28.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/320

tas-27 ta' Jannar 2015

dwar SA.26547 (11/C) (ex- NN 49/10 u CP 241/2008) — Il-Belġju — Fondazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd — Abbuż mill-għajnuna N 274/03

(notifikata bid-dokument C(2015) 321)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-26 ta' Ġunju 2003, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar skema ta' għajnuna mill-Istat immirata lejn il-finanzjament u l-istabbiliment ta' Stichting Duurzame Visserij Ontwikkeling (minn hawn 'il quddiem “SDVO”), organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ immirata lejn l-iżvilupp sostenibbli tas-Sajd fil-Belġju. Id-dispożizzjonijiet innotifikati jirrigwardaw il-finanzjament tal-SDVO u jinkludu l-istatut ta' assoċjazzjoni tal-SDVO. Il-Kummissjoni imbagħad approvat l-iskema fis-16 ta' Diċembru 2003 (2).

(2)

Fid-9 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet ilment (irreġistrat bħala CP 241/2008), li jirrapporta l-użu ħażin mill-SDVO ta' parti mill-għajnuna mħallsa taħt l-iskema.

(3)

Permezz ta' ittra tas-17 ta' Novembru 2008, il-Kummissjoni talbet kjarifika mingħand l-awtoritajiet Belġjani. Permezz ta' ittra tat-18 ta' Diċembru 2008, l-awtoritajiet Belġjani talbu estensjoni ta' xahar għall-iskadenza, li ngħatat. Permezz ta' ittra tas-16 ta' Jannar 2009, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni.

(4)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Settembru 2009, l-awtoritajiet Belġjani bagħtu r-rapport annwali (2008) tal-SDVO lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (3) (“ir-Regolament ta' Proċedura”).

(5)

Permezz ta' ittra tad-19 ta' Jannar 2010, il-Kummissjoni talbet aktar kjarifika mill-awtoritajiet Belġjani. Permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2010, l-awtoritajiet Belġjani talbu estensjoni tal-iskadenza, li ngħatat sad-9 ta' April 2010. Permezz ta' ittra tat-12 ta' April 2010, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni.

(6)

Permezz ta' ittra tad-19 ta' Jannar 2010, il-Kummissjoni staqsiet lill-ilmentatur jekk jixtieqx iżomm l-ilment tiegħu peress li s-cvba Schelpdier en vis, kumpanija sussidjarja maħluqa mill-SDVO, kienet waqqfet l-attivitajiet tagħha.

(7)

Permezz ta' ittra tat-18 ta' Frar 2010, l-ilmentatur indika r-raġunijiet għaliex xtaq iżomm l-ilment tiegħu.

(8)

Fit-22 ta' Ottubru 2010 l-fajl ġie rreġistrat bħala fajl NN.

(9)

Permezz ta' ittra tat-23 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju li ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għajnuna.

(10)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(11)

Permezz ta' ittra tas-7 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni rċeviet kummenti marbutin mad-Deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali mingħand il-benefiċjarju tal-iskema, trażmessi mill-awtoritajiet Belġjani. Il-Kummissjoni ma rċevitx kummenti oħrajn mill-ilmentatur jew minn xi parti interessata oħra.

2.   DESKRIZZJONI

(12)

L-iskema oriġinali ġiet innotifikata permezz ta' ittra tas-26 ta' Ġunju 2003. Din kienet ġiet irreġistrata taħt in-numru N 274/03.

(13)

L-iskema pprevediet ħlas annwali ta' madwar EUR 2 miljuni mir-riżorsi tal-Istat għal SDVO sabiex tippermetti lill-SDVO taħdem lejn l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd permezz ta' diversi azzjonijiet jew proġetti, skont l-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha.

(14)

L-iskema hija ffinanzjata minn riżorsi nazzjonali li jikkonsistu f'porzjon tal-ħlas tat-taxxa bil-quddiem (taxxa fuq il-pagi) mill-impjegaturi fis-settur tas-sajd.

(15)

L-iskema kienet meqjusa kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-informazzjoni pprovduta fin-notifika kif ukoll l-istatut ta' assoċjazzjoni tal-SDVO uriet li l-SDVO se twettaq proġetti fuq terminu qasir ta' interess kollettiv li jikkorrispondu għall-miżuri elenkati fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 (5).

