Official Journal L 338 , 09/12/1997 P. 0001 - 0004
Azzjoni konġunta tat-28 ta' Novembru 1997 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu J.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq mini ta' l-art kontra l-persunal (97/817/CFSP) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli J.3 u J.11 tiegħu, Wara li kkunsidra l-linji gwida ġenerali tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 1992 li ddentifikaw iż-zoni li jaqaw ġo l-sfera tas-sigurtà li jistgħu, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ikunu s-soġġett ta' azzjonijiet konġunti, Billi huwa xieraq li jiġu aġġornati u żviluppati iżjed l-inizjattivi mwettqin mill-Unjoni Ewropea taħt l-Azzjoni Konġunta 96/588/PESK adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu J.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq mini ta' l-art kontra l-persunal [1]; billi dik l-Azzjoni Konġunta kienet adottata fid-dawl tar-riżultati tal-Konferenza ta' Reviżjoni fuq il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti armi konvenzjonali li jistgħu jkunu kkunsidrati li huma ta' ħsara eċċessiva jew li għandhom effetti li ma jagħmlux distinzjoni bejn ħaġa u oħra, hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa "il-Konvenjoni ta' l-1980';" Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 1996 fuq il-ġlieda kontra mini ta' l-art kontra l-persunal iddentifikat ċerti miżuri li setgħu jiġu adottati u l-kriterji li għandhom jirregolaw l-allokazzjoni ta' fondi għal proġetti tal-clearing tal-mini; Waqt li jilqa' tajjeb l-adozzjoni fl-Oslo fit-18 ta' Settembru 1997 tal-Konvenzjoni internazzjonali fuq il-projbizzjoni ta' l-użu, kumulazzjoni, produzzjoni u trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom u l-ftuħ għall-iffirmar tagħha fl-Ottawa fit-3 u l-4 ta' Diċembru 1997; Waqt li jikkunsidra l-adozzjoni mill-Ewwel Kumitat tat-52 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti tar-Riżoluzzjoni fuq il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni, kumulazzjoni, produzzjoni u trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom, ir-Riżoluzzjoni fuq kontribuzzjonijiet lejn il-projbiment ta' mini ta' l-art kontra l-persunal u r-Riżoluzzjoni fuq il-Konvenzjoni fuq il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti armi konvenzjonali li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ta' ħsara eċċessiva jew li għandhom effetti li ma jagħmlux distinzjoni bejn ħaġa u oħra; Billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 1997 fuq l-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 96/588/PESK fuq il-mini ta' l-art kontra l-persunal bil-għan għal ko-finanzjament ta' l-appelli speċjali mill-IRC [2], allokat 8 miljun ECU biex jagħmel ko-finanzjament lil "appell speċjali"' mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA: Artikolu 1 L-Unjoni hi impenjata lejn l-għan ta' eliminazzjoni totali ta' mini ta' l-art kontra l-persunal madwar id-dinja kif ukoll biex tikkontribwixxi lis-soluzzjoni ta' problemi kkawżati diġà minn dawn l-armi. L-għan ta' din l-Azzjoni Konġunta hi li ssaħħaħ l-azzjonijiet estensivi politiċi u prattiċi meħudin diġà mill-Unjoni fl-insegwiment ta' dawn l-għanijiet. Għal dan il-għan, din l-Azzjoni Konġunta tinvolvi tlett elementi, kif stabbilit fit-Titoli I, II u III: - sforzi politiċi kontinwi mill-Unjoni fl-insegwiment ta' dawn l-għanijiet, - moratorju komuni fuq it-trasferimenti u moratorju komuni fuq il-produzzjoni tal-mini ta' l-art kontra l-persunal, - kontribuzzjoni b'iżjed minn żewġ naħat mill-Unjoni għat-tneħħija tal-mini u attivitajiet relatati. TITOLU I Artikolu 2 L-Unjoni hi impenjata lill-għan ta' l-eliminazzjoni totali tal-mini ta' l-art kontra l-persunal madwar id-dinja u tilqa' tajjeb f'din il-konnessjoni l-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni ta' l-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u i-trasferiment ta' mini kontra l-persuna u fuq id-distruzzjoni tagħhom. Artikolu 3 1. L-Istati Membri kollha: - għandhom jieħdu kull azzjoni possibbli għar-ratifika fi żmien qrib, mingħajr ma jinvokaw id-dispożizzjonijiet dwar differiment tal-ħarsien, il-Protokoll II kif emendat fuq mini ta' l-art kif ukoll il-Protokoll IV ġdid fuq armi tal-laser li jagħmew, annessi għall-Konvenzjoni ta' l-1980, - għandhom jieħdu passi biex iħarsu l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li jinsabu fil-Protokolli msejħa fl-ewwel inċiż pendenti d-dħul fis-seħħ tagħhom. 