European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/906

22.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/906

tat-22 Novembru 2024

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.48580 (2017/C) implimentata mill-Ġermanja għal WestSpiel

(notifikata bid-dokument C(2024)8105)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti mressqa mill-assoċjazzjoni tas-swali tal-logħob tal-azzard (Fachverband Spielhallen e.V., “FSH”) u minn ilmentatur ieħor (flimkien “l-ilmentaturi”) relatati mal-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija lil Westdeutsche Spielbanken GmbH & Co. KG (“WestSpiel”) mil-Land ta’ North Rhine-Westphalia (Nordrhein-Westfalen, “NRW”).

(2)

L-ilmenti ġew irreġistrati separatament taħt il-każijiet SA.48580 u SA.48842. Fis-16 ta’ April 2018, il-Kummissjoni għaqqdet iż-żewġ fajls taħt il-każ SA.48580.

(3)

Fit-2 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilmenti lill-Ġermanja u talbet informazzjoni addizzjonali. Wara li talbet u kisbet estensjoni tal-iskadenza biex twieġeb, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2018, il-Ġermanja ssottomettiet il-fehmiet tagħha dwar l-ilmenti u wieġbet għat-talba għal informazzjoni.

(4)

Fis-6 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni talbet aktar dokumenti mill-Ġermanja, li ġew ipprovduti minn din tal-aħħar fit-22 ta’ Frar 2019. Fit-12 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni bagħtet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tal-Ġermanja tat-2 ta’ Ottubru 2018 lill-ilmentaturi, u stednithom jiddikjaraw il-fehmiet tagħhom fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Ġermanja. Fit-8 ta’ Awwissu 2019, l-ilmentaturi ssottomettew il-fehmiet tagħhom b’reazzjoni għall-argumenti tal-Ġermanja, filwaqt li sostnew l-ilmenti tagħhom.

(5)

Fit-8 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni talbet dokumenti addizzjonali mill-Ġermanja, li ġew ipprovduti fl-24 ta’ Ottubru 2019.

(6)

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2019, l-ilmentaturi talbu formalment lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar il-kwistjoni, skont l-Artikolu 265(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

(7)

Permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”). Permezz ta’ email tal-15 ta’ Jannar 2020, il-Ġermanja kkonfermat li d-deċiżjoni tal-ftuħ ma kien fiha l-ebda informazzjoni kunfidenzjali.

(8)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-allegata għajnuna/miżura.

(9)

Fis-27 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni bagħtet is-sottomissjoni tal-ilmentaturi tat-8 ta’ Awwissu 2019 lill-Ġermanja.

(10)

Fit-2 ta’ Marzu 2020, il-Ġermanja ssottomettiet kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ u dwar is-sottomissjoni tal-ilmentaturi tat-8 ta’ Awwissu 2019. Wara konferenza telefonika bejn il-Kummissjoni u l-Ġermanja fit-3 ta’ Ġunju 2020, il-Ġermanja ssottomettiet aktar kummenti bil-miktub, li jissostanzjaw il-pożizzjoni tagħha, fis-17 ta’ Ġunju 2020. Ma ġie sottomess l-ebda kumment minn partijiet terzi sal-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(11)

L-ilmentaturi ssottomettew osservazzjonijiet fis-6 ta’ Awwissu 2020, u l-Ġermanja pprovdiet kummenti dwar dawk l-osservazzjonijiet fl-1 ta’ Ottubru 2020.

(12)

Fit-18 ta’ Diċembru 2020, il-Ġermanja ssottomettiet aġġornamenti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-privatizzazzjoni ta’ WestSpiel. Aġġornamenti addizzjonali dwar l-istess proċess ta’ privatizzazzjoni ġew sottomessi mill-Ġermanja fit-2 ta’ Frar 2021. Fl-10 ta’ Frar 2021, il-Ġermanja ssottomettiet lill-Kummissjoni skeda ta’ żmien indikattiva li tiżvela l-passi ppjanati tagħha bil-ħsieb li tiffinalizza l-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ WestSpiel.

(13)

Fil-11 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni, li l-Ġermanja wieġbet għaliha fil-25 u fis-26 ta’ Frar 2021.

(14)

Fis-16 ta’ Marzu 2021, WestSpiel issottomettiet osservazzjonijiet dwar il-każ u aġġornamenti dwar il-proċess rigward il-bejgħ ta’ WestSpiel. Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kellha telefonata mal-Ġermanja.

(15)

Il-Ġermanja pprovdiet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Lulju u fit-8 ta’ Settembru 2021.

(16)

Fl-14 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni bagħtet talba addizzjonali għal informazzjoni, li l-Ġermanja wieġbet għaliha fl-4 ta’ April 2022. Il-Kummissjoni bagħtet talba oħra għal informazzjoni fil-11 ta’ Lulju 2022, li l-Ġermanja wieġbet għaliha fit-18 ta’ Lulju 2022.

(17)

Fit-12 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni bagħtet talba addizzjonali għal informazzjoni, li l-Ġermanja wieġbet għaliha fl-14 ta’ Lulju 2023.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Il-kuntest legali fiż-żmien meta ngħataw l-allegati miżuri

(18)

Is-suġġett ta’ dan il-każ huwa l-appoġġ finanzjarju li rċeviet WestSpiel mill-Istat fil-perjodu bejn l-2009 u l-2015 permezz tal-miżuri deskritti hawn taħt fit-taqsima 2.3.

(19)

Meta ngħataw l-allegati miżuri, jiġifieri fil-perjodu bejn l-2009 u l-2015 għall-kopertura tat-telf annwali u fl-2015 għall-injezzjoni ta’ kapital, is-sistema legali Ġermaniża għamlet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ logħob tax-xorti.

(20)

Minn naħa, ċerti magni tal-logħob tal-azzard jistgħu jiġu operati liberament minn swali tal-logħob tal-azzard speċjalizzati jew minn ristoranti, dment li jiġu osservati r-regoli tar-regolament dwar il-logħob (Spielverordnung). F’konformità mar-regolamenti reġjonali dwar is-swali tal-logħob tal-azzard (Spielhallengesetze der Bundesländer), kienet meħtieġa liċenzja għall-operat ta’ swali tal-logħob tal-azzard kummerċjali (privati) (gewerbliche Spielhallen).

(21)

Min-naħa l-oħra, logħob live jew logħob tal-każinò (blackjack, roulette, eċċ.) (jiġifieri l-hekk imsejħa “großes Spiel”) u logħob ieħor tal-magni tal-logħob tal-azzard tqiesu bħala riskjużi wisq; l-offerta ta’ tali logħob kienet għalhekk, fil-prinċipju, ipprojbita. B’deroga għal dik ir-regola, il-Länder Ġermaniżi kienu kompetenti biex jippermettu lil ċerti operaturi (prinċipalment pubbliċi) (Spielbankunternehmen) joffru tali logħob, permezz ta’ liċenzji mogħtija fil-livell reġjonali, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet tal-atti tal-logħob tal-azzard rispettivi (Spielbankgesetze).

(22)

L-objettivi ta’ SpielbG NRW (3) ġew stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ SpielbG NRW. B’mod partikolari, l-objettiv regolatorju kien li tiġi evitata d-dipendenza fuq il-logħob tax-xorti u l-imħatri, li jiġi ggwidat l-istint naturali tal-logħob tal-azzard tal-popolazzjoni f’mogħdijiet ordnati u mmonitorjati, li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ġugaturi u taż-żgħażagħ u li tiġi żgurata mġiba xierqa tal-operaturi u operazzjoni ordnata u trasparenti tal-logħob tax-xorti.

(23)

F’konformità mal-Artikolu 2(2) ta’ SpielbG NRW, jistgħu jiġu awtorizzati sa ħames każinojiet pubbliċi f’NRW. B’kuntrast mas-sitwazzjoni f’Länder oħra, SpielbG NRW ma pprovdiex għall-possibbiltà li jingħataw liċenzji anke lill-operaturi privati qabel il-bejgħ ta’ WestSpiel. Fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2(1) u 3(1) ta’ SpielbG NRW, WestSpiel de facto kienet l-uniku detentur ta’ liċenzja ta’ każinojiet f’NRW, li fl-2019 kienet topera erba’ każinojiet f’Aachen, Bad Oeynhausen, Dortmund (Hohensyburg) u Duisburg. WestSpiel kellha l-hekk imsejħa “liċenzja qafas” mill-1975.

2.2.   Il-benefiċjarju

(24)

WestSpiel kienet operatur ta’ każinò attiv f’NRW. Sal-fużjoni ta’ WestSpiel mal-kumpanija b’responsabbiltà limitata Westdeutsche Spielbanken GmbH (“WestSpiel GmbH”) (4) fit-13 ta’ Jannar 2021 (ara l-premessa (29)), l-uniku soċju akkomandanti ta’ WestSpiel (Kommanditistin) kien NRW.BANK u WestSpiel GmbH kienet is-soċju personalment responsabbli jew is-soċju solidali (Komplementärin) ta’ WestSpiel.

(25)

Fis-26 ta’ Novembru 2015, NRW u NRW.BANK ikkonkludew ftehim fiduċjarju (“il-ftehim fiduċjarju”) li skontu:

—

NRW impenjat ruħha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim tas-sħubija taċita bejn NRW.BANK u WestSpiel, li tipprovdi ammont ta’ EUR 64,8 miljun lil NRW.BANK; u

—

NRW.BANK impenja ruħu li jaċċetta tali fondi fiduċjarji, li jużahom esklużivament sabiex jistabbilixxi, f’ismu stess iżda akkont ta’ NRW, sħubija taċita ma’ WestSpiel skont l-Artikoli 230 et seq. tal-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż (Handelsgesetzbuch, HGB) f’konformità mal-ftehim tas-sħubija taċita, u f’dan il-kuntest li jagħmel kontribuzzjoni ta’ EUR 64,8 miljun (“kontribuzzjoni taċita”) lil WestSpiel.

(26)

Fl-1 ta’ Diċembru 2015, ġie konkluż ftehim tas-sħubija taċita bejn NRW.BANK u WestSpiel. Dan kien jinkludi l-obbligu ta’ NRW.BANK li jagħmel il-kontribuzzjoni taċita ta’ EUR 64,8 miljun disponibbli għal WestSpiel wara d-dħul tal-fondi f’NRW.BANK bħala fiduċjarju. Wara l-konklużjoni tal-ftehim tas-sħubija taċita bejn NRW.BANK u WestSpiel u wara li NRW.BANK irċieva l-fondi, NRW.BANK ikkontribwixxa l-fondi fl-ammont ta’ EUR 64,8 miljun lil WestSpiel. Tali kontribuzzjoni taċita ta’ EUR 64,8 miljun (li kellha tiddaħħal f’kont separat tal-kontribuzzjoni taċita) intweriet fl-ekwità ta’ WestSpiel minbarra l-kontribuzzjoni ta’ NRW.BANK bħala soċju akkomandanti ta’ WestSpiel.

(27)

Fl-4 ta’ Jannar 2021, NRW.BANK, WestSpiel u – fid-dawl tal-fużjoni bejn WestSpiel u WestSpiel GmbH – WestSpiel GmbH ikkonkludew ftehim ta’ xoljiment li permezz tiegħu s-sħubija taċita bejn NRW.BANK u WestSpiel ġiet xolta b’effett mit-8 ta’ Jannar 2021 u sussegwentement ġiet likwidata. Il-kontribuzzjoni taċita li kien fadal ta’ (wara l-parteċipazzjoni ta’ telf) madwar EUR 46,5 miljun (eżattament EUR 46 516 909,42) tħallset lura lil NRW.

(28)

WestSpiel żammet il-forma legali ta’ soċjetà in akkomandita (Kommanditgesellschaft) sat-13 ta’ Jannar 2021. L-uniku soċju akkomandanti ta’ WestSpiel kien NRW.BANK u s-soċju personalment responsabbli jew is-soċju solidali kien WestSpiel GmbH, kif deskritt hawn fuq. NRW.BANK, li huwa proprjetà esklużiva ta’ NRW, kien ukoll l-uniku azzjonist ta’ WestSpiel GmbH. Wara t-13 ta’ Jannar 2021, b’sehem ta’ kapital ta’ EUR 35,5 miljun, li kien jikkorrispondi mal-kontribuzzjoni responsabbli (Hafteinlage), NRW.BANK kellu 100 % tal-ishma ta’ WestSpiel (l-Artikolu 3 tal-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ WestSpiel tal-1 ta’ Diċembru 2007, fil-verżjoni l-aktar reċenti tiegħu).

Image 1

(29)

Fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni usa’ tal-grupp WestSpiel, li saret b’mod partikolari sabiex tappoġġa u tiffaċilita l-bejgħ (intenzjonat) tal-grupp, fit-22 ta’ Diċembru 2020, WestSpiel GmbH u WestSpiel daħlu fi ftehim ta’ fużjoni notarili li skontu – abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ WestSpiel tal-31 ta’ Diċembru 2019 – WestSpiel ittrasferiet l-assi kollha tagħha lil WestSpiel GmbH, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020, f’konformità mal-liġi dwar il-kumpaniji Ġermaniża. Mar-reġistrazzjoni ta’ tali fużjoni fir-reġistru kummerċjali kompetenti fit-13 ta’ Jannar 2021, il-fużjoni saret legalment effettiva, bir-riżultat li WestSpiel GmbH saret is-suċċessur legali ta’ WestSpiel.

(30)

F’Settembru 2021, wara proċedura ta’ offerti (5), WestSpiel inbiegħet lill-Gauselmann Group (6) (7). Skont informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (8), wara l-bejgħ, l-attivitajiet ta’ WestSpiel fl-erba’ każinojiet f’Aachen, Bad Oeynhausen, Dortmund (Hohensyburg) u Duisburg issa qed jitmexxew taħt l-isem “Merkur Spielbanken NRW GmbH” (9).

(31)

Fit-tweġiba tagħha tal-4 ta’ April 2022, il-Ġermanja spjegat li l-personalità ġuridika ta’ WestSpiel ma nbidlitx wara l-bejgħ tagħha: l-attivitajiet tal-kumpanija se jitkomplew akkont tagħha stess fl-istess entità ġuridika. L-isem tal-kumpanija biss inbidel għal “Merkur Spielbanken NRW GmbH”, bin-numru tar-reġistru kummerċjali (Duisburg HRB 19356) jibqa’ l-istess.

(32)

Il-kuntest tas-sitwazzjoni fiskali u regolatorja ta’ WestSpiel – fiż-żmien meta ngħataw l-allegati miżuri – huwa partikolarment rilevanti għal dan il-każ. (10) WestSpiel kienet soġġetta għar-reġim tat-taxxa Ġermaniż regolari (taxxa korporattiva fuq l-introjtu, taxxa kummerċjali) fir-rigward tal-introjtu ġġenerat minn attivitajiet mhux relatati mal-logħob tal-azzard (eż. ristoranti). Fir-rigward tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, WestSpiel kienet soġġetta għal reġim tat-taxxa speċifiku (l-Artikoli 12 u 13 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika)) (11). It-taxxi kienu prinċipalment imposti fuq id-dħul gross mil-logħob tal-azzard (“GGR, gross gaming revenue”), mhux fuq il-profitti. WestSpiel kienet soġġetta għal tassazzjoni ta’ 30 % tal-GGR tal-każinojiet tagħha (miżjuda b’10 punti perċentwali oħra f’każijiet ta’ GGR annwali li jaqbeż EUR 15-il miljun għal kull każinò) skont l-Artikolu 12 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika). WestSpiel kienet soġġetta għal tassazzjoni oħra ta’ 15 % fuq il-GGR, imsejħa “riċevuti addizzjonali” (Zusätzliche Leistungen), skont l-Artikolu 13 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika). F’konformità mal-Artikolu 12 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), it-taxxa imposta kienet maħsuba biex tiffinanzja l-attivitajiet fl-interess ġenerali.

(33)

Minbarra dawn it-taxxi fuq il-GGR, l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) kien jeħtieġ li WestSpiel tittrasferixxi 75 % (u f’ċerti każijiet aktar) tal-profitti tagħha lil NRW permezz ta’ mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt. Għall-kuntrarju tat-tassazzjoni tal-GGR skont l-Artikoli 12 u 13 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt ġie applikat għall-attivitajiet ġenerali tal-kumpanija (jiġifieri ma kienx limitat għall-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tal-logħob tal-azzard). B’mod partikolari, hija applikat għall-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti fis-sena 2014.

2.3.   L-allegati miżuri

(34)

Skont l-ilmentaturi, WestSpiel kienet tirċievi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli taħt it-tliet miżuri li ġejjin:

(a)

l-allegata kopertura tat-telf annwali mill-azzjonist tagħha NRW.BANK mill-2009;

(b)

l-allegat għoti ta’ liċenzja għall-operat tal-ħames każinò f’Cologne;

(c)

l-allegata injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 64,8 miljun fl-2015.

(35)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni fetħet biss il-proċedura formali dwar il-miżuri (a) u (c) hawn fuq. Hija ħadet deċiżjoni ta’ ebda oġġezzjoni dwar il-miżura (b) ta’ hawn fuq għar-raġuni li l-allegat għoti ta’ liċenzja lil WestSpiel biex topera l-ħames każinò f’Cologne ma kienx jikkostitwixxi għajnuna (ara l-premessa 97 u l-konklużjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ). B’riżultat ta’ dan, din il-miżura hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li se tittratta biss il-miżuri (a) u (c) ta’ hawn fuq.

2.3.1.   Kopertura tat-telf annwali

(36)

L-ilmentaturi jallegaw li WestSpiel kienet tirċievi kopertura tat-telf annwali mill-uniku soċju akkomandanti tagħha NRW.BANK mill-2009 sal-2015.

(37)

Filwaqt li WestSpiel kienet għadha kapaċi tiġġenera profitti fis-snin 2005 sa 2008, il-kumpanija ma rnexxilhiex tkompli tagħmel dan fis-snin ta’ wara. B’mod ġenerali, fis-snin 2009 sa 2015, WestSpiel iġġenerat GGR annwali ta’ madwar EUR 79,6 miljun sa EUR 101,1 miljun. Bħala riżultat tat-tassazzjoni tal-GGR skont l-Artikoli 12 u 13 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), WestSpiel iġġenerat telf globali ta’ bejn madwar EUR 3,5 miljun u EUR 9 miljun fis-snin 2009 sal-2013 u fl-2015 (12). Min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ żewġ xogħlijiet tal-arti minn WestSpiel irriżulta f’introjtu straordinarju ta’ madwar EUR 114,4 miljun fl-2014, u huwa għalhekk li WestSpiel iġġenerat profitt globali ta’ madwar EUR 86,4 miljun f’dik is-sena.

(38)

Ir-riżultati annwali ta’ WestSpiel (jiġifieri l-profitti li jifdal wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt fl-2014 u t-telf fis-snin l-oħra kollha bejn l-2009 u l-2015) ġew ikkreditati/iddebitati fil-kont kapitali ta’ NRW.BANK. B’riżultat ta’ dan, il-kont kapitali ta’ NRW.BANK għall-unika soċjetà in akkomandita tiegħu f’WestSpiel kien stmat għal madwar EUR 27,6 miljun fl-2009, iżda biss għal EUR 12,5 miljun fl-2015 (13).

(39)

L-ilmentaturi jqisu li bejn l-2009 u l-2015, WestSpiel kienet tirċievi kopertura tat-telf fl-ammont ta’ madwar EUR 63,6 miljun, kif muri mir-rapporti annwali tagħha.

(40)

Fis-sottomissjoni tagħhom tat-8 ta’ Awwissu 2019, l-ilmentaturi huma tal-fehma li, minħabba l-istruttura korporattiva ta’ WestSpiel, NRW.BANK (bħala l-uniku sieħeb akkomandanti ta’ WestSpiel) kien iġarrab madwar EUR 24,8 miljun mit-telf bejn l-2009 u l-2017, filwaqt li NRW (fir-rwol tagħha bħala fiduċjarju wara s-sħubija taċita ta’ NRW.BANK f’WestSpiel, wara l-ftehim fiduċjarju u l-ftehim tas-sħubija taċita konklużi fl-2015, kif spjegat aktar fid-dettall fit-taqsima 2.3.2 hawn taħt) kienet iġġarrab madwar EUR 9,1 miljun tat-telf matul l-istess perjodu. F’dan il-kuntest, l-ilmentaturi jindikaw li WestSpiel tkun impriża pubblika skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (14) u li l-użu tar-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha (jiġifieri l-kapital tagħha) iżda kkontrollati b’mod permanenti mill-Istat jikkwalifikaw bħala riżorsi tal-Istat.

(41)

Barra minn hekk, l-ilmentaturi huma tal-fehma li x’aktarx WestSpiel ma kinitx tkun kapaċi ġġarrab it-telf tagħha stess matul l-aħħar snin fin-nuqqas tal-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 64,8 miljun, sitwazzjoni li fiha investitur privat prudenti ma kienx ikompli jġorr it-telf annwali ġġenerat minn WestSpiel (kif kienu jagħmlu NRW u NRW.BANK). Fl-aħħar nett, l-ilmentaturi jsostnu li l-affermazzjoni tal-Ġermanja li r-riżultati annwali negattivi ta’ WestSpiel kienu prinċipalment attribwibbli għall-piż tat-taxxa għoli tagħha tkun żbaljata. B’mod partikolari, l-ilmentaturi jistmaw li l-piż tat-taxxa ta’ WestSpiel kien qed jonqos b’mod kostanti matul is-snin, filwaqt li l-proporzjonijiet tal-kostijiet qabel it-taxxa żdiedu fil-perjodu taħt rieżami mill-2005 sal-2015. Skont l-ilmentaturi, minn dan isegwi li t-telf ta’ WestSpiel ma kienx u mhuwiex ikkawżat mill-piż tat-taxxa għoli iżda huwa attribwibbli għal proporzjonijiet ta’ kostijiet estremament għoljin. Fl-aħħar nett, l-ammonti koperti mil-likwidazzjoni (parzjali) tal-fond tar-riskju (ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna) ma setgħux jitnaqqsu mit-telf ta’ WestSpiel (kif targumenta l-Ġermanja) peress li ma kienx ċar liema riskji suppost kienu koperti minn dan il-fond.