3.   L-ILMENT

(16)

Skont l-ilmentatur, l-SDVO u s-cvba Schelpdier en vis użaw l-għajnuna mill-Istat CVBA, li inizjalment kienet maħsuba biex tgħin lis-settur tas-sajd kollu kemm hu, biex iniedu proġett kummerċjali tal-akkwakultura relatat mal-molluski, u b'hekk ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq.

(17)

L-ilmentatur żied li billi kienet kummerċjalment attiva fis-suq u billi, aktar tard, stabbiliet sussidjarja kummerċjali, l-SDVO kienet qed taġixxi kontra l-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha u tikkontradixxi l-istatus legali tagħha ta' assoċjazzjoni mhux bi skop ta' qligħ.

(18)

Biex jappoġġja t-talba tiegħu, l-ilmentatur rrileva li l-SDVO kienet żviluppat marka kummerċjali, nediet kampanja ta' pubbliċità kbira u kienet involuta fil-bejgħ tal-molluski. Dawn l-attivitajiet u l-miżuri kollha kienu meqjusin bħala komponenti tipiċi ta' attività kummerċjali.

(19)

Rigward it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, l-ilmentatur indika li ilu jesperimenta bil-kultivazzjoni tal-molluski lil hinn mill-kosta tul il-kosta Belġjana mill-1994. L-ilmentatur żviluppa l-marka tiegħu stess (il-Belgica mussels). Il-ġbir inbiegħ għall-ewwel darba fl-2008.

(20)

L-ilmentatur ikkonkluda li peress li l-SDVO qed tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li qed taġixxi fl-interess kollettiv tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

(21)

Rigward il-likwidazzjoni tas-cvba Schelpdier en vis, l-ilmentatur indika li, fl-opinjoni tiegħu, it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni ma kienx waqaf bil-likwidazzjoni tas-sussidjarja tal-SDVO peress li l-SDVO, wara l-likwidazzjoni tas-cvba Schelpdier en vis, baqgħet attiva fil-kummerċ tal-molluski.

4.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(22)

Fid-deċiżjoni tagħha għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha rigward il-konformità ta' xi wħud mill-proġetti mwettqa mill-SVDO mal-istatut ta' assoċjazzjoni nnotifikat lill-Kummissjoni u pprovat minnha. Il-Kummissjoni għalhekk tissuspetta li l-SDVO kienet abbużat mill-għajnuna taħt l-iskema.

(23)

Il-proġetti inkwistjoni huma dawn li ġejjin:

—

Il-proġett tal-molluski: L-SDVO nediet kampanja ta' pubbliċità estensiva għall-molluski tagħha. Il-materjal pubbliċitarju ma jippromwovix il-molluski b'mod ġenerali, imma huwa bbażat fuq marka kummerċjali partikolari (Flanders Queen Mussel), immirat lejn impriża partikolari (SDVO) u fih diversi referenzi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti (Flanders). Barra minn hekk, l-SDVO estendiet il-proġett tal-molluski billi akkwistat u għamlet użu minn 87 gaġġa addizzjonali, u b'hekk għamlet investiment fit-tul.

—

Tfittxija għal ħażniet ġodda ta' frott tal-baħar bil-qoxra: L-SDVO jidher li aġixxiet bħala promutur ta' kampanja sperimentali tas-sajd li timmira li tidentifika l-preżenza ta' ħażniet ta' frott tal-baħar bil-qoxra li kummerċjalment jistgħu jiġu sfruttati fuq il-Blata Kontinentali Belġjana.

—

Kampanja ta' promozzjoni Dagverse Vis: Din il-kampanja għandha l-għan li ssaħħaħ l-immaġni tas-sajd Belġjan billi tippromwovi l-ispeċi ta' ħut maqbud frisk, popolari, u inqas magħruf, maqbud minn sajjieda qrib il-kosta, lill-pubbliku ġenerali. Din l-azzjoni tinvolvi l-parteċipazzjoni ta' kokijiet primi, li joffru speċi inqas magħrufin ta' ħut fir-ristoranti tagħhom. Huwa ttamat li jekk il-kokijiet primi joffru speċi ta' ħut inqas magħrufin fir-ristoranti tagħhom, is-sajjieda ta' qrib il-kosta se jkunu jistgħu jiksbu prezz raġonevoli għal dawn l-ispeċi ta' ħut, b'tali mod li kull konnessjoni fl-industrija tas-sajd tieħu remunerazzjoni ġusta għall-prodott tagħha.

