IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.8.2021
COM(2021) 467 final
ANNESS
ta'
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 30 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika, u l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet
(Programm tas-Suq Uniku)
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru [...]
ta’ [...]
li temenda l-Protokoll 30 tal-Ftehim ŻEE, dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika, u l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,
Billi:
(1)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jiġi estiż biex jinkludi r-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014.
(2)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2021/690 tibda mill-1 ta’ Jannar 2021, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk l-issodisfar tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, jiġi nnotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2021.
(3)L-entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kostijiet imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE, sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.
(4)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.
(5)Għaldaqstant, il-Protokolli 30 u 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan, sabiex jippermettu li din il-kooperazzjoni estiża tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll 30 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:
1.It-test tal-Artikolu 5(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu skont l-Artikolu 82(1)(a) tal-Ftehim u r-Regolamenti Finanzjarji tiegħu b’ammont li jirrappreżenta 75 fil-mija.”
2.
Dan li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 5 (Programm Statistiku 2013-2020):
“Artikolu 6
Azzjonijiet statistiċi bejn mill-2021 sal-2027
1.
L-att segwenti huwa l-oġġett ta’ dan l-Artikolu:
-32021 R 0690: Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).
2.
L-objettiv speċifiku (f) definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 2021/690 għandu jikkostitwixxi l-qafas għall-azzjonijiet statistiċi taż-ŻEE li għandhom jitwettqu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2027. L-oqsma ewlenin kollha tal-Istatistika Ewropea għandhom jitqiesu bħala rilevanti għall-kooperazzjoni statistika taż-ŻEE u għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni sħiħa mill-Istati tal-EFTA.
3.
Għandu jiġi żviluppat Programm Statistiku Annwali speċifiku taż-ŻEE għall-perjodu mill-2021 sal-2027 b’mod konġunt mill-Uffiċju tal-Istatistika tal-EFTA u l-Eurostat. Il-Programm Statistiku annwali taż-ŻEE għandu jissejjes fuq subsett tal-programm ta’ ħidma annwali, u jitfassal b’mod parallel miegħu, imħejji mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2021/690. Il-Programm Statistiku Annwali taż-ŻEE għandu jiġi approvat mill-Partijiet Kontraenti skont il-proċeduri interni tagħhom stess.
4.
L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet statistiċi msemmija fl-Artikolu 3(2)(f) tar-Regolament (UE) 2021/690 skont l-Artikolu 82(1)(a) tal-Ftehim u r-Regolamenti Finanzjarji tiegħu b’ammont li jirrappreżenta 75 fil-mija.
5.
Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni stabbilita fil-ftehim tal-għotja jew fid-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ xx 2021 [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.
Artikolu 2
Il-paragrafu segwenti jiddaħħal wara l-paragrafu 5 tal-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:
“5a.32021 R 0690: Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).
L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-objettivi ġenerali u fl-objettivi speċifiċi skont l-Artikolu 3(2)(a), (b), (c) (ii) u (d).
Huma għandhom jipparteċipaw u jikkontribwixxu finanzjarjament għall-azzjonijiet statistiċi kif definiti fl-Artikolu 3(2)(f) tar-Regolament (UE) 2021/690 skont il-kundizzjonijiet previsti fil-Protokoll 30.
Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni stabbilita fil-ftehim tal-għotja jew fid-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ xx 2021 [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.
L-Istati tal-EFTA ma għandhomx jipparteċipaw u m’għandhomx jikkontribwixxu finanzjarjament għal attivitajiet relatati mal-iżvilupp tal-politika doganali u fiskali.
In-Norveġja ma għandhiex tipparteċipa u ma għandhiex tikkontribwixxi finanzjarjament għall-objettiv speċifiku skont l-Artikolu 3(2)(d) (ii).”
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[...]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[...]