26.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1219

tas-17 ta’ Mejju 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 fir-rigward taż-żieda tan-Niġerja u tal-Afrika t’Isfel fit-tabella fil-punt I tal-Anness u t-tħassir tal-Kambodja u l-Marokk minn dik it-tabella

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni trid tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”) li huma ta’ theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi.

(3)

Minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT għas-sistema finanzjarja internazzjonali hija wkoll ta’ theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni tqis l-informazzjoni reċenti disponibbli, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet pubbliċi reċenti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), il-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn pajjiżi terzi individwali.

(5)

Mill-aħħar emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, l-FATF aġġornat il-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ”. Fil-laqgħa plenarja tagħha fi Frar 2023, l-FATF żiedet in-Niġerja u l-Afrika t’Isfel mal-lista u ħassret lill-Kambodja u l-Marokk minn dik il-lista. Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni biex tidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(6)

Fi Frar 2023, in-Niġerja ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u mal-“Groupe d’Action contre le Blanchiment d’Argent en Afrique Centrale” (GIABA), li huwa l-korp reġjonali tat-tip FATF tagħha (FATF-style regional body (FSRB)), biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka tagħha f’Awwissu 2021, in-Niġerja għamlet progress f’uħud mill-azzjonijiet rakkomandati f’dak ir-rapport biex ittejjeb is-sistema tagħha, inkluż billi ttejjeb il-qafas leġiżlattiv tagħha dwar l-AML/CFT u taġġorna l-valutazzjoni tagħha tar-riskji inerenti ta’ ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu/finanzjament tal-proliferazzjoni, u saħħet l-implimentazzjoni tagħha ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. In-Niġerja se taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF billi: (1) tlesti l-valutazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu residwu tagħha u taġġorna l-istrateġija nazzjonali tagħha dwar l-AML/CFT biex tiggarantixxi allinjament ma’ strateġiji nazzjonali oħra rilevanti għal reati predikati ta’ riskju kbir; (2) issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali formali u informali f’konformità mar-riskji tal-ħasil tal-flus/tal-finanzjament tat-terroriżmu; (3) ittejjeb is-superviżjoni bbażata fuq l-AML/CFT tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tan-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji ddeżinjati, u ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi għas-setturi ta’ riskju kbir; (4) tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja li tirrigwarda persuni ġuridiċi, u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi ta’ sjieda benefiċjarja; (5) turi żieda fid-disseminazzjoni tal-intelligence finanzjarja mill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u l-użu tagħha mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; (6) turi żieda konsistenti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ħasil tal-flus f’konformità mar-riskji tal-ħasil tal-flus; (7) tidentifika b’mod proattiv il-ksur tal-obbligi tad-dikjarazzjoni flus kontanti, u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet xierqa u ż-żamma ta’ data komprensiva dwar l-assi ffriżati, maqbuda, konfiskati u eliminati; (8) turi żieda konsistenti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ tipi differenti ta’ attivitajiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mar-riskju, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji dwar l-investigazzjonijiet dwar il-finanzjament tat-terroriżmu; u (9) twettaq kampanja ta’ sensibilizzazzjoni bbażata fuq ir-riskju u mmirata lejn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ f’riskju ta’ abbuż tal-finanzjament tat-terroriżmu u timplimenta monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju għas-subsett ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li huma f’riskju li jiffinanzjaw abbuż mit-terroriżmu mingħajr ma tfixkel jew tiskoraġġixxi l-attivitajiet leġittimi ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

(7)