(24)

Rigward il-proġett tal-molluski, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-SDVO aġixxiet b'kontravenzjoni tal-istatut ta' assoċjazzjoni (u għalhekk l-iskema) tagħha, u dan jindika b'mod espliċitu li l-SDVO ser issaħħaħ l-immaġni tas-sajd bil-baħar iżda mingħajr ma tpoġġi fil-mira tagħha lil kwalunkwe kumpanija partikolari u mingħajr ma tagħmel referenza għall-oriġini ġeografika tal-prodotti u tipprojbixxi miżuri ta' promozzjoni bbażati madwar marka kummerċjali u/jew tirreferi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar kemm l-SDVO aġixxiet f'konformità mal-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha u d-Deċiżjoni Nru 274/03 meta għamlet użu minn 87 gaġġa addizzjonali, u dan minħabba li ma din l-azzjoni m tantx tista' titqies bħala waħda għal żmien qasir; pjuttost hi azzjoni li tikkorrispondi ma' investiment fuq perjodu ta' żmien twil, u li diffiċli jiġi rrikonċiljat mal-kunċett ta' azzjoni għal perjodu qasir.

(25)

Fejn jidħol il-proġett li jikkonsisti fis-sejbien ta' ħażniet ġodda ta' molluski, il-Kummissjoni osservat li dan mhuwiex elenkat bħala wieħed mill-missjonijiet tal-SDVO fl-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha. B'mod partikolari, ma jidhirx li jikkorrispondi mal-missjonijiet deskritti taħt l-intestatura (c) Titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u l-kontroll fuq is-sajd. Tabilħaqq, is-sejbien ta' ħażniet ġodda ta' frott tal-baħar bil-qoxra kummerċjalment sfruttabbli ma jikkorrispondix mal-monitoraġġ permanenti tal-kwalità u l-kwantità tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u lanqas mal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-settur tas-sajd jew mal-għoti ta' pariri lill-gvern dwar il-kontroll fuq l-isforz tas-sajd. L-identifikazzjoni tal-preżenza ta' ħażniet ta' frott tal-baħar bil-qoxra kummerċjalment sfruttabbli fuq il-Blata Kontinentali Belġjana ma tidhirx li għandha fil-mira tagħha l-konservazzjoni ta' dawk l-istokkijiet imma pjuttost l-isfruttament tagħhom.

(26)

Fl-aħħar nett, fuq il-kampanja ta' promozzjoni Dagverse vis , il-Kummissjoni nnutat li billi tfaħħar l-oriġini Belġjana tal-prodotti (ħut maqbud mill-flotta kostali Belġjana) b'kuntrast ma' ħut maqbud minn bastimenti barranin, l-SDVO għamlet referenza għall-oriġini ġeografika tal-prodotti u aġixxiet b'kontravenzjoni għall-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha u għad-Deċiżjoni N 274/2003. Madankollu, il-Kummissjoni nnutat il-fatt li l-kampanja Dagverse vis ġiet adattata u kienet diġà waqfet tagħmel referenza għall-oriġini ġeografika tal-prodotti meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta' ftuħ.

5.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(27)

Bi tweġiba għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni 2011 għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tal-iskema, Stichting Duurzame Visserij Ontwikkeling (SDVO), mibgħuta mill-awtoritajiet nazzjonali.

(28)

Ma wasal ebda kumment addizzjonali mingħand l-ilmentatur.

(29)

L-SDVO tenniet il-pożizzjoni tagħha, kif ġej:

5.1.   Il-proġett tal-molluski

(30)

Il-proġett tal-molluski sar f'żewġ stadji. Fl-ewwel fażi, intużaw 13-il gaġġa ta' molluski prototip, żviluppati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti klimatoloġiċi u nawtiċi tal-kosta Belġjana. Fit-tieni fażi, intużaw 87 gaġġa addizzjonali ta' molluski.

(31)

Sabiex jiġi vvalutat jekk il-proġett kienx ekonomikament vijabbli, kien meħtieġ li jgħaddu minn proċess sħiħ ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni. L-istadji differenti tal-proċess kellhom jiġu segwiti effettivament, inklużi l-attivitajiet promozzjonali.

