|
18.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293/48 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-trattament ugwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2023/C 293/08)
|
Relatur: |
Michael McLOUGHLIN |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja Bażi legali |
20.1.2022 Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
31.5.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
15.6.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
579 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
217/0/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Id-Direttiva reċenti dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea ma tqisx b’mod sostanzjali l-kwistjoni tal-“pagi minimi taż-żgħażagħ”. Dan mhuwiex approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”. Għall-kuntrarju, bħala qafas orizzontali hija tqis tradizzjonijiet u punti ta’ tluq differenti, u ssaħħaħ ir-rwol tal-imsieħba soċjali u n-negozjar kollettiv. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-“pagi minimi taż-żgħażagħ” li jiġu ttrattati b’mod differenti fi Stati Membri differenti. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jikkunsidraw din il-kwistjoni b’konformità mad-direttiva u fl-ispirtu tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE. Il-KESE jappella lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom b’mod mhux diskriminatorju. |
|
1.2. |
Fil-fehma tal-KESE, is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 offriet opportunità biex tingħata ħarsa lejn kwistjonijiet sinifikanti li jħallu impatt fuq iż-żgħażagħ u biex jittieħdu inizjattivi ta’ politika sinifikanti li huma ta’ benefiċċju jew maħsuba biex jinfluwenzaw il-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà. Minħabba l-importanza tal-parteċipazzjoni siewja taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, l-ewwel parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun waħda pożittiva, u miżuri li jittrattawhom b’mod inqas favorevoli abbażi tal-età tagħhom biss huma kontroproduttivi. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, imnedija uffiċjalment fid-9 ta’ Mejju 2023, bħala impetu politiku għat-tagħlim tul il-ħajja li joħloq momentum ġdid biex jintlaħqu l-miri soċjali tal-UE 2030. |
|
1.3. |
Regoli differenzjali għaż-żgħażagħ rigward il-benefiċċji tal-qgħad u pagamenti ta’ assistenza għandhom il-potenzjal li jsawru s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ u jħallu impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu tagħhom fl-UE. L-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar l-istruttura u l-kontenut tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. Il-KESE jistedinhom jirrispettaw il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni meta jagħmlu dan, b’mod partikolari fil-każ tal-moviment liberu. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni sabiex fl-eżami ta’ din il-kwistjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali biex tiġbor id-data u l-prattiki nazzjonali anke fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li għadha kif ġiet proposta dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE. |
|
1.4. |
L-internships f’ambjent professjonali li jiġu offruti liż-żgħażagħ spiss huma pass deċiżiv għall-integrazzjoni professjonali. L-internships bla ħlas jew mingħajr remunerazzjoni jista’ jkollhom impatt negattiv ħafna fuq l-esperjenza taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Nieħdu nota tar-Riżoluzzjoni li adotta l-Kumitat fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru 2022 u dik tal-Parlament Ewropew, u nirakkomandaw lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet oħrajn tal-UE, inkluż lill-Kummissjoni, biex jieħdu aktar interess f’din il-kwistjoni bħala simbolu tanġibbli tal-impenn tagħhom lejn iż-żgħażagħ b’segwitu tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Perjodi ta’ esperjenza ta’ xogħol qasira ħafna u kollokamenti ta’ edukazzjoni rikonoxxuti u miftiehma uffiċjalment jistgħu xi kultant ma jkunux bi ħlas. Madankollu, l-internships aktar fit-tul għandhom jitħallsu, l-istess bħax-xogħol li jsir minn impjegati mħallsa. L-istħarriġ tal-Ewrobarometru jgħid li l-maġġoranza tat-trainees tħallsu u kellhom aċċess għall-protezzjoni soċjali (1). |
