Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Greċja għall-2012 /* COM/2012/0307 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma
tal-Greċja għall-2012 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4)
tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta’ baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1],
u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew,[3] Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara
strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020,
imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li
tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata
spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u
l-kompetittività. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali
għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010
sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni
dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[4],
li flimkien jagħmlu l-‘linji gwida integrati’. L-Istati Membri ġew
mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u dwar
l-impjiegi nazzjonali. (3) Fit-12 ta’ Lulju 2011,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma
tal-Greċja għall-2011. (4) Fit-23 ta’ Novembru 2011,
il-Kummissjoni adottat t-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li
jimmarka l-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex
ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. (5) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex tkun żgurata l-istabbiltà
finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem it-tkabbir. Huwa
enfasizza l-ħtieġa li titkompla l-konsolidazzjoni fiskali
differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, sabiex jerġgħu jinħolqu
l-kundizzjonijiet normali tas-self fl-ekonomija, biex jitrawmu t-tkabbir u
l-kompetittività, biex ikunu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi
soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni
pubblika. (6) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri li qed jieħdu sehem
fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin
għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza
tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. (7) Fit-12 ta’ April 2012,
il-Greċja ssottomettiet il-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha
għall-2012, u ppreżentat informazzjoni mhux kompluta dwar
il-pjanijiet baġitarji tagħha. L-awtoritajiet Griegi huma mistiedna
jissottomettu s-sensiela sħiħa ta' tabelli standard
meħtieġa skont il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. (8) Fil-21 ta’ Frar 2012,
il-Grupp tal-Euro qabel dwar it-tieni programm ta’ aġġustament
ekonomiku għall-Greċja. L-implimentazzjoni tal-politiki
ekonomiċi spjegati b’mod ġenerali fil-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kundizzjonalità
Speċifika ta’ Politika se tikkontribwixxi biex id-dejn pubbliku Grieg
jitnaqqas għal 117% tal-PDG sal-2020. Kien miftiehem li l-finanzjament
tas-settur uffiċjali tal-programm kellu jammonta għal EUR 130
biljun sal-2014, minbarra l-ammonti impenjati fl-ewwel programm ta’
finanzjament. (9) Ir-rilaxx tas-segmenti huwa
bbażat fuq il-konformità mal-kriterji kwantitattivi ta’ prestazzjoni u
mal-evalwazzjoni pożittiva tal-progress li sar fir-rigward tal-kriterji
ta’ politika stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE
tat-12 ta’ Lulju 2011 (kif emendata fit-8 ta' Novembru
2011 u fit-13 ta’ Marzu 2012) u fil-Memorandum ta' Qbil li
jistabbilixxi l-kundizzjonalità ta’ politika ekonomika, li kien iffirmat fl-14 ta’ Marzu 2012. (10) Fid-19 ta’ Marzu 2012,
l-ewwel pagament (EUR 5,9 biljun) tal-ewwel segment (EUR 14,5 biljun)
tal-programm ta’ finanzjament il-ġdid kien imħallas mill-FESF
lill-Greċja. Il-Greċja rċeviet ukoll EUR 1,6 biljun
mill-FMI. Sa Mejju 2012, il-Greċja kienet irċeviet
EUR 147,5 biljun minn finanzjamenti uffiċjali skont l-ewwel u t-tieni
programm. (11) Fl-2010 u fl-2011,
il-Greċja għamlet progress parzjali fl-għanijiet ambizzjużi
tal-programm ta’ aġġustament. Diversi fatturi fixklu
l-implimentazzjoni: l-instabbiltà politika, it-taqlib soċjali u
l-kwistjonijiet ta’ kapaċità amministrattiva u, aktar fundamentalment,
ir-reċessjoni li kienet ħafna aktar profonda milli prevista qabel.
Miri fiskali importanti ma ntlaħqux, u dan wassal għall-adozzjoni ta’
miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni matul l-2010 u l-2011. Madankollu,
il-Greċja rnexxielha tnaqqas sostanzjalment id-defiċit ġenerali
tal-gvern: minn 15,8 fil-mija tal-PDG fl-2009 għal 9,1 fil-mija fl-2011. (12) Fit-18 ta’ April 2012,
il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar ‘It-Tkabbir għall-Greċja’
li tenfasizza l-impatt pożittiv li jista’ jkollha l-implimentazzjoni
sħiħa u effettiva tal-programm ta' aġġustament ekonomiku,
billi tħejji s-sisien għat-tkabbir, għall-investiment u
għat-tiġdid soċjali. Din il-Komunikazzjoni tfakkar li
l-Greċja tista’ ġġib is-saħħa u l-appoġġ
konkret mis-sħubija tagħha fl-UE u miż-żona tal-euro. Hija
tisħaq li r-riformi stipulati fit-tieni programm ta’ aġġustament
ekonomiku huma mfassla sabiex jerġa jiġi f’tiegħu il-potenzjal
tat-tkabbir u tal-ħolqien tax-xogħol tal-ekonomija Griega u sabiex
tinħoloq soċjetà aktar ekwa. Hija tiddeskrivi l-appoġġ
finanzjarju estensiv li qed jingħata lill-Greċja u tenfasizza
l-volontà tas-sħab tal-Greċja, u b’mod partikolari tal-Kummissjoni
biex jidentifikaw modi li jimmassimizzaw l-impatt tal-ewwel riżultati
permezz ta’ azzjonijiet rapidi u tal-appoġġ tal-UE. (13) Il-kriżi ekonomika u
l-miżuri sussegwenti ta’ konsolidazzjoni fiskali kellhom impatt fuq
il-kapaċità tal-Greċja biex tilħaq il-miri tal-Ewropa 2020,
speċjalment dawk b’orjentazzjoni soċjali. Madankollu, ir-riformi
strutturali, partikolarment dawk fis-suq tax-xogħol, il-liberalizzazzjoni
ta’ diversi setturi u għadd ta’ miżuri għat-titjib fl-ambjent
tan-negozju, se jgħinu biex jippromwovu l-kompetizzjoni, jixprunaw
il-produttività, jżidu l-impjiegi u jnaqqsu l-ispejjeż
tal-produzzjoni, u b'hekk jikkontribwixxu għal żieda fl-impjiegi, u
jillimitaw l-faqar u l-esklużjoni soċjali fit-terminu medju. Minkejja
l-kriżi ekonomika, il-Greċja kompliet taħdem biex tilħaq
l-għanijiet ambjentali tal-Ewropa 2020. (14) Għaddej programmar
strateġiku mill-ġdid tal-Fondi Strutturali, li jiffoka fuq
l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ u
għall-kompetittività (b'mod partikolari l-SMEs). Il-miżuri
l-ġodda jsaħħu l-azzjonijiet fl-oqsma tal-passaport
għall-impjiegi, tat-taħriġ u tal-kwalifiki professjonali, u
tal-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi
żgħar u medji. (15) Il-Greċja ħadet
għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. L-impenji, u l-implimentazzjoni
tal-impenji ppreżentati fl-2011, għandhom x’jaqsmu mal-ħolqien
tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività, it-tisħiħ
tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u t-tisħiħ
tal-istabbiltà finanzjarja. B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja
għandha: Timplimenta
l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE
tat-12 ta’ Lulju 2011 kif emendata
fit-8 ta’ Novembru 2011 u fit-13 ta’ Marzu 2012 u
fil-Memorandum ta' Qbil dwar il-kundizzjonalità speċifika tal-politika
ekonomika, li kien iffirmat fl-14 ta’ Marzu 2012. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p.1. [2] COM(2012)307 finali [3] P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047 [4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE
tas-26 ta’ April 2012