European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3123

6.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Ġunju 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2017/C 31/12 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali”

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(C/2025/3123)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2017/C 31/12 (1) stabbiliet grupp ta’ esperti bl-isem “Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali” (“il-Pjattaforma”). Il-kompiti ewlenin tal-Pjattaforma huma li tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-iskambju ta’ azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-fehim tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-istandards internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali, li tiffaċilita l-iżvilupp u l-użu ta’ impenji volontarji dwar it-trattament xieraq tal-annimali, li tinkoraġġixxi d-djalogu dwar kwistjonijiet tal-Unjoni relatati mat-trattament xieraq tal-annimali, u li tippromwovi skambji ta’ għarfien xjentifiku u tekniku, innovazzjonijiet, u prattiki tajbin tat-trattament xieraq tal-annimali.

(2)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2017/C 31/12 kien inizjalment stabbilit sal-31 ta’ Diċembru 2019 u ġie estiż l-ewwel sat-30 ta’ Ġunju 2021 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2019/C 405/05 (2), u mbagħad ittawwal sat-30 ta’ Ġunju 2025 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2021/C 185/04 (3).

(3)

Il-Pjattaforma saret forum rikonoxxut b’mod mifrux għaż-żamma ta’ djalogu miftuħ dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba mmirati lejn it-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali. Filwaqt li l-Pjattaforma oriġinarjament iffukat fuq l-assistenza lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali, fost kompiti oħra, l-iżvilupp reċenti u futur ta’ leġiżlazzjoni ġdida u aġġornata tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali jfisser li hemm bżonn li jinġabru l-input u l-fehmiet tal-Pjattaforma, li hija waħda minn diversi linji ta’ konsultazzjonijiet mill-Kummissjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

(4)

Barra minn hekk, fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Pjattaforma tista’ tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ dokumenti ta’ gwida jew fit-tħejjija ta’ atti mhux leġiżlattivi, billi tipprovdi input dwar kwistjonijiet tekniċi u xjentifiċi kif ukoll esperjenza prattika f’dan il-qasam.

(5)

Wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta għal Regolament dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates (5) u t-traċċabbiltà tagħhom, jenħtieġ li l-Pjattaforma twessa’ s-sħubija tagħha billi tinkludi esperti fil-qasam tat-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-għadd ta’ membri tal-Pjattaforma jiżdied bi tliet membri li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet kummerċjali u professjonali ġenerali li għandhom attivitajiet fil-livell tal-Unjoni, li jikkonċernaw l-annimali jew il-prodotti tal-annimali, u l-prodotti maħsuba għall-annimali, b’kompetenza speċifika fis-settur tat-tnissil u l-kummerċ tal-klieb u l-qtates u żewġ membri li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili li għandhom attivitajiet fil-livell tal-Unjoni b’rabta mat-trattament xieraq tal-annimali, speċifikament kompetenti fil-qasam tat-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates. L-għażla ta’ dawn il-membri ġodda jenħtieġ li ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”) u fuq siti web apposta.

(6)

Id-Deċiżjoni 2017/C 31/12 ma tispeċifikax jekk pajjiżi terzi jistgħux ikunu osservaturi. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jingħataw status ta’ osservatur f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2016) 3301 (6). Barra minn hekk, minħabba r-rilevanza tal-għarfien espert tekniku tagħhom għall-kompiti tal-Pjattaforma biex jippromwovu l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba, l-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni relatati mat-trattament xieraq tal-annimali fl-Unjoni, iċ-Ċentri ta’ Referenza tal-UE għat-Trattament Xieraq tal-Annimali deżinjati f’konformità mal-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jenħtieġ li jipparteċipaw fil-Pjattaforma bħala osservaturi għall-perjodu ta’ deżinjazzjoni rispettiv tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-għadd ta’ osservaturi jiżdied għal massimu ta’ 20 osservatur.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2017/C 31/12 jiġi estiż b’5 snin sat-30 ta’ Ġunju 2030.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2017/C 31/12 tiġi emendata kif xieraq,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-Deċiżjoni 2017/C 31/12 hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn mhux iktar minn 85 membru.”

;

2.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-membri għandhom jinħatru sat-30 ta’ Ġunju 2030. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.”

;

3.

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-prinċipju, il-Pjattaforma għandha tiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena fil-kwartieri tal-Kummissjoni, jew f’format ibridu, u kull darba li l-Kummissjoni tħoss il-bżonn li ssir laqgħa.”

;

4.

fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-individwi, l-organizzazzjonijiet, l-entitajiet pubbliċi u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2016)3301, jew bi stedina diretta jew bħala riżultat ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet.

2.   L-organizzazzjonijiet, l-entitajiet pubbliċi u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom.”

;

5.

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Pjattaforma ma għandhiex ikollha iktar minn 20 osservatur.”

;

6.

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2030.”

.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2017 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali” (ĠU C 31, 31.1.2017, p. 61).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2017/C 31/12 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali” (ĠU C 405, 2.12.2019, p. 5).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2017/C 31/12 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali” (ĠU C 185, 12.5.2021, p. 7).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj).

(5)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-benesseri tal-klieb u l-qtates u t-traċċabbiltà tagħhom (COM(2023) 769 final).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni (https://health.ec.europa.eu/publications/commission-decision-c2016-3301-final_en?prefLang=mt).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3123/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)