(32)

Il-kampanja pubbliċitarja twettqet fl-2007, 2008 u 2009 u kienet, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Kummissjoni, ta' tul ta' żmien u firxa limitata.

(33)

Din il-kampanja pubbliċitarja tista' tiġi kkunsidrata bħala ta' interess ġenerali. Dejjem kien hemm l-intenzjoni li, wara l-istadju tar-riċerka, il-proġett jiġi ttrasferit lil kooperattiva miftuħa għal kulħadd, inkluż l-ilmentatur.

(34)

L-SDVO kellha l-intenzjoni li tiżviluppa l-marka kummerċjali Flanders Queen għall-għanijiet speċifiċi tal-proġett. Il-marka kummerċjali kellha tintuża darba biss. Fl-aħħar tal-proġett, l-isem kummerċjali kellu jisparixxi. Madankollu, mat-trasferiment tal-proġett lill-VSVC apparentement kienet ittieħdet id-deċiżjoni li jitkompla l-bejgħ tal-molluski taħt dan l-isem.

(35)

L-iżvilupp tal-proġett u l-kampanja promozzjonali ma għandhomx jitqiesu bħala spejjeż matul proċess ta' produzzjoni normali. Il-proġett mar lil hinn milli kieku kien isir minn impriża privata peress li l-ispejjeż assoċjati jkunu għoljin ħafna. Impriża privata sempliċiment ma tkunx lesta li tagħmel l-investimenti meħtieġa sempliċement biex tittestja l-aħjar metodu li għandu jiġi applikat jew sempliċiment biex tidentifika żoni adatti għall-kultivazzjoni tal-molluski.

5.2.   Sejba ta' ħażniet ġodda ta' krostaċej

(36)

L-SDVO hija tal-opinjoni li s-sejba ta' ħażniet ġodda ta' frott tal-baħar bil-qoxra taqa' fl-ambitu tal-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha; peress li attività bħal din għandha tiġi kkunsidrata bħala miżuri ta' kontroll u ta' konservazzjoni kif iddefinit mill-kategorija (c) tal-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha.

(37)

Barra minn hekk, il-proġett huwa parti minn konverżjoni tal-flotta tas-sajd meħtieġa fost l-oħrajn mit-telf taż-żoni tas-sajd bħala riżultat tal-installazzjoni ta' parks ta' mtieħen tar-riħ lil hinn mill-kosta.

5.3.   Il-kampanja ta' promozzjoni Dagverse Vis

(38)

L-SDVO rrilevat li kampanja ta' promozzjoni ġiet riveduta u r-referenza għall-oriġini ġeografika użata inizjalment kienet tneħħiet.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   Il-proġett tal-molluski: l-iżvilupp ta' isem kummerċjali u pubbliċità

(39)

Kif deskritt hawn fuq, l-SDVO nediet kampanja pubbliċitarja estensiva għall-molluski tagħha. Il-materjal pubbliċitarju ma jippromwovix il-promozzjoni tal-molluski b'mod ġenerali, imma huwa bbażat fuq marka kummerċjali partikolari (Flanders Queen Mussel), jimmira impriża partikolari (SDVO) u fih diversi referenzi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti (jiġifieri Flanders).

(40)

Minħabba f'hekk, l-SDVO aġixxiet f'kontradizzjoni mal-istatut ta' assoċjazzjoni (u għalhekk l-iskema) tagħha peress li dan l-istatut jindika b'mod espliċitu li l-SDVO se ssaħħaħ l-immaġni tas-sajd tal-baħar, iżda mingħajr ma tpoġġi fil-mira tagħha lil xi ditta partikolari u mingħajr ma tirreferi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti u tipprojbixxi miżuri ta' promozzjoni bbażati fuq marka kummerċjali u/jew tirreferi għall-oriġini ġeografika tal-prodotti. Barra minn hekk, l-SDVO aġixxiet f'kontradizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 274/03 li tindika espliċitament li ma hi permessa ebda referenza ġeografika.

(41)

L-awtoritajiet Belġjani sostnew li l-marka kummerċjali ġiet żviluppata biss għall-proġett pilota. Din se tintuża darba biss u wara għandha titneħħa gradwalment u tisparixxi mat-tlestija tal-proġett.

