European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2798

23.5.2025

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ M.10806 — BROADCOM / VMWARE

(C/2025/2798)

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta b’dimensjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha Broadcom, Inc (3). (“‘Broadcom’’ jew ‘“Parti Notifikanti”’) biħsiebha takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ VMware, Inc (4). (‘“VMware”’ u flimkien ma’ Broadcom il-”“Partijiet’”) (it-“‘Tranżazzjoni Proposta’”).

2.   PROĊEDURA

2.1.   Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)

2.

Fl-20 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (id-“‘Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c)’”), peress li l-investigazzjoni tal-Fażi I qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tat-Tranżazzjoni Proposta mas-suq intern. Fil-21 ta’ Diċembru 2022, ipprovdiet ukoll dokumenti ewlenin lill-Parti Notifikanti.

3.

Fit-13 ta’ Jannar 2023, il-Parti Notifikanti ppreżentat ir-rispons tagħha għad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c).

2.2.   L-ewwel estensjoni tal-limitu ta’ żmien

4.

Fit-12 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li jirrikjedu kull waħda mill-Partijiet rispettivament jipprovdu l-informazzjoni li kienet l-oġġett ta’ talba preċedenti għal informazzjoni, sat-23 ta’ Jannar 2023 (5). Il-limitu ta’ żmien applikabbli msemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ġie sospiż (6) mill-24 ta’ Jannar 2023 sal-15 ta’ Frar 2023.

2.3.   It-tieni estensjoni tal-limitu ta’ żmien

5.

Fit-13 ta’ Marzu 2023, bi ftehim mal-Parti Notifikanti, il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-Fażi II ġie estiż b’għaxart ijiem tax-xogħol skont l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.4.   Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

6.

Fit-12 ta’ April 2023, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (id-“DO”), li ġiet notifikata formalment lill-Parti Notifikanti fit-13 ta’ April 2023, wara li ntbagħtet kopja bil-quddiem fit-12 ta’ April 2023.

7.

L-iskadenza tal-Partijiet biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom kienet is-26 ta’ April 2023.

2.5.   Aċċess għal fajl wara d-DO

8.

Fit-13 ta’ April 2023, il-Parti Notifikanti ngħatat aċċess għal fajl permezz ta’ folder “.zip” kriptat mibgħut bil-posta elettronika (l-“Aċċess Inizjali għal Fajl”).

9.

Permezz tal-ittra tal-20 ta’ April 2023 lill-Uffiċjal tas-Seduta, Broadcom ippreżentat talba għal aċċess ulterjuri għall-fajl skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE (l-“Ewwel Talba skont l-Artikolu 7”). Broadcom talbet b’mod partikolari li l-konsulenti esterni tagħha jingħataw aċċess, tal-inqas permezz ta’ tim nadif (clean team), jew xi proċedura oħra ta’ aċċess ristrett, għal: (i) għadd ta’ dokumenti li għalihom Broadcom ma ngħatat l-ebda aċċess; (ii) ċerti partijiet redatti ta’ dokumenti diġà pprovduti lil Broadcom matul l-Aċċess Inizjali għal Fajl; (iii) tweġibiet għal kwestjonarji b’għażla multipla mibgħuta lil partijiet terzi fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq.

10.

Id-DĠ Kompetizzjoni, fuq talba tiegħi, segwa t-talbiet ta’ Broadcom u, fil-25 ta’ April 2023, ta aċċess lill-konsulent estern ta’ Broadcom għall-evidenza msemmija skont (i) u (ii) hawn fuq permezz ta’ Kamra tad-Data (7). Id-DĠ Kompetizzjoni segwa wkoll it-talba skont il-punt (iii), u pprovda kjarifika ulterjuri dwar it-tweġibiet għall-kwestjonarji b’għażla multipla.

2.6.   Tweġiba għad-DO

11.

Fis-26 ta’ April 2023, il-Parti Notifikanti ppreżentat it-tweġiba tagħha għad-DO (it-“‘Tweġiba għad-DO’”) sal-iskadenza stabbilita mid-DĠ Kompetizzjoni. Fit-Tweġiba għad-DO, il-Parti Notifikanti talbet li ssir seduta orali formali.

2.7.   Persuni terzi interessati

12.

Matul il-proċedimenti, aċċettajt żewġ impriżi bħala terzi persuni interessati skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. Il-persuni terzi interessati ngħataw verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO.

13.

Waħda mill-impriżi esprimiet interess li tipparteċipa f’seduta orali potenzjali u ġiet formalment mistiedna għas-Seduta Orali fit-28 ta’ April 2023, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. Madankollu, fit-3 ta’ Mejju 2023, l-istess impriża rtirat it-talba tagħha biex tipparteċipa fis-Seduta Orali. L-impriża l-oħra esprimiet l-interess tagħha li tipparteċipa fis-Seduta Orali, iżda jien irrifjutajt it-talba tagħha prinċipalment minħabba t-tardività tagħha (8).

3.   SEDUTA ORALI U PROĊEDURA WARA S-SEDUTA ORALI

14.

Fil-5 ta’ Mejju 2023, saret seduta orali formali (is-“Seduta Orali”).