(42)

Skont l-ilmentaturi, il-kopertura tat-telf annwali minn NRW.BANK tkun iffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u imputabbli lill-Istat minħabba li NRW.BANK ikun proprjetà biss ta’ NRW u li l-membri tal-gvern ikunu membri tal-bord tiegħu u involuti fid-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kopertura tat-telf annwali. L-ilmentaturi huma tal-fehma li, skont il-ġurisprudenza, ma jkunx meħtieġ li jiġi stabbilit f’kull każ li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Ikun biżżejjed li jitqiegħdu riżorsi għad-dispożizzjoni ta’ impriża pubblika sabiex il-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(43)

Peress li NRW.BANK kopra biss it-telf ta’ WestSpiel u mhux ta’ impriżi oħra, l-ilmentaturi jqisu li l-kopertura tat-telf annwali tagħti vantaġġ selettiv lil WestSpiel. Fir-rigward tas-sena 2014, l-ilmentaturi jqisu li d-dħul straordinarju ġġenerat mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti jrid jiġi injorat, peress li mingħajr il-bejgħ WestSpiel kienet tiġġenera telf operattiv ta’ madwar EUR 21 miljun dik is-sena. B’mod ġenerali, l-ilmentaturi jqisu li, fid-dawl tal-proporzjon tal-kost qabel it-taxxa, is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ WestSpiel ma setgħetx tiġi ġġustifikata b’piż tat-taxxa allegatament għoli. F’dan l-isfond, il-kopertura tat-telf annwali minn NRW.BANK ma kinitx tikkorrispondi mal-imġiba ta’ investitur tas-suq privat ipotetiku. Barra minn hekk, l-ilmentaturi jqisu li, fid-dawl tal-kompetizzjoni bejn il-casinos pubbliċi u l-operaturi privati tas-swali tal-logħob tal-azzard, il-miżura tfixkel jew thedded li tfixkel anke l-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(44)

Fl-aħħar nett, skont l-ilmentaturi, il-miżura ma tkunx kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, WestSpiel tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (“il-Linji Gwida R&R”) (rescuing and restructuring, salvataġġ u ristrutturar) (15), filwaqt li l-miżura ma tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida R&R.

2.3.2.   Allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015

(45)

L-ilmentaturi jallegaw ukoll li WestSpiel irċeviet injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 64,8 miljun minn NRW.BANK fl-2015.

(46)

Skont l-ilmentaturi, filwaqt li WestSpiel kienet tiġġenera telf fis-snin ta’ qabel u wara l-2014, il-kumpanija kienet tiġġenera profitti ta’ madwar EUR 86,4 miljun fl-2014. Madankollu, dawn il-profitti ma kinux joriġinaw min-negozju operattiv ta’ WestSpiel iżda mill-bejgħ ta’ żewġ xogħlijiet tal-arti. B’riżultat ta’ dan, il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt fl-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) kien iwassal għal żborż tal-profitti fl-ammont ta’ madwar EUR 82 miljun lil NRW fl-2014.

(47)

Fl-2015, parti mill-profitti skimmed, jiġifieri EUR 64,8 miljun, kienu jiġu “injettati mill-ġdid” f’WestSpiel kif ġej: NRW u NRW.BANK ikkonkludew il-ftehim fiduċjarju li permezz tiegħu NRW.BANK sar il-fiduċjarju ta’ kontribuzzjoni taċita minn NRW għall-kapital tas-soċjetà ta’ WestSpiel. Din il-kontribuzzjoni taċita fl-ammont ta’ EUR 64,8 miljun ġiet miżjuda mal-kapital tas-soċjetà kkontribwit minn NRW.BANK.

(48)

Il-ftehim fiduċjarju bejn NRW u NRW.BANK ġie konkluż fis-26 ta’ Novembru 2015 u kien fih l-obbligu li NRW tipprovdi lil NRW.BANK bl-ammont nominali ta’ EUR 64,8 miljun mhux aktar tard minn għaxart (10) ijiem bankarji wara l-iffirmar tal-ftehim fiduċjarju iżda mhux qabel l-iffirmar ta’ ftehim tas-sħubija taċita bejn NRW.BANK u WestSpiel. Il-Ġermanja kkonfermat li NRW.BANK irċieva l-pagament fl-10 ta’ Diċembru 2015.

(49)

Il-ftehim tas-sħubija taċita bejn NRW.BANK u WestSpiel ġie konkluż fl-1 ta’ Diċembru 2015 u kien fih l-obbligu li NRW.BANK jagħmel il-kontribuzzjoni ta’ EUR 64,8 miljun mhux aktar tard minn ħamest (5) ijiem bankarji wara d-dħul tal-kontribuzzjoni f’NRW.BANK bħala fiduċjarju. Il-Ġermanja kkonfermat li WestSpiel irċeviet il-pagament fil-15 ta’ Diċembru 2015.

(50)

L-ilmentaturi huma tal-fehma li l-injezzjoni ta’ kapital li saret fl-2015 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. B’mod partikolari, l-ilmentaturi jsostnu li l-injezzjoni ta’ EUR 64,8 miljun kienet tkun attrezzat lil WestSpiel b’kapital ġdid, li investitur tas-suq privat ma kienx jagħmel. B’mod partikolari, dan jirriżulta mir-rapport annwali ta’ WestSpiel tal-2015 li jirreferi għal “Rieżami Indipendenti tan-Negozju” tad-29 ta’ April 2015 imwettaq minn [kumpanija tal-awditjar magħrufa] (*1) (“ir-Rapport [IBR]”, [Independent Business Review]) li jiddikjara li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju għal WestSpiel “ma kienx mhux realistiku iżda parzjalment ta’ sfida jew ambizzjuż” u li l-każ ta’ ġestjoni “ma kienx xenarju mhux realistiku, iżda ġeneralment riskjuż b’mod sinifikanti” (16). Skont l-ilmentaturi, l-injezzjoni ta’ kapital kienet titwettaq mingħajr analiżi minn qabel ta’ jekk ir-redditu ta’ dan l-investiment kienx ikun konformi mar-redditu medju tal-logħob tal-azzard ibbażat fuq il-magni ta’ bejn 10 % u 39 %, bħala medja 24 %.

(51)

Barra minn hekk, filwaqt li l-kapital addizzjonali injettat kien ikun maħsub biex jintuża għall-istabbiliment tal-ħames każinò f’Cologne, l-ilmentaturi jallegaw li NRW ma kinitx twettaq analiżi xierqa tar-redditi mistennija li għandhom jiġu ġġenerati mill-ħames każinò. Għal dawn ir-raġunijiet, l-injezzjoni ta’ kapital kienet tkun manifestament mhux konformi mal-Prinċipju tal-Investitur f’Ekonomija tas-Suq (“MEIP”, Market Economy Investor Principle) u kienet tagħti vantaġġ selettiv lil WestSpiel.

(52)

Fir-rigward tal-“kunċett ġenerali biex jiġi żgurat il-futur ta’ WestSpiel” kif iddikjarat mill-Ġermanja, li jinkludi l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti u l-injezzjoni tal-profitti ġġenerati mill-bejgħ iżda skimmed mill-kumpanija permezz tal-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt, l-ilmentaturi huma tal-fehma li l-kwalifika tal-Ġermanja tal-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt ibbażata fuq l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW tkun f’kontradizzjoni mal-pożizzjoni tal-Ġermanja fil-kawża SA.44944 (17). Filwaqt li, skont l-ilmentaturi, f’dan il-każ il-Ġermanja kienet ippreżentat skimming tal-profitt bħala approprjazzjoni ta’ profitt normali skont id-dispożizzjonijiet tal-HGB, fil-kawża SA.44944 il-Ġermanja argumentat li l-iskimming tal-profitt f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW kien taxxa skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Kodiċi Fiskali Ġermaniż (Abgabenordnung).

(53)

Skont l-ilmentaturi, fi kwalunkwe każ, la minn perspettiva ta’ terminu qasir u lanqas minn perspettiva fit-tul, ma kienet tkun konformi l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 mat-test tal-MEIP. Minn perspettiva ta’ terminu qasir, l-ilmentaturi jallegaw li l-Ġermanja ma kienet twettaq l-ebda valutazzjoni ex ante tal-profittabbiltà tal-injezzjoni ta’ kapital, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza applikabbli. B’mod partikolari, skont l-ilmentaturi, il-Ġermanja kien ikollha tqabbel is-sitwazzjoni finanzjarja proġettata ta’ WestSpiel bl-injezzjoni ta’ kapital u mingħajrha. Minn perspettiva fit-tul, billi jitqies id-dħul fiskali futur tal-Istat iġġenerat permezz tat-taxxi imposti skont l-Artikoli 12, 13 u 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), il-Ġermanja kienet tonqos milli tiddistingwi l-kapaċità tal-Istat bħala awtorità tat-taxxa mill-kapaċità tiegħu bħala operatur ekonomiku (jiġifieri bħala soċju f’WestSpiel).

2.4.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(54)

Fid-9 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward l-allegata kopertura tat-telf annwali mill-2009 sal-2015 u l-allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015.

2.4.1.   Allegata kopertura tat-telf annwali

(55)

Fil-premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ddikjarat li vantaġġ ma setax jiġi eskluż, peress li ma kienx ċar jekk l-azzjonisti ta’ WestSpiel, NRW.BANK u NRW, fil-fatt kellhomx (parti minn) telf ta’ WestSpiel jew iddeċidewx dwar jekk il-kapital meħtieġ biex ikopri t-telf kienx se jsir disponibbli jew le, jew it-tnejn li huma.

(56)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 64 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li s-sempliċi fatt li NRW.BANK aċċetta telf ulterjuri ta’ WestSpiel minkejja t-telf ripetut matul is-snin preċedenti mingħajr ma wettaq valutazzjoni ex ante ta’ jekk iżommx l-ishma tiegħu jew le f’WestSpiel jew jillikwidaha sabiex iżomm il-parti tal-kapital li għadha ma ntilfitx, seta’ jikkostitwixxi vantaġġ indebitu fih innifsu, peress li seta’ jiġi preżunt li investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli ma kienx jaġixxi b’dak il-mod.

(57)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qieset fil-premessa 65 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li l-istruttura legali u l-istruttura korporattiva ta’ WestSpiel, kif ukoll l-istrumenti legali differenti li permezz tagħhom l-azzjonisti pprovdew ekwità kellhom jiġu ċċarati aktar sabiex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat ta’ dawn l-operazzjonijiet.

2.4.2.   Allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015

(58)

Fil-premessi 79 sa 84 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt deher li kien taxxa speċjali fuq l-introjtu tal-operatur tal-każinojiet pubbliċi ta’ NRW, jiġifieri WestSpiel.

(59)

Il-Kummissjoni nnotat li, fil-kawża SA.44944, il-Ġermanja ma setgħetx tiddikjara li l-każinojiet pubbliċi kienu (potenzjalment) jiġu kkonfrontati b’reġim tat-taxxa żvantaġġuż (għalhekk ma kien hemm l-ebda vantaġġ fiskali għal WestSpiel) u f’din il-kawża SA.48580 ma setgħetx tiddikjara li l-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt kien ikun distribuzzjoni tal-profitti lill-azzjonisti (għalhekk l-ebda tassazzjoni) li sempliċiment injettat parti mill-profitti distribwiti f’WestSpiel.

(60)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 83 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li, f’dan l-isfond, il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt skont l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) ma kienx jidher li huwa sempliċi distribuzzjoni awtomatika tal-profitt minn WestSpiel lill-azzjonist tagħha, li NRW.BANK seta’ jirrinunzja għaliha. L-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 kellha natura differenti mill-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt. Bħala miżura awtonoma u bbażata fuq l-MEIP, deher li tat vantaġġ lil WestSpiel.

3.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(61)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati sal-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

4.   KUMMENTI TAL-ĠERMANJA

(62)

Skont il-Ġermanja, l-ebda waħda mill-allegati miżuri ta’ għajnuna ma tinvolvi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

4.1.   Allegata kopertura tat-telf annwali

(63)

Dwar l-allegata kopertura tat-telf annwali, essenzjalment, il-Ġermanja targumenta li WestSpiel qatt ma kienet tirċievi kumpens dirett jew indirett għat-telf tagħha minn NRW.BANK iżda kienet sempliċement ikkunsmat il-kapital ta’ ekwità tagħha stess (ikkontribwit fl-1978 u fl-2002) biex tikkumpensa għat-telf akkumulat tagħha. Il-Ġermanja targumenta li l-allegata miżura ma kienet tinvolvi l-ebda pagament minn NRW.BANK, u għalhekk li din il-miżura ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat.

(64)

Il-Ġermanja tispjega li, skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża, l-azzjonisti jkollhom juru tnaqqis fil-kapital fil-karta tal-bilanċ meta l-kumpanija li fiha jkollhom ishma ġġarrab telf. F’dan is-sens, ir-regoli standard tal-kontabilità skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża applikabbli għal soċjetajiet in akkomanditi (18) jistipulaw li f’dan il-każ il-kapital ġie kkunsmat awtomatikament, jiġifieri l-kont kapitali tas-soċjetà kien jiġi ddebitat awtomatikament bl-ammont ta’ telf mingħajr ebda deċiżjoni li għandha tittieħed mill-azzjonist.

(65)

Barra minn hekk, il-Ġermanja tindika li NRW.BANK ma setax “jiddeċiedi dwar jekk il-kapital meħtieġ biex ikopri t-telf huwiex disponibbli [għal WestSpiel] jew le” (il-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). F’dan is-sens, abbażi tad-dispożizzjonijiet legali tal-liġi Ġermaniża, il-Ġermanja tispjega li:

(a)

Bħal kwalunkwe kumpanija kummerċjali, WestSpiel trid tħejji kontijiet annwali għall-għeluq ta’ kull sena finanzjarja (l-Artikolu 242 et seq. tal-HGB). Il-kontijiet annwali jikkonsistu f’karta tal-bilanċ u f’kont speċjali tal-profitt u t-telf (l-Artikolu 242(3) tal-HGB). F’dan ir-rigward, il-kumpanija hija marbuta bil-liġi. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija, u b’mod partikolari l-konsum tal-ekwità, ma jintwerewx bl-ammont korrett fil-kontijiet annwali, il-persuni involuti jistgħu jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni għall-kontabilità frawdolenti (l-Artikolu 331 tal-HGB).

(b)

Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-ilmentaturi, soċju (fir-rigward tal-kapital diġà kkontribwit lill-kumpanija) ma setax għalhekk unilateralment “jiddeċiedi dwar jekk il-kapital meħtieġ biex ikopri t-telf ikunx disponibbli jew le” (19). L-azzjonisti jiġu mċaħħda minn din id-deċiżjoni, peress li t-tnaqqis tal-ekwità permezz ta’ tpaċija mas-sehem tal-ekwità tas-soċju huwa bbażat fuq l-Artikolu 161(2) tal-HGB flimkien mal-Artikolu 120 tal-HGB (verżjoni antika). Din l-aħħar dispożizzjoni tgħid:

—

(L-ewwel taqsima) “ Fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, il-profitti u t-telf għas-sena għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-karta tal-bilanċ, u s-sehem ta’ kull soċju minn tali profitti u telf għandu jiġi kkalkolat.”

—

(It-tieni taqsima) “ Il-profitti dovuti lis-soċju għandhom jiżdiedu mas-sehem tal-kapital tas-soċju; it-telf allokat lis-soċju, kif ukoll il-flus miġbuda mis-sehem tal-kapital matul is-sena finanzjarja, għandhom jitnaqqsu minnu.”

(c)

Jekk iseħħ il-konsum tal-ekwità, dan ma jfissirx li s-soċju akkomandanti jikkontribwixxi fondi ġodda (jew jieħu deċiżjoni dwar l-użu tal-fondi diġà kkontribwiti). Dan ikun ifisser biss li, minħabba t-telf u l-konsum tal-ekwità, il-valur tal-involviment tas-soċju jitnaqqas. Fil-kont tal-profitt u t-telf tal-grupp, din tkun għalhekk kwistjoni ta’ “impożizzjoni tat-telf nett għas-sena (...) fil-kont kapitali ta’ NRW.BANK (soċju akkomandanti)”. Madankollu, din tkun proċedura purament teknika ta’ kontabilità, jiġifieri l-iddebitar ta’ entrata fil-karta tal-bilanċ (il-kont kapitali). Ma tkunx kwistjoni ta’ “proċedura ta’ ddebitar (...) li tittrasferixxi fondi minn kont ta’ NRW.BANK lil WestSpiel” (20), iżda l-fatt li l-ekwità mogħtija lill-kumpanija fis-snin preċedenti tkun tnaqqset, li tiġi rreġistrata f’konformità mar-regoli tal-kontabilità.

(d)

Din ir-regola, li fil-prinċipju tista’ tinstab fil-kumpaniji kummerċjali kollha fl-Unjoni u li partijiet kbar minnhom kienu jiġu armonizzati u mqiegħda f’termini konkreti mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni, isservi biex tipproteġi lill-kredituri. Kwalunkwe telf imġarrab għalhekk neċessarjament jiġi assorbit mill-ekwità.

(e)

Is-soċju ma jkunx jista’ jevadi dan il-mekkaniżmu. Għalhekk, is-soċji ma jkunux liberi li jiddeċiedu jekk l-ekwità tiġix ikkunsmata. F’dan l-isfond, il-fehim tal-liġi espress mill-ilmentaturi (21) jkun, skont il-Ġermanja, żbaljat u li ma jintweriex il-konsum tal-kapital tas-soċjetà fil-kontijiet annwali jkun reat kriminali.

(66)

Fir-rigward tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-2007 ta’ WestSpiel, fil-perjodu ta’ qabel il-parteċipazzjoni taċita (jiġifieri 2009-2014), il-Ġermanja tikkonferma li dan ma kien jinvolvi l-ebda klawżola kuntrattwali li twassal għal mekkaniżmu differenti mill-konsum awtomatiku tal-kapital tas-soċjetà deskritt fil-premessa 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Dan l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-2007 kien ikun sempliċi kjarifika li tirrepeti l-liġi Ġermaniża applikabbli (22).

(67)

Il-Ġermanja tikkonferma wkoll li NRW.BANK u NRW ma daħlu kuntrattwalment f’ebda obbligu addizzjonali favur WestSpiel (garanziji, impenji, eċċ.).

(68)

Fil-premessa 64 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet ukoll dubji dwar l-allegata miżura minħabba li ma setgħetx teskludi li ngħata vantaġġ lil WestSpiel abbażi tal-fatt li NRW.BANK żamm l-ishma tiegħu f’WestSpiel minkejja t-telf kontinwu tagħha, “peress li ma jistax jiġi preżunt li investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli kien jaġixxi b’dak il-mod”. Il-Ġermanja hija tal-fehma li dan id-dubju ma jkunx iġġustifikat. Sabiex tispjega li investitur privat kien tabilħaqq jaġixxi bl-istess mod, il-Ġermanja tiddeskrivi żewġ xenarji differenti ta’ azzjoni minn NRW.BANK (il-likwidazzjoni u l-bejgħ ta’ WestSpiel).

–   L-ewwel xenarju: il-likwidazzjoni ta’ WestSpiel

(69)

Skont il-Ġermanja, matul il-perjodu inkwistjoni (mill-2009 sal-2015), NRW.BANK ma setax iżomm il-kontribuzzjoni kapitali oriġinali ta’ EUR 35,5 miljun billi jillikwida WestSpiel. Għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-kredituri, il-likwidazzjoni ta’ WestSpiel jew l-irtirar ta’ soċju jkunu soġġetti għal limiti stretti ħafna skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża. Filwaqt li l-Ġermanja tammetti li x-xoljiment huwa possibbli permezz tar-riżoluzzjoni tas-soċji (l-Artikolu 131 tal-HGB (verżjoni antika)) (23), hija żżid li, wara x-xoljiment, l-istralċ jew il-likwidazzjoni jibdew bħala arranġament skont l-Artikolu 145 et seq. tal-HGB (verżjoni antika) (24) u l-Artikolu 730 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, BGB). Il-Ġermanja tispjega li din il-likwidazzjoni tkun proċess kumpless u twil, li matulu l-likwidaturi jridu jagħmlu stralċ tan-negozju li jkun għaddej tal-kumpanija, jiġbru r-riċevibbli, jikkonvertu l-assi li jifdal fi flus kontanti u jissodisfaw lill-kredituri (l-Artikolu 149(1) tal-HGB) (25). Il-bqija tal-assi tas-soċjetà għandhom jitqassmu mil-likwidaturi bejn is-soċji fi proporzjon mal-ishma rispettivi tagħhom tal-kapital (l-Artikolu 155(1) tal-HGB) (26).

(70)

Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li, fi ħdan dan il-proċess ta’ likwidazzjoni, kif deskritt fil-premessa (69), NRW.BANK kien ikollu jissodisfa għadd kbir ta’ obbligazzjonijiet lejn partijiet terzi, inklużi obbligazzjonijiet tal-pensjoni sinifikanti. Barra minn hekk, kellhom jitqiesu l-kostijiet tat-terminazzjoni tal-kuntratt (eż. kuntratti ta’ impjieg u ta’ kiri). Barra minn hekk, probabbilment kien ikun hemm tnaqqis sinifikanti fil-valuri kontabilistiċi kkawżat mil-likwidazzjoni ta’ entrati ta’ assi fissi u kurrenti. Il-kontribuzzjoni ta’ NRW.BANK bħala l-uniku soċju akkomandanti ta’ WestSpiel kienet neċessarjament tiġi affettwata fis-sens li fil-każ ta’ bilanċ pożittiv biss kien jibqa’ valur tal-kontribuzzjoni għal NRW.BANK (ara l-Artikolu 171(1) tal-HGB flimkien mal-Artikolu 167(3) (27), l-Artikolu 149, l-ewwel sentenza, l-Artikolu 161(2) tal-HGB). Għalhekk, diġà skont estimi approssimattivi, il-valur tal-likwidazzjoni ta’ WestSpiel kien ikun negattiv b’mod ċar.

