|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6828 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Polonja
(C/2024/6828)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Polonja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fit-3 ta' Mejju 2021, il-Polonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fis-17 ta' Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Polonja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Polonja. Huwa vvaluta l-progress tal-Polonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Polonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(9) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja żdied minn 3,4 % tal-PDG fl-2022 għal 5,1 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 49,2 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 49,6 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Polonja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Polonja, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Polonja. |
|
(10) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (11) li l-Polonja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (12), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Polonja ġiet irrakkomandata tkun lesta taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Polonja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (13) kienet espansjonarja, b'0,8 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni pjuttost newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,0 % tal-PDG u kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. Il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis b'1,2 punti perċentwali fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b'reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-fatturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netti mill-miżuri ta' dħul) kienu żidiet fil-pagi u l-pensjonijiet pubbliċi. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,5 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,8 % tal-PDG fl-2023, b'żieda annwali ta' 0,8 punti perċentwali mill-2022. Il-Polonja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni u żammet l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Polonja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u għar-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-bini u l-mobbiltà ekoloġika u intelliġenti. Dak l-investiment pubbliku huwa ffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(11) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,8 % fl-2024 u 3,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 4,3 % fl-2024 u 4,2 % fl-2025. |
|
(12) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 5,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 53,7 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment infiq għoli fuq id-difiża, żidiet fis-salarji fis-settur pubbliku u benefiċċji soċjali ġodda. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja b'2,4 % tal-PDG fl-2024. |
|
(13) |
In-nefqa li tammonta għal 1,0 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser jippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Polonja. In-nefqa li tammonta għal 0,9 % tal-PDG hija mistennija li tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità, fl-2024, meta mqabbla ma' 0 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. |
|
(14) |
Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (14) li l-Polonja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (15) fl-2024 għal mhux aktar minn 7,8 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Polonja hija pprojettata li tiżdied bi 12,8 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dak l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f'nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 2,0 % tal-PDG fl-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(15) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża' l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, il-Polonja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (16) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 0,6 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,5 % fl-2024 u inqas minn 0,1 % fl-2025. B'mod partikolari, l-iskemi ta' ffriżar tal-prezzijiet għall-elettriku u l-gass huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju 2024, filwaqt li l-limiti massimi tal-prezzijiet huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024 għall-elettriku u l-gass u sa Ġunju 2025 għat-tisħin distrettwali (17). Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 0,2 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (18) tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta' 2,0 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista' jkun fl-2023 u l-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan, ukoll, ma jkunx f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024 (0,2 % tal-PDG fl-2023) li kollha jżommu s-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija. |
