European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2682

28.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2682

tas-27 ta’ Novembru 2023

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jingħata appoġġ lill-atturi militari u l-flotot navali tal-istati kostali involuti f’operazzjonijiet ta’ sigurtà marittima fil-Golf tal-Guinea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ Yaoundé, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew l-appoġġ tagħhom għar-reġjun tal-Golf tal-Guinea (GoG) u reġgħu affermaw l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tas-sigurtà marittima fiż-żona.

(3)

Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill approva l-kunċett ta’ miżura ta’ assistenza possibbli li tkun ta’ benefiċċju għall-istati kostali tal-GoG, bl-objettiv ġenerali li jingħata appoġġ lill-attivitajiet ta’ sigurtà marittima u ta’ ġlieda kontra l-piraterija mmexxija mill-Afrika li twettqu minn atturi militari fil-GoG biex fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqsu l-inċidenza, id-durata u l-intensità tal-vjolenza u l-kriminalità, u jiġu protetti l-bastimenti navali u l-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom.

(4)

Bħala parti minn dak il-kunċett, il-Kunsill approva miżura preparatorja li sservi bħala bażi għal proposta futura mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli") fir-rigward ta’ miżura ta’ assistenza biex tissaħħaħ is-sigurtà marittima fil-GoG. Il-miżura preparatorja twettqet bejn Settembru u Diċembru 2022 bl-objettiv doppju li, l-ewwel jiġu identifikati u żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi għal sistema ta’ Intelligence, Sorveljanza u Rikonjizzjoni (ISR) u li jiġu pprovduti kriterji oġġettivi u trasparenti li jippermettu l-għażla għal fejn tkun tinsab, kif ukoll, t-tieni li jiġu vvalutati l-flotot navali tal-istati kostali tal-GoG sabiex jiġu identifikati fosthom dawk l-aktar teknikament u politikament xierqa biex jitwettqu l-objettivi tal-miżura ta’ assistenza. Ir-riżultati tal-miżura ta’ tħejjija identifikaw vettura tal-ajru bi bdot abbord bħala l-aħjar soluzzjoni għal sistema ISR, filwaqt li l-Kamerun, il-Ghana, il-Kongo u l-Benin ġew identifikati bħala l-aktar stati kostali tal-GoG xierqa b’biżżejjed kapaċità marittima, regolatorja u politika biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-miżura ta’ assistenza .

(5)

Matul Jannar u Ġunju 2023 twettqet sensiela ta’ avvenimenti ta’ identifikazzjoni bikrija u kuntatt, inkluż missjonijiet fuq il-post, biex jiġu ssimplifikati u rfinati aktar is-sejbiet tal-miżura preparatorja, kif ukoll biex jiġu żgurati koordinazzjoni u kollaborazzjoni sħiħa mal-istati kostali identifikati minn qabel tal-GoG u mal-organizzazzjonijiet reġjonali li jagħmlu parti mill-Arkitettura ta’ Yaoundé, b’mod partikolari ċ-Ċentru Reġjonali għas-Sigurtà Marittima fl-Afrika Ċentrali (CRESMAC), iċ-Ċentru Reġjonali għas-Sigurtà Marittima fl-Afrika tal-Punent (CRESMAO), iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni Interreġjonali (QKI) u ċ-Ċentri ta’ Koordinazzjoni Marittima Multinazzjonali (MMCCs) ta’ Douala, Accra u Pointe Noire. Bħala riżultat ta’ dak il-kuntatt u abbażi tal-istat ta’ tħejjija espressa mill-istati kostali tal-GoG identifikati minn qabel, il-Kamerun u l-Ghana ntgħażlu bħala benefiċjarji ta’ din il-miżura ta’ assistenza.

(6)

Minħabba l-kumplessità tal-miżura ta’ assistenza u sabiex jiġi limitat kull riskju politiku jew tekniku potenzjali, l-assistenza għall-istati kostali tal-GoG dwar is-sigurtà marittima ser issegwi approċċ gradwali. Abbażi tal-valutazzjoni ta’ kull sitt xhur tal-miżura ta’ assistenza, tista’ tittieħed deċiżjoni biex jitkompla l-appoġġ u jiġi estiż għal stati kostali tal-GoG oħra, possibbilment fl-2024.