(71)

Minn dan, il-Ġermanja tikkonkludi li l-proċess ta’ likwidazzjoni ma kienx iwassal biex NRW.BANK, matul il-perjodu inkwistjoni, ikun jista’ jżomm il-kontribuzzjoni kapitali oriġinali billi jxolji lil WestSpiel. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja targumenta wkoll li għandu jitqies li, f’dak il-mument, NRW.BANK kien diġà investa ammont konsiderevoli ta’ kapital (EUR 35,5 miljun ta’ kontribuzzjoni oriġinali) f’WestSpiel. Skont il-Ġermanja, investitur privat li diġà investa f’impriża jiżen ukoll ir-riskju ta’ investiment ulterjuri b’mod differenti minn investitur mingħajr sehem eżistenti. F’dan il-kuntest, huwa rikonoxxut li, fil-każ ta’ parteċipazzjoni maġġoritarja, kunsiderazzjonijiet strateġiċi fit-tul jistgħu jiġġustifikaw redditu aktar baxx mir-redditu medju tas-suq (“effett tas-sid”).

–   It-tieni xenarju: il-bejgħ ta’ WestSpiel

(72)

Konsegwentement, peress li l-ewwel xenarju ġie eskluż, il-Ġermanja targumenta li NRW.BANK seta’ jevita biss il-piż ikkawżat mit-telf ta’ WestSpiel permezz ta’ bejgħ. Madankollu, ekonomikament, matul il-perjodu inkwistjoni (2009 sa 2015), WestSpiel kienet tkun f’kundizzjoni pjuttost mhux attraenti għal xerrej, u għalhekk probabbilment ma setax jinkiseb prezz tax-xiri sodisfaċenti.

(73)

Skont il-Ġermanja, NRW ikkummissjonat ir-Rapport [IBR] (2015), li kien jinkludi multipliċità ta’ indikaturi u għalhekk ikun aktar komprensiv minn test ta’ investitur privat ordinarju.

(74)

Il-Ġermanja ssemmi b’mod partikolari l-paġna 101 fejn ir-rapport jiddikjara li l-bilanċ tal-pagamenti ta’ WestSpiel, anke bl-injezzjoni ta’ kapital fil-forma ta’ parteċipazzjoni taċita ppjanata f’dak iż-żmien, isir pożittiv biss fis-snin 2021 sa 2023. Dan jintwera wkoll fil-linja ta’ qabel tal-aħħar fil-graff ta’ hawn taħt, estratta mir-Rapport [IBR].

[...]

4.2.   Allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015

(75)

Fil-premessa 77 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni identifikat żewġ linji ta’ raġunament sottomessi mill-Ġermanja fir-rigward tal-injezzjoni ta’ kapital tal-2015. L-ewwel nett, l-injezzjoni kienet tikkostitwixxi sempliċi “injezzjoni mill-ġdid” (parzjali) tal-profitti skimmed minn WestSpiel. It-tieni, l-injezzjoni kienet tkun, fi kwalunkwe każ, f’konformità mal-MEIP minħabba li, bl-injezzjoni ta’ kapital permezz tal-kontribuzzjoni taċita tagħha, NRW kienet taġixxi bħala investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli. Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja tindirizza dawn iż-żewġ linji ta’ raġunament u tipprovdi sensiela ta’ argumenti alternattivi.

(76)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-“injezzjoni mill-ġdid” (parzjali), il-Ġermanja targumenta, essenzjalment, li ż-żewġ operazzjonijiet (l-iskimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital) ikollhom jitqiesu bħala operazzjoni waħda (kunċett ġenerali, imsemmi mill-Ġermanja bħala “intervent uniku” jew “miżura kumplessa waħda”) u ma jistgħux jitqiesu separatament.

(77)

Skont il-Ġermanja, l-“injezzjoni mill-ġdid” (parzjali) ma setgħetx titqies b’mod iżolat mill-bejgħ taż-żewġ xogħlijiet tal-arti u b’mod partikolari mhux b’mod iżolat mill-iskimming tal-profitt favur NRW minħabba li: (a) iż-żewġ miżuri ġew adottati f’suċċessjoni kronoloġika mill-qrib, u (b) il-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti kien kundizzjonali fuq l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet involuti li l-profitti skimmed mill-bejgħ jitħallsu lura (parzjalment) fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital. L-“injezzjoni mill-ġdid” (parzjali) tal-fondi kienet parti minn kunċett ġenerali deċiż qabel il-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti. Dan ikun ċar mid-dokumenti interni u pubbliċi (28). Għalhekk, taħt din il-“valutazzjoni globali”, l-injezzjoni ta’ kapital ma għandhiex titqies b’mod iżolat iżda bħala submiżura ta’ miżura ġenerali waħda li tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-qafas fiskali għal WestSpiel (b’mod partikolari l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), jiġifieri l-iskimming tal-profitt li ġie applikat għall-profitti mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti) (29).

(78)

It-tieni, fir-rigward tal-MEIP, kif spjegat fil-premessi 85 sa 89 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja hija tal-fehma li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 imwettqa minn NRW kienet tikkorrispondi mal-imġiba ta’ investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli. Il-Ġermanja tibbaża r-raġunament tagħha fuq “perspettiva għal żmien qasir” u “perspettiva fit-tul”. Skont il-“perspettiva għal żmien qasir”, l-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 64,8 miljun f’WestSpiel fl-2015 kienet tiġi konkluża f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq bħala miżura awtonoma (30). Fir-rigward tal-“perspettiva fit-tul”, il-Ġermanja tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-EDF (31) biex targumenta li hija tista’ tinkludi dħul mit-taxxa ogħla fil-futur fil-valutazzjoni. Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li l-injezzjoni ta’ kapital kienet tkun meħtieġa biex terġa’ tinkiseb il-profittabbiltà ta’ WestSpiel u b’hekk jinżamm il-kapital diġà investit fil-kumpanija. B’mod partikolari, il-Ġermanja tispjega li ma kien ikun hemm l-ebda għażla alternattiva għall-mudell li jinvolvi l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti/l-iskimming tal-profitt/l-injezzjoni ta’ kapital. L-unika għażla alternattiva possibbli kienet tkun li ma jiġux implimentati l-miżuri u għalhekk li jintilef il-valur sħiħ tas-sehem f’WestSpiel kif ukoll il-prospett ta’ dħul futur. Skont il-Ġermanja, speċjalment likwidazzjoni tal-kumpanija ma kinitx tkun “soluzzjoni ekonomikament immaġinabbli”. Sabiex tispjega r-raġunijiet li wasslu lill-Ġermanja għal din l-opinjoni, il-Ġermanja tirrepeti l-istess argumenti li kienet diġà ppreżentat biex tiddeskrivi l-pożizzjoni tagħha dwar ix-xenarji kontrofattwali għall-kopertura tat-telf annwali fuq l-isforz, il-kost u l-ħin involuti fil-proċess ta’ likwidazzjoni kif ukoll dwar id-diversi obbligazzjonijiet li kienu jwasslu għal valur ta’ likwidazzjoni negattiv ta’ WestSpiel (ara l-premessi (69) sa (71)).

(79)

It-tielet, il-Ġermanja tispjega li l-injezzjoni ta’ kapital ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ lil WestSpiel minħabba l-iżvantaġġ strutturali ta’ din tal-aħħar (b’mod partikolari minħabba l-iskimming tal-profitt li ġie applikat għall-profitti mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti). L-iżvantaġġ strutturali għal WestSpiel kien jikkonsisti fl-obbligu tagħha li ġġorr piż tat-taxxa ogħla b’mod sinifikanti skont l-Artikoli 12 sa 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika). Skont il-Ġermanja, f’konformità mal-ġurisprudenza, ma jkun hemm l-ebda vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk il-kumpens jingħata biss għal żvantaġġ strutturali (32). Il-Ġermanja żżid li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kumpens għal imposti addizzjonali li jirriżultaw minn skema ta’ deroga li ma tapplikax għall-kompetituri ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jekk ikun hemm rabta inseparabbli bejn il-miżura ta’ kumpens inkwistjoni u l-iskop tagħha li tikkumpensa għall-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-problemi strutturali partikolari (33). Din tkun konsegwenza tal-prinċipju li l-appoġġ mill-Istat jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE biss jekk l-impriża tkun meħlusa minn kostijiet li “normalment” għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi (34). Huwa biss il-ħelsien minn dawn il-kostijiet li jista’ jwassal sabiex l-impriża benefiċjarja titqiegħed f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli mill-kompetituri tagħha. Fil-każ ta’ WestSpiel, l-intervent mill-Istat kien ikollu l-għan li jżomm il-kostijiet ta’ WestSpiel fil-livell ta’ dawk tal-kompetituri tagħha. Bħala tali, l-uniku skop tal-injezzjoni ta’ kapital imħaddma permezz tal-parteċipazzjoni taċita (kif deskritt fil-premessa (47)) kien ikun li tikkumpensa għall-iżvantaġġ strutturali ta’ WestSpiel.

(80)

Ir-raba’, il-Ġermanja tallega wkoll li l-istess riżultat li rriżulta mill-injezzjoni ta’ kapital seta’ fil-fatt jinkiseb sempliċiment billi tinbidel il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tat-taxxa applikabbli. F’dan il-każ, il-leġiżlatur kien ikun liberu li jinkludi kjarifika fl-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) li skontha din id-dispożizzjoni kienet tapplika biss għall-profitti li jirriżultaw mill-operazzjonijiet normali tal-logħob tal-azzard tal-operatur tal-każinò, jiġifieri WestSpiel, iżda mhux għal kwalunkwe introjtu straordinarju. Għal dan il-għan, kien ikun biżżejjed, pereżempju, li jiżdied paragrafu 4 ġdid li jgħid “L-iskimming tal-profitt skont din id-dispożizzjoni għandu jseħħ biss sa fejn il-profitti netti annwali murija jkunu attribwibbli għall-operazzjonijiet attwali ta’ każinò. Profitti oħrajn għandhom ikunu soġġetti għal tassazzjoni standard.” F’dan il-każ, l-ebda “injezzjoni mill-ġdid” (parzjali) ma kienet tkun meħtieġa peress li r-rikavat mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti ma kienx ikun soġġett għall-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt.

(81)

Il-ħames, il-Ġermanja tispjega wkoll li NRW u sussegwentement il-Laqgħa tal-Garanti ta’ NRW.BANK iddeċidew fit-8 ta’ Mejju 2018 li jiddisponu mill-parteċipazzjoni sħiħa ta’ 100 % ta’ NRW.BANK f’WestSpiel. Wara l-bejgħ, il-parteċipazzjoni taċita ta’ NRW.BANK, li żammet dan bħala fiduċjarju għal NRW, kellha tiġi rritornata u b’hekk itterminata; fi kliem ieħor, wara l-bejgħ, il-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjoni taċita ta’ NRW kellu jitħallas lura lil NRW (35). Fil-fehma tal-Ġermanja, ir-ritorn tas-sħubija taċita minn WestSpiel kien ikun ekwivalenti għal ħlas lura wiesa’ tal-(allegata) għajnuna mill-Istat. F’dan is-sens, il-bejgħ ta’ WestSpiel kien juri li l-injezzjoni ta’ kapital fl-2015 kienet tikkorrispondi mal-imġiba ta’ investitur privat u (għal din ir-raġuni wkoll) ma kienet tirrappreżenta l-ebda għajnuna mill-Istat. Id-deċiżjoni favur l-injezzjoni ta’ kapital fl-2015 kienet tagħmel sens ekonomiku, peress li NRW mhux biss kienet tistenna li tirkupra l-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjoni taċita tagħha permezz tal-bejgħ ta’ WestSpiel, iżda wkoll li tagħmel profitt miċ-ċessjoni tal-parteċipazzjoni ta’ NRW.BANK f’WestSpiel. F’dan il-kuntest, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2021, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li t-tieni u l-aħħar ħlas lura parzjali tal-parteċipazzjoni taċita ta’ EUR 11 516 909 (fuq l-ewwel ħlas lura parzjali, ara l-premessa (90)) sar minn WestSpiel (mill-fondi likwidi tagħha stess) fis-26 ta’ Lulju 2021 (36).

(82)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat, il-Ġermanja ssostni li l-injezzjoni ta’ kapital ma kienet tinvolvi l-ebda riżorsa tal-Istat, peress li l-fondi rriżultaw mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti ta’ WestSpiel stess. Il-Ġermanja tispjega li l-ebda operatur ekonomiku ma qatt kien jagħmel bejgħ bħal dan li kieku ma setax u ma kienx jassumi li r-rikavat mill-bejgħ jew fi kwalunkwe każ proporzjon kbir minnu jiġi trasferit lura lilu. F’dan l-isfond, il-kunsiderazzjoni purament formali, li skontha l-fondi mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat biss minħabba li jkunu akkumulaw lill-Istat għal “mument legali”, tidher artifiċjali u mhux xierqa. Skont il-Ġermanja, il-fondi għall-“injezzjoni mill-ġdid” (parzjali) tal-kapital fil-forma ta’ parteċipazzjoni taċita kienu pjuttost joriġinaw mir-rikavat mill-bejgħ ta’ żewġ xogħlijiet tal-arti li huma proprjetà ta’ WestSpiel u ma kinux ikunu disponibbli li kieku WestSpiel iddeċidiet li ma tbigħx iż-żewġ xogħlijiet tal-arti. Fl-istess ħin, WestSpiel kienet tiddeċiedi biss li tbigħ iż-żewġ xogħlijiet tal-arti minħabba li qagħdet fuq l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet involuti li l-profitti skimmed mill-bejgħ ikunu (parzjalment) “investiti mill-ġdid” f’WestSpiel.

4.3.   Argumenti addizzjonali

(83)

Fir-rigward kemm tal-kopertura tat-telf annwali kif ukoll tal-injezzjoni ta’ kapital, il-Ġermanja hija tal-fehma li dawn il-miżuri ma setgħux ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ monopolju ta’ WestSpiel f’NRW. B’mod aktar partikolari, il-Ġermanja tqis li s-suq tal-każinojiet kien ikun magħluq għall-kompetizzjoni skont l-Artikoli 1 u 3 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) fil-perjodu rilevanti (mill-2009 sal-2015). Fil-fehma tal-Ġermanja, minkejja d-dikjarazzjonijiet fir-rapport annwali tal-2014 ta’ WestSpiel (il-premessa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) (37), ma setax jiġi argumentat li WestSpiel topera fl-istess suq skont it-tifsira tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni bħall-fornituri tas-servizzi online li, sal-lum, kienu qed joperaw illegalment fil-Ġermanja. Fi kwalunkwe każ, il-Ġermanja tispjega li, minn perspettiva proċedurali, l-aspett ta’ jekk il-miżuri jinvolvux għajnuna mill-Istat jista’ jitħalla miftuħ, abbażi tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni (38).

(84)

L-ewwel bażi possibbli ta’ kompatibbiltà tkun l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE, fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-logħob tal-azzard. Il-Ġermanja tispjega li l-Kummissjoni kienet tqis il-privatizzazzjonijiet bħala objettiv ta’ interess komuni (39) u l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE bħala ssodisfat f’każijiet fejn il-miżuri kienu meħtieġa għall-privatizzazzjoni tal-kumpanija tal-Istat u l-miżuri koprew biss l-iżvantaġġ kompetittiv tal-kumpanija tal-Istat meta mqabbla mal-kompetituri tagħha (40). Fil-fehma tal-Ġermanja, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni jiġu ssodisfati f’dan il-każ. F’dan is-sens, (a) l-objettiv ta’ interess komuni jkun il-ftuħ tas-suq tas-settur (41), (b) il-miżuri jkunu meħtieġa għall-kisba ta’ dak l-objettiv (42) u (c) il-miżuri jkunu proporzjonati wkoll (43).

(85)

Bħala alternattiva, il-Ġermanja tqis li l-Linji Gwida R&R jistgħu jkunu bażi ta’ kompatibbiltà rilevanti. F’dan is-sens, il-Ġermanja tafferma li, filwaqt li WestSpiel ma kinitx impriża f’diffikultà fiż-żmien meta ngħataw l-allegati miżuri, hija ssir hekk f’każ li l-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna u tikkwalifika għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar (44).

5.   OSSERVAZZJONIJIET MINN WESTSPIEL U L-ILMENTATURI

(86)

Wara li skadiet l-iskadenza għall-kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand WestSpiel kif ukoll mingħand l-ilmentaturi. Għall-finijiet ta’ kompletezza, dawn l-osservazzjonijiet huma miġbura fil-qosor hawn taħt.

5.1.   Osservazzjonijiet minn WestSpiel

5.1.1.   Allegata kopertura tat-telf annwali

(87)

Fir-rigward tal-allegata kopertura tat-telf annwali, WestSpiel tispjega li l-allegat kumpens għat-telf imħallas minn NRW.BANK lil WestSpiel ma jkunx aktar mis-sehem normali tat-telf imġarrab minn soċju akkomandanti f’soċjetà in akkomandita li topera b’telf. B’mod partikolari, ma jkun hemm l-ebda injezzjoni assoċjata ta’ kapital ġdid. Lanqas ma jkun hemm miżura attribwibbli lill-Istat, peress li l-konsum tal-kapital ikun awtomatiku fil-każ ta’ telf mis-soċjetà in akkomandita, jiġifieri indipendenti minn kwalunkwe deċiżjoni mis-soċju akkomandanti.

5.1.2.   Allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015

(88)

Fir-rigward tal-injezzjoni ta’ kapital fl-2015, WestSpiel issostni li ma kienet tirċievi l-ebda kapital ġdid mill-azzjonist tagħha. Minflok, bi ftehim mal-azzjonist tagħha, hija biegħet xi wħud mill-assi tagħha stess (jiġifieri żewġ pitturi ta’ Andy Warhol) biex tiżgura likwidità suffiċjenti għar-ristrutturar meħtieġ.

(89)

WestSpiel issostni li, filwaqt li jkun minnu li bħala riżultat tal-iskimming tal-profitt ta’ 75 % previst fl-Artikolu 14(1) ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) ir-rikavat mill-bejgħ taż-żewġ xogħlijiet tal-arti inizjalment kellu jiġi trasferit lil NRW, din ma kinitx tkun miżura awtonoma. Tabilħaqq, dan it-trasferiment kien ikun biss pass intermedju fi tranżazzjoni f’diversi stadji, li d-disinn u l-għan tagħha kienu mill-bidu nett ikunu li jintuża r-rikavat mill-bejgħ biex jirritorna lil WestSpiel. Dawn il-fondi kienu jkunu meħtieġa għar-ristrutturar ta’ WestSpiel permezz ta’ parteċipazzjoni taċita fil-kapital tas-soċjetà tagħha minn NRW.BANK. Mingħajr iċ-ċertezza li r-rikavat jiġi (parzjalment) “injettat mill-ġdid” f’WestSpiel, il-maniġment ta’ WestSpiel qatt ma kien jaqbel mal-bejgħ tal-pitturi, peress li dak il-bejgħ kien ikun estremament detrimentali għall-kumpanija.

(90)

WestSpiel tispjega wkoll li, fil-kuntest tar-ristrutturar intragrupp tat-13 ta’ Jannar 2021 (ara l-premessa (29)), il-parteċipazzjoni taċita f’WestSpiel ġiet xolta. L-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 35 miljun tħallas lura minn WestSpiel (mill-fondi likwidi tagħha stess) fid-19 ta’ Jannar 2021. L-ammont li jifdal tħallas lura fit-tieni trimestru tal-2021 wara l-approvazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ WestSpiel li jinkludu t-tieni u l-aħħar pagament parzjali (ara l-premessa (81), is-sitt sentenza).

5.2.   Osservazzjonijiet mill-ilmentaturi

5.2.1.   Allegata kopertura tat-telf annwali

(91)

Fir-rigward tal-allegata kopertura tat-telf annwali, l-ilmentaturi ma jagħmlu l-ebda osservazzjoni iżda jillimitaw ruħhom li jitolbu li l-Ġermanja tkun obbligata tiżgura li WestSpiel tirrimborża lil NRW għall-kopertura tat-telf annwali allegatament mogħtija mill-2009.

5.2.2.   Allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015

(92)

Fir-rigward tal-allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015, l-ilmentaturi jsostnu u jelaboraw dwar il-pożizzjoni tagħhom, kif sottomess ukoll fil-Kawżi SA.44944 u SA.53552, li l-iskimming tal-profitt previst fl-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (il-verżjoni antika), teknikament ma jkunx taxxa iżda distribuzzjoni tal-profitti lil NRW fir-rwol tagħha bħala fiduċjarju wara s-sħubija taċita ta’ NRW.BANK f’WestSpiel.

(93)

L-ilmentaturi jispjegaw li, għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 83 u 84 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, hija l-liġi rilevanti tal-Istat Membru biss li hija deċiżiva fil-każijiet kollha għall-klassifikazzjoni ta’ imposta bħala taxxa b’rabta mal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, skont l-ilmentaturi, miżura li tkun qed tiġi investigata skont l-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tkun biss taxxa jekk il-liġi nazzjonali tikklassifikaha bħala tali. Madankollu, l-ilmentaturi jżidu li bl-ebda mod ma jkun meħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt skont l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (il-verżjoni antika) jiġi kwalifikat bħala taxxa sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li l-injezzjoni ta’ kapital li hija s-suġġett ta’ dan l-ilment tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat. Dan ikun minħabba li, anke jekk l-iskimming tal-profitt ma jitqiesx bħala taxxa iżda bħala distribuzzjoni tal-profitti lis-soċju (indirett), in-natura tal-għajnuna mill-Istat tal-injezzjoni ta’ kapital tirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq tal-prerekwiżiti tat-test tal-MEIP, għar-raġunijiet espressi mill-Kummissjoni fil-premessi 90 sa 93 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(94)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(95)

Miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (a) il-miżura hija imputabbli lill-Istat Membru u mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, (b) tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, (c) il-vantaġġ iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, u (d) il-miżura tolqot l-kummerċ intra-UE.

(96)

Fit-taqsimiet li ġejjin, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kriterji tad-definizzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE għal kull waħda miż-żewġ miżuri li sar ilment dwarhom.