|
(16) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Polonja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 3,8 % tal-PDG fl-2023 għal 4,0 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tiżdied minn 1,5 % tal-PDG fl-2023 għal 1,9 % tal-PDG fl-2024. |
|
(17) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,6 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment titjib ċikliku u l-iskadenza tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 57,7 % sa tmiem l-2025. Minbarra d-defiċits għoljin, iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG hija mmotivata minn prepagamenti kbar fi flus għal investimenti f'tagħmir militari. |
|
(18) |
Il-benefiċċji soċjali għadhom fil-biċċa l-kbira mhux immirati u mingħajr ittestjar tal-mezzi fil-livell tal-unitajiet domestiċi. Dan jirriżulta f'sistema ta' protezzjoni soċjali b'potenza ridistributtiva limitata. Fl-2023, il-benefiċċju universali tat-tfal żdied b'mod sinifikanti, u nżammet it-13-il pensjoni. Fid-dokumenti baġitarji, it-trasparenza rigward l-investimenti li għaddejjin u dawk ippjanati tista' titjieb. Ma hemmx ħarsa ġenerali integrata u komprensiva lejn l-investimenti li għaddejjin u s-sorsi ta' finanzjament tagħhom, inkluż il-fondi ekstrabaġitarji u l-intrapriżi tal-Istat. Filwaqt li hija disponibbli fi gradi differenti, tali informazzjoni hija mifruxa ma' dokumenti differenti, bħal programmi ta' investiment pluriennali u pjanijiet finanzjarji ta' intrapriżi tal-Istat jew ta' fondi ekstrabaġitarji. Il-proċeduri għall-valutazzjoni u għall-għażla ta' proġetti ta' investiment pubbliku u t-twettiq ta' rieżamijiet ex post huma dgħajfa. Metodoloġiji standardizzati ta' valutazzjoni tal-proġetti jeżistu biss għall-investimenti ffinanzjati mill-Unjoni iżda jistgħu jiġu applikati għall-investimenti ewlenin kollha ffinanzjati mill-gvern. Il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti jvarjaw bejn il-ministeri u huma bbażati fuq it-tip ta' proġett u s-sors ta' finanzjament. Ma hemmx kriterju standard għall-għażla u l-prijoritizzazzjoni tal-proġetti fil-livell tal-gvern ċentrali. |
|
(19) |
Il-Polonja hija wieħed mill-aktar pajjiżi li qegħdin jixjieħu malajr fl-Unjoni u x-xejriet demografiċi fuq terminu twil ser ikollhom impatt fuq is-sistema tal-pensjonijiet. Żieda kontinwa fl-età effettiva tal-irtirar billi tiġi żgurata parteċipazzjoni akbar ta' ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-adegwatezza tal-pensjonijiet futuri. Il-projezzjonijiet tar-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 għall-Polonja jimplikaw it-tieni l-akbar tnaqqis fl-adegwatezza, imkejjel bħala l-proporzjon tal-pensjoni medja mal-paga grossa medja mal-irtirar. Jekk il-proporzjon tal-adegwatezza jinżamm qrib il-livell attwali, in-nefqa pubblika tiżdied b'4,6 punti perċentwali tal-PDG sal-2070. Il-benefiċċji tal-pensjoni għall-bdiewa huma fil-biċċa l-kbira sussidjati mill-Istat u ammontaw għal 0,6 % tal-PDG fl-2023, u l-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni miġbura ma jħeġġiġx bidla lejn l-iskema ġenerali tal-pensjoni, xi ħaġa li tfixkel il-mobbiltà intersettorjali tal-forza tax-xogħol. Filwaqt li l-Polonja implimentat miżura mmirata waħda fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha biex tippromwovi l-ħidma lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar, ikunu meħtieġa aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-isfida relatata mal-adegwatezza u s-sostenibbiltà futuri tal-pensjonijiet. |
|
(20) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Polonja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Polonja tkompli timplimenta r-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b'saħħitha. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(21) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), il-Polonja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Il-Polonja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi, filwaqt li d-disparitajiet reġjonali bejn ir-reġjuni tal-Lvant u l-bqija tal-pajjiż baqgħu jikbru. Huwa kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa importanti għall-Polonja li tinvesti fi trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju. It-tħaffif tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-bidla mill-faħam jirrikjedu azzjoni inkluż l-espansjoni tal-produzzjoni tal-enerġija nadifa, iż-żieda fl-investimenti fil-manifattura tat-teknoloġija b'emissjonijiet żero netti, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Huwa importanti li jsir investiment fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi. Għadha prijorità li jispiċċaw id-differenzi territorjali fl-aċċess għal kura tat-tfal ta' kwalità u affordabbli. Meta jitwettaq ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, ta' min jagħti aktar attenzjoni lill-investimenti fis-sistema ta' appoġġ għal min mhux ċittadin tal-Unjoni u l-opportunitajiet li jappoġġaw l-integrazzjoni tagħhom b'mod komprensiv, peress li l-Polonja esperjenzat influss bla preċedent ta' refuġjati mill-Ukrajna. Il-Polonja tista' tagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita mir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), biex tappoġġa it-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħha, speċjalment fir-rigward ta' teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(22) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, il-Polonja qiegħda tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta' ħaddiema, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, l-akkwist pubbliku, it-tisħin distrettwali, u l-ġestjoni tal-ilma. |
