|
9.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/9 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1615
tat-3 ta’ Mejju 2023
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens, l-ekwivalenti fi flus ta’ tali kumpens jew kwalunkwe rikavat li jkun dovut skont l-Artikolu 63(1) ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu mgħoddija lill-klijenti u lill-klijenti indiretti u l-kundizzjonijiet li skonthom it-trasferiment għandu jitqies proporzjonat
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(2), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2021/23 jiddikjara li l-arranġamenti kuntrattwali li jippermettu lill-membri tal-ikklirjar jgħaddu lill-klijenti tagħhom il-konsegwenzi negattivi tal-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jinkludu wkoll, fuq bażi ekwivalenti u proporzjonata, id-dritt tal-klijenti għal kwalunkwe rimborż jew kumpens li l-membri tal-ikklirjar jirċievu f’konformità mal-Artikolu 27(6) tar-Regolament 2021/23 jew kwalunkwe ekwivalenti ta’ flus ta’ tali rimborż jew kumpens jew kwalunkwe rikavat li jkunu rċevew wara pretensjoni magħmula f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2021/23 (“rimborż”), sal-punt li tali rikavat ikun relatat mal-pożizzjonijiet tal-klijenti u l-kontribuzzjonijiet tagħhom, u li dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-arranġamenti kuntrattwali minn klijenti u klijenti indiretti li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar indiretti lill-klijenti tagħhom. |
|
(2) |
Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ekwivalenti u proporzjonata tar-rimborż, il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar jenħtieġ li jiddistribwixxu, b’mod ġust u nondiskriminatorju, il-forom differenti ta’ rimborż lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar ikkonċernati. Il-parti tar-rimborż riċevuta minn kull utent tas-servizz tal-ikklirjar ikkonċernat jenħtieġ li tkun proporzjonata għall-kontribuzzjoni magħmula minn tali utent tas-servizzi tal-ikklirjar għar-riżoluzzjoni tas-CCP, li għaliha kellu aċċess indirett permezz tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar ikkonċernat u fejn tali kontribuzzjoni tirriżulta f’pagament skont l-Artikolu 27(6) jew l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2021/23 (“kontribuzzjoni kwalifikanti”). Għall-istess raġuni, l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar jenħtieġ li jirċievu r-rimborż tagħhom mingħajr ebda tpaċija, sakemm utent tas-servizz tal-ikklirjar ma jkollux obbligu li jkun dovut u pagabbli lil fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar li fl-istess ħin ikun taħt l-obbligu li jgħaddi r-rimborż lil dak l-utent tas-servizz tal-ikklirjar. Madankollu, sabiex jiġi evitat li tali tpaċija jew netting jirriżultaw fi tnaqqis mhux dovut tal-ammonti dovuti lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar aktar ’l isfel fil-katina tal-ikklirjar, fejn ir-riċevitur ikun ukoll fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar, ir-rimborż li għandu jiġi mgħoddi lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tiegħu jenħtieġ li jiġi kkalkulat abbażi tar-rimborż riċevut mill-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar qabel ma jkun sar kwalunkwe tnaqqis jew tpaċija. |
|
(3) |
Ir-rimborżi jenħtieġ li jiġu allokati b’mod ġust u nondiskriminatorju lill-utenti kollha tas-servizzi tal-ikklirjar li jkunu għamlu kontribuzzjoni kwalifikanti u għall-kontijiet proprji tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar fejn tali fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar ikun għamel ukoll kontribuzzjoni kwalifikanti. Sabiex ikomplu jiġu evitati d-diskriminazzjoni jew it-trattamenti inġusti, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar ma japplikaw l-ebda klawżola ta’ subordinazzjoni, u lanqas kwalunkwe klassifikazzjoni meta jiddistribwixxu tali rimborżi. |
|
(4) |
Il-kundizzjonijiet tas-suq matul fażi ta’ riżoluzzjoni x’aktarx li jkunu diffiċli ħafna. Huwa għalhekk meħtieġ li l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar jiġu pprovduti bi trasparenza u li jiġu assigurati li l-assi u l-istrumenti finanzjarji maħsuba għad-distribuzzjoni tar-rimborż huma protetti fil-każ ta’ inadempjenza tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar, meta jirċievu rimborż f’isem utent ta’ servizz tal-ikklirjar, iżommu tali rimborż f’kont separat u segregat. |
|
(5) |
Il-firxa ta’ assi finanzjarji jew strumenti finanzjarji li jistgħu jintużaw biex jikkumpensaw lill-membri tal-ikklirjar, lill-klijenti u lill-klijenti indiretti hija wiesgħa ħafna u assi u strumenti differenti jġorru riskji differenti. Sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni ġusta u ugwali tar-rimborż, il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar jenħtieġ li jaqsmu t-tipi differenti ta’ assi finanzjarji u strumenti finanzjarji li jkunu rċevew bħala rimborż b’mod ugwali bejn kull wieħed mill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar u l-kontijiet tagħhom stess. Jenħtieġ li tali diviżjoni tkun proporzjonali għall-kontribuzzjoni kwalifikanti magħmula minn dawk l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar għar-riżoluzzjoni tas-CCP li għaliha għandhom aċċess indirett permezz ta’ dawk il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar, jew mill-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar f’dik il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. |