(42)

Il-Kummissjoni, madankollu, tosserva li l-marka kummerċjali baqgħet tintuża anke wara li l-proġett pilota ntemm. Fil-fatt, mat-trasferiment tal-proġett tal-molluski lill-VSVC, il-bejgħ tal-molluski kompla taħt l-isem Flanders Queen Mussel. Barra minn hekk, is-sit elettroniku tal-SDVO pprovda informazzjoni dwar minn fejn jista' jinkiseb il-Flanders Queen Mussel.

(43)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-SDVO organizzat numru ta' avvenimenti promozzjonali u pubbliċitarji għall-Flanders Queen Mussel matul l-2007, l-2008 u l-2009. Il-fatt li dawn l-attivitajiet seħħew ripetutament tul numru ta' snin jindika li din ma kinitx kampanja li kienet żgħira jew temporanja, u konsegwentement ma tistax titqies bħala promozzjoni limitata fiż-żmien u fl-ambitu. Barra minn hekk, parti mill-attivitajiet pubbliċitarji (2008 u 2009) fil-fatt saru wara li l-istudji kkummissjonati fil-qafas tal-proġett pilota kienu diġà ġew ikkonsenjati. Fil-fatt, ir-rapport finali dwar il-fattibilità ekonomika tal-proġett tal-molluski ġie kkonsenjat fit-22 ta' Novembru 2007 u r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' kummerċjalizzazzjoni ġew ippreżentati fil-21 ta' Frar 2008.

(44)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota li l-projbizzjoni għall-promozzjoni ta' marki partikolari u biex issir referenza fl-operazzjonijiet pubbliċitarji għall-oriġini ġeografika tal-prodotti, tapplika għall-operazzjonijiet kollha. Għalhekk, anki proġetti għal żmien qasir (iffinanzjati minn fondi pubbliċi) mhumiex permessi li jkollhom fil-mira tagħhom il-promozzjoni ta' marki partikolari jew jagħmlu referenzi għal żoni ġeografiċi. L-iskema u d-Deċiżjoni Nru 274/03 ma jipprevedu ebda eċċezzjoni għal din ir-regola u ma setgħux jipprevedu eċċezzjoni bħal din, peress li dan kien ikun kontra l-Linji Gwida tas-Sajd tal-2001.

(45)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni taħseb li huwa improbabbli li kampanja pubbliċitarja estensiva bħal din tista' raġonevolment titqies bħala azzjoni ta' interess kollettiv b'mod partikolari peress li mhijiex ġenerali iżda mmirata fuq marka kummerċjali speċifika. Dan huwa saħansitra aktar il-każ peress li kien hemm impriża konkorrenti li kienet qed tiżviluppa l-marka tagħha stess.

(46)

Fl-aħħar nett, l-iżvilupp ta' isem kummerċjali għal prodott li se jinbiegħ fis-suq u t-tnedija ta' kampanja pubbliċitarja jikkorrispondu ma' nfiq li jseħħ fil-proċess ta' produzzjoni normali u għalhekk ma tħallewx isiru skont l-iskema.

(47)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li bl-iżvilupp tal-isem kummerċjali u bit-tnedija tal-kampanja pubbliċitarja u promozzjonalii għall-Flanders Queen Mussel, l-SDVO kienet qed taġixxi barra mill-ambitu tal-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha u d-Deċiżjoni Nru 274/03.

(48)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-SVDO abbużat mill-għajnuna awtorizzata taħt l-Iskema fejn jidħol l-iżvilupp ta' isem kummerċjali u l-pubbliċità.

6.2.    Il-proġett tal-molluski: użu ta' 87 gaġġa addizzjonali

(49)

Il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li l-proġett tal-molluski jikkonsisti f'partijiet differenti. Fil-fatt, l-ewwel parti tal-proġett mhijiex ikkontestata billi t-tħassib tagħha jikkonċerna l-investimenti magħmula wara t-tlestija tal-proġett pilota. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li billi akkwistat u użat is-87 gaġġa addizzjonali tal-molluski, l-SDVO ma aġixxietx f'konformità mal-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha u d-Deċiżjoni Nru 274/03.

(50)

L-awtoritajiet Belġjani huma tal-fehma li l-użu tas-87 gaġġa addizzjonali kien operazzjoni għal żmien qasir b'enfasi fuq l-interess kollettiv. Barra minn hekk huma jargumentaw li ż-żieda fin-numru ta' gaġeġ kellha ambitu usa' milli jkollhom operazzjonijiet normalment imwettqa minn negozji privati peress li negozju privat sempliċiment ma jinvestix fuq skala tant kbira mingħajr ma jkun jaf li l-operazzjoni tista' tagħmel profitt fuq skala kbira.