|
(23) |
In-nuqqas ta' ħaddiema jhedded il-kompetittività tal-ekonomija tal-Polonja. Fl-2023, 66 % tal-impjegaturi Pollakki rrapportaw diffikultà biex jimlew pożizzjonijiet battala, imqabbel ma' 75 % madwar id-dinja li rrappurtaw diffikultà biex isibu t-talent li kellhom bżonn. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol mill-gruppi bl-aktar rati baxxi ta' impjieg, bħall-persuni b'diżabilità (id-diskrepanza fl-impjiegi ta' persuni b'diżabilità kienet ta' 31,3 punti perċentwali fl-2022, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni ta' 21,4 punti perċentwali) jew in-nisa (fl-2023, id-differenza fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fil-Polonja kienet ta' 11,8 punti perċentwali bħala medja u 23,3 punti perċentwali għall-persuni fl-età ta' 55-64 sena). Il-Polonja ma tilħaqx il-mira tal-Unjoni għall-2030 ta' parteċipazzjoni ta' 51,7 % fit-tagħlim għall-adulti, li bħalissa hija ta' 20,3 % u dan jimpedixxi t-tranżizzjoni f'setturi b'domanda għall-ħaddiema permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Fl-istess ħin, is-sistema tal-kura fit-tul hija sottożviluppata u għadha tiddependi fuq il-familji, b'mod partikolari fuq in-nisa, u fuq persuni oħra li jindukraw b'mod informali. Il-kopertura tal-kura fi djar formali hija baxxa bi 13 % ta' dawk li għandhom 65 sena u aktar li jeħtieġu kura bħal din, ferm inqas mill-medja tal-Unjoni (30 % fl-2022), filwaqt li l-ħtiġijiet qegħdin jiżdiedu malajr minħabba li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ. Is-sehem mill-popolazzjoni ta' dawk li għandhom 65 sena u aktar huwa mistenni li jilħaq 21,9 % fl-2030 u 29,1 % fl-2050. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tista' tiżdied billi titrawwem attività ekonomika akbar tal-indukraturi informali, l-aktar in-nisa, billi jitjieb l-aċċess għal kura formali fit-tul bbażata fid-dar u bbażata fil-komunità. |
|
(24) |
Is-sistema tal-akkwist pubbliku għadha tbati minn għadd baxx ta' kumpaniji li jissottomettu offerti. Dan jirriżulta f'sehem għoli ta' offerti uniċi, li baqa' f'livell eċċezzjonalment għoli għal ħafna snin (54 % fl-2023 u aktar minn 50 % matul l-aħħar 5 snin). Minkejja l-aspettattivi, il-liġi dwar l-akkwist pubbliku li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2021 ma indirizzatx immedjatament id-dgħufijiet ewlenin. Dan jitlob analiżi qawwija u komprensiva tal-kawżi ewlenin tal-problema persistenti, u li qiegħda tiddeterjora, ta' kompetizzjoni baxxa fl-akkwist pubbliku. It-tisħiħ ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-akkwist pubbliku u l-iżvilupp tal-offerta ta' taħriġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi. |
|
(25) |
Il-Polonja għandha fejn ittejjeb il-prestazzjoni tagħha fit-tranżizzjoni diġitali u fejn iżżid il-kontribut tagħha biex jintlaħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali tal-Unjoni. Filwaqt li sar progress fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-Polonja għadha lura fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tan-negozju. Is-sehem tal-SMEs Pollakki li għandhom mill-inqas livell bażiku ta' intensità diġitali huwa ta' 50 %, li huwa taħt il-medja tal-Unjoni ta' 57,7 % (bil-mira tal-Unjoni għall-2030 tkun ta' 90 %). Huma biss 24,7 % tal-kumpaniji li jipprovdu taħriġ iddedikat fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni lill-impjegati tagħhom li, minħabba f'hekk, għandhom livelli baxxi ta' ħiliet diġitali. Sabiex issaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tagħha u tistimula l-investimenti privati, il-Polonja jenħtieġ li tiffaċilita l-aċċess għat-teknoloġiji avvanzati, speċjalment għall-SMEs, u tinċentiva l-ekosistemi tan-negozji ġodda billi ttejjeb l-aċċess għat-taħriġ, tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju u tinkoraġġixxi t-trasferiment tal-għarfien. |
|
(26) |
