|
2.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
59 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta' Jannar 2005
li tistabbilixxi standards armonizzati għall-ittestjar ta’ ċerti residwi fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali importati minn pajjiżi terzi
(notifikata bid-dokument numru C(2004) 4992)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(2005/34/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(5) u 17(7) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tat-30 ta’ April 2004 dwar kontrolli uffiċjali mwettqa biex jiżguraw il-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf tal-bhejjem u l-ikel, saħħet l-annimali u r-regoli tal-benessri tal-annimali (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 63(1)(e) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE titlob li kull kunsinna importata minn pajjiżi terzi għandha tkun suġġetta għal kontrolli veterinarji. Dawn il-kontrolli jistgħu jinkludu testijiet analitiċi għar-residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi biex jiġi vverifikat jekk il-kunsinni jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. |
|
(2) |
Il-limiti massimi tar-residwi (LMR) li għandhom jiġu applikati fil-kontroll tal-ikel skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE dwar miżuri biex jiġu ssorveljati ċerti sustanzi u residwi ta’ dawn fl-annimali ħajjin u fil-prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KE (3), ġew stabiliti għal sustanzi farmakoloġikament attivi bir-Regolament (KE) Nru 2377/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 li jistabbilixxi proċedura komunitarja għall-iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali (4). L--LMR huma applikabbli għall-kunsinni importati. |
|
(3) |
Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 2377/90 ma jipprovdix LMR għas-sustanzi kollha u b’mod partikolari mhux għal dawk is-sustanzi li l-użu tagħhom huwa projbit jew mhux awtorizzat fil-Komunità. Għal dawn is-sustanzi, il-preżenza ta’ kwalunkwe residwu tista’ tkun raġuni biżżejjed biex tiġi rrifjutata jew meqruda l-kunsinna rilevanti waqt l-importazzjoni. |
|
(4) |
Huwa xieraq li l-Komunità tistabbilixxi strateġija armonizzata għall-kontroll fir-rigward ta’ kunsinni importati ta’ residwi ta’ sustanzi projbiti jew mhux awtorizzati fil-Komunità. |
|
(5) |
Il-Limiti Minimi Meħtieġa għall-Prestazzjoni (LMMP) stipulati skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE dwar il-prestazzjoni ta’ metodi analitiċi u l-interpretazzjoni ta’ riżultati (5) ġew adottati bħala l-istandard fil-prestazzjoni li jiżgura l-kontroll effettiv tal-leġiżlazzjoni Komunitarja meta jiġu ttestjati kampjuni uffiċjali għall-preżenza ta’ ċerti sustanzi projbiti jew mhux awtorizzati. L-LMMP jikkorrispondu mal-medja tal-limitu li jekk tinqabeż, il-preżenza ta’ sustanza jew tar-residwi tagħha tista’ titqies bħala metodoloġikament sinifikattiva. |
|
(6) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (6), f’konformità mal-Codex Alimentarius Prinċipji ta’ Ħidma għall-Analiżi tar-Riskju (7) jitlob li l-liġi tal-ikel tkun imsejsa fuq fatturi leġittimi għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata, bħal pereżempju l-fattibbiltà tal-kontrolli. |
|
(7) |
Għalhekk, is-sejba iżolata ta’ residwi ta’ sustanza li tkun inqas mil-LMMP stipulati bid-Deċiżjoni 2002/657/KE (5) għandha titqies bħala mhux ta’ tħassib immedjat iżda li bħala waħda li għandha tiġi ssorveljata mill-Istati Membri u l-LMMP għandhom jintużaw fejn jeżistu, bħala punt ta’ referenza għall-azzjoni biex tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata tad-Direttiva 97/78/KE; |
|
(8) |
Fejn ir-riżultati ta’ testijiet analitiċi jindikaw il-preżenza ta’ residwi ta’ sustanza li għalihom l-LMMP ġew stabbiliti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE, u sakemm isseħħ l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 fl-1 ta' Jannar 2006, huwa xieraq li tiġi kkjarifikata l-azzjoni li għandha tittieħed, waqt li titqies il-gravità tat-theddida li l-kunsinna tista' timponi fuq is-saħħa tal-bniedem, u d-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttivi 96/23/KE u 97/78/KE u fir-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
|
(9) |
L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jissorveljaw il-qagħda tal-importazzjoni għal kwalunkwe evidenza ta' problema rikorrenti, billi sejba bħal din tista' tissuġġerixxi forma ta’ użu ħażin ta’ sustanza partikolari, jew li ma jingħatax każ tal-garanziji pprovduti minn pajjiżi terzi li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-ikel maħsub għall-importazzjoni fil-Komunità. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar problemi rikorrenti. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċizjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ambitu tad-Deċiżjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistipula l-punti ta’ referenza għal azzjoni fir-rigward ta’ residwi ta’ sustanzi li għalihom ġew stabbiliti LMMP skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE meta testijiet analitiċi mwettqa skont id-Direttiva 97/78/KE dwar il-kunsinni importati ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali jikkonfermaw il-preżenza ta’ residwi bħal dawn, u l-azzjoni li għandha tittieħed wara konferma bħal din.
