|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1246 |
8.5.2024 |
DEĊIŻJONI (UE) 2024/1246 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ April 2024
dwar is-sottoskrizzjoni mill-Unjoni Ewropea għal ishma addizzjonali fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u li temenda l-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ fir-rigward tal-estensjoni tal-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq, u t-tneħħija tal-limitazzjoni tal-kapital statutorju fuq operazzjonijiet ordinarji
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 4(3) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (2) (il-“Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ”), u sabiex jinżamm biżżejjed kapital biex isostni, fit-terminu medju, livell raġonevoli ta’ attività fil-pajjiżi BERŻ ta’ operazzjoni fil-limiti statutorji, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) iddeċieda fir-Riżoluzzjoni tiegħu Nru 265 tal-15 ta’ Diċembru 2023 (ir-“Riżoluzzjoni Nru 265”) li jżid l-istokk kapitali awtorizzat tal-BERŻ b’EUR 4 000 000 000. |
|
(2) |
Qabel dik iż-żieda fil-kapital, l-Unjoni għandha 90 044 sehem, li kull sehem minnhom għandu valur nominali ta’ EUR 10 000. |
|
(3) |
Skont ir-Riżoluzzjoni Nru 265, l-istokk kapitali awtorizzat tal-BERŻ jiżdied b’400 000 sehem imħallas, u l-membri tal-BERŻ jistgħu jissottoskrivu, fit-30 ta’ Ġunju 2025 jew qabel, jew f’tali data sussegwenti mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025 jew qabel kif il-Bord tad-Diretturi tal-BERŻ jista’ jiddetermina fit-30 ta’ Ġunju 2025 jew qabel, għal għadd ta’ ishma sħaħ, pro rata għas-sehem eżistenti tagħhom. Iż-żieda fil-kapital għandha titħallas f’ħames pagamenti ugwali, l-ewwel minnhom li għandu jitħallas minn kull membru sa mhux aktar tard minn (i) it-30 ta’ April 2025; jew (ii) 60 jum wara li l-istrument ta’ sottoskrizzjoni tiegħu jkun sar effettiv. L-erba’ pagamenti li jifdal għandhom jitħallsu sat-30 ta’ April 2026, sat-30 ta’ April 2027, sat-30 ta’ April 2028 u sat-30 ta’ April 2029, rispettivament. Għaldaqstant, l-Unjoni se titħalla tissottoskrivi għal 12 102 sehem ġdid, kull wieħed b’valur pari ta’ EUR 10 000 għal total ta’ EUR 121 020 000, u b’hekk jiżdied l-għadd ta’ ishma mħallsa tal-Unjoni għal 102 146. |
|
(4) |
Iż-żieda fil-kapital hija meħtieġa biex tkun possibbli t-tkomplija tal-attivitajiet u l-investimenti mill-BERŻ fl-Ukrajna matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u b’mod partikolari matul perjodu futur ta’ wara l-gwerra biex tiġi appoġġata r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Fl-appoġġ ta’ dawk l-attivitajiet u investimenti, iż-żieda fil-kapital tiżgura wkoll li tali appoġġ ma jirrestrinġix il-kapaċità tal-BERŻ li jissodisfa l-ħtiġijiet fil-pajjiżi l-oħra tal-operazzjoni. Barra minn hekk, iż-żieda fil-kapital hija konsistenti mar-rekwiżit fl-Artikolu 13, il-punt (v), tal-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ li l-BERŻ għandu jfittex li jżomm diversifikazzjoni raġonevoli fl-investimenti kollha tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, żieda fil-kapital imħallas għandha ssostni BERŻ finanzjarjament b’saħħtu li huwa kapaċi jsegwi l-mandat tiegħu u jilħaq l-objettivi tal-azzjonisti fil-pajjiżi kollha tal-operazzjoni tiegħu. |
|
(5) |
Huwa xieraq li l-Unjoni tissottoskrivi dawk l-ishma addizzjonali sabiex tilħaq l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni u biex iżżomm is-saħħa tal-votazzjoni relattiva tagħha fil-BERŻ. |
|
(6) |
Fir-Riżoluzzjoni Nru 259 tiegħu, tat-18 ta’ Mejju 2023 (ir-“Riżoluzzjoni Nru 259”), il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ ivvota favur emendi għall-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ, li huma meħtieġa biex jippermettu lill-BERŻ jespandi b’mod limitat u inkrimentali l-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tiegħu għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq filwaqt li jżomm l-impenji sħaħ tiegħu lejn l-Ukrajna u lejn il-pajjiżi tal-operazzjoni eżistenti tiegħu. Dik ir-Riżoluzzjoni kkonfermat li l-estensjoni tal-mandat tal-BERŻ jenħtieġ li tinkiseb mingħajr il-ħtieġa ta’ kontribuzzjonijiet kapitali addizzjonali mill-azzjonisti tiegħu. |
|
(7) |