(51)

Madankollu, il-Kummissjoni tiddubita jekk l-akkwist u l-użu ta' 87 gaġġa addizzjonali jistgħux jitqiesu bħala azzjoni għal perjodu qasir.

(52)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssib li l-akkwist ta' 87 gaġġa addizzjonali jikkorrispondi ma' investiment fit-tul li huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-kunċett ta' azzjoni għal perjodu qasir.

(53)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-SDVO ma tidhirx li kkonċepiet l-akkwist ta' 87 gaġġa addizzjonali bħala azzjoni għal perjodu qasir li sservi esklussivament l-iskop li tagħmel l-istudju possibbli. L-SDVO ttrattat l-akkwist tal-gaġeġ bħala investiment u fittxet modi biex ikollha redditu fuq l-investiment. Fil-fatt, fl-2008 diġà kellha pjanijiet biex tkompli n-negozju permezz ta' sussidjarja stabbilita ġdida. Fl-2009 ukoll, meta l-SDVO uffiċjalment waqfet tbigħ il-Flanders Queen Mussel, fil-verità kienet kompliet, madankollu, tagħmel użu mis-87 gaġġa addizzjonali. Fil-fatt, hija kriet is-servizzi tagħha tal-infrastruttura u tal-ħsad lil kumpanija oħra u għalhekk wettqet attività kummerċjali. Il-fatt li kumpanija sussidjarja kummerċjali ġiet stabbilita biex tisfrutta l-proġett tal-molluski jidher li jikkonferma li fil-fatt ma kien hemm ebda intenzjoni ġenwina f'isem l-SDVO biex sempliċiment tagħti r-riżultati għall-benefiċċju tas-settur.

(54)

F'dan il-kuntest il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet konklużi fl-2009 bejn l-SDVO u l-VSVC kien fihom dispożizzjonijiet maħsuba biex jipproteġu l-interessi kummerċjali tal-VSVC (eż. arranġament ta' garanzija, dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi bejn il-VSVC u produtturi oħrajn). Dawn it-tipi ta' arranġamenti u dispożizzjonijiet jidhru li jikkonfermaw li l-użu tal-gaġeġ addizzjonali kien attività kummerċjali u ma kienx fl-interess kollettiv.

(55)

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, is-87 gaġġa addizzjonali jikkorrispondu ma' nfiq li jappartjeni għal produzzjoni normali. Fil-fatt, il-Kummissjoni temmen li ladarba l-fattibbiltà ekonomika u bijoloġika tal-prodott tkun ġiet ittestjata u kkonfermata, ikun parti mill-proċess normali ta' produzzjoni u ta' żvilupp tan-negozju ta' kumpanija li din takkwista u tespandi l-mezzi ta' produzzjoni tagħha.

(56)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tal-awtoritajiet Belġjani li jgħid li ebda kumpanija ma tinvesti f'mezzi ta' produzzjoni addizzjonali mingħajr ma jkollha garanziji minn qabel li l-produzzjoni fuq skala ikbar se tagħti profitt. Fil-fatt, il-kumpaniji jinvestu fil-produzzjoni fuq skala ikbar ukoll f'sitwazzjonijiet fejn ebda kumpanija oħra tkun għadha ma ppruvat tipproduċi fuq l-istess skala. Dawn jiddependu fuq l-esperjenza tal-passat tagħhom fil-produzzjoni fuq skala iżgħar u fuq previżjonijiet futuri. Huwa prinċipju ta' ekonomija ġenerali li minħabba l-ekonomiji ta' skala, dak li hu possibbli u ta' profitt fuq skala żgħira huwa possibbli wkoll u saħansitra aktar profittabbli fuq skala ikbar peress li l-ispejjeż fissi se jkunu mifruxin fuq kwantità ikbar ta' prodotti.