6.1.1.   Allegata kopertura tat-telf annwali mill-2009 sal-2015

(97)

Fir-rigward tal-miżura tal-kopertura tat-telf annwali, il-mistoqsija ewlenija hija jekk il-miżura tatx vantaġġ lil WestSpiel. Il-Kummissjoni tqis li l-kopertura tat-telf annwali ma tagħtix vantaġġ lil WestSpiel u li għalhekk, minħabba n-natura kumulattiva tal-kriterji skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat tista’ tiġi eskluża mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu vvalutati l-kriterji l-oħra.

(98)

Il-vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (45). L-effett tal-miżura fuq l-impriża biss huwa rilevanti, u mhux il-kawża jew l-objettiv tal-intervent tal-Istat (46). Kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża titjieb bħala riżultat ta’ intervent mill-Istat (47) fuq termini li jkunu differenti mill-kundizzjonijiet normali tas-suq, ikun hemm vantaġġ. Biex jiġi vvalutat dan il-fattur, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża wara l-miżura għandha titqabbel mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha li kieku l-miżura ma tkunx ittieħdet (48). Minħabba li l-effett tal-miżura fuq l-impriża biss huwa importanti, huwa irrelevanti jekk il-vantaġġ huwiex obbligatorju għall-impriża fis-sens li ma setgħetx tevitah jew tirrifjutah (49).

(99)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kopertura tat-telf annwali ma tagħtix vantaġġ lil WestSpiel minħabba żewġ linji ta’ raġunament, peress li WestSpiel sempliċement ikkunsmat il-kapital tagħha stess meta kienet qed issegwi l-obbligu tagħha skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża (ara t-taqsima 6.1.1.1) u peress li investitur privat komparabbli kien jaġixxi bl-istess mod u għalhekk il-miżura ngħatat f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara t-taqsima 6.1.1.2).

6.1.1.1.   Konsum awtomatiku tal-kapital

(100)

L-ewwel nett, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi u jkollha fehma finali dwar jekk NRW.BANK u NRW fil-fatt ġarrewx (parti minn) it-telf ta’ WestSpiel jew iddeċidewx dwar jekk il-kapital meħtieġ biex ikopri t-telf kienx se jkun disponibbli jew le, jew it-tnejn li huma. Il-Kummissjoni, f’dak l-istadju preliminari (ara l-premessi 63 sa 65 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), kienet tal-fehma li l-kont kapitali ta’ NRW.BANK kien jiġi debitat bit-telf ta’ WestSpiel, b’tali mod li l-fondi kienu jiġu trasferiti minn kont ta’ NRW.BANK lil WestSpiel, u li l-miżura kienet tinvolvi prima facie vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Madankollu, hija stiednet lill-Ġermanja tipprovdi kjarifika ulterjuri biex tivvaluta l-implikazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat tal-operazzjoni.

(101)

Kif deskritt fil-premessi (63) sa (67), fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ il-Ġermanja tispjega li WestSpiel fil-fatt qatt ma kienet tirċievi kumpens dirett għat-telf tagħha mingħand NRW.BANK bħala l-uniku soċju akkomandanti tagħha iżda fir-realtà kkunsmat biss il-kapital ta’ ekwità tagħha (li kien ikkontribwit fl-1978 u fl-2002) biex tikkumpensa għat-telf akkumulat tagħha; jiġifieri ma kien hemm l-ebda pagament dirett minn NRW.BANK. Il-Ġermanja, minflok, tirreferi għall-mekkaniżmu ta’ tpaċija tat-telf permezz tat-tnaqqis awtomatiku mill-kont kapitali tas-soċjetà skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża.

(102)

Abbażi ta’ dawn il-pożizzjonijiet u għar-raġunijiet li ġejjin, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kopertura tat-telf annwali ma tatx vantaġġ lil WestSpiel, peress li ma kienet tinvolvi l-ebda trasferiment ta’ fondi minn barra l-kumpanija u kienet tikkostitwixxi awtomatiżmu purament legali biex tpaċi t-telf ta’ WestSpiel fil-kontijiet tagħha stess skont obbligu skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża.

(103)

Il-kopertura tat-telf annwali kienet tabilħaqq biss konsegwenza tal-obbligu skont l-Artikolu 161(2) tal-HGB flimkien mal-Artikolu 120 tal-HGB (verżjoni antika) li, fil-każ ta’ telf annwali rreġistrat fil-karta tal-bilanċ ta’ soċjetà in akkomandita, it-telf allokat lil soċju jitnaqqas awtomatikament mis-sehem kapitali. Għalhekk, is-sehem tat-telf annwali ta’ NRW.BANK bħala l-uniku soċju akkomandanti ta’ WestSpiel tnaqqas mill-kapital ta’ ekwità diġà eżistenti tal-kumpanija u ma kien jeħtieġ l-ebda kontribuzzjoni ta’ kapital ġdid minn barra l-kumpanija. Minħabba dan l-awtomatiżmu purament legali, l-Istat lanqas ma kien involut fil-proċess u ma tteħditx deċiżjoni attiva dwar l-għoti ta’ kopertura tat-telf annwali.

(104)

Għalhekk, għall-kuntrarju tas-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, ma sar l-ebda trasferiment ta’ fondi minn kont kapitali ta’ NRW.BANK lil WestSpiel; tabilħaqq, skont il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst mill-HGB, it-telf ta’ WestSpiel kien immedjatament ikkumpensat fl-aħħar ta’ kull sena fi ħdan il-kapital ta’ ekwità tal-kumpanija (li darba kien ipprovdut minn NRW.BANK bħala l-uniku soċju akkomandanti ta’ WestSpiel) u għalhekk il-mekkaniżmu seħħ biss fil-kontijiet proprji ta’ WestSpiel. Għalhekk, WestSpiel ma rċeviet l-ebda pagament minn barra l-kumpanija u għalhekk is-sitwazzjoni ekonomika tagħha ma ttejbitx permezz tal-mekkaniżmu ta’ kopertura tat-telf.

6.1.1.2.   Imġiba ta’ investitur privat komparabbli

(105)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha preżentata fil-premessa 64 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li s-sempliċi fatt li NRW.BANK aċċetta telf ulterjuri ta’ WestSpiel minkejja t-telf ripetut matul is-snin preċedenti, mingħajr ma wettaq valutazzjoni ex ante ta’ jekk iżommx jew le l-ishma tiegħu f’WestSpiel jew jillikwidahomx sabiex iżomm il-parti tal-kapital li għadu ma tilifx, seta’ jikkostitwixxi vantaġġ indebitu fih innifsu, peress li ma setax jiġi preżunt li investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli kien jaġixxi b’dak il-mod. Kif spjegat fil-premessa (68), il-Ġermanja hija tal-fehma li dan id-dubju ma jkunx iġġustifikat. Sabiex tispjega li investitur privat kien tabilħaqq jaġixxi bl-istess mod, il-Ġermanja tiddeskrivi żewġ xenarji differenti ta’ azzjoni minn NRW.BANK (il-likwidazzjoni u l-bejgħ ta’ WestSpiel).

(106)

Abbażi tal-informazzjoni addizzjonali provduta mill-Ġermanja u fid-dawl tal-valutazzjoni li ġejja, il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli ma kienx jagħżel wieħed mix-xenarji alternattivi, il-likwidazzjoni jew il-bejgħ ta’ WestSpiel (ix-xenarji kontrofattwali) fuq l-għoti tal-kopertura tat-telf annwali (ix-xenarju fattwali), peress li dan tal-aħħar jikkostitwixxi l-aktar xenarju razzjonali. WestSpiel kienet tirċievi l-istess benefiċċju ekonomiku f’kundizzjonijiet normali tas-suq u (minbarra r-raġunijiet ippreżentati fit-taqsima 6.1.1.1) il-kopertura tat-telf annwali ma tatx vantaġġ lil WestSpiel.

–   Valutazzjoni tax-xenarji kontrofattwali (likwidazzjoni u bejgħ)

–   Xenarju 1: il-likwidazzjoni ta’ WestSpiel

(107)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja tispjega li, matul il-perjodu kkonċernat mill-2009 sal-2015, NRW.BANK ma setax iżomm il-kontribuzzjoni kapitali oriġinali tiegħu f’WestSpiel permezz ta’ likwidazzjoni tal-kumpanija (ara l-premessi (69) sa (71)), peress li l-valur tal-likwidazzjoni ta’ WestSpiel kien ikun negattiv b’mod ċar wara l-proċess ta’ stralċ/likwidazzjoni abbażi tal-Artikolu 143 et seq. tal-HGB u l-Artikolu 730 et seq. tal-BGB.

(108)

Il-Kummissjoni taqbel mal-Ġermanja sa fejn tispjega li likwidazzjoni ta’ WestSpiel ma kinitx tkun alternattiva ekonomikament raġonevoli għall-kopertura tat-telf annwali, peress li l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin tabilħaqq juru li l-valur tal-likwidazzjoni ta’ WestSpiel kien ikun negattiv.

–   Valur tal-likwidazzjoni skont id-deskrizzjoni tal-proċess tal-Ġermanja

(109)

Bid-deskrizzjoni tas-sistema teoretika u l-proċess tal-likwidazzjoni ta’ WestSpiel, il-Ġermanja tispjega b’mod dettaljat u komprensibbli għaliex il-kapital meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-kredituri skont l-Artikolu 148(5), l-ewwel sentenza, tal-HGB kien jaqbeż il-kapital disponibbli ta’ WestSpiel. Il-Kummissjoni tifhem minn din id-deskrizzjoni li l-kumpens għal għadd kbir ta’ obbligazzjonijiet lil partijiet terzi, inklużi obbligazzjonijiet tal-pensjoni sinifikanti, kostijiet tat-terminazzjoni tal-kuntratt (eż. kuntratti ta’ impjieg u ta’ kiri) u l-likwidazzjoni ta’ oġġetti ta’ assi fissi u kurrenti, kien ikollhom jitqiesu u kienu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-valuri kontabilistiċi ta’ WestSpiel.

(110)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-argument imressaq mill-Ġermanja li l-kontribuzzjoni ta’ NRW.BANK kienet neċessarjament tiġi affettwata wkoll fis-sens li kien biss fil-każ ta’ bilanċ pożittiv li kien jibqa’ valur tal-kontribuzzjoni għal NRW.BANK (ara l-Artikolu 171(1) tal-HGB flimkien mal-Artikolu 167(3), l-Artikolu 149, l-ewwel sentenza, l-Artikolu 161(2) tal-HGB) (ara l-premessa (70)). Il-Kummissjoni tiċċara li l-Artikolu 171(1) tal-HGB flimkien mal-Artikolu 167(3) tal-HGB (verżjoni antika) jiddikjara li s-soċju akkomandanti huwa direttament responsabbli lejn il-kredituri tal-kumpanija iżda li din ir-responsabbiltà hija limitata għall-investiment kapitali/kontribuzzjoni kapitali li jifdal (“Haftsumme”) tas-soċju. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li din ir-responsabbiltà limitata tapplika wkoll għall-proċess ta’ likwidazzjoni. Il-parti li jifdal tal-kontribuzzjoni kapitali tas-soċju akkomandanti, li tammonta għal EUR 35,5 miljun oriġinarjament ikkontribwita minn NRW.BANK (ara l-premessa (28)), tkun parti minn dan il-kapital użat biex jikkumpensa għall-obbligazzjonijiet tal-kumpanija.

(111)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja pprovdiet analiżi dettaljata tax-xenarju ta’ likwidazzjoni għal WestSpiel iżda mingħajr ma pprovdiet l-ebda evidenza sostanzjata tal-allegazzjoni li l-valur tal-likwidazzjoni kien negattiv, pereżempju billi tiġġustifika l-obbligazzjonijiet individwali ta’ WestSpiel lejn partijiet terzi b’numri speċifiċi. Il-Ġermanja ssemmi biss b’mod vag “kalkoli stmati” li bl-ebda mod ma huma sostanzjati.

–   Valur tal-likwidazzjoni skont il-kontijiet annwali ta’ WestSpiel

(112)

L-argument imressaq mill-Ġermanja ( “il-valur tal-likwidazzjoni ta’ WestSpiel kien ikun negattiv” ) sabiex jiġi miċħud ix-xenarju ta’ likwidazzjoni, fi kwalunkwe każ huwa kkonfermat mis-sejbiet fil-kontijiet annwali u fil-kontijiet konsolidati annwali/fir-rapporti ta’ ġestjoni tal-grupp ta’ WestSpiel imwettqa minn [kumpanija oħra tal-awditjar magħrufa] (“Rapporti [XY]”).

(113)

B’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn l-obbligazzjonijiet u l-kapital matul il-perjodu mill-2009 sal-2015 murija f’dawn id-dokumenti kienet twassal għal valur ta’ likwidazzjoni negattiv ta’ WestSpiel: Skont il-kont annwali għas-sena kummerċjali 2009, l-ammont totali tal-obbligazzjonijiet ta’ WestSpiel kien ta’ EUR 25,3 miljun u l-kapital tal-kumpanija kien jammonta għal EUR 27,9 miljun. Imbagħad, mis-sena kummerċjali 2010 ’l quddiem, l-ammont ta’ obbligazzjonijiet (EUR 22,7 miljun) qabeż il-kapital ta’ WestSpiel (EUR 22,1 miljun) u s-sitwazzjoni baqgħet l-istess fis-snin sal-2015. Għalhekk, f’dan iż-żmien, wara li ssodisfat lill-kredituri tagħha abbażi tal-Artikolu 148(5), l-ewwel sentenza, tal-HGB billi kkumpensat għall-obbligazzjonijiet bil-kapital, WestSpiel tabilħaqq kienet turi valur ta’ likwidazzjoni negattiv, kif allegat mill-Ġermanja.

(114)

Mill-valutazzjoni ta’ hawn fuq u abbażi tas-sitwazzjoni deskritta mill-Ġermanja kif muri fil-premessi (69) sa (71), il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fiż-żmien meta ngħatat il-kopertura tat-telf annwali, il-likwidazzjoni ta’ WestSpiel ma kinitx tkun alternattiva ekonomikament raġonevoli għall-kopertura tat-telf annwali.

–   Xenarju 2: il-bejgħ ta’ WestSpiel

(115)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja tispjega li l-uniku mod li bih NRW.BANK seta’ jevita l-piż ikkawżat mit-telf ta’ WestSpiel kien ikun permezz ta’ bejgħ (ara l-premessi (72) sa (74)). Skont il-Ġermanja, il-bejgħ qabel l-2015 kien iwassal biex il-Ġermanja ma tikseb l-ebda prezz sodisfaċenti u b’hekk iġġarrab telf akkumulat. Il-Ġermanja tipprovdi evidenza fil-forma ta’ referenza għall-paġna 101 tar-Rapport [IBR], li jiddikjara li l-bilanċ tal-pagamenti ta’ WestSpiel, anke bl-injezzjoni ta’ kapital ippjanata dak iż-żmien fil-forma ta’ parteċipazzjoni taċita, isir pożittiv biss fis-snin mill-2021 sal-2023. Tabilħaqq, kif spjegat fil-premessa (30), WestSpiel finalment inbiegħet lill-Gauselmann Group f’Settembru 2021 għal prezz tax-xiri ta’ EUR 141,8 miljun.

(116)

Għar-raġunijiet li ġejjin, il-Kummissjoni hija tal-fehma li anke l-bejgħ ta’ WestSpiel ma kienx jitqies minn investitur privat komparabbli matul il-perjodu li fih NRW.BANK iddeċieda li jkompli jkopri t-telf ta’ WestSpiel.

–   Valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ WestSpiel mill-2009 sal-2015

(117)

Bħall-ewwel xenarju (ara l-premessi minn (112) sa (114)), il-Kummissjoni reġgħet eżaminat l-evidenza provduta mill-Ġermanja abbażi tal-kontijiet annwali ta’ WestSpiel u tar-Rapporti [XY] għas-snin mill-2009 sal-2015 u tinnota li ċ-ċifri tan-negozju fihom jikkonfermaw nuqqas ta’ razzjonalità għall-bejgħ ta’ WestSpiel matul dan iż-żmien.

(118)

Għall-ewwel xenarju (il-likwidazzjoni), il-Kummissjoni llimitat il-valutazzjoni tagħha tal-kontijiet annwali u r-Rapporti [XY] għar-relazzjoni bejn il-kapital ta’ WestSpiel u l-obbligazzjonijiet irreġistrati tagħha lejn partijiet terzi. Fir-rigward tat-tieni xenarju (il-bejgħ), il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li wieħed iħares ukoll lejn is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali ta’ WestSpiel fis-snin differenti u lejn l-estimu mogħti mill-konsulenti [XY] dwar l-iżvilupp futur tal-profittabbiltà ta’ WestSpiel sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità tal-bejgħ.

(119)

Il-Kummissjoni tifhem dan li ġej mill-kontijiet annwaliu r-Rapporti [XY] disponibbli fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ WestSpiel fis-snin 2009 sal-2015:

—

Skont ir-Rapporti [XY], fl-2009, WestSpiel diġà esperjenzat tnaqqis fil-GGR li seta’ jiġi traċċat lura għall-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-politika ta’ ebda tipjip f’NRW fis-seħħ mill-2007 u kontrolli ta’ ammissjoni aktar stretti għall-każinojiet, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ logħob kummerċjali/logħob tal-azzard online illegali u s-sistema l-ġdida ta’ tassazzjoni għall-każinojiet f’NRW fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008. Għall-2009, WestSpiel irreġistrat telf nett finali li jammonta għal EUR 7,9 miljun. Sa dak iż-żmien, WestSpiel kienet għadha soġġetta għal tassazzjoni ta’ 50 % tal-GGR tal-każinojiet tagħha (50). Ir-Rapport [XY] juri li l-maniġment ta’ WestSpiel, u għalhekk anke NRW.BANK bħala l-uniku soċju akkomandanti tagħha, kien konxju minn din is-sitwazzjoni u mir-riskji li jipperikolaw il-kontinwazzjoni tal-kumpanija. Għalhekk, il-maniġment ta’ WestSpiel ħa diversi miżuri preventivi bħall-bidu ta’ proċess ta’ ristrutturar u t-tressiq ta’ talbiet għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-każinojiet għal postijiet speċifiċi ta’ każinojiet.

—

Fl-2010, is-sitwazzjoni żviluppat b’mod simili għas-sena 2009 u ttieħdu miżuri addizzjonali għat-tnaqqis tal-kostijiet bħall-adattament tal-prodotti u l-offerti. Ġie previst telf nett finali ta’ EUR 12 miljun għall-2012 (kważi d-doppju tal-ammont ta’ telf nett finali ta’ EUR 5,8 miljun fl-2010).

—

Fl-2011, ir-Rapport [XY] jivvaluta titjib żgħir tas-sitwazzjoni ta’ WestSpiel, b’telf nett aktar baxx ta’ EUR 3,5 miljun.

—

It-telf nett fl-2012 tela’ għal EUR 10,3 miljun u l-GGR ta’ WestSpiel kien qed jonqos kontinwament. Madankollu, ir-Rapport [XY] isib kontijiet kważi bbilanċjati għal din is-sena bis-saħħa tar-riżultati annwali pożittivi tal-post tal-każinò f’Duisburg. Madankollu, il-maniġment stenna piż enormi għal-likwidità ta’ WestSpiel fl-2013.

—

Mill-2012 ’il quddiem, kien hemm fis-seħħ il-mudell il-ġdid tat-taxxa fuq il-każinojiet b’GGR aktar baxx ta’ 30 %, kif deskritt fil-premessi (31) u (33) (51). WestSpiel xorta rreġistrat telf nett li jammonta għal EUR 8,96 miljun fl-2013, li wassal lill-maniġment għall-iżvilupp ta’ ristrutturar ulterjuri biex tiġi żgurata l-likwidità sal-2022, li jinvolvi l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti u l-injezzjoni ta’ kapital wara l-iskimming tal-profitt, kif deskritt fil-premessi (46) u (47). Ir-Rapport [XY] jipprevedi profitt nett finali ta’ EUR 4,4 miljun għall-2014 li jsegwi r-ristrutturar.

—

Skont ir-Rapport [XY] għall-2014, bħala konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar, inkiseb riżultat pożittiv fil-forma ta’ profitt nett li jammonta għal EUR 3,3 miljun minn WestSpiel, segwit minn telf nett inqas minn EUR 1 miljun fl-2015.

(120)

Għalhekk, id-dokumenti disponibbli għall-Kummissjoni jikkonfermaw l-allegazzjoni magħmula mill-Ġermanja li fl-ebda mument matul is-snin mill-2009 sal-2015 WestSpiel ma kienet tkun investiment attraenti għal xerrej teoretiku, minħabba t-telf nett kontinwu tagħha u t-taqbidiet li seħħew mal-isfidi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali.

(121)

Sa fejn il-Ġermanja tirreferi għall-previżjoni tal-likwidità ta’ WestSpiel fil-paġna 101 tar-Rapport [IBR] (abbażi tal-kontijiet annwali/ir-Rapporti [XY] tal-2013 u l-2014), il-Kummissjoni tinnota li, għall-kuntrarju ta’ dak li tiddeskrivi l-Ġermanja, l-analiżi ma tinkludix is-sitwazzjoni bl-injezzjoni ta’ kapital bħala parti mir-ristrutturar iżda l-iżvilupp tal-likwidità ta’ WestSpiel mingħajr l-injezzjoni ta’ kapital ippjanata (wara l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti u l-iskimming tal-profitt). Madankollu, din l-interpretazzjoni żbaljata tar-Rapport [IBR] mill-Ġermanja ma tbiddilx l-opinjoni tal-Kummissjoni u tikkonfermaha aktar, peress li ċ-ċart fil-premessa (74) turi li, mingħajr l-injezzjoni ta’ kapital, il-bilanċ tal-pagamenti ta’ WestSpiel kien jibqa’ negattiv sal-2021. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni mhuwiex realistiku li NRW.BANK seta’ jikkumpensa t-telf imġarrab fil-kapital ipprovdut lil WestSpiel bil-prezz tax-xiri miksub minn bejgħ f’dan il-mument.

