljani jikkwotaw operaturi tal-ajruport li joperaw b’kontijiet separati, operaturi tal-ajruport li joperaw kumpaniji separati, linji tal-ajru li jipprovdu s-servizzi ta’ ground handling tagħhom stess, u fornituri esterni, li jista’ mbagħad jinqasmu f’fornituri b’netwerks domestiċi jew netwerks internazzjonali u SMEs) jew b’qasam differenti ta’ attività (xi fornituri joffru s-servizzi kollha ta’ ground handling filwaqt li oħrajn joffru biss uħud).

(311)

L-għan proprju li jiġi lliberalizzat is-settur huwa li tiġi stimolata l-kompetizzjoni sabiex il-fornituri bl-aktar mudelli kummerċjali kompetittivi jkunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom fis-suq, għall-benefiċċju tal-utenti, tal-linji tal-ajru u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-utenti. Il-Kummissjoni tqis li l-operaturi li magħhom l-awtoritajiet Taljani ma jixtiqux li jqabblu SEA Handling huma madankollu f’kompetizzjoni attwali jew potenzjali magħha. L-argument tal-awtoritajiet Taljani de facto jġib l-għadd ta’ kompetituri komparabbli ma’ SEA Handling għal żero, peress li l-ebda operatur ma jipprovdi eżattament il-firxa ta’ servizzi li bħalissa huma offruti minn SEA Handling, anki fejn dak l-operatur ikun tal-istess “natura”, jiġifieri impriża marbuta ma’ operatur tal-ajruport iżda li topera bħala kumpanija separata. Dan meta wieħed ma jqisx il-fatt li SEA tikkunsidra li l-Kummissjoni għandha wkoll tqis il-metodi li bihom id-Direttiva 96/67/KE ġiet implimentata sabiex jitqabblu s-servizzi pprovduti minn fornituri li joperaw f’suq minbarra l-Italja.

(312)

Bosta fornituri ta’ servizzi ta’ ground handling, huma strutturalment profittabbli. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li operaturi oħra ta’ ground handling setgħu ġarrbu telf fl-istess perjodu ma jurix ir-razzjonalità tal-imġiba ta’ SEA, imma pjuttost jidher li jindika l-kuntrarju, peress li kwalunkwe kumpanija li tkun qed taffaċċja diffikultajiet ekonomiċi se tara kif tiffoka fuq l-attivitajiet ċentrali tagħha u tabbanduna kwalunkwe investimenti f’attivitajiet li jiġġeneraw telf strutturali jew li huma inqas profittabbli. Kif diġà indikat bosta drabi, fi tnejn mill-pjani ta’ negozju ppreżentati, SEA Handling enfasizzat li t-tendenza fis-suq fil-perjodu inkwistjoni kien lejn it-tmiem tal-investiment mill-operaturi tal-ajruporti f’servizzi ta’ ground handling, u li l-operaturi li kienu ssottokkuntrattaw is-servizzi ta’ ground handling kienu ġeneralment aktar profitabbli mill-operaturi integrati vertikalment.

(313)

Għal raġunijiet simili, il-Kummissjoni jkollha tiċħad l-argument ta’ SEA li l-uniku operatur komparabbli kienet […] (64), li hija preżunta li sofriet telf fil-perjodu 2004-2006 (65) u ssottokkuntrattatx is-servizzi ta’ groundhandling tagħha. L-ewwel nett, […] għadha kkontrollata mill-Istat, b’mod li l-imġiba tagħha ma tistax titqies bħala tipika ta’ operaturi privati (66). It-tieni, il-Kummissjoni m’għandhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tiddetermina jekk […] kinitx irċeviet għajnuna finanzjarja għas-servizzi ta’ ground handling tagħha komparabbli f’termini ta’ ammont jew it-tul ma’ dik li rċeviet SEA Handling.

(314)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-paragun li sar minn SEA Handling ma’ […] u ma’ […] bħala sinifikanti. SEA Handling issostni li dawk l-operaturi kienu ġarrbu telf imġarrab minn servizzi pprovduti f’dawk l-ajruporti mingħajr ma tat prova suffiċjenti (67). Barra minn hekk, jidher li riżultati negattivi ta’ dawk l-operaturi kienu parzjalment konsegwenza tal-għajnuna li rċeviet SEA Handling. Kieku SEA Handling ma rċevietx injezzjonijiet ripetuti ta’ kapital min-naħa ta’ SEA, kien ikollha ssir insolventi, u kienet tgħaddi minn proċess ta’ ristrutturar aktar rapidu u profond minn dak li fil-fatt għaddiet minnu. L-istruttura tas-suq kienet tinbidel, u l-kompetituri kien ikollhom l-opportunità li jżidu s-sehem tagħhom fis-suq u jtejbu l-profitti tagħhom.

(315)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-injezzjonijiet ta’ kapital inkwistjoni ma jgħaddux mit-test tal-investitur privat u konsegwentement li huma taw lil SEA Handling vantaġġ li ma kienx ikollha b’kundizzjonijiet normali tas-suq.

8.2.4.   L-EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ BEJN L-ISTATI MEMBRI U D-DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI

(316)

Il-miżuri jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħlqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern peress li jiffavorixxu impriża waħda, li hija f’kompetizzjoni ma’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ground handling fl-ajruporti ta’ Malpensa u Linate kif ukoll mal-fornituri l-oħra kollha awtorizzati li joperaw hemmhekk, li ħafna minnhom joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, b’mod speċjali minn mindu l-liberalizzazzjoni tas-settur daħlet fis-seħħ fl-2002.