(7)

Fis-16 ta’ Ġunju 2023, ir-Rappreżentant Għoli rċieva talba mill-Ghana biex l-Unjoni tgħin lill-Flotta Navali tal-Ghana takkwista tagħmir ewlieni biex issaħħaħ il-mezzi operazzjonali tagħha fir-rigward ta’ pattulja fl-ibħra internazzjonali.

(8)

Fid-19 ta’ Settembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli rċieva talba mill-Kamerun biex l-Unjoni tgħin lill-Flotta Navali tal-Kamerun takkwista tagħmir ewlieni biex issaħħaħ il-mezzi operazzjonali tagħha fir-rigward ta’ pattulja fl-ibħra internazzjonali, kif ukoll biex tgħin lill-Arkitettura ta’ Yaoundé (YA) tipprovdi servizzi tal-ISR permezz ta’ assi tal-ajru bi bdot abbord, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tal-istati membri tal-Arkitettura ta’ Yaoundé fis-sorveljanza tal-GoG, bl-għan aħħari li tittejjeb is-sigurtà marittima fir-reġjun.

(9)

Miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(10)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jwettaq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Arkitettura ta’ Yaoundé, il-Kamerun u l-Ghana ("il-benefiċjarji") li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-"miżura ta’ assistenza").

2.   L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li jissaħħu l-operazzjonijiet kontra l-piraterija u tas-sigurtà marittima u l-attivitajiet ta’ deterrenza fil-Gulf ta’ Guinea, billi jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Arkitettura ta’ Yaoundé u tal-istati membri tagħha, b’mod partikolari billi jittejjeb l-għarfien tagħhom tas-sitwazzjoni marittima u billi tiżdied il-kapaċità tal-flotot navali kostali magħżula biex jgħassu l-ibħra internazzjonali, biex fl-aħħar mill-aħħar titnaqqas l-inċidenza tal-kriminalità, u biex jiġu protetti l-bastimenti u r-riżorsi marittimi u l-popolazzjonijiet kostali u l-għajxien tagħhom.

3.   Biex jintlaħaq l-objettiv imniżżel fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir u s-servizzi li ġejjin li mhumiex imfassla għall-forza letali:

(a)

il-forniment ta’ servizzi tal- ISR permezz ta’ assi tal-ajru bi bdot abbord, għal perjodu ta’ sena; iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Operazzjonijiet Marittimi tal-flotta navali Kamerunjana ta’ Douala għandu jkun responsabbli biex jirċievi, jipproċessa ulterjorment u jaqsam l-informazzjoni tal-ISR maċ-ċentri reġjonali u ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni marittima l-oħra tal-Arkitettura ta’ Yaoundé permezz ta-s-Sistema ta’ Informazzjoni Reġjonali tal-Arkitettura ta’ Yaoundé.

(b)

appoġġ għall-bastimenti tal-għassa:

(i)

tal-Kamerun, permezz tal-forniment ta’ speedboats ta’ intervent;

(ii)

tal-Ghana, permezz tal-forniment ta’ sistemi navali tal-ajru mingħajr bdot abbord għas-sorveljanza fuq il-baħar, materjal tal-inġinerija għas-servizzjar tad-dgħajjes u tagħmir għall-għadis bl-iscuba;

(c)

assistent tekniku biex jgħin lil kull waħda mill-flotot navali tal-Kamerun u l-Ghana;

(d)

assistent navali biex jikkomunika mal-istrutturi tal-Arkitettura ta’ Yaoundé, jiġifieri ICC, CRESMAC, CRESMAO u MMCCs ta’ Douala, il-Kamerun u Accra, il-Ghana.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 48 xahar minn meta tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 21 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi mmaniġġjata f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarji

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarji biex jiżgura l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni biex jingħata appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Kamerun u tal-Ghana appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew fornuti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li kwalunkwe assi fornuti jew miżmuma taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux, u fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom ma jiġux trasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li jinsab li benefiċjarju jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Fundación Internacional y para Iberoamérica de Administración y Políticas Públicas (FIIAPP) – Cooperación Española.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet appoġġati mill-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu kontrolli fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk din tkunx ikkontribwiet biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS b’rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u tan-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

Y. DÍAZ PÉREZ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2682/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)