|
(6) |
Huwa meħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ostakli operazzjonali assoċjati ma’ xi tipi ta’ assi finanzjarji u strumenti finanzjarji. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat sal-punt massimu li l-utent tas-servizz tal-ikklirjar jirċievi rimborż ġust meta l-utent tas-servizz tal-ikklirjar ma jkunx jista’ jirċievi ċertu tip ta’ assi finanzjarju jew strument finanzjarju jew jippreferi li ma jirċevix ċertu tip ta’ assi finanzjarju jew strument finanzjarju għal raġunijiet oħra. Il-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu għalhekk, fuq talba tal-utent tas-servizz tal-ikklirjar u sa fejn ikun possibbli, jittrasferixxi l-assi jew l-istrument ikkonċernat lil riċevitur ieħor maħtur mill-utent tas-servizz tal-ikklirjar. Fejn dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li l-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar ibigħ l-assi jew l-istrumenti rilevanti fis-suq lil parti terza bil-prezz prevalenti tas-suq u sussegwentement jittrasferixxi r-rikavat mill-bejgħ lill-utent ta’ servizzi tal-ikklirjar. |
|
(7) |
Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà, il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar jenħtieġ li jinfurmaw lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tagħhom, bl-aħjar mod possibbli tagħhom, dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda fil-proċess tar-riżoluzzjoni biex jikkumpensaw għall-kontribuzzjonijiet kwalifikanti li jkunu saru. Jenħtieġ li tali informazzjoni tipprovdi, sa fejn ikun possibbli, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/23, il-kompożizzjoni tar-rimborż u l-kalkolu tar-rimborż inkluż kif il-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar ikun ikkalkula r-rimborż tal-utent tas-servizz tal-ikklirjar. Għall-istess raġuni u biex jiġi żgurat li l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar jifhmu r-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni li jkunu għamlu u r-rimborż li jkunu rċevew, il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar jenħtieġ li jinfurmaw lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar, fejn possibbli u mingħajr ma jiksru kwalunkwe restrizzjoni ta’ kunfidenzjalità, dwar id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni ġenerali tar-rimborż. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA). |
|
(9) |
L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
1. |
“fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar” tfisser membru tal-ikklirjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), klijent kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, klijent indirett, it-tieni klijent indirett jew it-tielet klijent indirett kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (b), (d) jew (e) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2154 (4), li jipprovdi servizzi tal-ikklirjar, direttament jew indirettament, fl-Unjoni; |
|
2. |
“utent tas-servizz tal-ikklirjar” tfisser klijent kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew klijent indirett, it-tieni klijent indirett jew it-tielet klijent indirett kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (b), (d) jew (e) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/2154, li juża servizzi tal-ikklirjar ipprovduti minn fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar; |
|
3. |
“rimborż” tfisser ir-ripagament jew il-kumpens li l-membri tal-ikklirjar jirċievu f’konformità mal-Artikolu 27(6) tar-Regolament (UE) 2021/23, inklużi strumenti ta’ sjieda, strumenti ta’ dejn jew strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP, jew kwalunkwe ekwivalenti ta’ flus ta’ tali kumpens jew kumpens jew kwalunkwe rikavat li jirċievu wara pretensjoni magħmula f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2021/23 inkluż meta kwalunkwe wieħed minn dawn l-ammonti, imsemmija f’dawk l-Artikoli, jiġi mgħoddi lil utent ta’ servizzi tal-ikklirjar; |
|
4. |
“kontribuzzjoni kwalifikanti” tfisser il-kontribuzzjoni, magħmula permezz ta’ membru tal-ikklirjar tas-CCP, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2021/23, minn utent tas-servizz tal-ikklirjar lis-CCP f’riżoluzzjoni li għaliha għandu aċċess indirett permezz ta’ fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar u fejn il-kontribuzzjoni magħmula, permezz tal-membru tal-ikklirjar tas-CCP, fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni, tkun irriżultat f’rimborż. |
Artikolu 2
Forma tar-rimborż
Ir-rimborż ikkreditat jew mogħti lil fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar u mgħoddi lil utent ta’ servizz tal-ikklirjar jista’ jieħu l-forma ta’ flus, strumenti finanzjarji, strumenti ta’ sjieda, strumenti ta’ dejn jew strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitt futur tas-CCP.
