IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2024
COM(2024) 212 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili - Tisħiħ tat-tħejjija tal-UE għall-emerġenzi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.5.2024
COM(2024) 212 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-evalwazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili - Tisħiħ tat-tħejjija tal-UE għall-emerġenzi
Werrej
1. Introduzzjoni – l-UCPM, isaħħaħ it-tħejjija tal-UE
2. L-għoti ta’ riżultati minkejja l-isfidi. Theddid emerġenti fuq l-orizzont
3. Sejbiet tal-evalwazzjoni – l-UCPM jopera f’xenarju ta’ riskju li qed jinbidel
4. Inħarsu ’l quddiem – Nitgħallmu mill-passat biex insaħħu l-kapaċità tal-UE li tiffaċċja l-kriżijiet
5. Konklużjoni
1.Introduzzjoni – l-UCPM, isaħħaħ it-tħejjija tal-UE
Wara diżastru, il-protezzjoni ċivili 1 hija essenzjali għall-popolazzjonijiet milquta. Meta kriżi tegħleb il-kapaċità ta’ pajjiż wieħed, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (Union Civil Protection Mechanism, “UCPM”) 2 huwa s-sinsla operazzjonali, li tiffaċilita r-rispons kollettiv tal-Ewropa, kemm fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom.
Filwaqt li fil-perjodu evalwat 2017-2022 ġew skattati aktar minn 500 attivazzjoni tal-UCPM, l-UCPM intalab jieħu azzjoni f’aktar minn 320 3 okkażjoni fil-perjodu bejn l-2020 u l-2022 biss, li jirrappreżenta żieda ta’ ħames darbiet meta mqabbla mal-medja tad-deċennju preċedenti. Din ix-xejra ta’ titjib tenfasizza l-importanza dejjem tikber tal-UCPM fit-tisħiħ tat-tħejjija ta’ emerġenza tal-Unjoni fil-livelli kollha.
Fl-2021, il-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba rrikonoxxa l-kontribuzzjonijiet eċċezzjonali tad-DĠ ECHO u tas-SEAE, li l-isforzi straordinarji tagħhom iffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun ċittadin tal-UE maqbuda madwar id-dinja matul il-pandemija tal-COVID-19.
Dan juri r-rwol ċentrali li għandhom l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE fi ħdan l-UCPM fl-appoġġ u l-ikkomplementar tal-azzjoni tal-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi. Essenzjalment, is-salvagwardja tas-soċjetà, in-natura u l-wirt kulturali tagħna tiddependi fuq il-kapaċità tagħna li nipprevjenu u nħejju għal diżastri futuri. Il-protezzjoni ċivili ma toperax b’mod iżolat; hija titlob sforzi kollaborattivi, tkissir tas-silos, u li naħdmu flimkien bħala Unjoni koeżiva biex insaħħu r-reżiljenza u t-tħejjija kollettivi tagħna.
Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-ħtiġijiet u l-isfidi li qed jevolvu li qed jiffaċċja x-xenarju tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa u tifformula rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ l-effettività fil-kontigwu tal-prevenzjoni u r-rispons tal-UCPM fil-ġestjoni tad-diżastri.
2.L-għoti ta’ riżultati minkejja l-isfidi. Theddid emerġenti fuq l-orizzont
Ix-xenarju tar-riskju tal-Ewropa qed jevolvi b’mod drammatiku. Illum, l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi multipli u simultanji u theddid ta’ natura li tvarja u kumplessità dejjem akbar. Iż-żieda fl-għadd ta’ kunflitti, diżastri kkawżati mill-bniedem u dawk naturali – inklużi avvenimenti estremi tat-temp – u n-natura dejjem tinbidel tar-riskji għas-sigurtà qed jisfidaw dejjem aktar l-istruttura tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri tal-UE u l-kapaċità tal-UCPM li jopera b’mod effettiv. Iż-żieda kostanti fl-għadd ta’ attivazzjonijiet tal-UCPM f’dawn l-aħħar snin tindika li din ix-xejra se tkompli.
Figura 1 - l-għadd u t-tipi ta’ attivazzjonijiet tal-UCPM
Il-graff (xellug) turi l-għadd dejjem jikber ta’ attivazzjonijiet tal-UCPM mill-2017 sal-2022. Il-bżieżaq (lemin) juru t-tipi ta’ kriżijiet li l-UCPM indirizza fl-istess perjodu ta’ żmien.