15.

Id-delegati li jirrappreżentaw il-Partijiet, il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru kienu preżenti fil-kamra. Rappreżentanti addizzjonali tal-Partijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni pparteċipaw mill-bogħod.

3.1.   Aċċess għal fajl wara s-Seduta Orali

16.

Wara s-Seduta Orali, fit-8 ta’ Mejju 2023 filgħaxija, il-konsulent legali ta’ Broadcom bagħat Talba addizzjonali u supplimentari skont l-Artikolu 7 (it- “Tieni Talba skont l-Artikolu 7”). Fit-Tieni Talba skont l-Artikolu 7, Broadcom talbet li jkun hemm aċċess ulterjuri għal: (i) il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-Rapport tal-Kamra tad-Data li tindika li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-Rapport kienet ġiet redatta b’mod eċċessiv; (ii) għadd ta’ tweġibiet għal wieħed mill-kwestjonarji tat-test tas-suq (9) mibgħuta lil partijiet terzi fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-suq; u (iii) kopji tal-abbozzi kollha tal-minuti tat-telefonati skambjati bejn il-Kummissjoni u partijiet terzi, li jindikaw li l-“minuti miftiehma” tat-telefonati ma’ partijiet terzi inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxux rekords preċiżi tad-dikjarazzjonijiet ta’ parti terza u li l-fajl tal-Kummissjoni għandu, fil-prinċipju, jinkludi reġistrazzjonijiet u/jew traskrizzjonijiet verbatim ta’ dawn it-telefonati.

17.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qist li s-sustanza tal-Ewwel Talba skont l-Artikolu 7 kienet ġiet issodisfata parzjalment mid-DĠ Kompetizzjoni (ara l-paragrafu 10 hawn fuq) u parzjalment sostitwita bit-Tieni Talba skont l-Artikolu 7 u infurmajt lil Broadcom kif xieraq fil-25 ta’ Mejju 2023.

18.

Fir-rigward tat-Tieni Talba skont l-Artikolu 7, fit-23 ta’ Ġunju adottajt deċiżjoni skont l-Artikolu 7 tat-Termini ta’ Referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta li tirrifjuta t-Tieni Talba skont l-Artikolu 7. Fl-24 ta’ Ġunju 2023, infurmajt lil Broadcom kif xieraq.

19.

Kif deskritt fil-paragrafu 16 hawn fuq, fit-Tieni Talba skont l-Artikolu 7, Broadcom enfasizzat li l-fajl tal-Kummissjoni ma kienx fih “traskrizzjonijiet verbatim” u/jew reġistrazzjonijiet tat-telefonati tal-Kummissjoni mal-parteċipanti fis-suq, iżda esklużivament il-minuti miftiehma tat-telefonati. Broadcom affermat li dawn il-minuti miftiehma ma jikkostitwixxux rekords preċiżi tad-dikjarazzjonijiet attwali tal-parti terza, u fir-rigward ta’ għadd ta’ telefonati, talbet aċċess għal kopji tal-abbozzi kollha tal-minuti skambjati bejn il-Kummissjoni u partijiet terzi.

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QĠUE”) interpretat l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1/2003 (10) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 773/2004 (11) f’sensiela ta’ sentenzi (12) li jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dmir tal-Kummissjoni li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet li jsiru matul l-intervisti maħsuba biex jiġbru informazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni. It-talba ta’ Broadcom marret lil hinn mir-rekwiżiti imposti fuq il-Kummissjoni minn din il-ġurisprudenza, li ma tapplikax direttament għall-proċedimenti mwettqa skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet (13).

21.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda bażi biex jiġu rikjesti “traskrizzjonijiet verbatim” jew reġistrazzjonijiet awdjo integrali ta’ intervisti jew telefonati fi proċeduri tal-fużjonijiet. Ma nara l-ebda raġuni għaliex japplikaw rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni aktar stretti f’każijiet tal-fużjonijiet milli fi proċedimenti mwettqa skont ir-Regolament (KE) 1/2003. Sakemm il-Kummissjoni tipprovdi aċċess, fuq talba mid-destinatarju tad-DO, għal rekord affidabbli u dettaljat biżżejjed tal-kontenut ta’ laqgħa jew telefonata maħsuba biex tiġbor informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni (bħal minuti miftiehma tal-konverżazzjoni), id-drittijiet tad-difiża huma, fil-prinċipju, salvagwardjati biżżejjed.

22.

Jien irrifjutajt it-talba għal aċċess għall-iskambji kollha li jikkonċernaw it-tħejjija tal-minuti miftiehma, b’kont meħud, fost raġunijiet oħra: tan-natura manifestament kunfidenzjali tal-iskambji (li prinċipalment kienu jikkonċernaw talbiet ta’ kunfidenzjalità minn partijiet terzi skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 802/2004 (14)); tan-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-minuti miftiehma kienu b’xi mod qarrieqa jew mhux preċiżi; u tal-fatt li Broadcom kellha aċċess, għall-biċċa l-kbira tat-telefonati, mhux biss għall-minuti miftiehma iżda wkoll għall-aġenda kondiviża mid-DĠ Kompetizzjoni mal-partijiet terzi qabel kull telefonata.