2. Din id-Deċiżjoni tapplika sew jekk it-testijiet analitiċi jitwettqu bħala rutina, taħt proċeduri ta' verifiki msaħħa kif ukoll bħala miżura ta' salvagwardja fuq kunsinni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali importati minn pajjiżi terzi.
Artikolu 2
Punti ta’ referenza għall-azzjoni
Għall-għan ta’ kontroll ta’ residwi ta’ ċerti sustanzi li l-użu tagħhom huwa pprojbit jew mhux awtorizzat fil-Komunità, il-Limiti Minimi Meħtieġa għall-Prestazzjoni (LMMP) stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE għandhom jintużaw bħala punti ta' referenza għal azzjoni jkun x’ikun il-matriċi ttestjat.
Artikolu 3
Azzjoni fil-każ tal-preżenza kkonfermata ta’ sustanza projbita jew mhux awtorizzata
1. Meta r-riżultati tat-testijiet analitiċi jkunu laħqu jew qabżu l-LLMP stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE il-kunsinna kkonċernata għandha titqies bħala mhux konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
2. Sakemm jiġu adottati mill-1 ta’ Jannar 2006 l-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu b’mod uffiċjali l-kunsinni mhux konformi li ġejjin minn pajjiżi terzi, u wara li jkunu semgħu l-operaturi kummerċjali tal-ikel responsabbli għall-kunsinna, jieħdu l-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
jordnaw li kunsinni bħal dawn jinqerdu jew jintbagħtu lura barra l-Komunità skont il-paragrafu 3; |
|
(b) |
jekk il-kunsinni jkunu diġà tqiegħdu fis-suq, jiġbru lura l-kunsinni qabel ma jieħdu waħda mill-miżuri msemmija hawn fuq. |
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu li l-kunsinni jintbagħtu lura biss jekk:
|
(a) |
id-destinazzjoni ġiet miftiehma mal-operatur kummerċjali tal-ikel jew tal-għalf responsabbli għall-kunsinna; u |
|
(b) |
l-operatur kummerċjali tal-ikel ikun l-ewwel għarraf lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta' oriġini jew tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, jekk dawn ikunu differenti, bir-raġunijiet u ċ-ċirkustanzi li jkunu qed iżommu l-kunsinni kkonċernati milli jitqiegħdu fis-suq ġewwa l-Komunità. u |
|
(c) |
meta l-pajjiż terz ta’ destinazzjoni mhuwiex il-pajjiż terz ta' oriġini, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni tkun għarrfet lill-awtorità kompetenti li hija lesta li taċċetta l-kunsinni. |
4. Bla ħsara għar-regoli nazzjonali tal-Istati Membri li jikkonċernaw ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi, kunsinna tista’ tintbagħat lura mhux aktar minn 60 jum wara dak li fih l-awtorità kompetenti ddeċidiet dwar id-destinazzjoni tal-kunsinna, sakemm ma tkunx ittieħdet azzjoni legali. Jekk, wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 60 jum, il-kunsinna ma tintbagħatx lura, din għandha tinqered, sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li d-dewmien huwa ġġustifikat.
5. Meta r-riżultati tat-testijiet analitiċi fuq il-prodotti jkunu inqas mil-LMMP stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE, il-prodotti ma jkunux projbiti milli jidħlu fil-katina alimentari. L-awtorità kompetenti għandha żżomm rekord tas-sejbiet fil-każ ta’ rikorrenza. Meta r-riżultati tat-testijiet analitiċi fuq il-prodotti mill-istess oriġini juru tendenza rikorrenti li tindika problema potenzjali relatata ma’ waħda jew bosta sustanzi projbiti jew mhux awtorizzati, inkluż pereżempju r-reġistrazzjoni ta’ erba’ jew aktar riżultati kkonfermati li jkunu taħt il-punti ta’ referenza għal azzjoni għall-istess sustanza fl-importazzjonijiet minn oriġini partikolari fi żmien perjodu ta' sitt xhur, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.l Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż jew pajjiżi ta' oriġini dwar il-kwistjoni u għandha tagħmel proposti xierqa.
6. L-operatur kummerċjali tal-ikel jew tal-għalf responsabbli għall-kunsinna jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinżamm responsabbli għall-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti għall-attivitjiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-19 ta' Jannar 2005.
Artikolu 5
Din id-Deċizjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 11 ta' Jannar 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(3) ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.
(4) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1.
(5) ĠU L 221, 17.8.2002, p. 8.
(7) Disponibbli fuq ftp://ftp.fao.org/codex/alinorm03/Al03_33e.pdf