F'dawn l-aħħar għaxar snin, il-konsum finali tal-enerġija fil-Polonja kien qiegħed jiżdied. Fl-2022, kien 14,5 % ogħla milli kien fl-2013, filwaqt li fl-Unjoni kollha kemm hi dan il-konsum naqas b'5,5 %. Jekk it-trajettorja ta' dawn l-aħħar 6 snin tkompli, il-Polonja taqbeż il-mira tagħha tal-effiċjenza enerġetika bi 28 %. B'mod partikolari, is-sistemi tat-tisħin distrettwali jipprovdu t-tisħin għal 42 % tal-popolazzjoni iżda għadhom dipendenti ħafna fuq il-faħam, filwaqt li għad irid jiġi propost perkors ċar ta' dekarbonizzazzjoni b'perspettiva b'saħħitha tal-effiċjenza enerġetika. Filwaqt li l-politiki attwali jipprevedu bidla lejn il-gass naturali u l-bijomassa, jeħtieġ li jiġi spjegat fid-dettall perkors ta' dekarbonizzazzjoni li jipprijoritizza l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' sħana rinnovabbli sostenibbli u l-użu tas-sħana mormija. Il-Polonja implimentat sett ta' politiki nazzjonali biex tippromwovi r-rinnovazzjonijiet tal-bini residenzjali, inklużi skemi kbar ta' sussidju ffinanzjati skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Madankollu, dawk il-politiki jeħtieġ li jissaħħu aktar u jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi tal-Unjoni għall-2030. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-bini, b'enfasi partikolari fuq it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin distrettwali. |
|
(27) |
Il-Polonja qed tiffaċċa sfidi relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima, pereżempju fir-rigward tar-riskji ta' nixfa u għargħar. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri biex tittejjeb iż-żamma tal-ilma fiż-żoni rurali, iżda politiki nazzjonali oħra fl-agrikoltura, il-forestrija u l-ġestjoni tal-ilma għadhom mhumiex adattati biex jindirizzaw ir-riskji u l-impatti klimatiċi. Koerenza politika aħjar tista' tinkiseb permezz ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet differenti inkarigati mill-politiki rilevanti. Dan jista' jgħin biex jiġu implimentati soluzzjonijiet sostenibbli bħal soluzzjonijiet ta' adattament ibbażati fuq in-natura biex jiżdiedu l-provvisti tal-ilma u jadattaw għat-tibdil fil-klima filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura u setturi oħra li jiddependu fuq is-servizzi tal-ekosistema, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (21) fl-2025 għal rata konsistenti, fost l-oħrajn, mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, inkluż permezz ta' mmirar aħjar tal-benefiċċji soċjali kif ukoll aktar trasparenza fl-ippjanar tal-investiment u tuża aktar il-proċeduri standardizzati għall-valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti. Tiżgura l-adegwatezza tal-benefiċċji futuri tal-pensjonijiet u ssaħħaħ is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet fost l-oħrajn billi tieħu miżuri biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar u tirriforma l-iskemi preferenzjali tal-pensjonijiet. |
|
2. |
Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex timmaniġġja l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, taċċellera l-investimenti u żżomm ir-ritmu fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula filwaqt li tieħu azzjoni biex tappoġġa u tintegra aħjar iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, u tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex ittejjeb il-kompetittività. |
|
3. |
Tieħu passi biex iżżid il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb il-kwalità tal-kura formali fit-tul bbażata fid-dar u fil-komunità u l-aċċess għaliha. Trawwem il-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku, u b'hekk tali proċessi jsiru aktar effiċjenti u inqas ikkumplikati, speċjalment għall-SMEs. Tappoġġa l-investimenti privati billi trawwem id-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji. |
|
4. |
Tieħu miżuri biex taċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili fis-settur tat-tisħin distrettwali billi taqleb lejn l-enerġija rinnovabbli. Ittejjeb il-politiki relatati mal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tas-setturi li jiddependu fuq is-servizzi tal-ekosistema. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 9728/22 INIT; ST 9728/22 ADD 1).
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (ST 15835/23 INIT; ST 15835/23 ADD 1).
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2022 tal-Polonja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 171).
(12) Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Polonja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat fil-livell ta' 14,5 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(13) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Sinjal negattiv tal-indikatur jindika politika fiskali espansjonarja filwaqt li sinjal pożittiv tal-indikatur jindika politika fiskali restrittiva.
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2023 tal-Polonja, (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 197).
(15) In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(16) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(17) Il-miżuri li, skont l-Polonja, jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024, fil-prinċipju, huma preżunti fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju wkoll fl-2025.
(18) Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(19) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(20) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(21) Skont l-Artikolu 2, (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6828/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)