Il-ħames dimensjonijiet ewlenin deskritti hawn taħt juru dan ix-xenarju ta’ riskju li qed jevolvi u juru kif l-UCPM diġà juża l-kapaċità tiegħu li jadatta u s-sett sħiħ ta’ strumenti tiegħu biex jindirizza r-riskji f’dawn id-dimensjonijiet. Madankollu, ir-riskji li qed jevolvu huma mistennija li jkollhom impatt aktar sinifikanti fuq l-Ewropa fil-futur, u x’aktarx iżidu d-distakki fil-mod kif l-Ewropa tindirizza r-riskji.
2.1.Ġestjoni tal-Kumplessità: Reazzjonijiet Koordinati għal Kriżijiet Emerġenti
L-evalwazzjoni enfasizzat il-flessibbiltà notevoli tal-UCPM fl-adattament għall-isfidi li qed jevolvu 4 . L-aġġustamenti rapidi li saru fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu akkomodati l-għodod tad-DĠ ECHO ġew ikkwotati bħala eżempji ewlenin ta’ din il-flessibbiltà. F’dan ir-rigward, wara l-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda sinifikanti fil-kapaċità ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi mediċi taħt rescEU tqieset bħala kisba notevoli mill-maġġoranza impressjonanti tal-partijiet ikkonċernati 5 , kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.
Matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, sar evidenti li l-ERCC kellu rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili u tas-saħħa, kif ukoll bejn il-ministeri tal-Affarijiet Barranin fl-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti flimkien mas-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE. Barra minn hekk, flimkien mas-Segretarju Ġenerali, huwa ffaċilita l-koordinazzjoni bejn id-Direttorati tal-Kummissjoni Ewropea, is-SEAE, u l-Kunsill. Din il-kooperazzjoni transsettorjali kienet kruċjali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-COVID-19, inkluż l-għoti ta’ provvisti mediċi u appoġġ loġistiku għall-assistenza konsulari għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE maqbuda f’pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, l-approċċi innovattivi u l-adattabbiltà għal sitwazzjonijiet ġodda kienu fatturi ewlenin ta’ suċċess.
2.2.Sfidi Dinamiċi: Adattament tas-Sistemi tal-Immappjar tar-Riskju u ta’ Twissija Bikrija
Il-grupp fokali ddedikat ta’ xjenzati li jikkontribwixxu għall-Evalwazzjoni tal-UCPM identifika oqsma għal titjib biex tissaħħaħ l-effettività tas-Sistemi ta’ Twissija Bikrija (STB) fiż-żieda tat-tħejjija fil-livell nazzjonali u tal-UE. B’mod partikolari, STB tista’ tiġi riveduta biex:
1. Jiġi żgurat li l-informazzjoni tkun inqas frammentata madwar l-STB tal-UE u domestiċi: diversi partijiet ikkonċernati enfasizzaw l-isfida tal-ġestjoni ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni minn diversi sistemi, li jagħmilha diffiċli li jitwettqu valutazzjonijiet esperti fil-pront matul avvenimenti ewlenin. Barra minn hekk, STB fil-livell tal-UE tista’ tinfluwenza l-STB nazzjonali b’mod aktar sistematiku 6 ;
2. Tkopri aktar perikli: il-perikli koperti bl-aktar mod effettiv mis-sistemi ta’ twissija bikrija u ta’ monitoraġġ huma n-nirien fil-foresti, l-għargħar, u n-nixfiet, bis-saħħa ta’ monitoraġġ kważi f’ħin reali. Madankollu, il-monitoraġġ ta’ għargħar, emerġenzi tas-saħħa, u diżastri oħra kkawżati mill-bniedem jew antropoġeniċi jistgħu jittejbu u jsiru aktar effettivi 7 .
2.3.Reazzjonijiet urġenti: Il-mobilizzazzjoni tar-Riżorsi għal Diżastri Naturali Severi u Transfruntieri
Fis-sajf tal-2023 l-Ewropa ntlaqtet minn mewġiet ta’ sħana, nirien fil-foresti li kisru r-rekords, u għargħar katastrofiku. Dawn spiss seħħew b’mod simultanju, u jiffurmaw parti minn xejra usa’ ta’ klimatoloġija estrema. F’Lulju u Awwissu 2023, it-temperaturi globali laħqu livelli rekord, u qabżu l-limitu ta’ 1,5 °C stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi. Dan iservi bħala previżjoni tal-kundizzjonijiet potenzjali medji tas-sajf fil-futur jekk ma titteħidx azzjoni klimatika.