(122)

Barra minn hekk, il-bejgħ ta’ negozju, b’mod simili għal-likwidazzjoni, jinvolvi proċess legali kumpless u twil. Minbarra r-regoli ġenerali stabbiliti mil-liġi kummerċjali u mil-liġi tal-kumpaniji, hemm ukoll rekwiżiti skont il-liġi tax-xogħol li jikkonċernaw pereżempju t-trasferiment tal-persunal skont l-Artikolu 613a tal-BGB u t-tfassil ta’ pjanijiet soċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 112 tal-Att tal-Kostituzzjoni tax-Xogħlijiet Ġermaniż (Betriebsverfassungsgesetz, BetrVG) kif ukoll skont il-liġi tat-taxxa (bħall-obbligu li titħallas it-taxxa fuq l-introjtu, it-taxxa fuq il-kummerċ u t-taxxa korporattiva, u t-taxxa fuq il-valur miżjud) u skont il-liġi tal-kompetizzjoni (dwar fużjoni possibbli li tkun soġġetta għar-regoli tal-UE dwar il-kontroll tal-fużjonijiet).

(123)

Minn dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-bejgħ ta’ WestSpiel ma kienx ikun għażla raġonevoli għall-Ġermanja fiż-żmien meta ngħatat il-kopertura tat-telf annwali.

–   Valutazzjoni tax-xenarju fattwali (kopertura tat-telf annwali)

(124)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li x-xenarju fattwali magħżul minn NRW.BANK huwa l-aktar approċċ raġonevoli minn azzjonist.

(125)

B’mod ġenerali, il-kopertura tat-telf annwali mill-azzjonisti hija wkoll prattika komuni fil-kumpaniji, spiss abbażi ta’ ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf fi ħdan strutturi korporattivi konklużi bejn il-kumpanija omm u s-sussidjarji tagħha (52). Barra minn hekk, din il-kopertura tat-telf annwali tista’ pjuttost titqies bħala mġiba passiva ta’ investitur, peress li l-azzjonisti huma obbligati jpaċu t-telf fil-kontijiet annwali ta’ kumpanija bis-sehem ta’ ekwità tagħhom skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża, kif spjegat fil-premessi (103) u (104), u għalhekk il-kopertura tat-telf annwali tirriżulta li hija mekkaniżmu purament awtomatiku li ma jirrikjedix deċiżjoni separata ta’ azzjonist.

(126)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, anke mingħajr rapport ta’ espert jew dokumenti oħra ta’ sostenn, fost it-tliet xenarji (bejgħ immedjat/likwidazzjoni/“ebda azzjoni”), investitur privat kien jagħżel it-tielet xenarju.

(127)

F’dan is-sens, la l-bejgħ ta’ negozju immedjatament wara li jsir telf u lanqas l-investiment ta’ kapital ġdid sabiex negozju (li jagħmel telf) jinżamm fil-wiċċ ma jista’ jingħad li huwa dejjem konformi mal-MEIP. Pjuttost, huwa l-każ li kwalunkwe deċiżjoni (kemm jekk żvestiment, iż-żamma tal-istatus quo, kif ukoll iż-żieda ta’ kapital ġdid) jeħtieġ li tiġi vvalutata fuq il-merti tagħha stess, fuq bażi ta’ każ b’każ, u evalwata skont l-imġiba ta’ investitur prudenti fis-suq.

–   Konklużjoni dwar il-vantaġġ

(128)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegata kopertura tat-telf annwali ma tatx vantaġġ ekonomiku lil WestSpiel, peress li tali pagamenti kienu qed jikkunsmaw biss il-kapital proprju ta’ WestSpiel (ara l-premessi (100) sa (104)) u minħabba li NRW.BANK aġixxa b’mod ekonomikament razzjonali meta ddeċieda li jżomm il-kontribuzzjoni kapitali tiegħu f’WestSpiel, fis-sens li kien jagħmel sens ekonomiku li ma jbigħx b’telf iżda pjuttost li jistenna għal żminijiet aħjar (anke jekk seta’ kien ifisser li – possibbilment – ikompli jġarrab telf, jiġifieri jara l-kapital ta’ WestSpiel jitnaqqas saħansitra b’mod akbar) meta seta’ jikkumpensa dan il-konsum kapitali billi jbigħ WestSpiel bi profitt.

6.1.2.   Allegata injezzjoni ta’ kapital fl-2015

6.1.2.1.   Relazzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital

(129)

Sabiex tiddeċiedi jekk l-allegata injezzjoni ta’ kapital għandhiex tiġi kwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni l-ewwel għandha tivvaluta l-kwistjoni dwar jekk l-iskimming tal-profitt fl-2014 (53) u l-injezzjoni ta’ kapital li jammonta għal EUR 64,8 miljun minn NRW f’WestSpiel fl-2015 għandhomx jitqiesu bħala żewġ miżuri differenti jew bħala operazzjoni waħda.

(130)

Abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Ġermanja dwar is-sistema tal-injezzjoni ta’ kapital (ara l-premessi (48) u (49)), isegwi li l-obbligu ta’ NRW.BANK li jikkontribwixxi kapital tas-sħubija addizzjonali lil WestSpiel sar legalment vinkolanti fl-1 ta’ Diċembru 2015 f’konformità mal-ftehim fiduċjarju u meta l-kundizzjoni ta’ pagament pendenti ( “... mhux qabel l-iffirmar tal-ftehim tas-sħubija taċita ...” , kif spjegat fil-premessa (26)), ġiet issodisfata. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-data attwali tal-għoti tal-miżura kienet l-1 ta’ Diċembru 2015. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni lanqas ma nbidlet mill-fatt li l-fondi ta’ kontribuzzjoni ġew ittrasferiti biss minn NRW għal NRW.BANK bħala fiduċjarju fl-10 ta’ Diċembru 2015 u li t-trasferiment finali ta’ dawn il-fondi minn NRW.BANK għal WestSpiel seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2015, peress li dan kien jikkostitwixxi sempliċi tlestija tal-proċess.

(131)

Il-Ġermanja tqis li l-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital ikollhom jitqiesu bħala operazzjoni waħda, u li NRW setgħet ukoll timmodifika l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) minflok ma tinjetta kapital f’WestSpiel.

(132)

Skont il-Ġermanja, meta vvalutat fl-intier tiegħu, l-iskimming tal-profitt fl-2014 li jammonta għal madwar EUR 82 miljun, flimkien mal-“injezzjoni mill-ġdid” fl-2015 ta’ EUR 64,8 miljun f’WestSpiel, kien iwassal għal fluss finanzjarju nett fl-ammont ta’ madwar EUR 17,2 miljun minn WestSpiel għall-Istat. Abbażi ta’ din il-fehma, il-Ġermanja targumenta li, jekk xejn, il-miżura kienet tagħti żvantaġġ aktar milli vantaġġ lil WestSpiel. Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-linja ta’ argumentazzjoni. Tabilħaqq, l-iskimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital mhumiex submiżuri ta’ miżura kumplessa waħda. Dawn huma żewġ miżuri differenti, li jsegwu l-loġika tagħhom stess. F’dan il-każ, l-injezzjoni ta’ kapital ma tistax titqies bħala submiżura ta’ miżura ġenerali waħda. Il-flus imħallsa minn WestSpiel fl-ewwel pass, fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt ibbażat fuq l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), kienu dovuti bħala taxxa u ttieħdu mill-Istat li aġixxa fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità tal-Istat.

(133)

L-injezzjoni ta’ kapital hija miżura separata, peress li tirriżulta b’mod ċar min-natura u s-suġġett tagħha, mill-kuntest tagħha, mill-objettiv segwit, u mir-regoli li għalihom hija soġġetta: B’kuntrast mal-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt, l-injezzjoni ta’ kapital ma hijiex miżura tat-taxxa, peress li ma titteħidx mill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità fiskali iżda tirriżulta minn deċiżjoni tal-Istat fir-rwol tiegħu bħala azzjonist u għalhekk bħala investitur. Barra minn hekk, il-miżuri la ġew adottati skont l-istess regoli, u lanqas bl-istess modalitajiet operattivi. Tabilħaqq, ir-reġim ta’ skimming tal-profitt kien diġà ġie adottat fl-2008, filwaqt li l-injezzjoni ta’ kapital ingħatat fl-1 ta’ Diċembru 2015, kif spjegat fil-premessa (130). L-“approċċ f’żewġ stadji” (jiġifieri l-iskimming tal-profitt tal-2014 u l-“injezzjoni mill-ġdid” tal-kapital tal-2015) imsemmi mill-Ġermanja seħħ biss f’dik is-sekwenza bħala konsegwenza tar-reġim tat-taxxa, li nħoloq seba’ snin qabel u nżamm wara l-injezzjoni ta’ kapital. Lanqas ma jista’ jiġi allegat li din l-injezzjoni ta’ kapital kienet prevedibbli fiż-żmien tal-ħolqien tar-reġim ta’ skimming tal-profitt.

(134)

Barra minn hekk, il-fatt li NRW ma kinitx emendat SpielbG NRW sabiex tikkumpensa għall-“iżvantaġġ strutturali” kkawżat mill-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt juri li NRW qieset il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt bħala fattur estranju u mhux bħala parti mill-arranġamenti tal-azzjonisti tagħha ma’ WestSpiel. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital ma jistgħux jitqiesu bħala operazzjoni waħda iżda għandhom jitqiesu bħala żewġ miżuri differenti.

–   Konklużjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital

(135)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raġunament tal-Ġermanja dwar il-preżenza ta’ operazzjoni waħda ma jistax jintuża biex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ vantaġġ, peress li l-iskimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital għandhom jitqiesu bħala żewġ miżuri indipendenti.

6.1.2.2.   Valutazzjoni tal-injezzjoni ta’ kapital

(136)

Peress li l-iskimming tal-profitt u l-injezzjoni ta’ kapital huma miżuri awtonomi (ara t-taqsima 6.1.2.1), it-tnejn għandhom jiġu vvalutati separatament. Il-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt previst mill-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Min-natura tal-mekkaniżmu ta’ skimming tal-profitt diġà jirriżulta li ma hemm l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni ekonomika ta’ impriża, peress li l-fluss ta’ fondi jmur mill-każinò pubbliku għall-Istat u mhux bil-kontra. Il-valutazzjoni li ġejja għalhekk se tiffoka biss fuq l-injezzjoni ta’ kapital.

6.1.2.2.1.   Impriża

(137)

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss meta l-benefiċjarju ta’ miżura jkun impriża. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddefinixxiet l-impriżi bħala entitajiet involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom u mill-mod kif huma ffinanzjati (54). Il-klassifikazzjoni ta’ entità partikolari bħala impriża għalhekk tiddependi kompletament min-natura tal-attivitajiet tagħha (55).

(138)

WestSpiel bħala każinò pubbliku toffri s-servizzi (speċjalment servizzi tal-logħob tal-azzard iżda wkoll servizzi ta’ catering) b’remunerazzjoni (miżati għad-dħul, frazzjoni tal-imħatri, prezzijiet għal servizzi oħra) fis-suq. Għalhekk, WestSpiel twettaq attivitajiet ekonomiċi għal skopijiet ta’ għajnuna mill-Istat u għalhekk tista’ tiġi kwalifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.1.2.2.2.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà

(139)

Il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (56). Ir-riżorsi tal-Istat jinkludu r-riżorsi kollha tas-settur pubbliku (57), inkluż ir-riżorsi ta’ entitajiet intra-Statali (deċentralizzati, federati, reġjonali jew oħrajn) (58) u, f’ċerti ċirkostanzi, ir-riżorsi ta’ korpi privati. Huwa irrelevanti jekk istituzzjoni fis-settur pubbliku hijiex awtonoma jew le (59).

(140)

Ir-riżorsi ta’ impriża pubblika jikkostitwixxu wkoll riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li l-Istat huwa kapaċi jidderieġi l-użu ta’ dawn ir-riżorsi (60). Għall-finijiet tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, it-trasferimenti fi ħdan grupp ta’ impriżi pubbliċi jistgħu jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat jekk, pereżempju, ir-riżorsi jiġu trasferiti mill-kumpanija omm lis-sussidjarja tagħha (anke jekk jikkostitwixxu impriża waħda minn perspettiva ekonomika) (61). Dak li huwa deċiżiv biex ir-riżorsi finanzjarji jiġu kwalifikati bħala riżorsi tal-Istat mhuwiex it-trasferiment reali tar-riżorsi iżda l-fatt li r-riżorsi huma taħt il-kontroll tal-Istat u li l-awtoritajiet tal-Istat jagħmlu użu minn dawn ir-riżorsi (62).

(141)

F’każijiet fejn awtorità pubblika tagħti vantaġġ lil benefiċjarju, il-miżura hija skont id-definizzjoni imputabbli lill-Istat. L-imputabbiltà hija anqas evidenti, madankollu, jekk il-vantaġġ jingħata permezz ta’ impriżi pubbliċi. F’każijiet bħal dawn, huwa meħtieġ li jiġi determinat jekk l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux jitqiesu li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżura (63). Is-sempliċi fatt li miżura tittieħed minn impriża pubblika minnu nnifsu mhuwiex suffiċjenti biex titqies bħala imputabbli lill-Istat (64). Għalhekk, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-każ u mill-kuntest li fih tkun ittieħdet il-miżura (65).

(142)

Fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 94 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li l-injezzjoni ta’ kapital tingħata mir-riżorsi tal-Istat, il-Ġermanja targumenta (ara l-premessa (82)) li l-injezzjoni ta’ kapital ma tinvolvix riżorsi tal-Istat, peress li l-kapital injettat fil-fatt kien jirriżulta mill-bejgħ ta’ tnejn mix-xogħlijiet tal-arti ta’ WestSpiel u għalhekk mill-prezz ta’ EUR 114,4 miljun li x-xerrej ħallas għax-xogħlijiet tal-arti.

(143)

Fir-rigward tal-kriterju tar-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tal-Ġermanja, peress li l-iskimming tal-profitt ta’ madwar EUR 82 miljun kien pass li seħħ bejn il-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti u l-injezzjoni ta’ kapital. Permezz tal-iskimming tal-profitt, dan l-ammont ġie trasferit minn WestSpiel lill-Istat u, minn dak il-mument, wieħed ma jistax iqis li dawn ir-riżorsi kienu privati, peress li l-Istat kien qed jeżerċita kontroll fuq dawn ir-riżorsi.

(144)

Fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura, il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni li jiġi injettat il-kapital ittieħdet minn NRW kif deskritt fil-premessi (47) sa (49) u li l-kunsiderazzjonijiet għall-kopertura tat-telf fil-premessa 70 tad-deċiżjoni tal-ftuħ japplikaw mutatis mutandis (ara l-premessa 95 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Kif spjegat fiha, il-Kummissjoni tinnota li: (i) NRW.BANK huwa l-bank promozzjonali ta’ NRW, li l-missjoni tiegħu hija li jappoġġa lis-sid tiegħu – NRW – fit-twettiq tal-kompiti ta’ politika strutturali u ekonomika tagħha, (ii) NRW hija l-garanti ta’ NRW.BANK, u (iii) il-korpi governattivi, b’mod partikolari l-Bord ta’ Garanti u l-korp superviżorju, huma magħmula fil-biċċa l-kbira minn persuni li għandhom kariga pubblika.

(145)

Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll fil-premessa 70 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu soġġetti għal kjarifiki addizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura ta’ NRW.BANK, il-proċessi deċiżjonali tiegħu u l-involviment tal-Istat fid-deċiżjonijiet (possibbli). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li:

—

Skont ir-Rapport dwar il-Governanza Pubblika fi ħdan ir-rapport finanzjarju ta’ NRW.BANK għas-sena 2015 (66), NRW hija l-garanti u l-uniku azzjonist ta’ NRW.BANK. F’dan il-kuntest, NRW attrezzat lil NRW.BANK bi strumenti speċifiċi ta’ responsabbiltà, jiġifieri r-responsabbiltà istituzzjonali u r-responsabbiltà tal-garanti, u NRW ipprovdiet garanzija espliċita ta’ rifinanzjament.

—

NRW.BANK jagħmel użu minn Bord ta’ Garanti fejn NRW teżerċita d-drittijiet tagħha fi ħdan is-setgħa legali tagħha u bħala sid ta’ NRW.BANK, u teżerċita d-drittijiet tal-vot tagħha permezz ta’ żewġ rappreżentanti. Il-membri l-oħra tal-Bord ta’ Garanti huma l-ministru għall-affarijiet ekonomiċi ta’ NRW, il-ministru għall-finanzi ta’ NRW u l-ministru għall-akkomodazzjoni ta’ NRW kif ukoll membri ex officio.

—

Fir-rigward tal-Bord Amministrattiv ta’ NRW.BANK, ir-Rapport dwar il-Governanza Pubblika jispjega li, bħala l-korp superviżorju ta’ NRW.BANK, huwa r-rwol tiegħu li jimmonitorja l-ġestjoni mwettqa mill-Bord Eżekuttiv u li jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord Eżekuttiv. Fl-2015, il-Bord Amministrattiv kien magħmul minn 15-il membru b’kollox, li minnhom seba’ membri, u għalhekk il-maġġoranza, ġew iddelegati minn NRW bħala l-garanti ta’ NRW.BANK.

—

Barra minn hekk, NRW.BANK huwa ssorveljat ukoll mill-Istat, b’mod aktar speċifiku mill-ministeru għall-intern ta’ NRW u mill-ministeru għall-akkomodazzjoni ta’ NRW (fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ akkomodazzjoni).

(146)

Fid-dawl tal-indikaturi preżentati hawn fuq, il-Kummissjoni tieħu nota li permezz tar-rwol tagħha bħala l-uniku garanti ta’ NRW.BANK, billi eżerċitat id-drittijiet tal-vot permezz tal-ministri tagħha fil-Bord ta’ Garanti u ddelegat il-maġġoranza tal-membri tal-korp superviżorju, li jikkontrolla l-azzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv ta’ NRW.BANK, NRW u b’hekk l-Istat eżerċita influwenza deċiżiva fuq NRW.BANK u fuq id-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan il-korpi korporattivi tiegħu fiż-żmien meta l-kapital ġie injettat f’WestSpiel fl-2015. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-injezzjoni ta’ kapital tista’ titqies ukoll bħala imputabbli lill-Istat.

(147)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fir-rigward tal-injezzjoni ta’ kapital tal-2015, l-azzjonijiet ta’ NRW.BANK jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat.

6.1.2.2.3.   Vantaġġ

(148)

Kif deskritt hawn fuq, vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, sabiex tiġi vvalutata l-preżenza ta’ vantaġġ, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża wara l-miżura għandha titqabbel mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha li kieku l-miżura ma kinitx ittieħdet (67).

(149)

Fil-premessa 76 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-injezzjoni ta’ kapital ġdid fl-ammont ta’ EUR 64,8 miljun minn NRW fl-2015 tat, meta titqies waħedha, vantaġġ lil WestSpiel. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-iskimming tal-profitt, kif rikonoxxut mill-Ġermanja, jikkostitwixxi taxxa skont it-tifsira tal-Kodiċi Fiskali Ġermaniż, filwaqt li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 kellha natura differenti.

(150)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja ssostni li l-injezzjoni ta’ kapital f’dan il-każ ma kinitx tagħti vantaġġ lil WestSpiel, u ressqet ħames argumenti. L-ewwel nett, l-injezzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi sempliċi “injezzjoni mill-ġdid” parzjali tal-profitti skimmed minn WestSpiel. It-tieni, l-injezzjoni kienet tkun konformi mal-MEIP minħabba li bl-injezzjoni ta’ kapital, NRW kienet aġixxiet bħala investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli. It-tielet, il-Ġermanja tispjega li l-injezzjoni ta’ kapital ma kinitx tirrappreżenta għajnuna mill-Istat peress li kkumpensat biss lil WestSpiel għall-iżvantaġġ strutturali tagħha (li jikkonsisti fil-piż tat-taxxa għoli tagħha). Ir-raba’, il-Ġermanja ssostni li l-istess riżultat ekonomiku seta’ jinkiseb fi kwalunkwe każ permezz ta’ emenda leġiżlattiva (tnaqqis tal-piż tat-taxxa ta’ WestSpiel). Il-ħames, skont il-Ġermanja, kwalunkwe għajnuna teoretika kienet titħallas lura b’mod estensiv billi jinkiseb prezz ogħla mill-bejgħ ta’ WestSpiel (ara t-taqsima 4.2).

6.1.2.2.3.1.   Il-valutazzjoni tal-argument tal-Ġermanja li l-injezzjoni ta’ kapital tkun konformi mat-test tal-MEIP

(151)

Kif spjegat fil-premessa (78), il-Ġermanja hija tal-fehma li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 imwettqa minn NRW.BANK kienet tikkorrispondi għall-imġiba ta’ investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli u għalhekk tkun konformi mat-test tal-MEIP. Il-Ġermanja targumenta li l-injezzjoni ta’ kapital kienet meħtieġa biex tiġi restawrata l-profittabbiltà ta’ WestSpiel u b’hekk jinżamm il-kapital diġà investit fil-kumpanija. Il-Ġermanja tibbaża r-raġunament tagħha dwar l-MEIP fuq “perspettiva għal żmien qasir” (68) u fuq “perspettiva fit-tul” (69).

–   Applikabbiltà tat-test tal-MEIP

(152)

Il-Kummissjoni tinnota li, sabiex tibbaża fuq it-test tal-MEIP, dan it-test irid fi kwalunkwe każ ikun applikabbli fl-ewwel lok. Jiġifieri, irid ikun possibbli li titqabbel l-imġiba tal-Istat ma’ dik ta’ investitur privat, li ma jgawdix mill-prerogattivi u d-dħul ta’ awtorità tat-taxxa fir-relazzjoni tiegħu ma’ impriża. Sabiex jissodisfaw it-test tal-MEIP, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b’mod inekwivoku u abbażi ta’ evidenza oġġettiva u verifikabbli li l-miżura implimentata għandha tiġi attribwita lill-Istat li jaġixxi bħala investitur. Dawn il-provi jridu juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess ħin tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa deċiżjoni bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi komparabbli ma’ dawk li, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, investitur privat razzjonali kien iwettaq, qabel ma jagħmel l-investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura tiegħu.