8.2.5.   KONKLUŻJONI

(317)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżuri meħuda minn SEA biex tkopri t-telf ta’ SEA Handling jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

8.3.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

(318)

Peress li tqis li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tagħhom fid-dawl tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) u (3).

(319)

L-Artikolu 107(2) mhuwiex applikabbli b’mod ċar, minħabba n-natura tal-miżuri in kwistjoni, u la ġie invokat mill-Italja u lanqas mnn SEA.

(320)

Rigward l-Artikolu 107(3), fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mal-Linji Gwida għas-Settur tal-Avjazzjoni. Dawk il-linji gwida jistabbilixxu l-mod li bih il-Kummissjoni tevalwa l-finanzjament pubbliku ta’ servizzi tal-ajruport skont ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.

(321)

Rigward is-sussidjar tas-servizzi tal-ajruport, il-Linji gwida għas-settur tal-avjazzjoni jirreferu għad-Direttiva 96/67/KE, skont liema, f’limitu ta’ ‘l fuq minn żewġ miljun passiġġier, is-servizzi ta’ ground handling iridu jkunu awtofinanzjati, u ma jridux jiġu kontrosussidjati minn dħul ieħor kummerċjali tal-ajruport jew minn riżorsi pubbliċi mogħtija lilhom bħala awtorità tal-ajruport jew operatur ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(322)

Għalhekk irid jiġi indikat li l-issussidjar ta’ attivitajiet bħal dawn mill-awtoritajiet pubbliċi imur kontra l-obettivi stabbiliti mid-Direttiva 96/67/KE u jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-liberalizzazzjoni tas-suq.

(323)

B’hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Linji gwida għas-settur tal-avjazzjoni.

(324)

Fl-alternattiva, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni biex tevalwa l-kompatibilità tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u l-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar. L-awtoritajiet Taljani ma fittxewx li jiddependu fuq l-ebda bażi legali oħra li tista’ turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3), u lanqas ma ppreżentaw xi evidenza biex juru kompatibbiltà ta’ din ix-xorta lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Taljani fil-fatt iddikjaraw li l-Linji gwida għas-settur tal-avjazzjoni mhumiex applikabbli għal evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri in kwistjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni trid tanalizza l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna bħala għajnuna għar-ristrutturar.

(325)

Skont il-punt 104 tal-Linji Gwida tal-2004 għar-Ristrutturar:

 

Il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ kwalunkwe għajnuna ta’ salvataġġ jew ristrutturazzjoni mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha... fuq il-bażi ta’ dawn il-linji gwida jekk l-għajnuna kollha, jew parti minnha, tkun ingħatat wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’kull każ ieħor tagħmel l-eżami fuq il-bażi tal-Linji gwida applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

(326)

Il-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar ġew ippubblikati fl-1 ta’ Ottubru 2004.

(327)

Peress li l-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni trid tinftiehem bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet għal injezzjonijiet ta’ kapital f’SEA Handling biex jitkopri t-telf operattiv tagħha malli jiġġarrab, aktar milli bħala pagament wieħed jew tnejn ta’ għajnuna għar-ristrutturar (kif l-awtoritajiet Taljani jidher li qed isostnu, ara l-paragrafu 84), il-kompatibbiltà tal-miżuri trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-Linji gwida tal-1999 u tal-2004 għar-Ristrutturar, skont jekk kinux is-suġġett ta’ impenji vinkolanti mogħtija qabel jew wara l-1 ta’ Ottubru 2004 (68).

L-eliġibbiltà tal-impriża

Miżuri meħuda qabel l-1 ta’ Ottubru 2004

(328)

Għar-raġunijiet deskritti fil-paragrafi 174-180, il-Kummissjoni tqis li SEA Handling tista’ titqies bħala kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

(329)

Skont il-punt 7 ta’ dawn il-Linji gwida, kumpanija li għadha kemm inħolqot mhix eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ jew ristrutturar. Madankollu, il-Linji gwida jiddikjaraw li l-ħolqien minn kumpanija ta’ kumpanija sussidjarja sempliċiment bħala mezz sabiex din tirċievi l-assi u possibbilment l-obbligazzjonijiet tagħha mhux meqjus bħala l-ħolqien ta’ kumpanija ġdida. Billi SEA Handling inħolqot bħala r-riżultat ta’ separazzjoni minn SEA biex tipprovdi servizzi ta’ ground handling, il-Kummissjoni tqis li SEA Handling m’għandhiex titqies bħala kumpanija maħluqa ġdida fit-tifsira tal-Linji gwida.

(330)

Barra minn hekk, id-diffikultajiet finanzjarji ta’ SEA Handling mhumiex ġejjin minn distribuzzjoni arbitrarja tal-kosti fil-grupp. Dawn ma kinux imputabbli lill-kumpanija possedenti SEA, iżda kienu dovuti l-aktar għall-ispejjeż eċċessivi tax-xogħol, li bħala riżultat tagħhom il-kumpanija ma kinitx kapaċi tibbilanċja l-kontijiet tagħha.

Miżuri meħuda qabel l-1 ta’ Ottubru 2004

(331)

Il-Kummissjoni tosserva li ma kien hemm l-ebda titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija fl-2004 imqabbla mal-2002. Kif spjegat fil-paragrafi 181-184, il-kumpanija kompliet taffaċċja diffikultajiet finanzjarji fl-2004, u kellha tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà skont il-Linji Gwida tal-2004 tar-Ristrutturar.