Is-sejbiet tal-Evalwazzjoni wrew li l-prepożizzjonament tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar fl-2021 kellu impatt pożittiv fuq l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-ħaddiema tat-tifi tan-nar fir-reġjuni affettwati min-nirien fil-foresti. Dan l-approċċ intlaqa’ tajjeb ukoll bħala għodda biex tissaħħaħ l-effettività tar-risponsi. Fl-2021, ħaddiema tat-tifi tan-nar kienu prepożizzjonati fil-Greċja biex jassistu fl-istaġun tan-nirien fil-foresti tas-sajf. Wara feedback pożittiv mill-Istati Membri u mill-Istat Parteċipanti, din l-inizjattiva ġiet imġedda, bi 11-il Stat Membru impenjati li jibagħtu kważi 450 ħaddiem tat-tifi tan-nar fi Franza, il-Greċja u l-Portugall bi tħejjija għall-istaġun tan-nirien fil-foresti li jmiss.
Barra minn hekk, l-Evalwazzjoni enfasizzat li maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati vvalutaw il-flessibbiltà tal-UCPM u, b’mod aktar kruċjali, il-kapaċità tiegħu li jadatta u jirreaġixxi malajr għal sitwazzjonijiet ġodda. L-introduzzjoni tar-riżerva rescEU, flimkien mad-deċiżjoni reċenti u fil-pront biex tiżdied il-flotta tal-ajru rescEU, ġiet ikkunsidrata bħala dimostrazzjoni notevoli tal-kapaċitajiet ta’ flessibbiltà u innovazzjoni tal-UCPM biex tibqa’ rilevanti. L-adattabbiltà tal-programm ta’ taħriġ tal-UCPM u tal-EU MODEX ġiet imfaħħra u meqjusa wkoll bħala evidenza tal-flessibbiltà tal-UCPM.
2.4.Riskji li qed jevolvu u theddid għas-sigurtà li jeħtieġu kapaċitajiet ta’ rispons imsaħħa
Ir-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wassal għall-akbar attivazzjoni tal-UCPM sal-lum, inklużi operazzjonijiet loġistiċi kumplessi. Fil-15 ta’ Frar 2022, l-Ukrajna attivat l-UCPM bi tħejjija għal emerġenza fuq skala kbira u aġġornat it-talba inizjali tagħha konsekuttivament. It-talbiet kienu jinkludu - fost l-oħrajn - provvisti mediċi, ikel, oġġetti ta’ kenn, tagħmir għat-tifi tan-nar, tagħmir tal-IT u tal-komunikazzjoni, apparat għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, kontromiżuri CBRN, u provvisti agrikoli.
L-ERCC appoġġa lill-Polonja, lir-Rumanija u lis-Slovakkja fl-istabbiliment ta’ ċentri loġistiċi 8 tal-UCPM fejn l-assistenza ġiet riċevuta, ikkonsolidata, u sussegwentement intbagħtet lejn l-Ukrajna. Barra minn hekk, b’reazzjoni għall-volum sinifikanti ta’ inkjesti minn kumpaniji privati wara l-kampanja “Stand for Ukraine” mill-Kummissjoni, ġie stabbilit proġett pilota fil-Belġju biex id-donazzjonijiet tas-settur privat jiġu diretti taħt rescEU.
Bi tweġiba għad-domanda dejjem akbar għal trattament mediku, il-Kummissjoni Ewropea (DĠ ECHO u DĠ SANTE) stabbiliet proċedura operattiva standard għall-evakwazzjoni medika (MEDEVAC) ta’ persuni spostati mill-Ukrajna. Il-Polonja, il-Moldova, is-Slovakkja u l-Ukrajna talbu appoġġ għal operazzjonijiet ta’ evakwazzjoni medika mill-pajjiżi rispettivi tagħhom lejn pajjiżi Ewropej oħra b’kapaċità disponibbli tal-isptarijiet.
Barra minn hekk, l-inizjattiva għall-bini tax-xenarji 9 għandha l-għan li tipprovdi evidenza komprensiva għal aktar titjib taħt l-UCPM biex jiġu indirizzati l-isfidi antiċipati fix-xenarju tar-riskju tal-Ewropa li qed jevolvi, inklużi l-effetti kaskata tat-theddid għas-sigurtà, li jistgħu jwasslu għal probabbiltà akbar ta’ diżastri b’impatt għoli, transsettorjali u multinazzjonali. Essenzjalment, ix-xenarji jsaħħu l-każ għal riżorsi addizzjonali, adattamenti għall-funzjonament eżistenti tal-UCPM matul iċ-ċiklu kollu ta’ ġestjoni ta’ emerġenza, u modifiki relatati mal-qafas legali tal-UCPM.