|
1.5. |
B’segwitu għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u inizjattivi oħra, dan l-aħħar saret aktar enfasi fuq kwistjonijiet taż-żgħażagħ. Proposta waħda kienet l-idea ta’ Test taż-Żgħażagħ tal-UE li jintegra l-valutazzjoni tal-impatt fuq iż-żgħażagħ tal-politika l-ġdida kollha. L-idea ġiet promossa mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u kienet is-suġġett ta’ opinjoni tal-KESE fl-2022. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ għat-tfassil tal-politika kif stabbilit fl-opinjoni tagħna fl-2022 (2). |
|
1.6. |
Il-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna dgħajfu b’mod sinifikanti l-ekonomija Ewropea. Anke jekk il-kumpaniji għamlu l-almu tagħhom biex iżommu l-impjieg, dawn kellhom konsegwenzi fuq iċ-ċittadini Ewropej u b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ. |
|
1.7. |
It-traineeships saru mezz ta’ aċċess importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-impjieg, it-traineeships għandhom joffru kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità tajba u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u ma għandhomx ikunu sostitut għal impjiegi regolari jew prekundizzjoni għal kollokament f’impjieg. Is-sitwazzjoni attwali tissuġġerixxi li hemm tħassib dejjem akbar, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li l-kriżi tas-saħħa u l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw għat-trainees. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tirrieżamina jekk il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships huwiex qed jiġi implimentat kif suppost. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
L-2022, ġiet magħżula bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, u fl-Opinjoni tal-KESE dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kumitat esprima x-xewqa tiegħu li din tiffoka fuq oqsma ta’ politika ewlenin għaż-żgħażagħ u li tmur lil hinn minn avvenimenti u opportunitajiet ta’ pubbliċità. Iż-żgħażagħ esprimew sentimenti u fehmiet simili, b’mod partikolari fid-dawl tal-mod pjuttost mgħaġġel li bih tħabbret is-Sena. Huwa ċar li l-esperjenza taż-żgħażagħ tad-dħul fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fih hija waħda mill-kwistjonijiet ta’ politika kritiċi għal dik il-ġenerazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. |
|
2.2. |
Fid-dinja ta’ wara l-COVID-19, hemm enfasi ġdida fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu, forom ġodda ta’ xogħol, ħiliet ġodda, l-isfida biex wieħed jerġa’ lura għall-post tax-xogħol, u l-ambjent ibridu potenzjali, bl-opportunitajiet u r-riskji kollha li dan iġib miegħu. Aktar importanti minn hekk, nafu li ż-żgħażagħ batew ħafna matul il-pandemija tal-COVID-19 u din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex l-2022 ġiet innominata s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Matul il-pandemija, iż-żgħażagħ tilfu l-opportunità li jilħqu għadd ta’ kisbiet kritiċi għall-iżvilupp personali u soċjali tagħhom. Madankollu, il-pandemija kellha wkoll impatt ewlieni fuq l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. |
|
2.3. |
L-Unjoni Ewropea għandha diversi politiki rilevanti li jikkonċernaw liż-żgħażagħ u li jiżguraw li dawn ikunu inklużi bl-aktar mod sħiħ possibbli fis-soċjetà u jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet bħall-partijiet l-oħra tas-soċjetà kollha. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava tal-2016, il-mexxejja tal-UE talbu l-ħolqien ta’ futur ekonomiku promettenti għal kulħadd, salvagwardji għall-mod ta’ għajxien tagħna, u l-għoti ta’ opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ. Bl-istess mod, il-preambolu tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali ddikjara li “L-isfidi, bħall-inugwaljanza sinifikanti, il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ jew is-solidarjetà interġenerazzjonali, ħafna drabi huma simili fost l-Istati Membri minkejja li fi gradi differenti”. |