Artikolu 3
Distribuzzjoni tar-rimborż
1. Il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar għandhom, b’mod ġust u nondiskriminatorju, jiddistribwixxu r-rimborż rilevanti fost l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar kollha li jkunu għamlu kontribuzzjoni kwalifikanti, inklużi l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar li ma għadhomx utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar li jirċievu r-rimborż, proporzjonalment għall-kontribuzzjoni kwalifikanti magħmula minn kull wieħed minn dawk l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar.
2. Il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar għandhom jikkalkulaw ir-rimborż li għandu jitqassam b’mod trasparenti u jinfurmaw lil kull utent tas-servizz tal-ikklirjar separatament f’konformità mal-Artikolu 5(2), il-punt (c).
3. Il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar għandhom jallokaw ir-rimborż għall-kontijiet tagħhom stess u għall-kontijiet tal-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tagħhom li jkunu għamlu kontribuzzjoni kwalifikanti abbażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni kwalifikanti magħmula u ma għandhomx jiddiskriminaw bejn riċevituri differenti, u lanqas jikklassifikawhom. Il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar ma għandhom jallokaw l-ebda parti tar-rimborż fil-kont tagħhom stess qabel ma jkunu allokaw għall-kontijiet tal-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tagħhom li għamlu kontribuzzjoni kwalifikanti l-parti tar-rimborż li għaliha dawk l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar huma intitolati.
4. Il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar jistgħu japplikaw tnaqqis minn jew tpaċija lejn ir-rimborż meta utent tas-servizz tal-ikklirjar ikollu obbligu li jkun dovut u pagabbli lil fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar li jkun taħt l-obbligu, skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2021/23, li jgħaddi r-rimborż lil dak l-istess utent tas-servizz tal-ikklirjar.
Madankollu, meta r-riċevitur ikun ukoll fornitur ta’ servizzi tal-ikklirjar, ir-rimborż li għandu jiġi mgħoddi lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tiegħu għandu jiġi kkalkulat abbażi tar-rimborż li kellu jiġi riċevut mill-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar qabel ma jkun sar kwalunkwe tnaqqis jew tpaċija kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
5. Fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu jżomm ir-rimborż riċevut skont l-Artikolu 27(6) jew 62 tar-Regolament (UE) 2021/23 f’kont separat u segregat sakemm ir-rimborżi kollha dovuti jkunu distribwiti bis-sħiħ.
Artikolu 4
Tip ta’ rimborż u konsenja
1. Meta r-rimborż jikkonsisti f’tipi differenti ta’ assi finanzjarji jew strumenti finanzjarji, irrispettivament minn jekk dawk l-assi jew l-istrumenti finanzjarji jiħdux il-forma ta’ flus, strumenti ta’ sjieda, strumenti ta’ dejn, jew kwalunkwe strument ieħor li jirrikonoxxi pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP f’riżoluzzjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar għandhom jaqsmu dak ir-rimborż skont it-tip ta’ assi jew strumenti. Kull fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu sussegwentement jalloka u jiddistribwixxi r-rimborż lil kull wieħed mill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tiegħu u fil-kont tiegħu stess, fejn ikun intitolat għal rimborż, proporzjonalment għall-kontribuzzjoni li tikkwalifika magħmula u fl-istess proporzjon ta’ kull tip ta’ assi finanzjarji jew strumenti finanzjarji.
2. Fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar li, minħabba restrizzjonijiet tas-saldu jew minħabba impediment ieħor għat-trasferiment ta’ xi assi jew strumenti, ma jkunx jista’ jiddistribwixxi r-rimborż lil utent tas-servizz tal-ikklirjar, li jkun għamel kontribuzzjoni kwalifikanti, fil-forma meħtieġa mill-paragrafu 1, għandu jinnotifika lill-utent tas-servizz tal-ikklirjar ikkonċernat dwar dan mingħajr dewmien.