(153)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Ġermanja ma provdietx l-evidenza li tissodisfa dawk il-kriterji u li għalhekk it-test tal-MEIP mhuwiex applikabbli għall-injezzjoni ta’ kapital kif spjegat immedjatament hawn taħt.

(154)

Il-Ġermanja tallega li kienet issir valutazzjoni ex ante bir-Rapport [IBR]. Madankollu, la r-Rapport [IBR] u lanqas kwalunkwe dokument ieħor ipprovdut mill-Ġermanja ma jissodisfaw il-kriterji deskritti fil-premessa (152). Il-Ġermanja ma wettqet l-ebda valutazzjoni ex ante tal-profittabbiltà tal-injezzjoni ta’ kapital, għall-kuntrarju ta’ dak li kien jagħmel investitur f’ekonomija tas-suq. It-test tal-MEIP mhuwiex applikabbli għas-sempliċi “injezzjoni mill-ġdid” ta’ parti minn pagament tat-taxxa f’impriża mingħajr ebda analiżi ex ante tal-profittabbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-747/15, EDF vs Il-Kummissjoni, u l-ordni tal-Qorti fil-Kawża C-221/18 P, EDF vs Il-Kummissjoni). B’mod partikolari, ir-Rapport [IBR] ma jivvalutax jekk l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 kinitx investiment raġonevoli, u lanqas ma jivvaluta x-xenarji kontrofattwali (il-likwidazzjoni, il-bejgħ jew “ebda azzjoni” minflok injezzjoni ta’ kapital).

(155)

Kif spjegat fil-premessa 91 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li l-Ġermanja ma kellhiex elementi, li jistgħu jistabbilixxu li permezz tal-injezzjoni ta’ kapital, NRW kienet tiġġenera – minn perspettiva ex ante – redditu addizzjonali fuq il-kapital li ma kinitx tiġġenera fin-nuqqas tal-injezzjoni.

(156)

Ir-rapport [IBR] ma fihx analiżi bħal din tax-xenarji kontrofattwali, is-sitwazzjoni ta’ WestSpiel mingħajr l-injezzjoni ta’ kapital, meta mqabbla max-xenarju fattwali, is-sitwazzjoni ta’ WestSpiel bl-injezzjoni ta’ kapital. Fir-rigward tar-referenza tal-Ġermanja għall-paġna 101 tar-Rapport [IBR] (ara l-premessa (74)), kif spjegat fil-premessa (121), din il-previżjoni tal-likwidità ta’ WestSpiel għas-snin 2015 sa 2023 tiddeskrivi biss l-iżvilupp tal-kumpanija mingħajr l-injezzjoni ta’ kapital ippjanata (wara l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti u l-iskimming tal-profitt) iżda ma tinkludix is-sitwazzjoni bl-injezzjoni ta’ kapital.

(157)

Il-paġna 106 tar-Rapport [IBR] tipprovdi previżjoni tal-iżvilupp tal-likwidità fis-snin 2014 sa 2023 għax-xenarju bl-injezzjoni ta’ kapital. Madankollu, l-analiżi ta’ dan ix-xenarju tibqa’ limitata għad-dikjarazzjonijiet li “permezz tal-injezzjoni ta’ kapital, WestSpiel KG tagħmel użu minn riżorsi finanzjarji pożittivi matul il-perjodu kollu ta’ ppjanar” u li l-likwidità ma taqax taħt il-“likwidità minima ta’ EUR 5 miljun.” u “taqbeż bi ftit il-likwidità minima fi Q2 2020”. Minbarra dawn l-estimi, ma hemm l-ebda analiżi oħra, b’mod partikolari l-ebda spjegazzjoni dwar kif l-injezzjoni ta’ kapital se tinfluwenza b’mod konkret (b’mod pożittiv) il-prestazzjoni finanzjarja futura ta’ WestSpiel (70).

(158)

Barra minn hekk, anke fir-rigward tal-likwidazzjoni jew il-bejgħ possibbli ta’ WestSpiel bħala xenarji kontrofattwali għall-injezzjoni ta’ kapital, ir-Rapport [IBR] ma fih l-ebda deskrizzjoni jew analiżi tal-implimentazzjoni ipotetika ta’ xi wieħed minn dawn ix-xenarji.

(159)

Għalhekk, il-Ġermanja la pprovdiet pjan ta’ negozju dettaljat u lanqas analiżi oħra li tqabbel ix-xenarju ġenerali mingħajr l-injezzjoni ta’ kapital, b’mod partikolari x-xenarji kontrofattwali speċifiċi ta’ “ebda azzjoni” u ta’ likwidazzjoni jew bejgħ, li jkun fihom estimi akkurati u sħaħ tal-profittabbiltà futura u analiżijiet dettaljati tal-kostijiet u tal-profitt, max-xenarju fattwali tal-injezzjoni ta’ kapital.

–   Konklużjoni dwar l-applikabbiltà tat-test tal-MEIP

(160)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li t-test tal-MEIP mhuwiex applikabbli fir-rigward tal-injezzjoni ta’ kapital.

–   Applikazzjoni tat-test tal-MEIP

(161)

Mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ hawn fuq, li fiha l-Kummissjoni tikkonkludi li t-test tal-MEIP mhuwiex applikabbli, il-Kummissjoni tqis, permezz ta’ raġunament sussidjarju, li anke jekk it-test tal-MEIP kien applikabbli, it-test tal-MEIP ma jiġix issodisfat.

(162)

Il-Kummissjoni se tittratta hawn taħt iż-żewġ argumenti (perspettiva “fuq terminu qasir” u “fit-tul”) imressqa mill-Ġermanja, kif spjegat fil-premessa (78).

–    “Perspettiva fuq terminu qasir” tal-Ġermanja

(163)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-perspettiva “fuq terminu qasir” tal-Ġermanja, kif spjegat fil-premessa (78), meta titqies il-konformità mal-MEIP tal-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 bħala miżura awtonoma (jiġifieri mingħajr ma jitqies id-dħul mit-taxxa tal-iskimming tal-profitt), il-Kummissjoni ma taqbilx li għal investitur privat ma kien ikun hemm l-ebda għażla alternattiva għall-mudell li jinvolvi t-tliet stadji (il-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti/l-iskimming tal-profitt/l-injezzjoni ta’ kapital) u li l-unika għażla alternattiva possibbli kienet tkun li ma jiġux implimentati l-miżuri u li għalhekk jintilef il-valur sħiħ tas-sehem ta’ NRW.BANK f’WestSpiel kif ukoll il-prospett ta’ dħul futur.

(164)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tagħha fir-rigward tax-xenarji kontrofattwali għall-kopertura tat-telf annwali, il-likwidazzjoni jew il-bejgħ ta’ WestSpiel kienu jkunu għażliet ekonomikament aktar raġonevoli meta mqabbla mal-injezzjoni ta’ kapital imwettqa minn NRW.BANK fl-2015. Injezzjoni ta’ kapital bħal din, imwettqa biex in-negozju jibqa’ għaddej, tissodisfa biss it-test tal-MEIP meta jista’ jkun mistenni (abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ex ante) li twassal għal riżultat li jkun aħjar miż-żewġ għażliet l-oħra. Fi kwalunkwe każ, tali test jeħtieġ li jitwettaq ex ante.

(165)

Il-Kummissjoni vvalutat ix-xenarji kontrofattwali (il-likwidazzjoni jew il-bejgħ ta’ WestSpiel jew l-“ebda azzjoni”) meta mqabbla max-xenarju fattwali (l-injezzjoni ta’ kapital) magħżul minn NRW.BANK sabiex tiddetermina jekk investitur privat f’ċirkostanzi komparabbli kienx jaġixxi bl-istess mod.

(166)

Il-valutazzjoni hija primarjament ibbażata fuq il-kontijiet annwali ta’ WestSpiel u fuq ir-Rapporti [XY] għas-snin 2013 u 2014, peress li dawn id-dokumenti jirrappreżentaw il-perjodu ftit qabel ma NRW.BANK ħa d-deċiżjoni li jagħti l-injezzjoni ta’ kapital f’Diċembru 2015 u għalhekk huma l-aktar xierqa biex juru s-sitwazzjoni ta’ WestSpiel fiż-żmien tal-injezzjoni ta’ kapital (71). Il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-previżjonijiet u l-ippjanar tal-profitti u t-telf, il-bilanċ u l-fluss tal-flus ta’ WestSpiel għas-snin mill-2015 sal-2023 kif previst mir-Rapport [IBR].

–   Valutazzjoni tax-xenarji kontrofattwali: il-likwidazzjoni u l-bejgħ

(167)

Skont il-kontijiet annwali ta’ WestSpiel u r-Rapporti [XY], kif muri fil-premessa (113), l-ammont ta’ obbligazzjonijiet qabeż il-kapital ta’ WestSpiel fis-snin 2010 sa 2015, u għalhekk anke fl-2013 u fl-2014. B’mod aktar preċiż, il-kontijiet ta’ WestSpiel juru obbligazzjonijiet ta’ EUR 17,5 miljun u kapital ta’ EUR 9,6 miljun fl-2013 u obbligazzjonijiet ta’ EUR 17,6 miljun u kapital ta’ madwar EUR 14 miljun fl-2014. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li bl-istess mod matul il-perjodu ta’ qabel l-injezzjoni ta’ kapital f’Diċembru 2015, il-likwidazzjoni ta’ WestSpiel kienet tkun possibbli biss b’valur negattiv, jiġifieri l-obbligazzjonijiet kienu jaqbżu l-kapital ta’ WestSpiel (ara l-premessa (109)). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ bejgħ possibbli, in-negozju ma kienx ikun attraenti ħafna f’dak il-mument.

(168)

Madankollu, minkejja l-probabbiltà għolja li NRW.BANK ma setax iżomm is-sehem tiegħu f’WestSpiel b’likwidazzjoni jew bejgħ fl-2013 jew fl-2014, il-likwidazzjoni jew il-bejgħ tan-negozju jew il-possibbiltà li ma tittieħed l-ebda azzjoni xorta kienu jkunu preferibbli għall-injezzjoni ta’ kapital. B’mod partikolari, il-kontijiet annwali ta’ WestSpiel għandhom jiġu evalwati minn perspettiva differenti għall-injezzjoni ta’ kapital u għall-kopertura tat-telf annwali, peress li s-sitwazzjonijiet mhumiex komparabbli:

—

L-ewwel nett, investitur privat raġonevoli ma kienx jinjetta kapital addizzjonali sabiex isaħħaħ negozju jekk investimenti diġà sinifikanti fil-passat (il-kopertura tat-telf annwali mill-2009) ma wrew l-ebda riżultat pożittiv fis-sitwazzjoni finanzjarja tan-negozju. Kif deskritt fil-premessa (119), is-sitwazzjoni ta’ WestSpiel ma tjibitx minħabba l-kopertura tat-telf annwali; għall-kuntrarju, il-GGR annwali kien għadu qed jonqos u t-telf nett annwali baqa’ kontinwament għoli sal-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti fl-2014. Fl-2014, WestSpiel kisbet profitti netti baxxi. Fil-punt meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-injezzjoni ta’ kapital fl-2014, investitur privat kien ikun f’pożizzjoni li jevalwa l-effetti tal-kopertura tat-telf annwali mogħtija lil WestSpiel matul l-aħħar ħames snin u li jasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni tan-negozju kienet għadha qed tiddeterjora. Investitur raġonevoli għalhekk ma kienx jinjetta kapital addizzjonali billi jieħu r-riskju ta’ telf finanzjarju saħansitra ogħla u minflok kien jipproċedi immedjatament bil-likwidazzjoni jew il-bejgħ tan-negozju.

—

It-tieni, il-kopertura tat-telf annwali kienet tikkostitwixxi mġiba purament passiva minn azzjonist li ma kienet teħtieġ l-ebda azzjoni speċifika jew deċiżjoni attiva, peress li l-proċess li bih l-azzjonisti ta’ soċjetà in akkomandita jpaċu t-telf mill-kapital azzjonarju jsegwi minn obbligu skont il-liġi tal-kumpaniji Ġermaniża (ara l-premessi (103) u (104)). Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni li jiġi injettat kapital ġdid hija deċiżjoni attiva u mhux dovuta għal awtomatiżmu purament legali. Għalhekk, il-limitu għal investitur huwa ferm ogħla qabel ma jieħu d-deċiżjoni li jagħti injezzjoni ta’ kapital u għalhekk din il-miżura għandha tiġi skrutinizzata b’mod aktar strett mis-sitwazzjoni ta’ “ebda azzjoni” tal-kopertura tat-telf annwali.

—

It-tielet, anke jekk il-Kummissjoni targumenta għall-kopertura tat-telf li wieħed jista’ jifhem lill-azzjonist li jkun wettaq investiment sinifikanti (il-kontribuzzjoni kapitali inizjali) u aċċetta telf f’negozju għal żmien twil li joqgħod lura mil-likwidazzjoni jew il-bejgħ tal-kumpanija (ara l-premessi (107) sa (125)), dan ma japplikax għall-injezzjoni ta’ kapital. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-argument ma jistax japplika għal żmien illimitat u għal ammont illimitat ta’ telf magħmul minn negozju, peress li dan iwassal għall-possibbiltà li investitur jagħmel investiment inizjali f’negozju u mbagħad jaċċetta telf jew jagħmel pagamenti addizzjonali mingħajr ma jkun qatt aktar obbligat jivvaluta l-profittabbiltà u r-razzjonalità tal-investiment kontinwu.

—

Ir-raba’, il-Kummissjoni tieħu nota tal-previżjoni pjuttost pożittiva tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ WestSpiel għall-perjodu mill-2021 sal-2023 meta kienet mistennija bidla minn bilanċ tal-pagamenti negattiv għal pożittiv (ara l-premessi (74) u (121)). Madankollu, ma kienx ikun aċċettabbli għal investitur privat komparabbli li joqgħod lura minn likwidazzjoni jew bejgħ fl-2015 (meta seħħet l-injezzjoni ta’ kapital) u li jistenna t-titjib previst tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija. Il-perjodu ta’ żmien bejn l-2015 u l-2021 xorta huwa twil ħafna u ma jkunx raġonevoli li azzjonist jintalab jiddifferixxi deċiżjoni urġenti u meħtieġa għal sitt snin oħra. B’mod partikolari, għandu jitqies it-telf addizzjonali li l-azzjonist probabbilment kien iġarrab matul dawn is-snin kif ukoll l-inċertezza ekonomika u finanzjarja, meta wieħed iqis li t-tbassir għadu jipprevedi bilanċ tal-pagamenti negattiv ta’ WestSpiel sal-iżvolta finali fl-2021. Fi kwalunkwe każ, l-alternattiva raġonevoli għal bejgħ jew likwidazzjoni fl-2015 ma kinitx tkun l-injezzjoni ta’ kapital, għar-raġunijiet ippreżentati hawn fuq, iżda sempliċiment il-possibbiltà għal azzjonist li ma jaġixxix u li jaċċetta kopertura annwali addizzjonali tat-telf taħt l-awtomatiżmu fl-HGB, kif diġà prattikat fis-snin ta’ qabel.

–   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni tax-xenarji kontrofattwali

(169)

Għalhekk, abbażi tal-argumenti preżentati fil-valutazzjoni tax-xenarji kontrofattwali speċifiċi, il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur privat komparabbli kien jagħżel li jillikwida jew ibigħ in-negozju jew li ma jaġixxix minflok ma jagħmel investiment ieħor billi saħansitra jinjetta kapital addizzjonali f’impriża li b’mod ġenerali kienet qed tagħmel it-telf, u jirriskja li jitlef, minbarra l-kapital involut li jifdal, anke l-ammonti injettati ġodda.

–    “Perspettiva fit-tul” tal-Ġermanja

(170)

Fir-rigward tal-perspettiva “fit-tul” tal-Ġermanja, kif spjegat fil-premessa (78), il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-EDF (72), l-azzjoni tal-Istat fil-kapaċità tiegħu bħala investitur fuq naħa waħda (taħt liema rwol wettaq l-injezzjoni ta’ kapital) u l-azzjoni tiegħu fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità pubblika (taħt liema rwol irċieva l-iskimming tal-profitt) għandhom jiġu distinti.

(171)

Kif iddikjarat il-Qorti, sabiex jiġi vvalutat jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata f’kundizzjonijiet normali tas-suq minn operatur privat f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun qrib dik tal-Istat, għandhom jitqiesu biss il-benefiċċji u l-obbligi marbutin mas-sitwazzjoni tal-Istat bħala operatur privat, bl-esklużjoni ta’ dawk marbutin mas-sitwazzjoni tiegħu bħala awtorità pubblika (73).

(172)

Fir-rigward tal-argument tal-Ġermanja li t-taxxi addizzjonali ta’ WestSpiel (74) għandhom jiġu inklużi fid-dħul meta tiġi vvalutata l-konformità mal-MEIP tal-injezzjoni ta’ kapital, il-Kummissjoni tinnota li tali kunsiderazzjoni mhijiex fost l-elementi li investitur f’ekonomija tas-suq iqis.

(173)

Il-ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi konkluż li vantaġġ fil-forma ta’ investiment kapitali f’impriża jista’ jiġi newtralizzat bil-ħlas ta’ taxxi fuq il-profitti tal-impriża. F’dan is-sens, anki jekk l-injezzjoni ta’ kapital kienet meħtieġa biex in-negozju jibqa’ għaddej u biex tiġi evitata proċedura ta’ insolvenza, kif spjegat fil-premessi (152) sa (159), ma kien hemm l-ebda evidenza ex ante suffiċjenti li l-investiment kien mistenni li jipproduċi profitti jew li jevita telf addizzjonali (meta mqabbel max-xenarji kontrofattwali, jiġifieri l-likwidazzjoni jew il-bejgħ ta’ WestSpiel).

–   Konklużjoni dwar l-applikazzjoni tat-test tal-MEIP

(174)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tax-xenarji kontrofattwali abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ WestSpiel fiż-żmien tad-deċiżjoni dwar l-injezzjoni ta’ kapital fl-2015 (ara l-premessa (167)) u tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ħlas tat-taxxi ma jistax jinnewtralizza vantaġġ (ara l-premessa (173)), il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura mhijiex konformi mat-test tal-MEIP.

(175)

Il-Kummissjoni tassumi li, peress li WestSpiel kienet qed tagħmel telf, investitur privat razzjonali ma jiddeċidix li jinjetta kapital addizzjonali fiha mingħajr ma jwettaq evalwazzjonijiet, anke ġenerali, li juru li hemm probabbiltajiet raġonevoli ta’ profitt futur u li jinkludu, jekk ikun meħtieġ, il-bejgħ jew il-likwidazzjoni possibbli tal-kumpanija (75).

6.1.2.2.3.2.   Allegat kumpens għall-iżvantaġġ strutturali

(176)

Il-Ġermanja targumenta (ara l-premessa (79)) li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 ma kinitx tipprovdi vantaġġ lil WestSpiel u għalhekk ma kinitx tkun għajnuna mill-Istat minħabba li kienet tikkumpensa lil din tal-aħħar għall-iżvantaġġ strutturali tagħha li tiġi ntaxxata ogħla mill-kompetituri privati tagħha (f’konformità mal-ġurisprudenza Combus (76)). L-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) b’mod partikolari kien jipprevjeni lil WestSpiel milli tuża r-rikavati tal-assi li kienet biegħet (jiġifieri l-introjtu straordinarju tagħha mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti).

(177)

Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-Ġermanja. Fis-sentenza l-aktar reċenti ta’ Orange (77), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li filwaqt li l-kumpens għal żvantaġġ strutturali jista’ jkun kompatibbli mas-suq intern, f’ċerti ċirkostanzi, xorta jirrappreżenta għajnuna mill-Istat. B’mod aktar speċifiku, fil-punt 44 tas-sentenza, il-Qorti ċċarat li ħlief f’każijiet ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jaqgħu taħt il-kriterji Altmark (78), vantaġġ ekonomiku mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-eżistenza tal-għajnuna jiġu ssodisfati.

(178)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ sentenzi f’Combus u Orange rreferew għal miżuri ta’ kumpens li għandhom l-għan li jkopru kostijiet anormali meta mqabbla ma’ dawk ta’ kompetituri privati. Madankollu, f’dan il-każ, il-miżura ma tindirizzax żvantaġġ “strutturali” iżda pjuttost hija żvestiment ta’ darba tal-assi, li jippermetti lil impriża tkompli topera minkejja li jkollha mudell ta’ negozju mhux profittabbli.

(179)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 ma tistax titqies li ma tinvolvix għajnuna mill-Istat fuq il-bażi li tirrappreżenta kumpens għall-iżvantaġġ strutturali ta’ WestSpiel.

6.1.2.2.3.3.   Allegat nuqqas ta’ vantaġġ billi l-istess riżultat ekonomiku seta’ jinkiseb permezz ta’ emendi leġiżlattivi

(180)

Il-Ġermanja tispjega wkoll (ara l-premessa (80)) li l-istess riżultat ekonomiku tal-injezzjoni ta’ kapital seta’ jinkiseb permezz ta’ emendi leġiżlattivi, jiġifieri billi jiġi mmodifikat ir-reġim tat-taxxa applikabbli għal WestSpiel.

(181)

Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument mhuwiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk l-injezzjoni ta’ kapital minn NRW.Bank fl-2015 tatx vantaġġ lil WestSpiel. Il-Kummissjoni tinnota li dan l-argument huwa biss wieħed ipotetiku li fil-prattika ma seħħx. Tabilħaqq, minkejja l-possibbiltà teoretika, l-Istat de facto ma għamilx użu minn dan il-perkors iżda minflok għażel li jżomm ir-reġim tat-taxxa applikabbli għal WestSpiel u rrikorra għat-twettiq ta’ injezzjoni ta’ kapital. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta aktar jekk kienx jeżisti vantaġġ għal WestSpiel fix-xenarju teoretiku ta’ emendi leġiżlattivi, għas-sempliċi raġuni li l-emendi leġiżlattivi fil-fatt ma seħħewx fil-prattika.