L-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-BERŻ jenħtieġ li jiġi estiż b’mod limitat u inkrimentali għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq, u jenħtieġ li jkun kompletament konformi mal-valuri tal-BERŻ li jappoġġa lil dawk il-pajjiżi li huma impenjati favur il-prinċipji tad-demokrazija multipartitika, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-pluraliżmu, u l-ekonomija tas-suq, u japplikawhom. Il-BERŻ żviluppa approċċ gradwali biex jibda l-attivitajiet tiegħu fir-reġjuni kkonċernati, li se jqis l-ispeċifiċitajiet reġjonali u nazzjonali. L-ewwel investimenti fl-Afrika sub-Saħarjana huma previsti li jsiru mill-2025 ’il quddiem fil-Benin, il-Kosta tal-Avorju, il-Gana, il-Kenja, in-Niġerja u s-Senegal, soġġett għall-applikazzjoni u l-approvazzjoni tagħhom bħala pajjiżi riċevituri tal-BERŻ. B’kont meħud tal-fokus tal-BERŻ fuq l-iżvilupp tas-settur privat u l-mandat ta’ tranżizzjoni tiegħu, il-valur li l-BERŻ jista’ jżid fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Iraq huwa sostanzjali u ta’ importanza ġeostrateġika għall-Unjoni. |
|
(8) |
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korpi governattivi tal-BERŻ jenħtieġ li jinkoraġġixxu lill-BERŻ biex ikompli l-involviment mill-qrib tiegħu mal-Unjoni u l-kollaborazzjoni tiegħu mas-soċjetà ċivili, kif ukoll biex jiżviluppa aktar il-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu ma’ istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħra ta’ finanzjament pubbliku, sabiex jagħmel użu sħiħ mill-vantaġġi komparattivi tagħhom, meta jestendi l-operazzjonijiet tiegħu għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq. |
|
(9) |
F’konformità mal-prattika eżistenti, qabel ma l-BERŻ japprova pajjiż ġdid tal-operazzjoni, huwa jenħtieġ li jagħmel valutazzjoni teknika dettaljata tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi fil-pajjiż ikkonċernat, inklużi: valutazzjoni tal-impenn ta’ dak il-pajjiż favur il-prinċipji tad-demokrazija multipartitika, il-pluraliżmu u l-ekonomija tas-suq, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ, valutazzjoni tan-nuqqasijiet fit-tranżizzjoni, u rieżami tal-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra f’dak il-pajjiż, u tal-prijoritajiet li fir-rigward tagħhom il-BERŻ jista’ jagħmel l-aħjar użu mill-għarfien u l-ħiliet uniċi tiegħu. Tali valutazzjoni jenħtieġ li ssir soġġett għal kwalunkwe pajjiż ġdid li japplika għas-sħubija tal-BERŻ u l-istatus għal pajjiż tal-operazzjoni u soġġett għall-approvazzjoni sussegwenti tiegħu mill-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ. |
|
(10) |
Bħalissa, l-Artikolu 12(1) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ jillimita l-ammont totali ta’ self pendenti, investimenti ta’ ekwità u garanziji magħmula mill-BERŻ fl-operazzjonijiet ordinarji tiegħu għall-ammont totali tal-kapital sottoskritt, riżervi u bilanċi favorevoli mhux indeboliti tiegħu inklużi fir-riżorsi kapitali tiegħu. Fir-Riżoluzzjoni Nru 260 tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2023 (ir-“Riżoluzzjoni Nru 260”), il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ irrikonoxxa r-rwol essenzjali tal-BERŻ fl-indirizzar tal-isfidi globali urġenti u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rieżami Indipendenti tal-G20 tal-2022 tal-Oqfsa tal-Adegwatezza tal-Kapital tal-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp. Il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ iddeċieda li, sabiex ikun jista’ jsir l-aħjar użu mill-kapaċità kapitali tal-BERŻ biex jinkiseb l-impatt potenzjali massimu fil-pajjiżi riċevituri tiegħu, hija meħtieġa emenda għall-Artikolu 12(1) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ biex titneħħa l-limitazzjoni tal-kapital statutorju. |
|
(11) |
Skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BERŻ staqsa lill-membri tal-BERŻ kollha jekk jaċċettawx l-emendi proposti. |
|
(12) |
Iż-żieda fil-kapital u l-emendi għall-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ jenħtieġ li għalhekk jiġu approvati f’isem l-Unjoni, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Unjoni għandha tissottoskrivi 12 102 sehem addizzjonali ta’ EUR 10 000 kull wieħed fil-BERŻ skont ir-Riżoluzzjoni Nru 265 fit-30 ta’ Ġunju 2025 jew qabel, jew tali data sussegwenti mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025 kif il-Bord tad-Diretturi tal-BERŻ jista’ jiddetermina fit-30 ta’ Ġunju 2025 jew qabel.