2.5.Protezzjoni ta’ persuni Vulnerabbli: L-Indirizzar tal-Impatt tad-Diżastri fuq il-Gruppi Vulnerabbli
Ir-riskji klimatiċi jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-popolazzjonijiet vulnerabbli minħabba fatturi soċjoekonomiċi bħall-introjtu, il-ġeneru, l-età, id-diżabilità, is-saħħa, u l-esklużjoni soċjali, bi żvantaġġi preeżistenti li jkomplu jfixklu l-kapaċità tal-gruppi vulnerabbli li jirkupraw minn diżastri 10 . Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u sesswali, id-diskors ta’ mibegħda, u l-ksenofobija ġew dokumentati mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
F’dan l-isfond u fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “l-Għanijiet tal-Unjoni għar-Reżiljenza għad-Diżastri” 11 , il-Kummissjoni rrakkomandat il-kunsiderazzjoni sistematika tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi individwi b’diżabilità u tfal, fi ħdan sistemi nazzjonali ta’ twissija bikrija.
3.Sejbiet tal-evalwazzjoni – l-UCPM jopera f’xenarju ta’ riskju li qed jinbidel
Ir-realtà l-ġdida tal-ġestjoni tal-emerġenzi deskritta hawn fuq ipprovdiet bosta opportunitajiet għall-UCPM biex juri l-effiċjenza u l-effettività tiegħu bħala strument ta’ emerġenza li jista’ jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea għal kriżijiet kumplessi, dejjiema u xi kultant konkorrenti. Is-sejbiet ewlenin tal-prestazzjoni tal-UCPM fil-perjodu 2017-2022 jenfasizzaw din il-valutazzjoni.
Barra minn hekk, l-Evalwazzjoni wriet li x-xenarju tar-riskji u t-theddid li qed jevolvi ttestja wkoll il-limiti tal-UCPM. Din il-valutazzjoni hija kondiviża mill-Kunsill Ewropew għas-sistema Ewropea usa’ għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Diversi Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-snin 2023 12 u 2024 13 jirrikonoxxu l-isfidi ppreżentati minn kriżijiet transsettorjali u transfruntiera u diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, li huma aggravati wkoll miż-żieda prevista fil-perikli klimatiċi.
B’mod ġenerali, qed issir enfasi fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza Ewropea f’oqsma strateġiċi permezz ta’ approċċ li jkopri l-perikli kollha għat-tħejjija u r-rispons billi jintużaw mekkaniżmi rilevanti, inkluż l-UCPM. Barra minn hekk, il-kapaċità li jinżammu l-funzjonijiet tas-soċjetà tiddependi fuq li l-Istati Membri jinkorporaw b’mod sistematiku l-approċċ li jkopri l-perikli kollha fil-politiki rilevanti kollha, u b’hekk tiġi żgurata r-reżiljenza mid-disinn 14 . L-ewwel linja ta’ difiża fil-ġestjoni tar-riskju tinsab f’politiki li jistgħu jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jillimitaw l-esponiment tal-bniedem 15 . F’dan l-isfond, l-isforzi ta’ adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima huma kruċjali fit-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċità ta’ rispons għall-kriżijiet tal-UE. Meta titqies it-tmexxija politika msemmija hawn fuq, is-salvagwardja tal-operat sostenibbli tal-mudell eżistenti ta’ ġestjoni tal-emerġenzi tal-UCPM saret kunsiderazzjoni ewlenija. Fl-istess ħin, hemm ħtieġa rikonoxxuta li l-UCPM jiġi mgħammar aktar għal perikli u riskji ġodda f’approċċ aktar inklużiv għall-perikli kollha fl-arkitettura usa’ tal-Ewropa għall-ġestjoni tal-kriżijiet.
B’mod simili, il-parir xjentifiku indipendenti dwar il-ġestjoni strateġika tal-kriżijiet fl-UE maħruġ mill-Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi Ewlenin għall-UE kkonkluda li l-ġestjoni effiċjenti tal-kriżijiet tinvolvi 16 t-tisħiħ tal-governanza tal-UE, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura, l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, it-trawwim tal-kollaborazzjoni tas-soċjetà, u l-iżgurar ta’ data aċċessibbli għal komunikazzjoni effettiva.