2. L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi adeżjoni universali għall-Konvenzjoni ta' l-1980 u partikolarment il-Protokoll II kif emendat u l-Protokoll IV ġdid tagħha. Għal dan il-għan, il-Presidenza għandha, kif xieraq, tieħu passi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu J.5 (3) tat-Trattat. 3. Barra dan, sabiex tinkoraġġixxi adeżjoni lil, u ħarsien ta', l-Protokoll II kif emendat, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu b'mod attiv għall-konferenzi ta' kull sena ta' Partijiet Kontraenti Għolja previsti fl-Artikolu 13 tiegħu. 4. L-Istati Membri ta' l-Unjoni li jiffirmaw il-Konvenzjoni internazzjonali fuq il-projbizzjoni ta' l-użu, kumulazzjoni, produzzjoni u trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom għandhom jużaw l-aqwa sforzi tagħhom biex jagħmlu ratifika tagħha ma' l-ewwel opportunità. 5. L-Istati Membri ta' l-Unjoni għandhom jieħdu passi xierqa biex iħarsu l-għanijiet tal-Konvenzjoni internazzjonali fuq il-projbizzjoni ta' l-użu, kumulazzjoni, produzzjoni u trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom pendenti d-dħul fis-seħħ tagħha. 6. L-Unjoni tilqa' tajjeb l-isforzi kollha magħmula mill-firmatarji tal-Konvenzjoni internazzjonali fuq il-projbizzjoni ta' l-użu, kumulazzjoni, produzzjoni u trasferiment ta' mini kontra l-persunal u fuq id-distruzzjoni tagħhom biex jinkoraġġixxu l-adeżjoni universali tagħha. Fl-insegwiment ta' l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1, il-Presidenza tista', kif xieraq, tieħu passi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu J.5 (3) tat-Trattat. 7. Barra dan, sabiex jappoġġaw l-operazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fuq il-projbizzjoni ta' l-użu, kumulazzjoni, produzzjoni u trasferiment ta' mini kontra l-persunal u d-distruzzjoni tagħhom, l-Istati Membri ta' l-Unjoni għandhom jintrabtu li jipparteċipaw attivament fil-konferenzi li ser ikunu organizzati wara li l-Konvenzjoni tkun infetħet għall-iffirmar. 8. L-Unjoni għandha tfittex li tinkoraġġixxi, fil-fora xierqa kollha, inkluż il-Konferenza fuq id-Diżarmament, l-isforzi kollha li x'aktarx jikkontribwixxu għall-għanijiet lil liema hi impenjata taħt l-Artikolu 1. 9. L-Unjoni għandha tiffoka l-attenzjoni fuq dawk il-pajjiżi terzi li jkomplu l-fornitura irresponsabbli u l-użu li ma jagħmilx distinzjoni bejn ħaġa u oħra tal-mini ta' l-art kontra l-persunal. TITOLU II Artikolu 4 Fl-insegwiment ta' l-għanijiet għal liema huma impenjati taħt l-Artikolu 1 u mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali meħudin diġà, l-Istati Membri għandhom: - jimplimentaw moratorju komuni fuq it-trasferimenti ta' mini ta' l-art kontra l-persunal kollha. Għandhom jieqfu milli jagħtu liċenzi ġodda għat-trasferiment ta' teknoloġija li tagħmel possibbli l-iffabbrikar ta' mini ta' l-art kontra l-persunal fi pajjiżi terzi, - jieħdu l-miżuri legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' moratorju komuni fuq il-produzzjoni ta' mini ta' l-art kontra l-persunal kollha. TITOLU III Artikolu 5 Azzjoni mill-Komunità Ewropea Fi snin reċenti, il-Komunità Ewropea żiedet il-kontribuzzjoni tagħha fil-qasam tal-clearance tal-mini u l-għajnuna għall-vittmi fil-kuntest ta' l-għajnuna umanitarja tagħha, koperazzjoni ta' rikostruzzjoni u żvilupp. Il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġa dawn l-attivitajiet, li jikkostitwixxu parti importanti mill-azzjoni tal-Komunità fir-rigward ta' ċerti pajjiżi terzi. Il-Komunità għandha tkompli wkoll fl-insegwiment ta' attivitajiet ta' riċerka rilevanti għall-clearance tal-mini. Artikolu 6 Azzjonijiet speċifiċi u kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Unjoni 1. Barra l-operazzjonijiet tal-Komunità Ewropea msejħa fl-Artikolu 5 u mingħajr preġudizzju għall-kontribuzzjonijiet bilaterali ta' l-Istati Membri, l-Unjoni għandha tipprovdi appoġġ kontinwu għal sforzi internazzjonali diretti lejn il-clearance tal-mini u l-għajnuna għall-vittmi. Għandha tipprovdi assistenza jew tikkontribwixxi finanzjarjament lil programmi jew proġetti bħala reazzjoni għal talba minn organizzazzjoni reġjonali, l-awtoritajiet ta' pajjiż terz, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, in-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet oħra involuti. Assistenza bħal din tista' tinkludi kontribuzzjonijiet barra dawn lil Fond tat-Trust Volontarju tal-UN. Għandu jkun imqassam bejn programmi jew proġetti għall-clearance tal-mini u dawk li jkopru l-għajnuna għall-vittmi. 