3.2.   It-tielet estensjoni tal-limitu ta’ żmien

23.

Fit-12 ta’ Mejju 2023, il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-Fażi II ġie estiż bi tliet ijiem tax-xogħol wara talba tal-Parti Notifikanti u bi ftehim magħha skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.   OFFERTA TAL-IMPENJI U EŻAMI TAS-SUQ

24.

Fis-16 ta’ Mejju 2023, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji, bil-ħsieb li t-Tranżazzjoni Proposta ssir kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (l-“Impenji Inizjali”).

25.

Fit-23 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni nediet eżami tas-suq tal-Impenji Inizjali ppreżentati mill-Parti Notifikanti.

26.

Fit-8 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni tat feedback dettaljat lill-Parti Notifikanti dwar l-eżitu tal-eżami tas-suq.

27.

Fl-14 ta’ Ġunju 2023, wara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Impenji Inizjali, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett modifikat ta’ impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet sabiex tindirizza aħjar it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fid-DO (l-“Impenji Finali”).

4.1.   Aċċess għal fajl wara l-Impenji Finali

28.

Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-jum ta’ qabel ma saret il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, id-DĠ Kompetizzjoni ta aċċess għal tliet dokumenti addizzjonali lill-Partijiet permezz ta’ folder “.zip” kriptat mibgħut bil-posta elettronika.

5.   L-ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI

29.

L-abbozz ta’ deċiżjoni tindika li t-Tranżazzjoni Proposta hija kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE, soġġett għall-konformità sħiħa mal-Impenji Finali.

30.

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, ir-Rapport Finali għandu jikkunsidra jekk l-abbozz ta’ deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħatawx l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

31.

Wara l-analiżi tal-abbozz ta’ deċiżjoni, nikkonkludi li dan ma jittratta l-ebda oġġezzjoni li fir-rigward tagħha l-Partijiet ma ngħatawx l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

6.   KONKLUŻJONI

32.

Nikkonkludi li ġie rrispettat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet f’dan il-każ.

Brussell, it-30 ta' Ġunju 2023.

Eric GIPPINI FOURNIER

L-Uffiċjal tas-Seduta


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE” jew “it-Termini ta’ Referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta’”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(3)  Broadcom hija kumpanija globali tal-hardware, li tforni, fost affarijiet oħra, Kards għall-Interfaċċa tan-Network (Network Interface Cards, “NICs”), Adattaturi Host-Bus tal-Fibre Channel (Fiber Channel Host-Bus Adapters, “FC HBAs”) u adattaturi tal-ħżin u li espandiet fi swieq tas-software, prinċipalment għal applikazzjonijiet tas-sigurtà u tal-mainframe.

(4)  VMware hija kumpanija globali tas-software tal-virtwalizzazzjoni, li tforni, fost affarijiet oħra, software tal-virtwalizzazzjoni tas-server fl-ambjent tal-cloud fuq il-post u privat li jinteropera ma’ firxa wiesgħa ta’ hardware, inklużi NICs, FC HBAs u adattaturi tal-ħżin.

(5)  Talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-Partijiet fit-22 ta’ Diċembru.

(6)  Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Partijiet ippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa. Madankollu, fis-27 ta’ Jannar, Broadcom bagħtet reġistru tal-LPP rivedut u lott addizzjonali ta’ dokumenti. Fid-dawl ta’ din il-preżentazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni, permezz ta’ email lil Broadcom, iddeċidiet li tissospendi l-limitu ta’ żmien b’mod retroattiv mill-24 ta’ Jannar 2023.

(7)  Id-dokumenti ttellgħu, soġġett għall-kunsens tal-fornitur tad-data, fil-Kamra tad-Data f’dati separati (jiġifieri l-25, is-26 ta’ April u t-28 ta’ April 2023 u t-2 u t-3 ta’ Mejju 2023). L-aċċess għall-Kamra tad-Data inizjalment ingħata sat-28 ta’ April 2023. Fit-28 ta’ April 2023, l-aċċess għall-Kamra tad-Data ġie estiż sat-3 ta’ Mejju 2023.

(8)  It-talba biex tattendi s-Seduta Orali saret fit-2 ta’ Mejju 2023, fi stadju li fih l-aġenda għas-Seduta Orali kienet prattikament finali u ftit kien hemm lok biex jiġu akkomodati parteċipanti addizzjonali.

(9)  Il-Kwestjonarju 4 tal-investigazzjoni tal-Fażi I.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(12)  Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel Corp. vs Il-Kummissjoni, C-413/14 P, ECLI:EU:C:2017:632, il-paragrafi minn 84 sa 87 u minn 90 sa 91 u s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2022, Qualcomm Inc. vs Il-Kummissjoni, T-235/18, ECLI:EU:T:2022:358. il-paragrafi minn 184 sa 185 u minn 190 sa 199.

(13)  Kuntrarjament għall-Artikolu 3 tar-Regolament 773/2004, l-Artikolu 11(7) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ma fih l-ebda referenza għal “rekords” ta’ telefonati jew kuntatti simili.

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 tal-7 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2798/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)