3. Meta r-restrizzjoni jew l-impediment tas-saldu msemmija fil-paragrafu 2 ma jkunux jistgħu jiġu rimedjati fi żmien tlett ijiem tax-xogħol minn meta l-utent tas-servizz tal-ikklirjar jirċievi n-notifika msemmija f’dak il-paragrafu, il-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu jitlob lill-utent tas-servizzi tal-ikklirjar jaħtar riċevitur alternattiv għall-assi jew l-istrumenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol. Utent ta’ servizz tal-ikklirjar jista’ jitlob ukoll lill-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar biex iqassam l-assi finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji lil riċevitur alternattiv. Meta jkun inħatar riċevitur alternattiv mill-utent tas-servizz tal-ikklirjar, il-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu jittrasferixxi l-assi finanzjarji jew l-istrumenti finanzjarji lil dak ir-riċevitur alternattiv sa fejn ikun possibbli u bi spiża raġonevoli għall-utent tas-servizz tal-ikklirjar.
4. Meta trasferiment lil riċevitur alternattiv skont il-paragrafu 3 ma jkunx possibbli, il-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu jinforma lill-utent tas-servizz tal-ikklirjar ikkonċernat dwar dan bil-miktub fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mill-ħatra tar-riċevitur alternattiv, filwaqt li jiddikjara r-raġuni għal dik l-impossibbiltà. F’dak il-każ, il-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar għandu jbigħ l-assi jew l-istrumenti kkonċernati lil parti terza f’suq tat-titoli stabbilit bil-prezz prevalenti tas-suq u jittrasferixxi r-rikavat mill-bejgħ, nett minn kwalunkwe kost raġonevoli tal-bejgħ, lill-utent tas-servizz tal-ikklirjar.
Artikolu 5
Informazzjoni dwar ir-rimborż
1. Il-fornituri tas-servizzi tal-ikklirjar għandhom jinnotifikaw, bil-miktub, lill-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar li jkunu għamlu kontribuzzjoni kwalifikanti dwar kwalunkwe rimborż li huma intitolati għalih.
2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li ġejja:
|
(a) |
fejn applikabbli, kopja tad-deċiżjoni mill-awtorità tar-riżoluzzjoni li l-membru tal-ikklirjar huwa intitolat għall-ħlas tad-differenza msemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2021/23; |
|
(b) |
fejn applikabbli, kopja tad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li titlob lis-CCP tipprovdi kumpens lill-membri tal-ikklirjar li jkunu ġarrbu telf eċċessiv kif imsemmi fl-Artikolu 27(6), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/23, flimkien ma’ spjegazzjoni ta’ kif dak l-ammont jitnaqqas minn kwalunkwe dritt għall-pagament tad-differenza msemmi fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2021/23; |
|
(c) |
informazzjoni ċara u preċiża dwar ir-rimborż li għandu jitqassam lill-utent tas-servizz tal-ikklirjar u dwar il-metodoloġija użata għall-kalkolu ta’ tali rimborż; |
|
(d) |
informazzjoni ċara u preċiża dwar ir-rimborż riċevut mill-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar qabel ma tkun saret kwalunkwe tpaċija jew tnaqqis ieħor f’konformità mal-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament; |
|
(e) |
informazzjoni ċara u preċiża dwar il-forma li fiha r-rimborż ikun ġie pprovdut lill-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar, li tiddistingwi bejn flus kontanti u strumenti finanzjarji u bejn kull waħda mill-forom differenti ta’ strumenti finanzjarji, inklużi strumenti ta’ sjieda, strumenti ta’ dejn jew strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP, u informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tar-rimborż għall-utent ta’ servizzi tal-ikklerjar; |
|
(f) |
soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni ta’ kunfidenzjalità, dettalji ġenerali dwar id-distribuzzjoni ġenerali tar-rimborż bejn l-utenti tas-servizzi tal-ikklirjar tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar u l-kontijiet proprji tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklirjar; |
|
(g) |
kwalunkwe kalkolu tal-imgħax jew kwalunkwe fattur rilevanti ieħor li jaffettwa r-rimborż. |
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2154 tat-22 ta’ Settembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar arranġamenti tal-ikklirjar indirett (ĠU L 304, 21.11.2017, p. 6).