6.1.2.2.3.4.   L-allegat ħlas lura tal-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjoni taċita ta’ NRW jammonta għal ħlas lura estensiv tal-(allegata) għajnuna mill-Istat

(182)

Il-Ġermanja ssostni wkoll (ara l-premessa (81)) li l-ħlas lura tal-valur kontabilistiku tal-parteċipazzjoni taċita ta’ NRW minn WestSpiel lil NRW kien ikun ekwivalenti għal ħlas lura tal-(allegata) għajnuna mill-Istat, fil-każ li kienet teżisti tali għajnuna. F’dan is-sens, skont il-Ġermanja, il-prezz (ogħla) li l-offerent rebbieħ kien iħallas fil-proċess tal-offerti li kien għadu għaddej (dak iż-żmien) jirrifletti l-valur ogħla li kellha l-kumpanija, minħabba li kienet irċeviet għajnuna mill-Istat.

(183)

Il-Kummissjoni tinnota li l-possibbiltà teoretika (ikkontemplata qabel il-bejgħ ta’ WestSpiel f’Settembru 2021) li jinkiseb prezz ogħla fi proċess ta’ sejħa għall-offerti mhijiex biżżejjed biex teskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ derivat mill-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 jew tipprevjeni lill-benefiċjarju milli jkompli jkollu l-benefiċċju attwali tal-vantaġġ derivat minnha (79). Dan għaliex il-vantaġġ għandu jiġi vvalutat fil-mument meta tingħata l-għajnuna sabiex l-ipoteżi teoretika ta’ żieda fil-valur tal-impriża fil-futur tista’ tkun rilevanti, iżda l-fatt li l-parteċipazzjoni taċita tkun tħallset lura aktar tard ma huwiex.

(184)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-argument ma jittrattax l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat innifisha iżda pjuttost l-ammont ta’ għajnuna li jifdal li għandu jiġi rkuprat wara li ġie konkluż il-bejgħ ta’ WestSpiel u tħallas il-prezz tal-bejgħ.

–   Konklużjoni dwar il-vantaġġ

(185)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjoni ta’ kapital tagħti vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE lil WestSpiel.

6.1.2.2.4.   Selettività

(186)

Fir-rigward tal-kriterju ta’ selettività, hemm il-preżunzjoni li l-miżuri li qed jiġu vvalutati huma selettivi, peress li l-uniku benefiċjarju kien WestSpiel. Peress li, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda element li jista’ jirribatti din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri taħt valutazzjoni huma selettivi. Dan lanqas ma huwa kkontestat mill-Ġermanja.

6.1.2.2.5.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ

(187)

Fir-rigward tal-kriterju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tinnota li miżura mogħtija mill-Istat titqies li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni meta tkun tista’ ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompeti magħhom. Għall-iskopijiet prattiċi kollha, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE ġeneralment teżisti meta l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil impriża f’settur liberalizzat fejn ikun hemm, jew jista’ jkun hemm, il-kompetizzjoni (80). Fir-rigward tal-kriterju ta’ affettazzjoni tal-kummerċ intra-Unjoni, huwa bażi komuni li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda biss jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ. B’mod partikolari, il-Qrati tal-Unjoni ddeċidew li “fejn l-għajnuna finanzjarja mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li qed jikkompetu fil-kummerċ intra-[Unjoni], dawn tal-aħħar iridu jitqiesu li ġew affettwati mill-għajnuna” (81).

(188)

Kif spjegat fil-premessa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fehmiet tal-Ġermanja li l-miżuri taħt valutazzjoni ma setgħux ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fid-dawl tal-allegata pożizzjoni ta’ monopolju legali ta’ WestSpiel f’NRW. Filwaqt li l-Ġermanja targumenta li s-suq tal-każinojiet kien ikun magħluq għall-kompetizzjoni skont l-Artikoli 1 u 3 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) fil-perjodu rilevanti (mill-2009 sal-2015), jidher li WestSpiel kienet f’kompetizzjoni mas-swali tal-logħob tal-azzard ta’ operaturi privati (b’mod partikolari l-membri ta’ FSH), b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard ibbażati fuq il-magni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li kien hemm monopolju legali f’NRW li eskluda l-kompetizzjoni fis-suq u għas-suq. Fl-aħħar nett, minkejja l-kumment tal-Ġermanja fir-rigward tal-allegata attività illegali tal-fornituri online, u kif iddikjarat ukoll fil-premessa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-attivitajiet mhux relatati mal-logħob tal-azzard ta’ WestSpiel (bħal pereżempju l-operat ta’ bars u ristoranti fil-każinojiet), fi kwalunkwe każ, ma kinux soġġetti għal monopolju legali potenzjali u ġew eżerċitati f’kompetizzjoni ma’ kumpaniji oħra.

(189)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 x’aktarx taffettwa l-kummerċ intra-Unjoni u tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni.

–   Konklużjoni dwar l-injezzjoni ta’ kapital

(190)

Għalhekk, fir-rigward tal-injezzjoni ta’ kapital lil WestSpiel, il-Kummissjoni tikkonkludi mill-valutazzjoni ta’ hawn fuq li l-kriterji kumulattivi għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati u li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

6.1.3.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna

(191)

Fir-rigward tal-kopertura tat-telf annwali, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, peress li l-kriterji kumulattivi ta’ dak l-Artikolu diġà mhumiex preżenti għar-raġunijiet iddikjarati fit-taqsima 6.1.1 (l-ebda vantaġġ, l-ebda riżorsa tal-Istat u l-ebda imputabbiltà), u dan jagħmilha superfluwa li jiġu analizzati l-kriterji li jifdal tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(192)

Fir-rigward tal-allegata injezzjoni ta’ kapital tal-2015, il-Kummissjoni tikkonkludi li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, peress li l-kriterji kumulattivi ta’ dak l-Artikolu huma ssodisfati għar-raġunijiet iddikjarati fit-taqsima 6.1.2.

6.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(193)

L-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u, peress li ġiet żborżata bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat.

6.3.   Il-kompatibbiltà

(194)

Peress li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din il-miżura ta’ għajnuna tistax titqies kompatibbli mas-suq intern. Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE.

(195)

Il-Ġermanja ressqet żewġ bażijiet ta’ kompatibbiltà possibbli, jiġifieri (a) l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE – għajnuna għal-liberalizzazzjoni tas-suq (ara l-premessa (84)) u (b) il-Linji Gwida R&R (ara l-premessa (85)).

(196)

Fir-rigward tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-TFUE, ir-raġunament tal-kumpens għal-liberalizzazzjoni tas-suq imressaq mill-Ġermanja ma jistax jiġi aċċettat mill-Kummissjoni. Tabilħaqq, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li l-(allegat) ftuħ tas-suq kien ir-raġuni wara l-injezzjoni ta’ kapital. It-tieni, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq fi kwalunkwe każ ma ġiex liberalizzat – tabilħaqq, l-istruttura legali b’operatur wieħed li għandu liċenzja ta’ monopolju (li qabel kienet pubblika – iżda issa hija waħda privata wara x-xiri ta’ WestSpiel) għall-każinojiet fuq naħa waħda u l-operaturi privati tal-magni tal-logħob fuq in-naħa l-oħra, tibqa’ l-istess.

(197)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar, minkejja l-allegazzjoni tal-Ġermanja li rkupru possibbli tal-għajnuna jagħmel lil WestSpiel impriża f’diffikultà, il-Ġermanja ma provdiet l-ebda informazzjoni li turi li fil-mument li ngħataw il-miżuri, il-kumpanija kkwalifikat bħala impriża f’diffikultà u li r-rekwiżiti tal-Linji Gwida R&R ġew irrispettati. Id-dubji tal-Kummissjoni espressi fil-premessa 104 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li dawk ir-rekwiżiti ġew issodisfati, ma ġewx eliminati; tabilħaqq, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni li turi li l-injezzjoni ta’ kapital ingħatat fuq bażi mhux permanenti, abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturar approvat minn qabel, u b’kontribuzzjoni proprja adegwata għall-kostijiet tar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

(198)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna illegali mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja fil-forma tal-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

7.   L-IRKUPRU

(199)

F’konformità mat-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jbiddel jew jabolixxi l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (82). Il-Qrati tal-Unjoni ddeċidew ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi għajnuna meqjusa inkompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni huwa maħsub sabiex jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni eżistenti ta’ qabel (83).

(200)

F’dan il-kuntest, il-Qrati tal-Unjoni stabbilew li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk jirrinunzja l-vantaġġ li huwa kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq intern, u titreġġa’ lura s-sitwazzjoni li kien hemm qabel tħallset l-għajnuna (84).

(201)

F’konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1), l-ewwel sentenza, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (85) jiddikjara li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

(202)

Għalhekk, minħabba li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 inkwistjoni ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u għandha titqies bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, din għandha tiġi rkuprata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq intern qabel l-għoti tagħha.

(203)

L-ammont ta’ rkupru nominali jikkorrispondi għall-ammont tal-injezzjoni ta’ kapital (jiġifieri EUR 64,8 miljun). L-ammonti diġà mħallsa lura minn WestSpiel f’żewġ pagamenti parzjali wara x-xoljiment tat-8 ta’ Jannar 2021 tal-ftehim tas-sħubijataċita (ara n-nota 36 f’qiegħ il-paġna), jiġifieri (a) l-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 35 miljun (imħallas lura fid-19 ta’ Jannar 2021, ara l-premessa (90)) u (b) it-tieni pagament parzjali ta’ EUR 11 516 909 (imħallas lura fis-26 ta’ Lulju 2021, ara l-premessa (81)), b’kollox ammont ta’ EUR 46 516 909, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala rkupru parzjali, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Ġermanja (ara l-premessa (83)). Dan għaliex, anke bil-ħlas lura ta’ dan l-ammont, WestSpiel fil-fatt ma tilfitx il-vantaġġ reali li rċeviet bl-injezzjoni ta’ kapital fuq il-kompetituri tagħha.

(204)

Il-Kummissjoni tinnota li x-xoljiment tas-sħubija taċita fil-każ inkwistjoni ma jistax jiġi kkwalifikat bħala rkupru u ma għandu l-ebda effett fuq l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, peress li dan l-ammont fil-prinċipju ma jiddependix minn avvenimenti li jseħħu wara l-għoti tal-għajnuna.

(205)

Il-vantaġġ jirriżulta minn injezzjoni ta’ kapital, li ma ssirx f’kundizzjonijiet normali tas-suq. L-injezzjoni sħiħa ta’ kapital tikkostitwixxi l-ammont tal-vantaġġ. Jekk aktar tard jidher li, bis-saħħa ta’ żviluppi ulterjuri, l-investiment eventwalment kien profittabbli, ma jimmodifikax l-eżistenza tal-vantaġġ, u lanqas l-ammont tiegħu. Pereżempju, meta Stat Membru jwettaq dak l-investiment billi jixtri ishma ta’ kumpanija (li ma jinxtrawx minn investitur privat) u aktar tard ibigħ dawn l-ishma (anke jekk sadanittant il-prezz tagħhom ikun żdied), dan il-bejgħ ma jikkostitwixxix rimborż tal-għajnuna. Bl-istess mod, id-distribuzzjoni tad-dividendi lanqas ma tikkostitwixxi rkupru. L-istess analiżi tibqa’ valida għar-rimborż ta’ parteċipazzjoni.

(206)

F’termini oħra, l-iżviluppi ulterjuri konkreti li jseħħu b’rabta mal-ekwità jew mal-“parteċipazzjoni” huma fenomeni distinti, li ma għandhom l-ebda effett fuq l-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment. Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkonkludi li l-ħlas lura ma rrestawrax (lanqas parzjalment) is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq intern qabel ma tħallset l-għajnuna.

(207)

Kif imsemmi fil-premessa (29), minħabba r-riorganizzazzjoni tal-grupp WestSpiel, WestSpiel ġiet amalgamata ma’ WestSpiel GmbH. Wara l-bejgħ lill-Gauselmann Group, WestSpiel ingħatat isem ġdid u issa topera taħt l-isem “Merkur Spielbanken GmbH” (ara l-premessa (30)). Fil-każ ta’ fużjoni jew forma oħra ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, is-suċċessur legali tal-benefiċjarju oriġinali tal-għajnuna jrid jiġi identifikat u l-Istat Membru jrid jirkupra l-għajnuna mill-entità superstiti (86). WestSpiel GmbH hija s-suċċessur legali ta’ WestSpiel, li issa tissejjaħ “Merkur Spielbanken GmbH”. It-terminu “WestSpiel” jirreferi għal din l-entità fuża, u mbagħad mibjugħa (ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna), li minnha trid tiġi rkuprata l-għajnuna.

(208)

L-irkupru għandu jkopri ż-żmien mid-data meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, jiġifieri mill-15 ta’ Diċembru 2015 (ara l-premessa (130)) sal-irkupru effettiv. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkun bl-imgħax sal-irkupru effettiv.

8.   KLAWŻOLA TA’ INDENNIZZ

(209)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri ta’ WestSpiel jinvolvi dispożizzjonijiet li jammontaw għal klawżola ta’ indennizz kontra t-talbiet għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li għandha limitu massimu ta’ EUR 30 miljun (ara l-punt (D) tal-preambolu, l-Artikoli 7, 17.2, 19, 24, 28.3 sa 28.5 u 29 tal-Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri ta’ WestSpiel). Il-Kummissjoni tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li tali klawżoli jistgħu jiġu kkwalifikati bħala miżuri separati ta’ għajnuna mill-Istat per se, u l-eżerċizzju ta’ tali klawżoli jista’ jiġi kkwalifikat bħala ċirkomvenzjoni tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-benefiċjarju tal-klawżola huwa wkoll il-benefiċjarju tal-għajnuna.

(210)

Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li l-għan li l-Istat ikkonċernat jiġi obbligat li jabolixxi l-għajnuna, li l-Kummissjoni sabet li hija inkompatibbli mas-suq intern, huwa li tiġi restawrata s-sitwazzjoni preċedenti. Dak l-objettiv jintlaħaq ladarba l-għajnuna inkwistjoni, miżjuda jekk ikun il-każ b’imgħax ta’ inadempjenza, tkun tħallset lura mill-benefiċjarju. Bil-ħlas lura tal-għajnuna, il-benefiċjarju tal-għajnuna jitlef il-vantaġġ li kien gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi restawrata s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-għajnuna. Il-fatt li Stat Membru jitħalla jagħti għajnuna ekwivalenti għal dik tal-għajnuna illegali, intiża sabiex tinnewtralizza l-impatt tal-irkupru li l-benefiċjarji huma obbligati li jwettqu, iwassal b’mod ċar sabiex tiġi ostakolata l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni (87).

(211)

Il-klawżola ta’ indennizz, jekk tiġi applikata, se jkollha r-riżultat li tikkumpensa lil WestSpiel għall-għajnuna illegali u inkompatibbli li rċeviet. B’mod aktar speċifiku, WestSpiel se tkun obbligata, bis-saħħa ta’ din id-Deċiżjoni, li tħallas lura l-għajnuna inkompatibbli lill-Istat. Dan l-avveniment se jiskatta, wara li din id-Deċiżjoni ssir finali, il-klawżola ta’ indennizz, li tobbliga lill-Istat iħallas lil WestSpiel l-istess ammont li jkun irkupra b’limitu massimu ta’ EUR 30 miljun. L-implimentazzjoni ta’ klawżola bħal din tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli kif instab fid-Deċiżjoni preżenti minħabba li ma twassalx għal irkupru effettiv fil-forma ta’ restituzzjoni tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma tħallset l-għajnuna, li jmur kontra l-għan tagħha (88).

9.   KONKLUŻJONI

(212)

Il-Kummissjoni ssib li l-Ġermanja implimentat l-għajnuna b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(213)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern u trid tiġi rkuprata mingħand WestSpiel flimkien mal-imgħax ta’ rkupru,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-allegata miżura li tikkonċerna l-kopertura tat-telf annwali, li l-Ġermanja implimentat, ma tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

L-injezzjoni ta’ kapital tal-2015 ta’ EUR 64,8 miljun, implimentata illegalment mill-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.   Il-Ġermanja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2 mingħand WestSpiel, li ġiet amalgamata ma’ WestSpiel GmbH u issa tissejjaħ “Merkur Spielbanken NRW GmbH”.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ WestSpiel sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li WestSpiel ma tirċievi l-ebda kumpens għall-ammonti soġġetti għal din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, WestSpiel ma għandhiex tirċievi, direttament jew indirettament, mill-Ġermanja l-ebda ammont dovut għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ indennizz tal-Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri ta’ WestSpiel.

(4)   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (89).

Artikolu 4

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

(2)   Il-Ġermanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien 4 xhur wara d-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 5

(1)   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lil-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand WestSpiel;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li WestSpiel ġiet ordnata tħallas lura l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2.

(2)   Il-Ġermanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2. Fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, il-Ġermanja għandha immedjatament tissottometti informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand WestSpiel. Il-Ġermanja għandha tirrapporta wkoll lill-Kummissjoni dwar jekk u b’liema mod ġiet applikata l-klawżola ta’ indennizz imsemmija fil-premessa (209).

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU C 59, 21.2.2020, p. 14.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.48580 (2017/FC) — Allegata għajnuna lil WestSpiel (ĠU C 59, 21.2.2020, p. 14).

(3)  F’NRW, l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard offruti fil-każinojiet huma soġġetti għall-att dwar il-logħob tal-azzard NRW (Gesetz über die Zulassung öffentlicher Spielbanken im Land Nordrhein-Westfalen, Spielbankgesetz NRW, “SpielbG NRW”). Wara li ngħataw il-miżuri, SpielbG NRW ġie emendat bl-Artikolu 35, it-taqsima 2 tal-liġi tad-29 ta’ Mejju 2020; GV. NRW. Ausgabe 2020 Nr. 19 vom 2.6.2020 Seite 357 bis 380 | RECHT.NRW.DE.

(4)  WestSpiel GmbH ma kkontribwietx għall-kapital ta’ WestSpiel u għalhekk ma kellha l-ebda sehem fil-kapital. Bħala soċju solidali (mingħajr kontribuzzjoni kapitali), WestSpiel GmbH kienet responsabbli għall-ġestjoni tan-negozju ta’ WestSpiel. Barra minn hekk, WestSpiel GmbH kienet is-soċju solidali ta’ Casino Duisburg GmbH & Co. KG, dik li qabel kienet 100 % sussidjarja ta’ WestSpiel, mingħajr ebda sehem ta’ kapital, u bħala tali responsabbli wkoll għall-ġestjoni tan-negozju ta’ Casino Duisburg GmbH & Co. KG. WestSpiel GmbH ma wettqet l-ebda attività operattiva.

(5)   https://igamingbusiness.com/nordrhein-westfalen-launches-westspiel-privatisation-tender/.

(6)  Skont is-sottomissjoni tal-Ġermanja tal-4 ta’ April 2022, il-bejgħ ta’ WestSpiel kien negozju ta’ ishma u mhux negozju ta’ assi. L-ishma ta’ WestSpiel inbiegħu lill-Gauselmann Group għal prezz ta’ EUR 141,8 miljun. Il-Ġermanja ċċarat ukoll li l-Ftehim tax-Xiri tal-Ishma jipprevedi tnaqqis potenzjali (futur) fil-prezz tax-xiri bl-ammont ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat irkuprata, sa massimu ta’ EUR 30 miljun, li għandu jitħallas lil WestSpiel fil-każ ta’ rkupru legalment vinkolanti tal-għajnuna mill-Istat; dawn il-kundizzjonijiet tħabbru minn qabel u ġew offruti bl-istess mod lill-offerenti kollha interessati fix-xiri tal-ishma ta’ WestSpiel.

(7)  It-terminu “WestSpiel” definit fil-premessa (1) hawn fuq jirreferi wkoll għall-entità fuża, u mbagħad mibjugħa.

(8)   https://www.waz.de/wirtschaft/gauselmann-gruppe-uebernimmt-westspiel-casinos-in-nrw-id232845809.html.

(9)  Ara d-data tal-entità fir-reġistru kummerċjali kompetenti (Portal tar-reġistru | Paġna ewlenija).

(10)  Il-kwistjoni dwar jekk it-trattament fiskali differenzjat ta’ WestSpiel jinvolvix fih innifsu għajnuna mill-Istat illegali hija s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8819 final tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44944 (2019/C) (ex 2019/FC) u SA.53552 (2019/C) (ex 2019/FC) — Trattament fiskali tal-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja u l-garanzija Allegata għall-operaturi tal-casinos pubbliċi fil-Ġermanja (ĠU C 187, 5.6.2020, p. 80). Id-Deċiżjoni ġiet appellata fil-kawża T-510/20; il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-appell fid-digriet tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2021, Fachverband Spielhallen u LM vs Il-Kummissjoni, T-510/20, ECLI:EU:T:2021:745. Id-digriet tal-Qorti Ġenerali ġie appellat fil-Kawża C-831/21 P.

(11)  Din kienet il-verżjoni ta’ SpielbG NRW tat-13 ta’ Novembru 2012 (GV. NRW. S. 524, 530; SpielbG NRW 2012, NW - Spielbankgesetz NRW - Gesetze des Bundes und der Länder (lexsoft.de)) qabel l-emenda bl-Artikolu 35, it-taqsima 2 tal-liġi tad-29 ta’ Mejju 2020.

(12)  Iċ-ċifri ma jqisux il-kumpens tat-telf miksub mil-likwidazzjoni (parzjali) ta’ fond tar-riskju għal WestSpiel maħluq biex ikopri riskji ġenerali u speċjali tal-logħob tal-azzard li ma jistgħux jiġu assigurati. Il-ħolqien tal-fond huwa bbażat fuq il-liċenzja qafas tal-Ministeru tal-Intern u l-Affarijiet Muniċipali ta’ NRW biex jopera l-każinojiet f’NRW u fuq l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ WestSpiel. Skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni, WestSpiel kellha toħloq il-fond tar-riskju hi stess. Fil-karta tal-bilanċ, il-fond tar-riskju huwa entrata speċjali fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet bejn l-ekwità u r-riżervi.