Fi Frar 2023, l-Afrika t’Isfel ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u l-Grupp tal-AML tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (ESAAMLG), li huwa l-FSRB tagħha biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tagħha tal-AML/CFT. Mill-adozzjoni tar-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni reċiproka f’Ġunju 2021, l-Afrika t’Isfel għamlet progress sinifikanti f’ħafna mill-azzjonijiet rakkomandati f’dak ir-rapport biex ittejjeb is-sistema tagħha, inkluż billi żviluppat politiki nazzjonali dwar l-AML/CFT biex tindirizza riskji akbar u emendat mill-ġdid il-qafas legali għall-finanzjament tat-terroriżmu u s-sanzjonijiet finanzjarji mmirati, fost l-oħrajn. L-Afrika t’Isfel se taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF billi: (1) turi żieda konsistenti fit-talbiet għal assistenza legali reċiproka ’l barra li jgħinu biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu u l-konfiski ta’ tipi differenti ta’ assi f’konformità mal-profil tar-riskju tagħha; (2) ittejjeb is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju ta’ negozji u professjonijiet mhux finanzjarji ddeżinjati, u turi li s-superviżuri kollha tal-AML/CFT japplikaw sanzjonijiet proporzjonati u effettivi għan-nuqqas ta’ konformità; (3) tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja li tirrigwarda persuni u arranġamenti ġuridiċi, u tapplika sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi ta’ sjieda benefiċjarja minn persuni ġuridiċi; (4) turi żieda konsistenti fit-talbiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għal intelligence finanzjarja miċ-Ċentru tal-Intelligence Finanzjarja għall-investigazzjonijiet tagħha dwar il-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu; (5) turi żieda konsistenti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ ħasil tal-flus serju u kumpless u l-firxa sħiħa ta’ attivitajiet ta’ finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mal-profil tar-riskju tagħha; (6) ittejjeb l-identifikazzjoni, il-qbid u l-konfiska ta’ rikavati u mezzi strumentali ta’ firxa usa’ ta’ reati predikati, f’konformità mal-profil tar-riskju tagħha; (7) taġġorna l-valutazzjoni tagħha tar-riskju tal-finanzjament tat-terroriżmu biex tinforma l-implimentazzjoni ta’ strateġija nazzjonali komprensiva kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; u (8) tiggarantixxi l-implimentazzjoni effettiva ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati u turi mekkaniżmu effettiv biex jiġu identifikati individwi u entitajiet li jissodisfaw il-kriterji għad-deżinjazzjoni domestika.

(8)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li n-Niġerja u l-Afrika t’Isfel jenħtieġ li jitqiesu bħala ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tal-AML/CFT tagħhom li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-UE. Jenħtieġ għalhekk li n-Niġerja u l-Afrika t’Isfel jiżdiedu mat-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(9)

Il-Kummissjoni eżaminat il-progress li sar biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet strateġiċi tal-Kambodja u l-Marokk. Dawn huma pajjiżi elenkati fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 iżda mħassra mil-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ” fi Frar 2023.

(10)

L-FATF laqgħet il-progress sinifikanti li sar mill-Kambodja u l-Marokk fit-titjib tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u nnutat li dawn il-pajjiżi stabbilixxew oqfsa legali u regolatorji biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Il-Kambodja u l-Marokk għalhekk ma għadhomx soġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF fl-ambitu tal-proċess ta’ konformità globali tagħha dwar l-AML/CFT u se jkomplu jaħdmu mal-korpi reġjonali tat-tip FATF tagħhom biex ikomplu jsaħħu r-reġimi tal-AML/CFT tagħhom.

(11)

Peress li l-Kambodja u l-Marokk saħħew l-effettività tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u indirizzaw nuqqasijiet tekniċi biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-informazzjoni disponibbli twassalha biex tikkonkludi li l-Kambodja u l-Marokk ma għadx għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tal-AML/CFT tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li l-Kambodja u l-Marokk jitħassru mit-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(12)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fil-punt I, it-tabella hija sostitwita bit-tabella fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).


ANNESS

“Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir (1)

1

L-Afganistan

2

Barbados

3

Il-Burkina Faso

4

Il-Gżejjer Cayman

5

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

6

Ġibiltà

7

Il-Haïti

8

Il-Ġamajka

9

Il-Ġordan

10

Il-Mali

11

Il-Mozambique

12

Il-Myanmar

13

In-Niġerja

14

Il-Panama

15

Il-Filippini

16

Is-Senegal

17

L-Afrika t’Isfel

18

Is-Sudan t’Isfel

19

Is-Sirja

20

It-Tanzanija

21

Trinidad u Tobago

22

L-Uganda

23

L-Emirati Għarab Magħquda

24

Vanuatu

25

Il-Jemen


(1)  Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġuriżdizzjoni b’rabta mat-territorju ta’ Ġibiltà.”