(57)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tqisx li, meta espandiet il-mezzi ta' produzzjoni tagħha, l-SDVO wettqet azzjoni fl-interess tas-settur. Peress li diġà kien hemm operatur ieħor stabbilit f'dan is-settur li kien qed jiżviluppa negozju fuq skala reali, l-akkwist u l-użu ta' 87 gaġġa addizzjonali fil-fatt kellu impatt dirett fuq is-suq u fuq il-kompetizzjoni. Dan jidher ukoll mill-fatt li l-SDVO dehret bħala kompetitur pjuttost milli entità li twettaq esperiment.

(58)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-SVDO kienet qed tabbuża mill-għajnuna awtorizzata taħt l-Iskema fejn jidħol l-użu tas-87 gaġġa addizzjonali.

6.3.   Il-kampanja promozzjonali Dagverse vis

(59)

Il-Kummissjoni tinnota li billi tfaħħar l-oriġini Belġjana tal-prodotti (ħut maqbud mill-flotta kostali Belġjana) b'kuntrast ma' ħut maqbud minn bastimenti barranin, l-SDVO effettivament għamlet referenza għall-oriġini ġeografika tal-prodotti u bħala tali aġixxiet b'kontravenzjoni tal-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha u tad-Deċiżjoni Nru 274/03.

(60)

Il-Kummissjoni madankollu tinnota l-fatt li l-kampanja Dagverse vis ġiet adattata u ma baqgħetx tagħmel referenza għall-oriġini ġeografika tal-prodotti.

(61)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-SVDO qed tuża ħażin l-għajnuna awtorizzata taħt l-Iskema safejn hija kkonċernata l-kampanja promozzjonali li tagħmel referenza għall-oriġini ġeografika.

6.4.   Sejba ta' ħażniet ġodda ta' frott tal-baħar bil-qoxra

(62)

Il-Kummissjoni tosserva li s-sejba ta' ħażniet ġodda ta' frott tal-baħar bil-qoxra mhix elenkata fost il-missjonijiet tal-SDVO fl-istatut ta' assoċjazzjoni tagħha. B'mod partikolari, ma tidhirx li tikkorrispondi mal-missjonijiet deskritti taħt l-intestatura (c) It-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u l-kontroll fuq is-sajd. Fil-fatt, is-sejba ta' ħażniet ġodda kummerċjalment sfruttabbli ta' frott tal-baħar bil-qoxra ma tikkorrispondix mal-monitoraġġ permanenti tal-kwalità u l-kwantità tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u lanqas mal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-settur tas-sajd jew mal-għoti ta' pariri lill-gvern dwar il-kontroll tal-isforz tas-sajd.

(63)

Minħabba f'hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li miżuri bħal dawn ma jappartjenux għat-tip ta' miżuri approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha N 274/03. Din la hija miżura ta' kontroll u lanqas miżura ta' konservazzjoni. Għall-kuntrarju, il-miżura għandha fil-mira tagħha l-isfruttament kummerċjali tal-ħażniet li jinstabu u evenwalment se tirriżulta fi sforz tas-sajd ikbar.

(64)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li s-sejba ta' ħażniet ġodda kummerċjalment sfruttabbli ta' frott tal-baħar bil-qoxra ma setgħetx kienet tappartjeni għall-miżuri approvati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha Nru 274/03 għax, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 li jirreferu għalih il-Linji Gwida tas-Sajd tal-2001, is-sajd sperimentali jista' jkun appoġġjat mill-FIFG (6) biss meta din tpoġġi fil-mira tagħha l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd.

(65)

Kif diġà msemmi, l-identifikazzjoni tal-preżenza ta' ħażniet kummerċjalment sfruttabbli ta' frott tal-baħar bil-qoxra fuq il-Blata Kontinentali Belġjana ma tidhirx li tpoġġi fil-mira tagħha l-konservazzjoni ta' dawk l-istokkijiet, imma pjuttost l-isfruttament tagħhom.

(66)

Barra minn hekk, it-tiftix għal ħażniet sfruttabbli ġodda jikkorrispondi ma' operazzjoni li normalment issir minn negozji privati u nfiq relatat ma' tali impriża jikkorrispondi għal spejjeż normali ta' produzzjoni u għalhekk ma jistax jiġi ffinanzjat taħt l-iskema.

(67)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-SVDO abbużat mill-għajnuna awtorizzata taħt l-Iskema fejn tidħol l-inizjattiva biex jinstabu ħażniet ġodda ta' frott tal-baħar bil-qoxra.