|
2.4. |
Il-politika ewlenija b’rabta maż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea hija l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. L-għan ewlieni tal-istrateġija huwa li tawtonomizza liż-żgħażagħ u tibni r-reżiljenza tagħhom billi tiffoka fuq tliet oqsma ta’ azzjoni taħt it-titoli ta’ “Impenn, Konnessjoni, Għoti tas-Setgħa”. L-istrateġija tirrikonoxxi li l-provvediment ta’ modi kif iż-żgħażagħ ikunu involuti fil-ħajja demokratika huwa vitali għal demokrazija li tiffunzjona u għas-soċjetà f’sens wiesgħa. Taħt it-titolu “Involviment”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha l-għan li tappoġġja l-parteċipazzjoni ċivika, ekonomika, soċjali, kulturali u politika sinifikanti taż-żgħażagħ. L-istrateġija tqis il-mobbiltà taż-żgħażagħ bħala opportunità għalihom biex:
|
|
2.5. |
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tirrikonoxxi b’mod partikolari r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala “katalist għall-awtonomizzazzjoni” taż-żgħażagħ, u tiddikjara li l-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha benefiċċji uniċi għaż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom lejn il-ħajja adulta billi tipprovdilhom ambjent sikur biex jiksbu kunfidenza fihom infushom u jitgħallmu b’mod mhux formali (3). |
|
2.6. |
Il-KESE esprima l-fehma tiegħu li l-Istrateġija għandha tiffoka fuq l-approċċ transsettorjali, billi tieħu perspettiva olistika taż-żgħażagħ u tal-ħtiġijiet u d-drittijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ politika, u li l-Koordinatur tal-UE l-ġdid għaż-Żgħażagħ għandu jmexxi l-ħidma transsettorjali. Il-KESE esprima xewqa li l-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ tiġi inkluża fil-proċess tas-Semestru Ewropew biex ikun hemm enfasi aktar fuq it-twettiq fil-prattika, b’mod partikolari f’oqsma transsettorjali (4). |
|
2.7. |
Il-KESE irrakkomanda li l-Istrateġija jrid ikollha xi aspirazzjonijiet ta’ livell għoli għall-ħidma transsettorjali li tirrigwarda oqsma ta’ politika tal-UE rilevanti oħra, inklużi l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-migrazzjoni u l-ugwaljanza. Il-Kumitat rrakkomanda wkoll li l-Istrateġija tagħti iktar attenzjoni għall-kwistjonijiet b’rabta mal-impjieg u l-edukazzjoni li qed jaffettwaw liż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’termini tad-diskussjoni dwar il-futur tax-xogħol, kif ukoll lill-iżvilupp tal-ħiliet u lil kwistjonijiet soċjali oħra bħas-saħħa mentali u l-ugwaljanza. |
3. Iż-żgħażagħ, is-suq tax-xogħol u l-ħiliet
|
3.1. |
Iż-żgħażagħ u l-prospetti ta’ impjieg tagħhom ġeneralment jingħataw ħafna attenzjoni meta wieħed iħares lejn is-suq tax-xogħol. Prinċipalment, dan huwa peress li l-esperjenzi bikrija li n-nies jaffaċċjaw b’rabta mal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jista’ jkollhom impatt fit-tul fis-snin ta’ wara. Ġie nnutat li dan jiġri b’mod partikolari fil-każ ta’ tluq bikri mill-iskola. It-tluq bikri mill-iskola jaffettwa wkoll kważi 20 % tal-persuni b’diżabilità, li huwa aktar mid-doppju tar-rata għal żgħażagħ oħra ta’ bejn it-18 u l-24 sena li jħallu l-edukazzjoni (5). Permezz tal-COVID-19 u mill-kriżi finanzjarja preċedenti rajna wkoll li ż-żgħażagħ huma aktar vulnerabbli għal xokkijiet u tnaqqis ekonomiku, li spiss ikunu fost l-ewwel li jitilfu xogħolhom u, fiż-żewġ każijiet, jaħdmu f’setturi bħas-servizzi, u li huma rrappreżentati żżejjed f’tipi ta’ impjiegi mhux sikuri. L-ILO sabet li l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-pjattaformi online u ta’ xogħol lokalizzat għandhom inqas minn 35 sena, u li ż-żgħażagħ għandhom nuqqas ta’ sikurezza akbar fuq il-post tax-xogħol. Is-settur tat-turiżmu tal-Greċja jimpjega l-akbar sehem ta’ ħaddiema żgħażagħ, li ntlaqtu bil-kbir mill-pandemija. Fi Spanja, l-Italja u l-Portugall, insibu sehem estremament għoli ta’ kuntratti temporanji fost iż-żgħażagħ (aktar minn 60 %), li malajr jista’ jwassal għal qgħad f’każ ta’ kriżi. |
