|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5868 |
27.9.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Settembru 2024
li taħtar membru tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
(C/2024/5868)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 79 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jipprevedi li l-Kunsill jaħtar rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru bħala membru tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (il-“Bord ta’ Tmexxija”). |
|
(2) |
Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija jinħatru abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza esperta rilevanti tagħhom fl-oqsma tas-sigurtà kimika jew ir-regolamentazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, u abbażi li fost il-membri tal-bord hemm disponibbli l-kompetenza esperta rilevanti fl-oqsma ta’ affarijiet ġenerali, finanzjarji u legali. |
|
(3) |
Il-mandat ta’ membru tal-Bord ta’ Tmexxija huwa ta’ erba’ snin u jista’ jiġġedded darba. |
|
(4) |
B’Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 (2) il-Kunsill ħatar membru wieħed tal-Bord ta’ Tmexxija. |
|
(5) |
Dak il-membru tal-Bord ta’ Tmexxija, innominat mill-Kroazja, inħatar għal perjodu li jintemm fl-1 ta’ Ottubru 2024. |
|
(6) |
Il-Gvern tal-Kroazja informa lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jinnomina r-rappreżentant Kroat attwali fil-Bord ta’ Tmexxija u ppreżenta nomina għat-tieni mandat għal perijodu li jintemm fit-30 ta’ Settembru 2028, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Sa Dubravka Marija KREKOVIĆ, ta’ nazzjonalità Kroata, hija b’dan maħtura bħala membru tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għat-tieni mandat għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Settembru 2028.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
FELDMAN Z.
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2020 li taħtar membru wieħed tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU C 330, 6.10.2020, p. 2).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5868/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)