(332)

Il-punt 13 ta’ dawn il-Linji gwida jgħidu li kumpanija li għadha kemm inħolqot mhix eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ jew ristrutturar. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta kumpanija ġdida tfeġġ wara l-likwidazzjoni ta’ kumpanija preċedenti jew sempliċiment tieħu f’idejha l-assi ta’ din il-kumpanija. Kumpanija fil-prinċipju tkun ikkunsidrata bħala ġdida għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet fil-qasam relevanti ta’ attività.

(333)

Għar-raġunijiet mogħtija fil-paragrafu 330, il-Kummissjoni tqis li SEA Handling ma tistax titqies bħala kumpanija ġdida. Il-Kummissjoni tosserva li, fl-aħħar ittra tagħhom, l-awtoritajiet Taljani affermaw li SEA Handling kellha titqies bħala kumpanija ġdida skont il-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar, fis-sens li kienet ġiet stabbilita bħala riżultat ta’ separazzjoni tad-diviżjoni eżistenti tal-ground handling ta’ SEA, u għalhekk ħadet f’idejha l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija possedenti fejn jidħol il-forniment ta’ servizzi ta’ ground handling.

(334)

Il-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-paragrafu 331 japplikaw hawnhekk ukoll.

(335)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li SEA Handling kienet eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji gwida tal-1999 u tal-2004 għar-Ristrutturar.

Ir-ritorn għall-vijabbiltà fuq medda twila ta’ żmien

(336)

Skont il-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar: L-għoti tal-għajnuna jrid ikun kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna individwali (il-punt 34 tal-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar u l-punt 31 tal-Linji gwida tal-1999 għar-Ristrutturar). Barra minn hekk, L-għajnuna għar-ristrutturar trid għalhekk tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar vijabbli li għalih jintrabat l-Istat Membru. Il-pjan irid jiġi ppreżentat fid-dettall kollu rilevanti lill-Kummissjoni (il-punt 35 tal-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar u l-punt 32 tal-Linji gwida tal-1999 għar-Ristrutturar).

(337)

L-ewwel nett, il-“pjani ta’ ristrutturar” imsemmija mill-awtoritajiet Taljani huma l-pjan ta’ negozju konsolidat 2002-2006 (“Piano aziendale consolidato 2002–2006”), il-pjan ta’ negozju ta’ SEA 2003–2007 (“Piano aziendale 2003–2007 SEA”), il-pjan strateġiku 2007–2012 (“Piano strategico 2007–2012”), il-pjan strateġiku 2009–2016 (‘Piano strategico 2009–2016), u l-pjan ta’ negozju 2011–2013 (“Piano aziendale 2011–2013”). Abbażi tal-evalwazjoni tad-dokumenti mfissra fil-paragrafi 269-296 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda wieħed minn dawn ma jissodisfa l-kriterji imposti mil-Linji gwida.

(338)

B’mod aktar speċifiku l-punt 35 tal-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar jgħid: Il-pjan ta’ ristrutturar, li t-tul tiegħu jrid ikun l-iqsar possibbli, jrid jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-operat għall-ġejjieni. Għalhekk, l-għajnuna għar-ristrutturar trid tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar vijabbli... li jitressaq bid-dettalji kollha rilevanti lill-Kummissjoni [li jrid] jinkludi, b’mod partikolari, studju tas-suq. It-titjib fil-vijabbiltà jrid jiġi primarjament minn miżuri interni inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar; jista’ jkun ibbażat fuq fatturi esterni bħal varjazzjonijiet fil-prezzijiet u d-domanda li fuqhom il-kumpanija ma jkollhiex influwenza kbira, iżda biss jekk il-preżunzjonijiet tas-suq ikunu ġeneralment rikonoxxuti. Il-punt 32 tal-Linji Gwida tal-1999 għar-Ristrutturar fih dispożizzjoni simili.

(339)

Il-Kummissjoni tosserva li kemm il-pjan ta’ negozju konsolidat 2002-2006 kif ukoll il-pjani għall-perjodu ta’ wara l-2007 (69), bl-eċċezzjoni tal-pjan ta’ negozju 2003-2007, jikkonċernaw lil SEA bħala entità sħiħa, u jsemmu biss b’mod iżolat lil SEA Handling. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala pjanijiet għar-ristrutturar ta’ SEA Handling fit-tifsira tal-Linji gwida. Lanqas ma fihom l-informazzjoni kollha neċessarja rikjesta mil-Linji gwida, jiġifieri deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkustanzi fl-isfond tad-diffikultajiet tal-impriża u studju tas-suq. Barra minn hekk, huma ma jagħtux deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħtieġa biex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija fi żmien raġonevoli, u jipprevedu titjib fil-profittabilità primarjament bis-saħħa ta’ miżuri esterni li jassiguraw żieda fl-introjtu (dan huwa partikolarment minnu fil-każ tal-pjan ta’ negozju 2003-2007), mingħajr ma bl-ebda mod juru li l-ipoteżijiet imressqa dwar ix-xejriet tas-suq huma ġeneralment aċċettati.

(340)

Is-siltiet qosra f’dawn id-dokumenti li jirreferu speċifikament għal SEA Handling ma fihomx skedi li jindikaw il-perjodi raġonevolment meħtieġa sabiex terġa’ tinkiesb il-vijabbiltà fit-tul ta’ SEA Handling, u lanqas it-tul taż-żmien ta’ proċess potenzjali ta’ ristrutturar. Il-miżuri ta’ ristrutturar għalhekk joffru ftit wisq dettall biex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Linji gwida.