Is-sottoskrizzjoni għandha titħallas f’ħames pagamenti ugwali, li l-ewwel wieħed minnhom għandu jitħallas sa mhux aktar tard minn:
|
(a) |
it-30 ta’ April 2025; jew |
|
(b) |
60 jum wara li l-istrument ta’ sottoskrizzjoni mill-Unjoni jkun sar effettiv. |
L-erba’ pagamenti li jifdal għandhom jitħallsu sat-30 ta’ April 2026, sat-30 ta’ April 2027, sat-30 ta’ April 2028 u sat-30 ta’ April 2029, rispettivament.
Artikolu 2
Il-Gvernatur tal-BERŻ li jirrappreżenta lill-Unjoni għandu jiddepożita l-istrument meħtieġ ta’ sottoskrizzjoni f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
L-emendi għall-Artikolu 1 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-BERŻ biex jippermettu l-estensjoni limitata u inkrementali tal-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tiegħu għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni Nru 259, u l-emendi għall-Artikolu 12(1) ta’ dak il-Ftehim biex titneħħa l-limitazzjoni kapitali statutorja, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni Nru 260, huma approvati f’isem l-Unjoni.
It-test tar-Riżoluzzjonijiet Nru 259 u Nru 260 huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Il-Gvernatur tal-BERŻ li jirrappreżenta lill-Unjoni għandu, f’isem l-Unjoni, jikkomunika lill-BERŻ l-istqarrija ta’ aċċettazzjoni tal-emendi msemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 5
Bħala parti mir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew, il-Gvernatur tal-BERŻ li jirrappreżenta lill-Unjoni għandu jirrapporta wkoll dwar l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-BERŻ fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Iraq.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. MICHEL
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.
TRADUZZJONI
RIŻOLUZZJONI NRU 259
EMENDA GĦALL-ARTIKOLU 1 TAL-FTEHIM LI JISTABBILIXXI L-BANK EWROPEW GĦAR-RIKOSTRUZZJONI U L-IŻVILUPP BIEX JIPPERMETTI ESPANSJONI LIMITATA U INKREMENTALI TAL-AMBITU ĠEOGRAFIKU TAL-OPERAZZJONIJIET TAL-BANK GĦALL-AFRIKA SUB-SAĦARJANA U L-IRAQ
IL-BORD TAL-GVERNATURI,
Filwaqt li jfakkar fir-Riżoluzzjoni Nru 248, li permezz tagħha l-Bord tal-Gvernaturi approva, fil-prinċipju, espansjoni limitata u inkrementali tal-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-Bank għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq;
Filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq għall-kisba tal-prijoritajiet tal-komunità internazzjonali fil-qasam tal-ġeopolitika u tal-iżvilupp, ir-rabtiet dejjem jikbru bejn ħafna pajjiżi fl-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq u l-pajjiżi attwali ta’ operazzjonijiet tal-BERŻ, u r-rilevanza u l-applikabbiltà tal-mandat, il-mudell tan-negozju, l-enfasi fuq is-settur privat u l-kompetenzi tal-Bank fl-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq;
Filwaqt li jisħaq li l-aktar prijorità urġenti tal-Bank tibqa’ li jappoġġja lill-Ukrajna u lil pajjiżi oħra ta’ operazzjonijiet affettwati mill-gwerra kontra l-Ukrajna;
Filwaqt li jirrikonoxxi li l-gwerra kontra l-Ukrajna saħħet ir-rilevanza parallela li jkomplu jiġu indirizzati l-objettivi tal-azzjonisti fl-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq;