|
3.2. |
Il-prijorità attwali tagħna trid tkun li nerġgħu nqajmu l-ekonomija Ewropea fuq saqajha permezz tal-implimentazzjoni konsistenti tal-Pjan ta’ Rkupru Nazzjonali (6), u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jerġgħu jikbru u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Fi żmien meta l-kumpaniji qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ ħaddiema, ma jistgħux isibu l-ħiliet meħtieġa, u qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet kbar biex isibu l-ħaddiema, huwa fl-interess tagħhom li jisfruttaw il-potenzjal ta’ kulħadd, inkluż taż-żgħażagħ. |
|
3.3. |
Wieħed mill-akbar sors ta’ sigurtà fil-ħajja u prospetti għall-maġġoranza tan-nies, iżda speċjalment għaż-żgħażagħ, huwa l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-ħiliet korrispondenti. Il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna affettwaw mhux biss liċ-ċittadini iżda anke lin-negozji, u dgħajfu l-kapaċità tagħhom li joħolqu valur u xogħlijiet u li jiżguraw tranżizzjoni effettiva minn xogħol għal ieħor. |
|
3.4. |
Qegħdin naraw li dawk iż-żgħażagħ li ma jagħmlux it-tranżizzjoni mill-iskola jew kulleġġ għall-post tax-xogħol jistgħu jbatu fis-snin ta’ wara. Filwaqt li l-qgħad jippreżenta sfidi għal kull min jesperjenzah, dawn l-isfidi jistgħu jkunu ħafna akbar għaż-żgħażagħ li jista’ ma jkollhomx l-istess networks meħtieġa biex jagħmlu progress f’suq tax-xogħol li jinbidel malajr. Bl-istess mod, jekk ikun hemm ammont sproporzjonat minn parti waħda tas-soċjetà li ma jkollhiex xogħol, dan iħalli impatt fuq il-koeżjoni soċjali u l-valuri demokratiċi tagħna u, f’ċirkostanzi estremi, jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ordni potenzjali fis-soċjetà, kif ġieli seħħ f’partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw. |
|
3.5. |
Għalhekk huwa importanti li t-trattament ugwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol jiġi kkunsidrat bħala parti minn ħtieġa usa’ għal parteċipazzjoni ċivika u demokratika. Bl-istess mod kif naraw il-ħtieġa li ż-żgħażagħ ikunu parti mill-komunità u li jieħdu sehem f’attività sportiva bħala ċittadini attivi, il-kapaċità tagħhom li jifhmu r-rwol u l-post tagħhom fis-suq tax-xogħol, u fil-fatt jippromovu lilhom infushom, huwa element importanti taċ-ċittadinanza. Bl-istess mod, is-suq tax-xogħol għandu jkun post ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet fejn ikun hemm bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fejn in-nies ikunu jistgħu jħossuhom li qed jikkontribwixxu lejn is-soċjetà. Filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa problema strutturali f’ħafna pajjiżi, f’pajjiżi bħal Spanja, qed tingħata għajnuna għal irtirar tard (sa EUR 12 000) biex is-sistema tal-pensjonijiet issir sostenibbli. B’dan il-mod, l-ekonomija tirriskja li ma tassorbix il-produttività akbar li ż-żgħażagħ jistgħu jiġġeneraw, kif iddikjarat fl-Opinjoni. Barra minn hekk, hemm impjiegi li fihom huwa diffiċli ħafna li persuna tibqa’ taħdem wara l-età ta’ 65 sena. |
|
3.6. |
Fil-livell ekonomiku, qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u nuqqas ta’ approċċi effettivi bejn il-ġenerazzjonijiet fil-livell tal-kumpanija jistgħu jirriżultaw f’inqas produttività peress li jkun hemm anqas ħaddiema żgħażagħ li jintroduċu ħiliet ġodda u innovazzjoni fil-proċess ta’ produzzjoni. Hemm ukoll l-ispiża ekonomika għall-istat f’każ ta’ numri kbar ta’ persuni qiegħda, f’termini ta’ taxxa fuq id-dħul mitlufa, benefiċċji soċjali u l-ispejjeż ta’ skemi relatati. Il-Eurofound sab li l-ispejjeż ekonomiċi ta’ żgħażagħ li jkunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) kienu ta’ madwar EUR 153 biljun fl-2011. Dan it-tħassib ġie rifless fl-Opinjonijiet tal-KESE dwar Xogħol prekarju u saħħa mentali (7), u dwar Id-Demokrazija fuq il-post tax-xogħol (8). Fl-aħħar nett, ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ b’diżabilità ta’ bejn il-25 u l-34 sena hija kważi d-doppju ta’ dik tal-persuni mingħajr diżabilità (18 % meta mqabbla ma’ 9,7 %) (9). |