(341)

Bħala riżultat, il-pagamenti tal-għajnuna inkwistjoni ngħataw qabel ma ġew notifikati u fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-linji gwida għar-ristrutturar. Konsegwentement, ma kinux kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni tat-tip indikat fil-punti 34 u 35 tal-Linji Gwida tal-2004 għar-Ristrutturar jew il-punti 31 u 32 tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar. Dan il-fatt waħdu huwa biżżejjed biex jeskludi kompatibbiltà mas-suq intern (70).

(342)

It-tieni, għandu jiġi nnutat li minħabba n-nuqqas ta’ notifika tal-għajnuna u ta’ pjan ta’ ristrutturar vijabbli, il-Kummissjoni ma kellhiex l-opportunità li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-obbligi li qieset neċessarji sabiex l-għajnuna tiġi awtorizzata (71), u lanqas ma setgħet tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ ristrutturar fuq il-bażi ta’ rapporti regolari u dettaljati (72).

Il-prevenzjoni ta’ distorsjoni mhux dovuta tal-kompetizzjoni

(343)

Skont il-punt 38 tal-Linji Gwida tal-2004 għar-Ristrutturar, Sabiex jiġi żgurat li l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju jkunu minimizzati kemm jista’ jkun, sabiex l-effetti pożittivi jegħlbu lil dawk negattivi, iridu jittieħdu miżuri ta’ kumpens. Altrimenti, l-għajnuna tiġi kkunsidrata bħala “kontra l-interess komuni” u għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni. Il-punt 35 tal-Linji Gwida tal-1999 għar-Ristrutturar fih dispożizzjoni simili.

(344)

L-awtoritajiet Taljani u SEA Handling jistqarru li l-miżuri ta’ għajnuna ma għamlux distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ ground handling, għaliex kienu neċessarji sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni tas-suq skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/99, li jimplimenta d-Direttiva 96/67/KE.

(345)

Iżidu jgħidu li ttieħdu miżuri xierqa biswit l-għajnuna sabiex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(346)

Skont l-awtoritajiet Taljani, l-ewwel miżura ta’ dan it-tip kienet tnaqqis fil-kapaċità ta’ SEA Handling, partikolarment fejn tidħol il-forza lavorattiva, permezz ta’ tnaqqis gradwali fil-persunal bejn l-2003 u l-2010.

(347)

It-tieni miżura bħal din naqqset il-preżenza ta’ SEA Handling fis-suq billi naqqset il-firxa tagħha ta’ attivitajiet. B’mod speċifiku, SEA Handling għalqet is-servizzi tagħha ta’ manteniment tal-inġenji tal-ajru u tal-bejgħ tal-biljetti, u xi servizzi sekondarji bħat-tindif tal-kabini u l-għajnuna lil passiġġieri taħt l-eta, li hija fdat f’idejn partijiet esterni mill-2004 ‘l quddiem. Fl-2004 SEA Handling ittrasferiet ukoll is-servizzi tagħha ta’ tneħħija tas-silġ minn fuq l-ajruplani lil SEA.

(348)

It-tielet miżura kienet tikkonsisti f’tentattivi biex jinbiegħ sehem minoritarju f’SEA Handling li, kieku saru b’suċċess, kienu jirriżultaw fid-dħul ta’ kompetitur ġdid fis-suq.

(349)

Finalment, l-awtoritajiet Taljani jqisu li l-grad għoli ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-ground handling fl-Italja kien jirrekjedi li l-miżuri jkopru t-telf sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u l-kwalità tas-servizzi kollha ta’ ground handling u biex isir l-adattament ftit ftit għas-sitwazzjoni l-ġdida. Kollox ma’ kollox, il-pagamenti tal-għajnuna ppermettew li jkun hemm tranżizzjoni ordnata lejn suq kompetittiv, filwaqt li ma jkunx hemm konsegwenzi negattivi għall-passiġġieri.

(350)

Il-Kummissjoni tirreleva li l-għeluq ta’ attivitajiet li jkunu qed jagħmlu telf, li f’kull każ kien ikun meħtieġ biex tiġi restawrata l-vijabbiltà ma jitqisux bħala tnaqqis tal-kapaċita jew tal-presenza fis-suq għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens (73). Il-Kummissjoni hija tal-fehma, għalhekk, li t-tieni miżura ma tikkostitwixxix miżura “ta’ kumpens” iżda pjuttost hija parti integrali, u anki essenzjali, tal-operazzjoni stess ta’ ristrutturar. Kif suġġerit mill-awtoritajiet Taljani, dawn l-attivitajiet ma jiffurmawx parti min-negozju ċentrali ta’ SEA Handling; l-irtirar tagħhom għalhekk ma jistax jitqies bħala miżura ta’ kumpens li jkollha l-għan li twassal għal tnaqqis sinifikanti tal-preżenza tal-kumpanija fis-suq (74).

(351)

Bl-istess mod, tnaqqis tal-kapaċità, partikolarment f’termini tal-forza lavorattiva, huwa pass essenzjali lejn ir-restawr tal-vijabbiltà tal-kumpanija, meta wieħed iqis il-kosti estremament għolja tal-persunal ta’ SEA Handling, speċjalment meta wieħed iqabbilhom mal-fatturat tagħha, u ma jistax jitqies bħala miżura li tikkumpensal-għajnuna mogħtija.