Filwaqt li jissottolinja li kwalunkwe espansjoni limitata u inkrementali possibbli għal pajjiżi ġodda ta’ operazzjonijiet ma tridx: ixxekkel il-kapaċità tal-Bank li jappoġġja l-pajjiżi ta’ operazzjonijiet attwali tiegħu, tikkomprometti l-klassifikazzjoni AAA tal-Bank, twassal għal talba għal kontribuzzjonijiet kapitali addizzjonali, jew tiddevja mill-mandat tal-Bank li jappoġġja t-tranżizzjoni u l-prinċipji operattivi tiegħu ta’ addizzjonalità u sistema bankarja soda;
Filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-komplementarjetà u l-kollaborazzjoni fost is-sħab għall-iżvilupp diġà attivi fl-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq; u
Wara li kkunsidra r-Rapport tal-Bord tad-Diretturi lill-Bord tal-Gvernaturi “Emenda għall-Artikolu 1 tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp sabiex jippermetti l-espansjoni limitata u inkrementali tal-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-Bank għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq” u bi qbil mal-konklużjonijiet tiegħu, fost l-oħrajn, li:
|
(i) |
L-analiżi tal-implikazzjonijiet kapitali u finanzjarji tikkonferma mill-ġdid li espansjoni limitata u inkrementali għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq fiha nnifisha mhux se xxekkel il-kapaċità tal-Bank li jappoġġja l-pajjiżi ta’ operazzjonijiet eżistenti tiegħu, tikkomprometti l-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tal-Bank, jew twassal għal talba għal kontribuzzjonijiet kapitali addizzjonali; |
|
(ii) |
Tali espansjoni limitata u inkrementali tal-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet tal-Bank għall-Afrika sub-Saħarjana u l-Iraq għandha tkun permessa permezz ta’ emenda tal-Artikolu 1 tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“il-Ftehim”); u |
|
(iii) |
L-implimentazzjoni tal-espansjoni trid titwettaq b’mod li ma jdgħajjifx l-enfasi tal-Bank li jappoġġja lill-Ukrajna u lil pajjiżi oħra ta’ operazzjonijiet affettwati mill-gwerra kontra l-Ukrajna. |
JIDDEĊIEDI LI:
|
1. |
L-Artikolu 1 tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:
“Fil-kontribut għall-progress u r-rikostruzzjoni ekonomiċi, l-għan tal-Bank għandu jkun li jrawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomiji miftuħa orjentati lejn is-suq u li jippromwovi inizjattiva privata u intraprenditorjali fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li juru impenn favur il-prinċipji tad-demokrazija multipartitika, tal-pluraliżmu u tal-ekonomija tas-suq u li japplikawhom. Soġġett għall-istess kundizzjonijiet, l-għan tal-Bank jista’ jitwettaq ukoll (i) fil-Mongolja; (ii) f’pajjiżi membri tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran; u (iii) f’għadd limitat ta’ pajjiżi membri tal-Afrika sub-Saħarjana; f’kull każ taħt (ii) u (iii) kif determinat mill-Bank fuq vot affermattiv ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-Gvernaturi, li jirrappreżentaw mhux anqas minn tliet kwarti tad-dritt tal-vot totali tal-membri. Għaldaqstant, kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim u fl-annessi tiegħu għal ‘pajjiżi taċ-Ċentru u tal-Lvant tal-Ewropa’, ‘pajjiżi miċ-Ċentru u mil-Lvant tal-Ewropa’, ‘pajjiż reċipjent (jew pajjiżi reċipjenti)’ jew ‘pajjiż reċipjent membru (jew pajjiżi reċipjenti membri)’ għandha tirreferi għall-Mongolja u għal kull wieħed mit-tali pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran u tal-Afrika sub-Saħarjana wkoll.”