Minbarra l-ħtieġa rikonoxxuta li tissaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea kontra x-xokkijiet fil-livell politiku, disgħa minn kull għaxar Ewropej iħossu li huwa importanti li l-UE tassisti fil-koordinazzjoni tar-rispons għad-diżastri fl-UE u f’pajjiżi oħra 17 . Barra minn hekk, 94 % taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li meta jseħħ diżastru f’pajjiż tal-UE li jkun kbir wisq biex jimmaniġġjawh waħedhom, pajjiżi oħra tal-UE għandhom jipprovdu assistenza.
4.Inħarsu ’l quddiem – Nitgħallmu mill-passat biex insaħħu l-kapaċità tal-UE li tiffaċċja l-kriżijiet
Il-ħsara minn avvenimenti katastrofiċi qed tiżdied bil-kbir filwaqt li l-kapaċità ġenerali li jiġu assorbiti xokkijiet bħal dawn u li nirkupraw minnhom hija limitata. Għalhekk, l-UE qed tiffaċċja l-isfida li tiżgura li l-approċċ Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżijiet ikun “validu għall-futur”. Dan jitlob UCPM b’saħħtu li jista’ jadatta għax-xenarju ta’ riskju li qed jinbidel b’mod kostanti. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni żviluppat ħames rakkomandazzjonijiet strateġiċi.
Ir-Rakkomandazzjoni 1: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons operazzjonali tal-UCPM
Is-suċċess tal-UCPM jiddependi fundamentalment fuq il-kapaċitajiet tal-Istati Membri. Dan il-pedament jeħtieġ li jissaħħaħ aktar filwaqt li jippromwovi involviment aktar profond kemm fi ħdan ir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (“ECPP”) kif ukoll fi ħdan rescEU. Huwa kruċjali li kemm l-ECPP kif ukoll ir-rescEU jiġu mgħammra biex jindirizzaw b’mod effettiv ir-riskji transkonfinali u fuq skala kbira tal-futur.
Il-kapaċitajiet tal-UCPM għandhom jissaħħu abbażi ta’ lakuni identifikati permezz ta’ analiżi tax-xenarji komuni u valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet fil-livell Ewropew, filwaqt li titqies ir-rabta bejn il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà u l-ħtiġijiet futuri tagħha għall-interoperabbiltà bħala gwida strateġika importanti għall-futur. F’setturi fejn jiġu identifikati ħtiġijiet u riskji komuni, espansjoni ulterjuri tar-rescEU hija l-aktar alternattiva kosteffettiva kif ukoll dimostrazzjoni vibranti tas-solidarjetà Ewropea u tal-impenn tal-UE għar-reżiljenza u r-rispons kollettivi.
Barra minn hekk, l-UCPM irid ikun kapaċi jadatta kontinwament għat-teknoloġiji li qed jevolvu u jkollu rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ għodod u strumenti effettivi u effiċjenti fir-rispons għad-diżastri.
Rakkomandazzjoni 2 – Tisħiħ tal-prevenzjoni u t-tħejjija tal-UE permezz ta’ koordinazzjoni transsettorjali, approċċ li jkopri l-perikli kollha, u Ċentru b’saħħtu ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza
L-involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-istadji kollha tal-prevenzjoni tad-diżastri, u t-tħejjija, u r-rispons għalihom f’approċċ li jkopri s-soċjetà kollha/il-perikli kollha huwa imperattiv. L-ERCC wera l-kapaċità tiegħu li jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ servizzi differenti matul emerġenzi u kriżijiet kumplessi (speċjalment f’oqsma bħas-CBRN, civil-mil, ċibernetiku, ibridu, is-saħħa, l-appoġġ loġistiku għall-assistenza konsulari, u t-tibdil fil-klima). Il-frammentazzjoni fi strutturi ta’ rispons settorjali ulterjuri mhijiex adatta biex tindirizza xenarji kumplessi u għalhekk għandha titwarrab. L-elevazzjoni tal-ERCC bħala ċ-ċentru transsettorjali tal-Kummissjoni għall-kriżijiet tiġbor flimkien għarfien espert settorjali minn diversi oqsma ta’ politika, filwaqt li tiżgura koerenza u effettività operazzjonali komprensivi fi ħdan sistema integrata aħjar tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet.
Konsegwentement, huwa importanti li jiġi żgurat li l-proċessi kollha tal-UE u nazzjonali jkunu allinjati 18 biex tiġi żgurata r-reżiljenza mid-disinn. Il-Pilastru tal-prevenzjoni tal-UCPM jeħtieġ li jiġi artikolat aħjar ma’ politiki u programmi oħra tal-UE li għandhom il-kapaċità li jħallu impatt fuq ir-reżiljenza tas-soċjetà.