2. Kwalunkwe kontribuzzjoni għall-assistenza għall-clearance tal-mini għandha tkun allokata lill-operazzjonijiet li għandhom prijorità għall-Unjoni. Il-Presidenza, flimkien mal-Kummissjoni, għandha tistabbilixxi l-kuntatti meħtieġa biex tidefinixxi l-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Unjoni. L-ispejjeż li ntefqu permezz ta' l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom ikunu ġestiti skond il-proċeduri tal-Komunità u r-regoli applikabbli għall-budget. 3. Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jwettaq jew jappoġġa azzjoni speċifika, għandu jistabbilixxi l-għoti ta' fondi għalih u għandu jiddefinixxi l-linji gwida ta' prijorità għall-assistenza ta' l-Unjoni, li tista', partikolarment, tieħu l-forom li ġejjin: - parteċipazzjoni f'operazzjonijiet tal-clearance tal-mini, - għajnuna għall-vittmi, inkluż assistenza lejn ir-rijabilitazzjoni tagħhom, - taħriġ ta' speċjalisti tal-clearance tal-mini u għalliema tal-clearance tal-mini, - l-iżvilupp ta' database fuq attivitajiet tal-clearance tal-mini, - attivitajiet ta' l-għarfien tal-mini. 4. Skond l-Artikolu J.3 (2) tat-Trattat, il-Kunsill għandu jiddefinixxi l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi ta' l-Unjoni, waqt li jikkunsidra l-valur possibbli tan-nominazzjoni, f'ċerti każijiet, ta' persuna responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni speċifika fuq il-post. 5. Skond l-Artikolu J.4 (2) tat-Trattat, l-Unjoni għandha żżomm l-għażla li tfittex għajnuna mill-Unjoni Ewropea tal-Punent għall-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi ta' l-Unjoni fil-qasam ta' l-assistenza għall-clearance tal-mini. Artikolu 7 Konsistenza ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni 1. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-assigurazzjoni tal-konsistenza ta' l-attivitajiet ta' l-Unjoni fil-qasam tal-clearance tal-mini, inkluż għajnuna għall-vittmi. Għandhom jassiguraw l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni rispettiva tagħhom, kull wieħed skond il-poteri tiegħu. 2. L-Istati Membri għandhom ifittxu jżidu l-effettività tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom lill-clearance tal-mini u l-għajnuna tal-vittmi. Sa fejn hu possibbli, azzjonijiet meħudin skond l-Artikolu 6 għandhom ikunu kkordinati ma' dawk ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Artikolu 8 Kordinazzjoni tal-Kontribuzzjoni ta' l-Unjoni 1. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi fuq: - l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msejħa fl-Artikolu 6, - l-istabbiliximent ta' prijoritajiet għall-użu ta' dawk il-fondi, - l-istabbiliximent tal-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi ta' l-Unjoni. 2. Taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu J.5 (3) tat-Trattat, il-Presidenza għandha: - tassigura koperazzjoni ma' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u kwalunkwe organizzazzjoni oħra nvoluta, - tistabbilixxi, ma' organizzazzjonijiet reġjonali u pajjiżi terzi, il-kuntatti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet speċifiċi ta' l-Unjoni. Għandha żżomm l-organi rilevanti tal-Kunsill infurmati regolarment fuq ir-riżultat ta' dawn il-kuntatti. 3. Kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tkun mogħtija lill-organi rilevanti tal-Kunsill sabiex ikun possibbli għall-Kunsill u l-Kummissjoni li jassiguraw, taħt l-aqwa kondizzjonijiet possibbli, il-konsistenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni. Artikolu 9 Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha. Għandha tibdel id-Deċiżjonijiet 95/170/CFSP, 96/251/CFSP u 96/588/CFSP. Artikolu 10 Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Magħmula fi Brussell, it-28 Novembru 1997. Għall-Kunsill Il-President G. Wohlfart [1] ĠU L 260, tat-12.10.1996, pġ. 1. [2] Ara l-paġna 5 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. --------------------------------------------------