7.   KONKLUŻJONI

(68)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li meta pparteċipat fil-proġetti msemmijin skont il-paragrafi 6.1 sa 6.4, l-SDVO ma aġixxietx f'konformità mal-istatut ta' assoċjazzjoni nnotifikat u approvat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Diċembru 2003. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li l-SDVO abbużat minn parti mill-għajnuna mogħtija taħt l-iskema.

(69)

F'dan il-kuntest il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-irkupru mingħand il-benefiċjarju ta' għajnuna li jkun sar abbuż minnha hija prattika stabbilita skont l-Artikolu 107. Din il-prattika hija kkonfermata permezz tal-Artikolu 14 tar-Regolament Proċedurali.

(70)

Il-Belġju għalhekk għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupra mill-benefiċjarju l-għajnuna li jkun sar abbuż minnha. Il-Belġju għandu jirkupra l-ammonti kollha li ntnefqu fuq l-iżvilupp tal-proġetti msemmija fil-paragrafi 6.1 sa 6.4. Għal dak il-għan, il-Belġju għandu jitlob lill-benefiċjarju jħallas lura l-għajnuna fi żmien erba' xhur minn dakinhar li tiġi nnotifikata d-Deċiżjoni.

(71)

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Proċedurali jiddikjara li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi imgħax f'rata xierqa stabbilita mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna li sar abbuż minnha kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha.

(72)

L-imgħax għandu jiġi kkalkulat f'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (7). Il-Kummissjoni titlob lill-Belġju biex jitlob lill-benefiċjarju jħallas lura l-għajnuna, inkluż l-imgħax, fi żmien erba' xhur wara din id-Deċiżjoni kif speċifikat hawn taħt.

(73)

Il-Kummissjoni titlob lill-Belġju jipprovdi l-informazzjoni mitluba permezz tal-kwestjonarju mehmuż fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni, filwaqt li jindika b'mod ċar il-miżuri ppjanati u l-miżuri li diġà ttieħdu biex ikun hemm irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna mill-Istat li jkun sar abbuż minnha. Fi żmien xahrejn mid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni titlob lill-Belġju jippreżenta d-dokumenti kollha li jagħtu prova li jkunu nbdew il-proċedimenti ta' rkupru kontra l-benefiċjarju tal-għajnuna li jkun sar abbuż minnha, jiġifieri ċirkolari, ordnijiet ta' rkupru, eċċ.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġetti li jikkonsistu fl-iżvilupp ta' isem kummerċjali u pubbliċità, l-użu ta' 87 gaġġa addizzjonali, il-kampanja ta' promozzjoni Dagverse vis u s-sejba ta' ħażniet ġodda ta' molluski, l-SDVO ma aġixxietx f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru 274/03. Abbuż minn għajnuna bħal din mill-benefiċjarju mhuwiex kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Belġju għandu jirkupra mill-SDVO l-għajnuna li sar abbuż minnha rigward il-proġetti li jikkonsistu fl-iżvilupp ta' isem kummerċjali u pubbliċità, l-użu ta' 87 gaġġa addizzjonali, il-kampanja promozzjonali Dagverse vis u s-sejba ta' ħażniet ġodda ta' krostaċej.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (8) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur minn dakinhar li tiġi nnotifikata d-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn minn dakinhar li tiġi nnotifikata d-Deċiżjoni, il-Belġju għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dokumentazzjoni marbuta mal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li turi l-ammont totali ta' għajnuna relatata mal-proġetti msemmija fl-Artikolu 2. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta permezz tal-kwestjonarju mehmuż fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni;

(b)

l-ammont totali li għandu jiġi rkuprat (kapital u imgħax);

(c)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri diġà meħuda jew ippjanati biex ikun hemm konformità ma' din id-deċiżjoni;

(d)

dokumentazzjoni li turi li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas l-għajnuna lura.

2.   Il-Belġju għandu jżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun komplut. Huwa għandu jissottometti immedjatament, fuq talba mill-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. Huwa għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u imgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 149, 20.5.2011, p. 10.

(2)   ĠU C 28, 31.1.2004, p. 3.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10).

(6)  L-Istrument Finanzjarju għal Gwida tas-Sajd, ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1263/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar l-Istrument Finanzjarju għal Gwida tas-Sajd (ĠU L 161, 26.6.1999, p. 54).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (bħalissa l-Artikolu 108 tat-TFUE) (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).