(352)

Rigward l-intenzjoni ta’ bejgħ ta’ sehem minoritarju, il-Kummissjoni tosserva li sa issa ġew inizjalati biss żewġ proċeduri kompetittivi ta’ sejħa għall-offerti (75). Barra minn dan, il-bejgħ huwa bħalissa kundizzjonali fuq ir-restawr tal-vijabbilta, u għalhekk ma jikkostitwixxix miżura ta’ kumpens għall-operazzjoni ta’ ristrutturar. Fi kwalunkwe każ, f’madwar għaxar snin ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ kapital ta’ SEA Handling, u l-intenzjoni ta’ trasferiment ma tistax titqies bħala miżura li tikkumpensal-għajnuna.

(353)

Fl-aħħarnett, rigward l-argument li l-għajnuna żgurat it-tranżizzjoni lejn suq kompetittiv, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/67/KE fil-liġi Taljana ma tfissirx li tista’ tingħata għajnuna mill-Istat sabiex jiġu kkumpensati operaturi partikolari, f’dan il-każ SEA Handling, sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġustament tagħhom fuq perjodu definit, li t-tul eżatt tiegħu f’kull każ ma ssemmiex mill-awtoritajiet Taljani.

(354)

Dawn iċ-ċirkustanzi huma biżżejjed biex jeskludu l-kumpatibilità tal-għajnuna mas-suq intern.

Għajnuna limitata għall-minimu

(355)

Skont il-punt 43 tal-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar u l-punt 40 tal-Linji gwida tal-2009 għar-Ristrutturar, sabiex jiġi limitat għall-minimu l-ammont ta’ għajnuna lejn il-kosti tar-ristrutturar, il-benefiċjarji jkunu mistennija li jagħmlu kontribut sinifikanti lejn il-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż il-bejgħ ta’ assi li ma jkunux essenzjali biex il-kumpanija tissoppravvivi, jew minn finanzjament estern b’kunsidzzjonijiet tas-suq. Fil-jkaż ta’ kumpaniji kbar, il-Kummissjoni ssoltu tikkunsidra li kontribut lejn ir-ristrutturar ta’ mill-anqas 50 % ikun xieraq.

(356)

L-awtoritajiet Taljani ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni rigward xi kontribut sinifikanti lejn il-proċess ta’ ristrutturar magħmul minn SEA Handling. Il-fatt li l-ebda investitur privat ma kkontribwixxa finanzjarjament lejn ir-ristrutturar ta’ SEA Handling huwa sinjal addizzjonali li s-suq ma kienx jemmen li l-kumpanija setgħet realistikament tirritorna lejn il-vijabbiltà (il-punt 43 tal-Linji gwida tal-2004).

Ir-regola ta’ “l-ewwel u l-aħħar”

(357)

Fl-aħħar net, sabiex titqies bħala kumpatibbli, l-għajnuna ta’ ristrutturar trid tkun konformi mar-regola ta’ “l-ewwel u l-aħħar”. Il-punt 43 tal-Linji gwida għar-Ristrutturar u l-punt 72 sal-punt 43 tal-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar jistipulaw li meta kumpanija tkun irċeviet għajnuna għar-ristrutturar fl-aħħar għaxar snin ma tistax tirċievi għajnuna addizzjonali għar-ristrutturar. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnujna għar-ristrutturar mogħtija lil SEA Handling wara l-ewwel injezzjoni ta’ kapital fl-2002 kienet inkompatibbli mas-suq intern, ġaladarba ma kinitx konformi mar-regola tal-“ewwel u l-aħħar”. L-istess jgħodd għall-għajnuna li rċeviet fl-2007, jekk jitqies li SEA ħadet żewġ deċiżjonijiet għall-provvista ta’ għajnuna f’pagamenti separati fi snin suċċessivi, kif jidher li qed jargumentaw il-awtoritajiet Taljani (ara l-paragrafu 223).

Konklużjonijiet

(358)

L-argumenti ppreżentati hawn fuq juru li l-miżuri ta’ għajnuna ma jissodisfawx it-testijiet tal-Linji gwida għas-Settur tal-Avjazzjoni u lanqas il-Linji gwida tal-1999 u tal-2004 għar-Ristrutturar, b’mod li jistgħu jitqiesu kumpatibbli skont l-Artikolu 105(3)(c) tat-TFUE.

(359)

Għaldaqstant, l-għajnuna mhix kumpatbbli mas-suq intern.

8.4.   IRKUPRU

(360)

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistipula li kull għajnuna mhux skont il-liġi li tkun inkumpatibbli mas-suq intern trid tiġi rkuprata mill-benefiċjarju.

(361)

Din l-għajnuna ngħatat lil SEA Handling mhux skont il-liġi u hija inkumpatibbli mas-suq intern, u għalhekk trid tiġi rkuprata mill-kumpanija

(362)

Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja kompromessa ferm ta’ SEA Handling, u n-nuqqas ta’ xi prospett ta’ qligħ mill-injezzjonijiet kapitali, investitur privat ma kienx jagħmel l-injezzjonijiet ta’ kapital, u konsegwentement SEA Handling ma kinitx tkun tista’ takkwista tali fondi mis-suq. Peress li r-redditu fuq l-investimenti kapitali huwa fattur fejn tidħol il-vijabbiltà tal-mudell ta’ negozju tal-kumpanija, investitur privat ma jagħmilx l-investiment mingħajr ma jkun ċert li jkun ikkumpensat b’mod xieraq mill-kumpanija għar-riskji involuti. Għaldaqstant, il-Kummissjojni tqis li l-kumpanija ma kinitx tkun kapaċi li żżid is-sehem kapitali tagħha fuq is-suq kapitali, peress li r-rendiment mistenni ma kienx ikun tali li jippermettilha li toffri rendiment daqstant kbir lil xi investitur potenzjali. Is-sitwazzjoni kontrafattwali, jiġifieri s-sitwazzjoni li kien ikun hemm kieku ma ngħatatx l-għajnuna li kellha l-intenzjoni li tirrestawra hija għalhekk li ma kien jiġi investit l-ebda kapital (76). Skont il-każistika stabbilita, “Meta tkun involuta injezzjoni ta’ ekwità, il-Kummissjoni tista’ tħaddan il-fehma li l-abolizzjoni tal-vantaġġ mogħti trid tirrekjedi l-pagament lura tal-kapital li ġie mogħti” (77). L-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat huwa għalhekk l-ammont totali li bih żdied il-kapital tal-kumpanija.

(363)

Għall-iskopijiet ta’ tali rkupru jrid jittieħed ukoll kont tal-imgħax li jibda jiddekorri mid-data li fiha kull pagament tal-għajnuna kien disponibbli għand il-kumpanija, jiġifieri id-data effettiva ta’ kull żieda fil-kapital, sad-data tal-irkupru (78).

8.5.   KONKLUŻJONI

(364)

Il-Kummissjoni jirriżultalha li l-Italja tat għajnuna mhux skont il-liġi li kienet tikkonsisti minn għadd ta’ injezzjonijiet ta’ kapital li saru minn SEA lis-sussidjarja tagħha SEA Handling bil-għan li jiġi kopert it-telf tas-sussidjarja, kuntrarju għall-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(365)

L-Italja għalhekk trid tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tirkupra l-għajnuna mill-Istat meqjusa bħala inkumpatibbli mas-suq intern mill-benefiċjarju, SEA Handling.

ADOTTAT ID-DEĊIŻJONI SEGWENTI:

Artikolu 1

L-injezzjonijiet ta’ kapital li saru minn SEA fis-sussidjarja tagħha SEA Handling għal kull waħda mis-snin finanzjarji fil-perjodu 2002–2010, li jammontaw għal total stmat ta’ madwar EUR 359,644 miljun, li ma jinkludux l-irkupru tal-imgħax, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istati skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE.

Artikolu 2

Dik l-għajnujna mill-Istati ingħatat kuntrarju għall-Artikolu 108(3) tat-TFUE u hija inkumpatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.   L-Italja tirkupra l-għajnujna msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarju.

2.   L-ammonti li jridu jiġu rkuprati jinkludu l-imgħax li jibda jiddekorri mid-data li fiha kull pagament tal-għajnuna jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tiegħu.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat bil-metodu stabbilit fil-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (79).

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna indikat fl-Artikolu 1 ikun immedjat u effettiv.

2.   L-Italja tara li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja tissuppplixxi l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħax) li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda jew ippjanati sabiex din id-Deċiżjoni titwettaq;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie obbligat iħallas lura l-għajnuna.

2.   L-Italja tinforma lill-Kummissjoni bil-progress tal-miżuri nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm it-totalità tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun ġiet irkuprata. Barra minn dan, fuq talba tal-Kummisjoni, l-Italja immedjatament tissupplixxi kwalunkwe informazzjoni relevanti għall-miżuri meħuda jew ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-imgħax irkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

il-Viċi President


(1)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(2)   ĠU C 184, 22.7.2008, p. 34.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(4)   ĠU C 29, 29.1.2011, p. 10.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(5)   Gazzetta Ufficiale 28, 4.2.1999.

(6)  Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-ground handling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

(7)  L-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/67/KE jistipula li “Fejn korp li jmexxi ajruport, dak li juża l-ajruport jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ ground handling jipprovdi servizzi ta’ ground handling, iridu jisseparaw rigorożament il-kontijiet tal-attivitajiet ta’ ground handling mill-kontijiet tal-attivitajiet l-oħra tagħhom, skont il-prassi kummerċjali fis-seħħ ... Eżaminatur indipendenti maħtur mill-Istat Membru jrid jivverifika li din is-separazzjoni ta’ kontijiet titwettaq. L-eżaminatur jivverifika wkoll l-assenza ta’ flussi finanzjarji bejn l-attività tal-korp li jmexxi bħala awtorità tal-ajruport u l-attività tiegħu ta’ ground handling.”

(8)  Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat il-pakkett “Ajruporti aħjar”. Dan il-pakkett jinkludi proposta biex jiġu riveduti r-regoli dwar il-ground handling, speċjalment sabiex tittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-ground handling fl-ajruporti. Huwa jipprovdi wkoll għal separazzjoni legali tal-attivitajiet ta’ ground handling mill-amministrazzjoni tal-ajruport. Dan iżid minn tnejn għal tlieta l-għadd minimu ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ground handling disponibbli għal-linji tal-ajru f’ajruporti kbar għal servizzi kruċjali ta’ ground handling li għadhom ristretti, jiġifieri l-immaniġġjar tal-bagalji, il-handling tar-rampa, il-mili tal-fjuwil u ż-żejt, servizzi tal-merkanzija u tal-posta.

(9)  SEA Handling Srl, li kienet teżisti qabel it-twaqqif ta’ SEA Handling, ġiet iffurmata fl-1998, iżda qatt ma kienet operattiva.