Barra minn hekk, l-indirizzar ta’ diżastri ċivili b’komponenti tas-sigurtà jew tad-difiża jeħtieġ koordinazzjoni sistematika fost l-awtoritajiet ċivili, tas-sigurtà u tad-difiża matul il-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri. It-tħejjija ċivili u militari għandha tkun komplementari u tinvolvi s-soċjetà kollha. L-ERCC għandu jintensifika l-kooperazzjoni tiegħu man-NATO, is-SEAE, u n-NU (OCHA), filwaqt li jiffaċilita rispons bla xkiel f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenzi jew kunflitti relatati mal-klima. L-istess japplika għall-iskambju ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali magħżula u pajjiżi li għandhom għarfien speċjalizzat u kapaċitajiet kruċjali għall-ġestjoni ta’ diżastri kbar.
Barra minn hekk, għandhom jiġu intensifikati l-isforzi biex jissaħħaħ l-involviment tas-settur privat fil-livell tal-UE f’kompiti speċjalizzati tal-protezzjoni ċivili relatati mal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons. Dan jinvolvi l-istabbiliment ta’ arranġamenti għal kooperazzjoni strateġika ma’ entitajiet privati rilevanti f’kamp ta’ applikazzjoni definit b’mod ċar.
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu ssimplifikati l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-għarfien espert dwar l-identifikazzjoni tar-riskju u t-twissija bikrija
Diżastri madwar l-Unjoni, transfruntiera, multinazzjonali u transsettorjali jridu jassumu pożizzjoni aktar prominenti fil-valutazzjonijiet tar-riskju Ewropej u nazzjonali rilevanti. Dan jista’ jinkiseb billi tiġi estiża l-analiżi tal-ixprunaturi sottostanti tar-riskji u t-theddid emerġenti, billi jiġu sfruttati r-riżorsi eżistenti fis-setturi kollha kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, u billi jintużaw l-għarfien u l-għarfien espert disponibbli minn partijiet terzi. Dan jista’ jiġi rifless f’ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-UE lejn ir-riskji, li tgħaqqad is-setturi kollha 19 .
Barra minn hekk, għandu jkun hemm żieda fil-kondiviżjoni tal-għarfien mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili, b’mod partikolari dwar għarfien espert speċjalizzat ħafna relatat ma’ diżastri bi probabbiltà baxxa b’impatt għoli. Għalhekk, huwa essenzjali li jissaħħu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ twissija bikrija madwar l-Istati Membri b’approċċ li jkopri l-perikli kollha. L-UCPM/ERCC jinsab f’pożizzjoni tajba biex jikkoordina dan l-isforz.
Barra minn hekk, struttura Ewropea flessibbli u komprensiva għall-ġestjoni tad-diżastri teħtieġ skambju ta’ għarfien aktar sistematiku fil-livelli kollha. Jenħtieġ li l-UCPM jissaħħaħ aktar biex jorbot l-istituzzjonijiet xjentifiċi u l-Istati Membri u jagħmel l-għarfien xjentifiku disponibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
Ir-rwol tal-Kummissjoni fl-isforzi ta’ komunikazzjoni tar-riskju ta’ diżastri u tal-kriżijiet għandu jiġi integrat b’mod komprensiv fis-servizzi kollha biex jingħata valur miżjud lill-Istati Membri u liċ-ċittadini Ewropej.
Rakkomandazzjoni 4 – Jiġu kkunsidrati u indirizzati l-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli f’arranġamenti eżistenti ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons
Avvenimenti reċenti bħall-għargħar, in-nirien fil-foresti, u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wrew li l-gruppi vulnerabbli jbatu b’mod sproporzjonat matul diżastri kbar. Huwa kruċjali li tissaħħaħ il-kunsiderazzjoni u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi vulnerabbli, – b’mod partikolari l-individwi b’diżabilità, l-anzjani, u l-komunitajiet emarġinati – fi ħdan l-arranġamenti eżistenti ta’ prevenzjoni, tħejjija u rispons.
Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ diversi miżuri, inklużi sistemi adattati ta’ twissija bikrija u mekkaniżmi ta’ twissija, li jiżguraw li l-messaġġi ta’ twissija jkunu aċċessibbli, ċari u azzjonabbli, u pprovduti f’diversi lingwi biex jilħqu s-segmenti kollha tal-popolazzjoni, jimplimentaw azzjonijiet ta’ tħejjija u rispons imfassla apposta, jintegraw b’mod sistematiku gruppi vulnerabbli fil-valutazzjonijiet tar-riskju, u jagħtu s-setgħa lir-rappreżentanza tagħhom fl-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.