(13)  Iċ-ċifri jqisu l-kumpens tat-telf miksub mil-likwidazzjoni (parzjali) tal-fond tar-riskju, kif ukoll l-iddebitar tat-telf fuq il-parteċipazzjoni taċita ta’ NRW.BANK fl-2015.

(14)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/111/oj).

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(16)  Ara l-paġna 10 tar-Rapport [IBR].

(17)  Ara d-Deċiżjoni C(2019) 8819 final, https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases1/202023/283549_2161703_113_2.pdf.

(18)  Ara l-Artikolu 167 tal-HGB flimkien mal-Artikolu 120 tal-HGB (verżjoni tal-HGB ta’ qabel l-emenda tal-1 ta’ Jannar 2024 bit-taqsima 34(4) tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2023, BGBl. 2023 I Nru 411) (il-“verżjoni antika”).

(19)  Ara l-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(20)  Ara l-premessa 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(21)  Ara l-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(22)  L-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ WestSpiel (2007) ġie abbozzat mill-ġdid u daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Jannar 2016. Il-Ġermanja tipprovdi elementi addizzjonali li jikkonfermaw li la fis-snin ta’ qabel l-emenda tal-istatut ta’ assoċjazzjoni fl-2016 u lanqas wara ma kien hemm xi trasferiment ta’ riżorsi finanzjarji jew likwidità mis-soċju akkomandanti meta ġie allokat it-telf. Fir-rigward tal-passi li kellhom jiġu segwiti biex jiġi allokat it-telf annwali, ma kien hemm l-ebda differenza bejn l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-2007 u dak tal-2016. Dawn ġew allokati proporzjonalment mas-sehem tal-kapital (proprjetà ta’ NRW permezz tal-parteċipazzjoni taċita u ta’ NRW.BANK). Barra minn hekk, il-ftehim ta’ parteċipazzjoni taċita ppreveda li ma setax jiġi xolt unilateralment minn waħda mill-partijiet. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-premessa 66 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għal telf iġġenerat fis-snin sussegwenti (jiġifieri wara l-2015, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-2016) u (preżumibbilment) imposti fuq il-kontijiet kapitali ta’ NRW.BANK u NRW (fir-rwol tagħha bħala fiduċjarju wara s-sħubija taċita ta’ NRW.BANK f’WestSpiel).

(23)  L-Artikolu 131 tal-HGB issa huwa l-Artikolu 140 tal-HGB wara l-emenda tal-1 ta’ Jannar 2024.

(24)  L-Artikolu 145 tal-HGB issa huwa l-Artikolu 143 tal-HGB wara l-emenda tal-1 ta’ Jannar 2024.

(25)  Lewwel sentenza tal-Artikolu 149 tal-HGB issa hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 148(2) u tal-Artikolu 148(5) tal-HGB wara l-emenda tal-1 ta’ Jannar 2024.

(26)  L-Artikolu 155(1) tal-HGB issa huwa l-Artikolu 148(8) tal-HGB wara l-emenda tal-1 ta’ Jannar 2024.

(27)  L-Artikolu 167(3) tal-HGB issa huwa limitat għall-Artikolu 167 tal-HGB wara l-emenda tal-1 ta’ Jannar 2024.

(28)  Bħala eżempju, fil-Laqgħa tal-Garanti ta’ NRW.BANK tat-13 ta’ Marzu 2014, ġiet ifformulata riżerva espliċita li tgħid li l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti huwa miftiehem biss jekk il-fondi meħtieġa jistgħu jintużaw minn WestSpiel, jiġifieri huma disponibbli għaliha fuq bażi permanenti.

(29)  Iżda potenzjalment anke l-Artikoli 12 u 13 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika), jiġifieri t-taxxi fuq id-dħul gross tal-logħob tal-azzard ta’ WestSpiel, jekk tiġi applikata “perspettiva usa’” (li tħares lejn il-qafas fiskali ġenerali).

(30)  Il-Ġermanja tispjega li flimkien mal-iskimming tal-profitt, l-injezzjoni ta’ kapital wasslet għal profitt globali ta’ EUR 17,2 miljun għall-Istat, li huwa ogħla minn profitt ta’ EUR 0 fix-xenarju kontrofattwali, jiġifieri fin-nuqqas ta’ injezzjoni ta’ kapital. Fi kliem ieħor, billi rċieva EUR 82 miljun mingħand WestSpiel fl-2014 (skont l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika)) u injetta fiha biss EUR 64,8 miljun fl-2015, l-Istat żamm b’kollox EUR 17,2 miljun, li huwa aħjar minn 0 fix-xenarju kontrofattwali. Skont il-Ġermanja, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-paragrafi 78 et seq. u 88 et seq. tad-deċiżjoni tal-ftuħ li tali “kalkolu nett” kien inammissibbli, peress li l-iskimming tal-profitt skont l-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) kien “parti integrali mir-reġim fiskali u regolatorju speċifiku ta’ SpielbG NRW li l-Istat applika esklużivament għal WestSpiel” ma kienx konformi mal-ġurisprudenza. Il-Ġermanja tispjega wkoll li s-sempliċi fatt li obbligu ta’ pagament huwa “parti minn reġim fiskali u regolatorju speċifiku” ma jistax iwassal biex dan l-obbligu ta’ pagament jitqies b’mod iżolat mit-totalità ekonomika tal-“bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti, skimming tal-profitt u injezzjoni mill-ġdid”. Din il-fehma kienet appoġġata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2019, T-865/16, ECLI:EU:T:2019:113.

(31)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318.

(32)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2016, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-143/12, ECLI:EU:T:2016:406, il-punt 143 et seq.; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-157/01, ECLI:EU:T:2004:76, il-punt 57; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse vs Sotacarbo, il-Kawża C-237/04, ECLI:EU:C:2006:197, il-punti 42 sa 48.

(33)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-81/10 P, ECLI:EU:C:2011:811, il-punt 42 et seq.; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2009, France Télécom u oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-427/04 u T-17/05, ECLI:EU:T:2009:474, il-punt 207 et seq.; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani u oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-254/00, T-270/00 u T-277/00, ECLI:EU:T:2008:537, il-punti 185, 187 u 189; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, Hotel Cipriani u oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, ECLI:EU:C:2011:368, il-punti 89, 97 u 100.

(34)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, il-Kawża 30-59, ECLI:EU:C:1961:2, il-punti 3 u 43; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España vs Ayuntamiento de Valencia, il-Kawża C-387/92, ECLI:EU:C:1994:100, il-punti 12 u 13; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade vs Altiforni e Fernere di Servóla, il-Kawża C-200/97, ECLI:EU:C:1998:579, il-punt 34; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline vs Finanzlandesdirektion für Kärnten, C-143/99, ECLI:EU:C:2001:598, il-punt 3; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Wolfgang Heiser vs Finanzamt Innsbruck, il-Kawża C-172/03, ECLI:EU:C:2005:130, il-punt 36; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-270/15, ECLI:EU:C:2016:489, il-punti 34 sa 36.

(35)  Kif spjegat fil-premessa (30), sadanittant WestSpiel inbiegħet, f’Settembru 2021.

(36)  Fit-tweġiba tagħha tal-4 ta’ April 2022, il-Ġermanja spjegat kif ġie ddeterminat l-ammont ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ ħlasijiet lura. Huma spjegaw dan li ġej.

—

Il-parteċipazzjoni taċita ġiet xolta mit-8 ta’ Jannar 2021 bl-iffirmar tal-ftehim ta’ xoljiment fl-4 ta’ Jannar 2021.

—

Skont l-Artikoli 12.1 sa 12.3 tal-ftehim ta’ sħubija taċita, is-sieħeb taċitu kellu dritt għal pagament ta’ kumpens b’riżultat tax-xoljiment reċiproku tas-sħubija taċita jew b’riżultat ta’ kwalunkwe terminazzjoni tas-sħubija taċita mis-sieħeb taċitu.

—

Skont l-Artikolu 12.2, l-ewwel u t-tieni sentenza, u l-Artikolu 12.3, l-ewwel sentenza, tal-ftehim ta’ sħubija taċita, l-ammont totali tal-pagament ta’ kumpens kien jikkorrispondi għall-valur kontabilistiku tas-sieħeb taċitu mill-31 ta’ Diċembru 2020. F’konformità mal-ftehim, il-valur kontabilistiku fil-31 ta’ Diċembru 2020 ġie kkalkulat bħala l-bilanċ tal-kont tal-kontribuzzjoni, il-kont tas-self u l-kont tat-telf tas-sħubija taċita kif muri fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali awditjati u ċċertifikati tal-kumpanija fil-31 ta’ Diċembru 2020. Għaldaqstant, is-sħubija taċita xorta pparteċipat fir-riżultat annwali tal-2020.

—

Peress li r-rapporti finanzjarji annwali awditjati għas-sena finanzjarja 2020 kienu għadhom ma kinux disponibbli fiż-żmien meta ġie ffirmat il-ftehim ta’ xoljiment f’Jannar 2021 u għalhekk ma kienx għadu possibbli li ssir determinazzjoni vinkolanti sigura u finali tal-ammont ta’ kumpens, iż-żewġ partijiet qablu fil-ftehim ta’ xoljiment dwar il-ħlas lura f’żewġ pagamenti parzjali.

—

L-ewwel pagament parzjali ġie stabbilit għal ammont ta’ EUR 35 miljun b’tali mod li, abbażi tal-estimu preliminari tar-riżultat annwali għas-sena finanzjarja 2020, li skont il-Ġermanja kienet għadha soġġetta għal inċertezzi, jiġi evitat pagament żejjed bi probabbiltà li tmiss maċ-ċertezza.

—

It-tieni u l-aħħar pagament parzjali ġie stabbilit għall-ammont tad-differenza bejn il-valur kontabilistiku tas-sħubija taċita skont ir-rapporti finanzjarji annwali fil-31 ta’ Diċembru 2020, li finalment ġew awditjati fl-20 ta’ April 2021, u l-ammont tal-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 35 miljun. Il-valur kontabilistiku tas-sħubija taċita fir-rapporti finanzjarji awditjati fil-31 ta’ Diċembru 2020 finalment ammonta għal EUR 46 516 909. It-tieni pagament parzjali għalhekk kien ta’ EUR 11 516 909.

(37)   “ ... Kif irrimarkaw l-ilmentaturi, mid-dikjarazzjonijiet fir-rapport annwali tal-2014 ta’ WestSpiel jidher li WestSpiel stess qieset il-kompetizzjoni mal-operaturi tal-logħob tal-azzard kummerċjali u l-logħob tal-azzard online bħala r-raġuni prinċipali għat-telf iġġenerat minn WestSpiel f’dik is-sena …”.[…].

(38)  Ara pereżempju l-premessi 487 u 583 u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6849 final tal-1 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża SA.14093 - miżuri implimentati mill-Belġju favur Brussels South Charleroi Airport u Ryanair (ĠU L 325, 30.11.2016, p. 63); il-premessi 190, 191 u 257 u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5084 final tat-23 ta’ Lulju 2014 fil-Kawżi SA.19880 u SA.32576 – Flughafen Weeze/Niederrhein und Flughafen Niederrhein GmbH (ĠU L 269, 15.10.2015, p. 1); il-premessa 120 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/613/KE tat-8 ta’ April 2009 dwar il-miżuri implimentati mir-Renju Unit favur Royal Mail (ĠU L 210, 14.8.2009, p. 16); il-premessa 139 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 6836 final tal-20 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża SA.34402 dwar il-miżura implimentata mill-Ġermanja għal Hochschul-Informations-System GmbH (ĠU L 74, 11.3.2020, p. 22); u b’mod partikolari f’każijiet ta’ privatizzazzjoni, il-premessa 102 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/722/KE tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Greċja qed tippjana li tagħti fir-rigward tal-iskema ta’ rtirar volontarju kmieni tal-OTE (ĠU L 243, 11.9.2008, p.7).

(39)  Ara l-premessa 307 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/765/KE tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar l-għajnuna Nru C 7/06 (ex NN 83/05) implimentata mill-Finlandja għal Tieliikelaitos/Destia (ĠU L 270, 10.10.2008, p. 1).

(40)  Ara l-premessa 157 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1834 final tal-21 ta’ Marzu 2012 dwar il-miżura SA.31479 (2011/C) (ex 2011/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta għal Royal Mail Group (ĠU L 279, 12.10.2012, p. 40).

(41)  Il-miżuri jikkontribwixxu għall-kisba ta’ objettiv ta’ interess komuni, jiġifieri l-privatizzazzjoni u b’hekk il-ftuħ tas-suq tas-settur tal-każinojiet f’NRW.

(42)  Il-passi meħuda f’dan il-każ, jiġifieri l-injezzjoni ta’ kapital sabiex jiġi kkumpensat l-iżvantaġġ strutturali, huma stadji importanti fl-adattament tal-impriża għal-liberalizzazzjoni progressiva fis-settur tal-każinojiet f’North Rhine-Westphalia. Minħabba l-miżuri, l-investituri privati se jkunu inklinati li jakkwistaw WestSpiel u dan se jwassal għall-privatizzazzjoni tagħha. Għalhekk, il-miżuri huma meħtieġa għall-kisba tal-privatizzazzjoni ta’ WestSpiel u għall-ftuħ tas-suq fis-settur tal-każinojiet.

(43)  Il-miżuri għandhom l-għan biss li jikkumpensaw għall-iżvantaġġ kompetittiv tal-kumpanija tal-Istat meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Il-Ġermanja spjegat li l-piż tat-taxxa ta’ WestSpiel ivarja b’mod sinifikanti mill-qafas tat-taxxa għall-kumpaniji privati attivi fis-settur globali tal-logħob tal-azzard, u l-miżuri inkwistjoni ma wasslu għall-ebda “kumpens żejjed”. Il-paragun tal-piż tat-taxxa juri li, fil-perjodu rilevanti mill-2006, il-piż tat-taxxa ta’ WestSpiel kien fi 13 minn 14-il sena notevolment ogħla milli kien ikun taħt tassazzjoni normali tal-kumpaniji. Fil-perjodu mill-2009 sal-2013 biss, North Rhine-Westphalia kienet kapaċi tiġbor total ta’ EUR 253,2 miljun mill-imposti skont l-Artikoli 12 sa 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe intervent mill-Istat, il-kumpanija ma tkunx tista’ tikkompeti fuq il-merti tagħha mal-kompetituri tagħha.

(44)  Il-Ġermanja tispjega li l-Kummissjoni approvat għajnuna f’każijiet simili, eż. id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/345/KE tal-24 ta’ Frar 2004 dwar l-għajnuna għar-ristrutturar implimentata mill-Ġermanja għal Bankgesellschaft Berlin AG (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1).

(45)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI u Oħrajn, il-Kawża C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-punt 60; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs il-Kummissjoni, il-Kawża C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-punt 41.

(46)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-punt 13.

(47)  It-terminu “interventi mill-Istat” ma jirreferix biss għal azzjonijiet pożittivi mill-Istat iżda jkopri wkoll il-fatt li l-awtoritajiet ma jieħdux miżuri f’ċerti ċirkostanzi, pereżempju biex jinfurzaw id-djun. Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-480/98, ECLI:EU:C:2000:559, il-punti 19 u 20.

(48)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-punt 13.

(49)  Ara l-premessa 69 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/339/KE tal-15 ta’ Ottubru 2003 dwar il-miżuri implimentati mill-Italja għal RAI SpA (ĠU L 119, 23.4.2004, p. 1); l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Fennelly tas-26 ta’ Novembru 1998, Franza vs il-Kummissjoni, C-251/97, ECLI:EU:C:1998:572, il-punt 26.

(50)  Ara l-Artikolu 12 ta’ SpielbG NRW, introdott mill-Gesetz des Landes Nordrhein-Westfalen zum Staatsvertrag zum Glücksspielwesen in Deutschland tat-30 ta’ Ottubru 2007; GV. NRW. Ausgabe 2007 Nr. 24 vom 14.11.2007 Seite 441 bis 460 | RECHT.NRW.DE.

(51)  Ara l-Artikolu 12 ta’ SpielbG NRW, kif emendat bl-Artikolu 3 tal-Gesetz zum Ersten Staatsvertrag zur Änderung des Staatsvertrages zum Glücksspielwesen in Deutschland (Erster Glücksspieländerungsstaatsvertrag - Erster GlüÄndStV); GV. NRW. Ausgabe 2012 Nr. 29 vom 22.11.2012 Seite 523 bis 546 | RECHT.NRW.DE.

(52)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 632 final tat-23 ta’ Frar 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.20255 C 58/06 (ex NN 98/05) implimentata mill-Ġermanja għal Bahnen der Stadt Monheim (BSM) u Rheinische Bahngesellschaft (RBG) fil-Verkehrsverbund Rhein-Ruhr (ĠU L 210, 17.8.2011, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 3899 tal-15 ta’ Ġunju 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31296 (N 322/2010) – il-Ġermanja – Kommunale Wasserwerke Leipzig GmbH (ĠU C 1, 4.1.2013, p. 2); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 2781 final tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.55744 (2024/C) (ex 2019/FC) – Allegata għajnuna lil WestVerkehr (ĠU C, C/2024/4762, 30.7.2024, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 639 final tal-31 ta’ Jannar 2022 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.50952 (2022/C) (ex 2018/FC) – Allegati miżuri ta’ għajnuna mill-Istat favur DB Cargo (ĠU C 316, 18.8.2022, p. 20). Din il-prattika hija appoġġata wkoll mill-Artikolu 302(1) tal-AktG, li jipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà ta’ kopertura tat-telf annwali mill-parti l-oħra ta’ ftehim ta’ kontroll jew ta’ trasferiment ta’ profitt.

(53)  Abbażi tal-Artikolu 14 ta’ SpielbG NRW (verżjoni antika) (ara l-premessa (32)), li kien jirrikjedi li WestSpiel tittrasferixxi 75 % tal-profitti annwali globali tagħha, u b’hekk ammont ta’ madwar EUR 82 miljun wara l-bejgħ ta’ żewġ xogħlijiet tal-arti, lil NRW.

(54)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov u Oħrajn, il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428, il-punt 74; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn, il-Kawża C-222/04, ECLI: EU: C 2006:8, il-punt 107.

(55)  Ara l-premessi 6 u 7 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).

(56)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 1978, Van Tiggele, il-Kawża C-82/77, ECLI:EU:C:1978:10, il-punti 25 u 26; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-358/94, ECLI:EU:T:1996:194, il-punt 63.

(57)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-358/94, ECLI:EU:T:1996:194, il-punt 56.

(58)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-248/84, ECLI:EU:C:1987:437, il-punt17; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2002, Territorio Histórico de Álava u Oħrajn vs il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-92/00 u 103/00, ECLI:EU:T:2002:61, il-punt 57.

(59)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-358/94, ECLI:EU:T:1996:194, il-punti 58 sa 62.

(60)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), il-Kawża C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punt 38; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-278/00, ECLI:EU:C:2004:239, il-punti 53 u 54; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda C-328/99 u C-399/00, ECLI:EU:C:2003:252, il-punti 33 u 34.

(61)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI u Oħrajn, il-Kawża C-39/94, CLI:EU:C:1996:285, il-punti 62.

(62)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), il-Kawża C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punti 36 u 37.

(63)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), il-Kawża C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punt 52.

(64)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), il-Kawża C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-442/03, ECLI:EU:T:2008:228, il-punti 93 sa 100.

(65)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), il-Kawża C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punt 55.

(66)  Ara r-rapport finanzjarju ta’ NRW.BANK tal-2015, il-paġni 7 - 23.

(67)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-punt 13.

(68)  Il-Ġermanja tispjega li l-injezzjoni ta’ kapital kienet konformi mal-MEIP bħala miżura awtonoma.

(69)  Il-Ġermanja targumenta li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-EDF, hija tista’ tinkludi d-dħul futur ogħla mit-taxxa fil-valutazzjoni. Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li l-injezzjoni ta’ kapital kienet tkun meħtieġa biex terġa’ tinkiseb il-profittabbiltà ta’ WestSpiel u b’hekk jinżamm il-kapital diġà investit fil-kumpanija.

(70)  B’mod partikolari, ma hemm l-ebda referenza għall-iżvilupp tal-GGR annwali.

(71)  Ir-Rapport [IBR] huwa bbażat ukoll fuq l-informazzjoni kummerċjali ta’ WestSpiel għas-snin 2013 u 2014, ara l-paġna 114 tar-Rapport [IBR].

(72)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, il-Kawża C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318.

(73)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhversbank, il-Kawża C-579/16 P, EU:C:2018:159, il-punt 55; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, il-Kawża C-124/10 P, EU:C:2012:318, il-punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland u oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda C-214/12 P, C-215/12 P u C-223/12 P, EU:C:2013:682, il-punt 52.

(74)  Taxxi ġġenerati mill-injezzjoni ta’ kapital mill-baġit tal-Istat ta’ NRW.

(75)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u SACE BT vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-305/13, ECLI:EU:T:2015:435, il-punti 178 sa 180.

(76)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-157/01, ECLI:EU:T:2004:76, il-punt 57.

(77)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-211/15 P, ECLI:EU:C:2016:798, il-punti 22 sa 34.

(78)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, il-Kawża C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415.

(79)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-357/14 P, ECLI:EU:C:2015:642, il-punt 116.

(80)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa 607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, ECLI:EU:T:2000:151, il-punt i 141 sa 147; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, il-Kawża ECLI:EU:C:2003:415.

(81)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, il-Kawża C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punt 66; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert u Oħrajn, il-Kawżi Magħquda C-197/11 u C-203/11, ECLI:EU:C:2013:288, il-punt 77; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ April 2001, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-288/97, ECLI:EU:T:2001:115, il-punt 41.

(82)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-Kawża 70-72, ECLI:EU:C:1973:87, il-punt 13.

(83)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-punt 66.

(84)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-75/97, ECLI:EU:C:1999:311, il-punti 64 u 65.

(85)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj).

(86)  Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il-Kummissjoni, C-127/16 P, ECLI:EU:C:2018:165.

(87)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, il-Kawża C-110/02, ECLI:EU:C:2004:395, il-unti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċitata.

(88)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, il-Kawża C-610/10, ECLI:EU:C:2012:781, il-punt 105.

(89)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/794/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/906/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)