(10)  Kontijiet fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

(1)  Iż-żidiet kapitali maħsuba biex ipattu t-telf operattiv ma sarux neċessarjament kollha matul sena partikolari. Pereżempju, l-ewwel żieda fil-kapital, ta’ EUR 24,879 miljun, li saret fl-2003, irriżultat minn kopertura parzjali tat-telf imġarrab fl-2002. It-tieni żieda fil-kapital, ta’ EUR 24,252 miljun, irriżultat minn kopertura parzjali tat-telf imġarrab fl-2003.

(11)  Fis-26 ta’ Marzu 2002 intlaħaq ftehim bejn it-trade unions, SEA u l-Muniċipalità ta’ Milan.

(12)  Stqarrija għall-istampa mil-kunsillier muniċipali ta’ Milan Marco Cormio, datata s-7 ta’ Novembru 2006, li kopja tagħha ntbagħtet lill-Kummissjoni.

(13)  Id-dejta murija fit-tabelli u l-grafika f’din it-taqsima ttieħdu minn dokumentazzjoni pprovduta minn SEA.

(14)  Id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-paragrafi 42 u 102 u t-Taqsima 5.

(15)  Il-Kawża C482/99 Franza v il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-4397.

(16)   “Piano aziendale consolidato del Gruppo SEA 2002-2006” (Pjan tan-negozju kkonsolidat tal-Grupp SEA 2002-2006) ipprovdut mill-awtoritajiet Taljani.

(17)  Kawża C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1433.

(18)   ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

(19)  Linji gwida dwar is-Settur tal-Avjazzjoni, punt 70.

(20)  Wara din l-osservazzjoni, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Lulju 2011, ġibdet l-attenzjoni għall-paragrafu 42 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li kien jistqarr li l-Kummissjoni kienet tqis li hu meħtieġ li teżamina l-perjodu 2002-2010 biex jiġi determinat jekk SEA Handling kinitx irċeviet għajnuna illegali mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal telf imġarrab matul dak il-perjodu. Il-Kummissjoni kompliet tikkonferma li ż-żmien li kien qiegħed jiġi kkunsidrat beda mill-2002 u kompla sejjer sal-perjodu l-aktar reċenti, u li t-talbiet għall-informazzjoni kienu għadhom validi.

(21)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-442/03 SIC vs Il-Kummissjoni, paragrafu 126.

(22)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-296/97 Alitalia, paragrafu 81.

(23)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-305/89 Alfa Romeo, paragrafu 20.

(24)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Konġunti C-83/01, C-93/01 u C-94/01 Chronopost, il-paragrafi 33-38.

(25)  Il-Kawża Nru C-305/89 l-Italja vs il-Kummissjoni [1991], Ġabra I-1603, paragrafu 20.

(26)  Il-Kawża Nru C-303/88 l-Italja vs il-Kummissjoni [1991], Ġabra I-1433, paragrafu 21.

(27)  Il-Kummissjoni tassumi li l-awtoritajiet Taljani attwalment qed jirreferu għall-ftehim mal-unions tal-4 ta’ April 2002, imsemmi hawn fuq.

(28)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(29)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(30)  Il-Kawżi konġunti T102/07 u T120/07 Freistaat Sachsen, MB Immobilien Verwaltungs GmbH u MB System GmbH & Co. KG v il-Kummissjoni [2010] ECR II-585.

(31)  Il-Kawża T-565/08 Corsica Ferries France vs il-Kummissjoni [2005] Ġabra II-2197, paragrafu 105.

(32)  Ara n-nota 32.

(33)  Pereżempju, l-Anness 12 għall-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani tal-14 ta’ Novembru 2011.

(34)  It-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija, li seta’ kien ir-riżultat ta’ repetizzjoni ta’ għotjiet ta’ għajnuna illegali mill-Istat, ma jistax jiġi invokat biex jintwera li l-kumpanija kienet għelbet id-diffikultajiet finanzjarji tagħha. L-għajnuna kellha tiġi konċessa biss kieku kienet kompatibbli mat-Trattat u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(35)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C222/04 Ministero dell’Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze [2006] Ġabra I289, paragrafu 129.

(36)  Is-sentenza Stardust Marine.

(37)  F’Diċembru 2011, 29,75 % tal-kapital ta’ SEA kien inbiegħ lill-fond privat F2i (Fondi Italiani per le infrastrutture).

(38)   Stardust Marine, paragrafi 52 u 53.

(39)   Stardust Marine, paragrafu 56.

(40)  B’mod partikolari, il-ftehim mal-unjons iffirmat fis-26 ta’ Marzu 2002 bejn l-Amministrazzjoni tal-Muniċipalità ta’ Milan, SEA u t-trejdunjons; id-dokumentazzjoni dwar ftehim bejn SEA u l-unions tal-4 ta’ April 2002; kif ukoll id-dokumentazzjoni dwar ftehim bejn SEA, SEA Handling u l-unjons bid-data tad-9 ta’ Ġunju 2003.

(41)  Ara l-inċiż finali fid-dokumentazzjoni tal-ftehim bejn SEA u l-unjons li jġib id-data tal-4 ta’ April 2002. L-idea li l-impenji li ntrabtet bihom SEA ma’ SEA Handling huma sostnuti mill-azzjonist maġġoritarju tidher ukoll fir-raba’ inċiż u fl-aħħar tat-taqsima 2 tal-istess dokument.

(42)  Dawn it-taqsimiet tad-deċiżjoni tal-ftuħ għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali ta’ din id-Deċiżjoni.

