European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2569

16.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2569

tas-16 ta’ Novembru 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2020, permezz tad-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għal kull persuna hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

(3)

Fid-dikjarazzjoni tagħha quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta’ Ġunju 2026, l-Unjoni esprimiet tħassib serju dwar iż-żieda bla preċedent fil-ksur serju kontra t-tfal f’konflitti armati, enfasizzat l-importanza tal-prevenzjoni ta’ tali ksur u l-iżgurar li dawk responsabbli jassumu r-responsabbiltà, u appellat lill-partijiet kollha f’konflitti armati biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u jieħdu passi konkreti biex itemmu u jipprevjenu l-ksur kontra t-tfal.

(4)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li erba’ entitajiet jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1998/oj.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“46.

5 Segond

 

Indirizz: Village de Dieu, Port-au-Prince, Haiti

Tip ta’ entità: grupp kriminali armat mhux tal-Istat

5 Segond huwa grupp armat kriminali li jopera fil-Haiti.

5 Segond huwa responsabbli għal qtil, stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, ħtif ta’ persuni, estorsjoni, serq, piraterija, tfixkil tal-għajnuna umanitarja, attakki kontra persuni ċivili u infrastruttura ċivili, u traffikar tal-armi u tad-drogi.

5 Segond wettaq ksur serju kontra t-tfal, inkluż vjolenza sesswali. Membri ta’ 5 Segond ġew identifikati bħala responsabbli għall-istupru ta’ żewġt ibniet, ta’ 3 snin u 12-il sena, f’sit għall-persuni spostati internament f’Marzu 2024. Il-grupp wettaq ukoll attakki li jaffettwaw l-infrastruttura tas-saħħa u s-servizzi umanitarji.

Għalhekk, 5 Segond huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi, inkluż vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

16.11.2026

47.

400 Mawozo

 

Indirizz: Croix-des-Bouquets, Port-au-Prince metropolitan area, Haiti

Tip ta’ entità: grupp kriminali armat mhux tal-Istat

400 Mawozo huwa grupp armat kriminali li jopera fil-Haiti.

400 Mawozo huwa responsabbli għar-reklutaġġ u l-isfruttament tat-tfal, u jesponihom għal vjolenza armata u abbużi serji oħra. 400 Mawozo huwa wkoll responsabbli għal qtil, stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż l-istupru ta’ minorenni, ħtif ta’ persuni, attakki kontra persuni ċivili, sakkeġġ, qerda ta’ proprjetà pubblika, ħtif illegali ta’ trakkijiet, attakki li jfixklu l-assistenza umanitarja, u spostament furzat.

Għalhekk, 400 Mawozo huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi, qtil, u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

16.11.2026

48.

Gran Ravine

 

Indirizz: Port-au-Prince ouest, Haiti

Tip ta’ entità: grupp kriminali armat mhux tal-Istat

Gran Ravine huwa grupp armat kriminali li jopera fil-Haiti.

Gran Ravine huwa responsabbli għal qtil, stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, ħtif ta’ persuni, attakki kontra persuni ċivili, qerda ta’ proprjetà, u atti oħra ta’ vjolenza kontra popolazzjonijiet ċivili.

Taħt it-tmexxija ta’ Renel Destina, magħruf ukoll bħala ‘Ti Lapli’, Grand Ravine wettaq qtil, stupru, ħtif ta’ persuni, u delitti serji oħra. Il-grupp wettaq attakki li rriżultaw fi mwiet ta’ persuni ċivili, spostament, u t-tfixkil ta’ servizzi essenzjali.

Għalhekk, Gran Ravine huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi, inkluż qtil u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

16.11.2026

49.

Krazé Baryè

 

Indirizz: Port-au-Prince metropolitan area, inkluż Pétion-Ville u l-komuni ta’ madwar

Tip ta’ entità: grupp kriminali armat mhux tal-Istat

Krazé Baryè huwa grupp armat kriminali li jopera primarjament fiż-żona metropolitana ta’ Port-au-Prince tal-Haiti.

Krazé Baryè huwa responsabbli għar-reklutaġġ u l-isfruttament tat-tfal, u l-esponiment tagħhom għal vjolenza armata u abbużi serji oħra. Krazé Baryè huwa wkoll responsabbli għal qtil, stupru u forom oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, ħtif ta’ persuni, attakki kontra persuni ċivili, qerda ta’ proprjetà, u spostament furzat.

Krazé Baryè huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi, inkluż ir-reklutaġġ u l-isfruttament tat-tfal, il-qtil u l-immankar tat-tfal, qtil, u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru sistematika u mifruxa.

16.11.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2569/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)