Rakkomandazzjoni 5 – Baġit imsaħħaħ u aktar sinerġiji u integrazzjoni fl-istrumenti rilevanti tal-UE biex tiġi żgurata ġestjoni Ewropea tad-diżastri fit-tul bejn is-setturi u l-fruntieri
Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-investimenti tal-UE taħt l-UCPM ikunu kemm effettivi kif ukoll effiċjenti, b’enfasi fuq is-sostenibbiltà biex iħallu impatti pożittivi fit-tul fuq ir-reżiljenza Ewropea u l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-baġit huwa essenzjali fejn l-investimenti fil-livell Ewropew juru li huma kosteffettivi u jġibu valur miżjud.
Barra minn hekk, il-ġestjoni Ewropea tar-riskju ta’ diżastri għandha tiġi integrata fl-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti kollha tal-UE. Minħabba r-riskju ta’ diżastri li qed jiżdied u l-impatti tiegħu fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali fl-UE, huwa importanti li jiġi żgurat li l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri tiġi integrata bħala prijorità ta’ investiment fil-programmi ta’ finanzjament rilevanti kollha tal-UE. Kull Euro minfuq f’din iż-żona jiffranka ammonti sostanzjali fi spejjeż ta’ rispons, partikolarment evidenti fil-kuntest tan-nirien fil-foresti (madwar EUR 2 biljun fis-sena).
Barra minn hekk, biex jikkomplementa l-qafas eżistenti tiegħu, l-UCPM jirrikjedi flessibbiltà akbar biex jadatta l-arranġamenti ta’ rispons u ta’ finanzjament tiegħu biex jindirizza ħtiġijiet eċċezzjonali f’xenarji ta’ kriżijiet kumplessi jew fit-tul, possibbilment permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ finanzjament ta’ emerġenza. L-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jibbenefikaw minn rati ta’ kofinanzjament simplifikati u proċessi ta’ akkwist dirett aktar flessibbli. Dawn il-miżuri fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-aġilità u l-kapaċità tal-UCPM li jipprovdi fil-ħin rispons imfassal apposta għall-kriżijiet.
5.Konklużjoni
Biex tiġi indirizzata r-realtà l-ġdida tal-Ewropa, issa wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa approċċ integrat għall-ġestjoni tal-kriżijiet li jkun kapaċi jlaqqa’ flimkien is-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni biex jaħdmu b’mod koordinat, filwaqt li tappoġġa u tikkomplementa b’mod effettiv l-isforzi tal-Istati Membri fil-kontigwu tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons. Konsegwentement, dan l-approċċ imsaħħaħ għandu jrawwem il-prevenzjoni, isaħħaħ it-tħejjija, u jiffaċilita rispons rapidu u effiċjenti għad-diżastri kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak tal-Unjoni.
Fil-livell tal-Kummissjoni, huwa meħtieġ approċċ orizzontali sabiex tittejjeb il-koerenza, jiġu evitati d-duplikazzjoni u t-trikkib filwaqt li jiġu sfruttati s-sinerġiji potenzjali. L-ERCC huwa l-korp ta’ koordinazzjoni naturali u l-aktar kompetenti biex jifhem, janalizza, jikkoordina, u jimmobilizza azzjonijiet fis-setturi u d-dimensjonijiet rilevanti kollha tal-ġestjoni tad-diżastri. Frammentazzjoni f’għadd kbir ta’ strumenti f’servizzi differenti twassal għal ineffiċjenzi u duplikazzjoni potenzjali, u b’hekk tfixkel il-ġestjoni tal-kriżijiet Ewropea integrata, reżiljenti u effettiva li ċ-ċittadini Ewropej jistennew.
Barra minn hekk, biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin għall-ġestjoni tal-kriżijiet matul l-għaxar snin li ġejjin, jiġifieri t-tibdil fil-klima u t-theddid għas-sigurtà li qed jevolvi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jżidu t-tħejjija strateġika tagħhom, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab ewlenin tagħha. It-tisħiħ tar-rescEU, l-aktar għodda effettiva u effiċjenti fil-livell tal-UE, isaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni kontra t-theddid li jista’ jkollu impatt fuq it-tessut fundamentali tas-soċjetà Ewropea.