(43)  Il-Kummissjoni tirreferi għar-rapporti tal-istampa msemmija fil-paragrafu 67 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Ara wkoll “SEA, nuovo attacco della Provincia” (SEA, attakk ġdid fuq il-Provinċja), la Repubblica, il-25 ta’ Frar 2006; “SEA, Penati chiede le dimissioni del consiglio” (SEA, Penati jitlob ir-riżenja tal-bord), l’Unità, il-25 ta’ Frar 2006.

(44)  Ara http://archiviostorico.corriere.it/2006/novembre/17/articoli_del_17_novembre_2006.html

(45)  Opinjoni fi Stardust Marine, paragrafu 68.

(46)  Is-sentenza Stardust Marine, paragrafu 56.

(47)  L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Stardust Marine, paragrafu 67.

(48)  Ara b’mod partikolari l-Kawżi Konġunti C278/92, C279/92 u C280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni [1994] Ġabra I4103, il-paragrafi 20-22.

(49)  Ara pereżempju il-Kawża C303/88, l-Italja vs il-Kummissjoni [1991] Ġabra I1433, paragrafi 21 u 22.

(50)  Is-sentenza Stardust Marine, paragrafu 71.

(51)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C124/10 P Il-Kummissjoni vs EDF, il-paragrafi 85 u 104.

(52)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T358/94 Air France vs il-Kummissjoni [1996] Ġabra II02109, paragrafu 79.

(53)  L-uniku impenn li jista’ jiġi hekk interpretat huwa dak li ngħata lill-Muniċipalità fil-ftehim tas-26 ta’ Marzu 2002, li bih il-Muniċipalità kkonfermat li SEA għandha tara li l-kosti/id-dħul u l-qafas ekonomiku ġenerali jibqgħu bilanċjati. Dak l-impenn ma jirreferix għal ammonti preċiżi indikati fi pjan ta’ negozju speċifiku, u l-awtoritajiet Taljani jsostnu li mhux legalment vinkolanti.

(54)  Sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T109/01 Fleuren Compost v il-Kummissjoni [2004] Ġabra II127, paragrafu 74; Il-Każijiet konġunti T362/05 u T363/05 Nuova Agricast vs Il-Kummissjoni Ġabra II297, paragrafu 80; u l-Kawżi Konġunti T427/04 u T17/05 Franza u France Télécom v il-Kummissjoni [2009] Ġabra II4315, paragrafu 321).

(55)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T11/95 BP Chemicals vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra II3235, paragrafu 171. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet preċedenti f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżura investigata permezz tat-test tal-investitur privat minn perspettiva ġenerali, iżda se tiffoka fuq perjodi speċifiċi meta tqis li jkun meħtieġ sabiex tanalizza l-argumenti ppreżentati jew għal raġunijiet oħra.

(56)  Għal analiżi tal-pjan ta’ negozju kkonsolidat 2002-2006 ara l-paragrafi 269-271.

(57)  Pjan strateġiku 2007-2012, p. 5, u l-pjan strateġiku 2009-2016, p. 9.

(58)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C303/88 l-Italja vs il-Kummissjoni [1991] Ġabra I1433, paragrafi 21 u 22.

(59)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C303/88 l-Italja v il-Kummissjoni [1991] Ġabra I1433, paragrafu 21.

(60)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T565/08 Corsica Ferries v Il-Kummissjoni, paragrafi 101-108.

(61)  Kif deskritt fil-“Piano aziendale 2003-2007” ta’ SEA Handling.

(62)  Li s-sehem tas-suq tal-kumpanija jibqa’ sal-2010 fil-livell tal-2005, jiġifieri 76,65 %, huwa sempliċiment ipotetiku.

(63)  Is-sentenza fil-kawża C124/10 P Il-Kummissjoni vs EDF, paragrafi 85 u 104.

(64)  Ara […].

(65)  Il-kummenti ta’ SEA Handling tal-21 ta’ Marzu 2011, paragrafi 99 u 100.

(66)  Ara […].

(67)  Il-kummenti ta’ SEA Handling tal-21 ta’ Marzu 2011, paragrafu 105.

(68)  Ta’ min jinnota li jekk l-argument tal-awtoritajiet Taljani huwa korrett, ikunu biss il-Linji gwida tal-2004 għar-Ristrutturar li japplikaw, iżda l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tibqa’ l-istess.

(69)  Ara “Sommarju Eżekuttiv – Linee guida del piano strategico 2007-2012 del gruppo SEA–11 maggio 2007 ”, “Piano strategico 2009–2016”, u “Piano aziendale SEA 2011–2013”.

(70)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-8 ta’ Ottubru 2012 Hurtigruten vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, paragrafi 228 u 234-240.

(71)  Il-Linji gwida, punti 46-48.

(72)  Il-Linji gwida, punti 49-48.

(73)  Il-Linji gwida, punt 40.

(74)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi Konġunti T115/90 u T116/09 Electrolux v il-Kummissjoni, paragrafi 51/58.

(75)  Kif indikat mill-awtoritajiet Taljani, waħda ingħatat bidu fl-2001 u l-oħra fl-2007.

(76)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/252/UE tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 6/08 (ex NN 69/07) implimentata mill-Finlandja favur Ålands Industrihus Ab (ĠU L 125, 12.5.2012, p. 33).

(77)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-16/96 Cityflyer v il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-757, paragrafu 56.

(78)  L-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, iċċitat aktar ‘l fuq.

(79)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).