|
|
2. |
Il-membri tal-Bank għandhom jiġu mistoqsija jekk jaċċettawx l-emenda msemmija billi (a) jeżegwixxu u jiddepożitaw mal-Bank strument li jiddikjara li tali membru aċċetta l-emenda msemmija skont il-liġi tiegħu u (b) jipprovdu evidenza, f’forma u f’sustanza sodisfaċenti għall-Bank, li l-emenda ġiet aċċettata u l-istrument ta’ aċċettazzjoni ġie eżegwit u ddepożitat skont il-liġi ta’ dak il-membru. |
|
3. |
L-emenda msemmija għandha tidħol fis-seħħ tliet (3) xhur wara d-data li fiha l-Bank ikun ikkonferma formalment lill-membri tiegħu li r-rekwiżiti biex l-emenda msemmija tiġi aċċettata, kif previst fl-Artikolu 56 tal-Ftehim, ikunu ġew issodisfati. |
(Adottata fit-18 ta’ Mejju 2023)
RIŻOLUZZJONI NRU 260
EMENDA GĦALL-ARTIKOLU 12.1 TAL-FTEHIM LI JISTABBILIXXI L-BANK EWROPEW GĦAR-RIKOSTRUZZJONI U L-IŻVILUPP BIEX TITNEĦĦA L-LIMITAZZJONI STATUTARJA RELATATA MAL-KAPITAL FUQ OPERAZZJONIJIET ORDINARJI
IL-BORD TAL-GVERNATURI
Filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDBs) biex jindirizzaw diversi sfidi globali urġenti;
Filwaqt li jinnota l-bidliet sinifikanti fil-prattiki tal-ġestjoni tal-kapital fis-settur finanzjarju minn mindu l-Ftehim daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 1991;
Filwaqt li jixtieq jippermetti l-aħjar użu tal-kapaċità tal-kapital tal-Bank li jappoġġja lill-Bank fil-kisba tal-impatt potenzjali massimu fil-pajjiżi riċevituri tiegħu;
Filwaqt li jilqa’ l-firxa wiesgħa ta’ rakkomandazzjonijiet tar-Reviżjoni Indipendenti tal-Oqfsa ta’ Adegwatezza tal-Kapital tal-G20 u l-kunsiderazzjoni bir-reqqa mogħtija lilhom mill-Bank, inkluża, b’mod speċifiku, ir-rakkomandazzjoni biex jiġi mmodernizzat l-approċċ tal-MDBs għall-ġestjoni tal-adegwatezza tal-kapital billi limiti speċifiċi ta’ ingranaġġ jiġu rilokati mill-istatuti tal-MDBs għall-oqfsa tal-adegwatezza tal-kapital tal-MDBs, b’mod koordinat fost l-MDBs;
Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord tad-Diretturi “Emenda tal-Artikolu 12.1 għall-Ftehim li Jistabbilixxi l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp sabiex titneħħa l-limitazzjoni statutarja relatata mal-kapital fuq operazzjonijiet ordinarji” u r-rakkomandazzjoni tiegħu li japprova emenda tal-Artikolu 12.1 tal-Ftehim biex titneħħa l-limitazzjoni statutarja relatata mal-kapital fuq operazzjonijiet ordinarji, u billi qabel mat-tali rapport u t-tali rakkomandazzjoni; u
Bil-fehim li l-Bord tad-Diretturi se jżomm limitu ta’ ingranaġġ nominali xieraq fuq l-operazzjonijiet, stabbilit skont l-indikaturi rilevanti tal-kapital, fi ħdan il-qafas tal-adegwatezza tal-kapital tal-Bank, bħala parti mir-responsabbiltà tiegħu li jipproteġi s-solidità u s-sostenibbiltà finanzjarji tal-Bank.
JIDDEĊIEDI LI:
|
1. |
L-Artikolu 12.1 tal-Ftehim għandu jiġi emendat billi jitħassar it-test eżistenti tiegħu u jiġi introdott test ġdid kif ġej:
|
|
2. |
Il-membri tal-Bank għandhom jiġu mistoqsija jekk jaċċettawx l-emenda msemmija billi (a) jeżegwixxu u jiddepożitaw mal-Bank strument li jiddikjara li tali membru aċċetta l-emenda msemmija skont il-liġi tiegħu u (b) jipprovdu evidenza, f’forma u f’sustanza sodisfaċenti għall-Bank, li l-emenda ġiet aċċettata u l-istrument ta’ aċċettazzjoni ġie eżegwit u ddepożitat skont il-liġi ta’ dak il-membru. |
|
3. |
L-emenda msemmija għandha tidħol fis-seħħ tliet (3) xhur wara d-data li fiha l-Bank ikun ikkonferma formalment lill-membri tiegħu li r-rekwiżiti biex l-emenda msemmija tiġi aċċettata, kif previst fl-Artikolu 56 tal-Ftehim, ikunu ġew issodisfati. |
(Adottata fit-18 ta’ Mejju 2023)
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1246/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)