European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1085

21.5.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1085

tal-20 ta’ Mejju 2026

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti esteri akriliki li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mir-Renju tal-Arabja Sawdija, mir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, u mill-Istati Uniti tal-Amerka, soġġetti għar-reġistrazzjoni bil-ħsieb li jippermetti l-imposta ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Marzu 2026, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti esteri akriliki li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”), mir-Renju tal-Arabja Sawdija (“l-Arabja Sawdija”), mir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel (“l-Afrika t’Isfel”), u mill-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”).

(2)

Dan il-bidu segwa lment li tressaq fit-28 ta’ Jannar 2026 mill-Konsorzju għall-ċerti esteri akriliki f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti esteri akriliki.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) li huwa ċerti esteri akriliki (“AE”, acrylic esters) li huma l-akrilat tal-butil (“BA”, butyl acrylate), li bħalissa jaqa’ taħt in-numru 141-32-2 tal-Chemical Abstracts Service (“CAS”, Chemical Abstracts Service) u l-kodiċi 0012413-0 tal-Unjoni Doganali u l-Istatistika (“CUS”, Customs Union and Statistics), u l-akrilat ta’ 2-etileżil (“2EHA”), li bħalissa jaqa’ taħt in-numru 103-11-7 tal-CAS u l-kodiċi 0017228-1 tal-CUS li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mir-Renju tal-Arabja Sawdija, mir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, u mill-Istati Uniti tal-Amerka.

(4)

Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2916 12 00 (il-kodiċi TARIC 2916 12 00 15).

2.   REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(6)

L-iskop tar-reġistrazzjoni huwa li jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping, jekk ikun hemm, ikunu jistgħu jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa.

(7)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(8)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(9)

Il-kalkoli pprovduti fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw il-marġnijiet tad-dumping fil-livelli li ġejjin: (i) bejn 43,51 % u 48,22 % għaċ-Ċina; (ii) 37,35 % għall-Arabja Sawdija; (iii) 67,88 % għall-Afrika t’Isfel; u (iv) bejn 23,97 % u 30,49 % għall-Istati Uniti għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025. Il-livelli korrispondenti ta’ eliminazzjoni tad-dannu ġew stmati kif ġej: (i) bejn 30 % u 40 % għaċ-Ċina; (ii) bejn 10 % u 20 % għall-Arabja Sawdija; (ii) bejn 30 % u 40 % għall-Afrika t’Isfel; u (iv) bejn 10 % u 20 % għall-Istati Uniti; L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur normalment jiġi stabbilit fil-livell aktar baxx ta’ dumping jew ta’ dannu skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

(10)

Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(11)

Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. B’hekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(12)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti esteri akriliki li huma l-akrilat tal-butil, li bħalissa jaqa’ taħt in-numru 141-32-2 tal-CAS u 0012413-0 tal-CUS, u l-akrilat ta’ 2-etileżil, li bħalissa jaqa’ taħt in-numru 103-11-7 tal-CAS u 0017228-1 tal-CUS, bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2916 12 00 (il-kodiċi TARIC 2916 12 00 15) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mir-Renju tal-Arabja Sawdija, mir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, u mill-Istati Uniti tal-Amerka.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2026/1469, 12.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1469/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1085/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)