Brussell, 10.11.2022

COM(2022) 577 final

2022/0362(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (il-“Ftehim tal-2015”) 1 ġie ffirmat u daħal f’applikazzjoni provviżorja fl-20 ta’ Mejju 2014 għal perjodu ta’ 6 snin. Il-Ftehim tal-2015 ġie mġedded b’mod taċitu fl-20 ta’ Mejju 2020.

Abbażi tad-direttivi ta’ negozjati rilevanti 2 , il-Kummissjoni wettqet negozjati mal-Gvern tas-Seychelles bl-għan li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat ftehim ġdid (il-“Ftehim”) fl-10 ta’ Ġunju 2022.

Il-Ftehim il-ġdid ikopri perjodu ta’ sitt snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stabbilita fl-Artikolu 18 tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu miż-żewġ Partijiet.

L-għan ta’ din il-proposta hu li tawtorizza l-konklużjoni tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE).

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-għan ewlieni tal-Ftehim il-ġdid huwa li jippermetti aktar tisħiħ ta’ sħubija strateġika mas-Seychelles u li jallinja l-kondizzjonijiet tekniċi u finanzjarji mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) mas-Seychelles u mal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ffirmat fl-2020 3 . Il-Ftehim jikkontribwixxi wkoll għal sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-UE u għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd f’Mayotte.

Il-Ftehim jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-Seychelles fl-ilmijiet tal-Unjoni ta’ Mayotte. Dawn l-opportunitajiet tas-sajd huma bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, u jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjoni reġjonali tas-sajd, li tiġġestixxi l-istokkijiet tal-ħut li jpassi ħafna, u tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC), fejn japplika fil-limiti tal-eċċess disponibbli.

Il-Ftehim jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għal tmien bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tas-Seychelles

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ ftehim ġdid jifforma parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd, kif ukoll l-Artikolu 218(6) TFUE li jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tan-negozjatur, irid jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-Ftehim.

L-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-UE. Għaldaqstant, l-uffiċjali maħturin mill-Kummissjoni huma l-uniċi li għandhom il-kompetenza jinnotifikaw lis-Seychelles li l-proċess tar-ratifika tlesta.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

•Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridika, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li jwettqu l-bastimenti tas-Seychelles fl-ilmijiet tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles, u evalwazzjoni ex ante ta’ SFPA u Protokoll possibbli fil-futur 4 , li jipprovdu wkoll rieżami tal-Ftehim.

Il-Ftehim jippermetti r-reċiproċità bejn iż-żewġ partijiet f’termini ta’ aċċess għall-ilmijiet għall-bastimenti tas-sajd tal-istess tip u li jistadu għall-istess speċi. Dan ġie mġedded filwaqt li tqies li l-Protokoll tal-SFPA bejn l-UE u s-Seychelles ġie mġedded ukoll, filwaqt li nżamm l-istess allinjament bejn iż-żewġ testi fir-rigward tal-kondizzjonijiet tekniċi u finanzjarji.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istudju ta’ evalwazzjoni kkonsulta mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tal-industrija, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-amministrazzjoni tas-sajd u mas-soċjetà ċivili tas-Seychelles. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni Ewropea u għar-Repubblika tas-Seychelles li jiġi konkluż ftehim ġdid.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni użat konsulent indipendenti għar-rieżami tal-Ftehim bħala parti mill-evalwazzjonijiet ex post u ex ante tal-FPA bejn l-UE u s-Seychelles f’konformità mal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Billi dan jikkonċerna l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UE, ma hemm l-ebda implikazzjoni finanzjarja mil-lat ta’ nefqa jew introjtu fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-arranġamenti dwar il-monitoraġġ huma previsti fil-Ftehim.

2022/0362 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u (7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 5 ,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’ [...] 6 , il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) ġie ffirmat fi [...], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)L-objettiv tal-Ftehim il-ġdid huwa li jippermetti aktar tisħiħ ta’ sħubija strateġika mas-Seychelles u li jallinja l-kondizzjonijiet tekniċi u finanzjarji tal-Ftehim ta’ Aċċess għas-Sajd mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) mas-Seychelles u mal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ffirmat fl-2020 7 , u li jikkontribwixxi għas-sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-UE u għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd f’Mayotte.

(3)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(4)L-Artikolu 8 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt inkarigat mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim. Skont il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova ċerti emendi fih. Jenħtieġ li jkun il-Kunsill li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni meta jiġu proposti l-emendi għall-Ftehim. Jenħtieġ li tkun il-Kummissjoni li f’isem l-Unjoni tapprova l-emendi proposti, dment li, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma jkunx hemm għadd ta’ Stati Membri li jikkostitwixxu minoranza li timblokka, li joġġezzjonaw għalihom.

(5)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 8 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u bagħat opinjoni fil-[daħħal id-data].

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni bħala l-Anness I.

Artikolu 2

F’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha twassal in-notifika prevista fl-Artikolu 20 tal-Ftehim, biex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Soġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li f’isem l-Unjoni tapprova l-emendi għall-Ftehim adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ftehim Bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 167, 6.6.2014, p. 4.
(2)    Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte (u direttivi ta’ negozjati relatati), adottata mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, l-24 ta’ Ottubru 2019, ST-13311-2019-INIT.
(3)    Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, ST/5246/2020/INIT, ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5–44.
(4)    ISBN: 978-92-76-01966-4 doi: 10.2771/47637.
(5)    ĠU C , , p. .
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/… tal-… 2021 dwar … (ĠU C […], […], p. […]).
(7)    Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, ST/5246/2020/INIT, ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5–44.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39 ).