Il-protezzjoni ċivili tikkonsisti f’assistenza ta’ emerġenza pprovduta taħt l-awspiċji tal-awtoritajiet tal-gvern bi tħejjija għal diżastru fl-Ewropa u madwar id-dinja, jew immedjatament wara li dan iseħħ.
Is-27 Stat Membru u l-10 pajjiżi terzi (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Moldova, in-Norveġja, is-Serbja, it-Turkija, u l-Ukrajna) huma parti mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.
Filwaqt li l-attivazzjoni mill-Ukrajna fl-2022 relatata mal-gwerra ngħaddet darba biss, din tinkludi aktar minn 120 talba aġġornata għall-assistenza.
Il-maġġoranza tar-rispondenti fl-istħarriġ mal-awtoritajiet tal-Istati Membri (ICF,
studju ta’ appoġġ indipendenti tal-UCPM 2017-2022
).
Stħarriġ mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE (ICF, studju ta’ appoġġ indipendenti tal-UCPM 2017-2022 ).
F’dan il-kuntest, awtorità nazzjonali waħda rrimarkat li xi pajjiżi għandhom allinjament aħjar bejn is-sistemi nazzjonali tagħhom u l-STB tal-UE. Hija enfasizzat każ notevoli matul l-għargħar għal għarrieda tal-2021 fil-Ġermanja, fejn l-informazzjoni ta’ twissija bikrija kienet disponibbli fil-livell Ewropew, iżda l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma kinux konxji mis-sistema u mill-firxa tal-għargħar antiċipat.
Eżempju reċenti tal-UCPM jopera f’dan il-qasam huwa l-kofinanzjament ta’ sistema ġdida ta’ twissija bikrija għall-perikli kollha għas-Servizz tal-Istat tan-Nirien u s-Salvataġġ tal-Latvja. L-eżiti ewlenin tal-proġett kienu jinkludu studju ta’ fattibbiltà li jqabbel id-diversi soluzzjonijiet li l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jistgħu jipprovdu, stħarriġ fost il-popolazzjoni biex jifhmu l-livell ta’ sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni Latvjana dwar it-twissija tad-diżastri, u abbozz tal-arkitettura tas-sistema proposta, inklużi l-infrastruttura u l-interoperabbiltà meħtieġa.
Appoġġ għall-finanzjament ta’ oġġetti mwassla permezz ta’ ċentri.
Implimentata skont l-Artikolu 10.1 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.
Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi - nipproteġu l-poplu u l-prosperità, COM/2024/91 final, < https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52024DC0091 (europa.eu) >.
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2023 dwar l-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri 2023/C 56/0, < EUR-Lex - 32023H0215(01) - MT - EUR-Lex (europa.eu) >; Il-Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar l-Għanijiet tal-Unjoni Ewropea marbuta mar-Reżiljenza għad-Diżastri: Naġixxu flimkien biex nitrattaw emerġenzi futuri, COM/2023/61 final, < EUR-Lex - 52023DC0061 - MT - EUR-Lex (europa.eu) >.
Laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-29/30 ta’ Ġunju 2023 u tas-26/27 ta’ Ottubru 2023.
Laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21/22 ta’ Marzu 2024.
Id-deċiżjonijiet strutturali, bħad-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar spazjali, jenħtieġ li jikkunsidraw ir-riskji rilevanti kollha u jiġu approvati mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-reżiljenza tal-infrastruttura u l-entitajiet kritiċi.
COM(2024) 91 final
Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Strategic crisis management in the EU – Improving EU crisis prevention, preparedness, response and resilience (Ġestjoni strateġika tal-kriżijiet fl-UE – Titjib tal-prevenzjoni tal-kriżijiet, it-tħejjija, ir-rispons u r-reżiljenza tal-UE), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, < https://data.europa.eu/doi/10.2777/517560 >.
Il-Kummissjoni Ewropea, Protezzjoni Ċivili – Ewrobarometru (Frar 2024), 2977 / SP541, < Protezzjoni ċivili tal-UE - Frar 2024 - - Stħarriġ tal-Ewrobarometru (europa.eu) >.
Inkluż bl-użu tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) u l-programm Orizzont Ewropa tal-Kummissjoni Ewropea.
Ir-rwol tas-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandu jissaħħaħ. Ladarba jitnieda, is-Servizz Satellitari ta’ Twissija ta’ Emerġenza (Emergency Warning Satellite Service, EWSS) Galileo l-ġdid se jikkostitwixxi komplement importanti għas-sistemi ta’ twissija bikrija eżistenti.