|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2293 |
15.10.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2293
tat-8 ta’ Ottubru 2026
li jirreġistra l-indikazzjoni ġeografika “Capocollo di Martina Franca” (IĠP) fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-applikazzjoni tal-Italja għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Capocollo di Martina Franca”, li l-Kummissjoni kienet irċeviet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1143, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143, li hija applikabbli għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 90(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-indikazzjoni ġeografika “Capocollo di Martina Franca” tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittri li waslu fid-19 ta’ Frar 2024 u fil-5 ta’ Marzu 2026, l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni li l-impriża Comalbest s.r.l. u l-impriża Industria Alimentare Apulia s.r.l., li kienu kkummerċjalizzaw legalment prodott bl-isem kummerċjali “Capocollo di Martina Franca” bl-użu kontinwu ta’ dak l-isem għal aktar minn 5 snin, ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li ma kinux stabbiliti fiż-żona ġeografika ddefinita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Dan il-punt kien tqajjem fil-qafas tal-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni. |
|
(5) |
Billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1143, applikabbli għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 90(2) ta’ dak ir-Regolament, huma ssodisfati, jenħtieġ li jingħata perjodu tranżitorju lill-impriżi Comalbest s.r.l. u Industria Alimentare Apulia s.r.l. biex ikunu jistgħu jkomplu jużaw l-isem “Capocollo di Martina Franca”. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, dak il-perjodu tranżitorju jenħtieġ li jkun ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjoni ġeografika “Capocollo di Martina Franca” (IĠP) b’dan tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 2
L-impriżi Comalbest s.r.l. u Industria Alimentare Apulia s.r.l. huma b’dan awtorizzati jkomplu jużaw l-isem “Capocollo di Martina Franca” għal perjodu ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Christophe HANSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.
(3) Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU C, C/2026/3344, 22.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3344/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2293/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)