|
3.7. |
Fil-livell individwali, l-impatti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jistgħu jinkludu saħħa mentali u benesseri dgħajfin kif ukoll rati aktar baxxi ta’ kuntentizza, u jistgħu potenzjalment jirriżultaw f’domanda ogħla għal servizzi tas-saħħa pubbliċi. Barra minn hekk, hemm riskju akbar li tirriżulta soċjetà frammentata mid-diversi forom ta’ esklużjoni soċjali li jistgħu jesperjenzaw iż-żgħażagħ qiegħda. Meta persuna tkun qiegħda meta tkun għadha żagħżugħa ikun hemm aktar probabbiltajiet li tkun qiegħda aktar ’il quddiem matul ħajjitha, u dan iħalli impatt negattiv fuq l-ammont ta’ flus li taqla’ aktar ’il quddiem f’ħajjitha jekk u meta tikseb impjieg. Barra dan, iż-żgħażagħ qiegħda għandhom probabbiltà akbar li jesperjenzaw telf tal-ħiliet jew esklużjoni soċjali f’għadd ta’ dimensjonijiet. L-impatt tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ ġie ddokumentat sew. |
|
3.8. |
Huwa importanti wkoll li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ żgħażagħ u ta’ ħaddiema żgħażagħ “skoraġġuti” li jaffaċċjaw diffikultà kbira biex jintegraw fid-dinja professjonali. It-tluq bikri mill-iskola u l-bidliet fl-edukazzjoni huma ta’ sfida. Bħala riżultat, iż-żgħażagħ jistgħu jitilfu l-kuntatt mar-realtà tas-suq tax-xogħol. |
|
3.9. |
Wieħed mill-modi kif tiżdied l-attività ekonomika taż-żgħażagħ huwa li jiġu mmotivati biex isiru intraprendituri billi tiġi appoġġjata l-mentalità intraprenditorjali, il-kreattività u l-approċċi innovattivi tagħhom. L-attivitajiet matul is-Sena Ewropea tal-Ħiliet jistgħu jintegraw l-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija u jibnu fuq xi mudelli ta’ prattika tajba bħal programmi u kompetizzjonijiet ta’ intraprendituri żgħażagħ. |
|
3.10. |
L-UE ħadet l-isfida tal-impjiegi taż-żgħażagħ bis-serjetà, bir-risposta politika ewlenija tagħha tkun il-Garanzija għaż-Żgħażagħ “imsaħħa”. Oriġinarjament, l-iskop tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ kien li tiżgura liż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena offerta ta’ xogħol, esperjenza ta’ xogħol, apprendistat, taħriġ jew xogħol u taħriġ ikkombinat, f’perjodu ta’ żmien definit wara li jitilqu mill-iskola jew isiru qiegħda. Kien ġie rakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi offruta liż-żgħażagħ fi żmien erba’ xhur wara li jsiru qiegħda. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa hija impenn tal-Istati Membri kollha tal-UE li jiggarantixxu li ż-żgħażagħ kollha taħt it-30 sena jirċievu offerta ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship. |
|
3.11. |
Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva minn impjieg għal ieħor jeħtieġ li jsir progress fir-riforma tal-edukazzjoni, jiġi indirizzat l-ispariġġ fil-ħiliet u tingħata attenzjoni lit-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni għall-adulti, it-tiġdid tal-ħiliet u t-titjib tal-ħiliet. Il-KESE jinnota l-progress tal-Kummissjoni fil-ħolqien ta’ żona ta’ edukazzjoni Ewropea, fit-tisħiħ tal-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea dwar il-VET u fil-progress lejn l-applikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. |
|
3.12. |
Il-KESE jinnota wkoll l-inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment, b’mod partikolari l-mikrokrediti u l-pakkett tal-Universitajiet ġdid. Qed tingħata spinta ġdida biex iż-żgħażagħ jiġu mgħammra b’ħiliet adegwati u tiġi appoġġjata l-mobbiltà tal-istudenti, l-apprendisti u l-intraprendituri żgħażagħ. |
4. L-impatt tal-COVID-19
|
4.1. |
Skont il-Eurostat, il-pandemija tal-COVID-19 laqtet liż-żgħażagħ b’mod aktar qawwi mill-anzjani. Ir-rata ta’ impjiegi fl-UE fost iż-żgħażagħ (fl-età ta’ 15-29 sena) fit-tielet kwart tal-2020 kienet -2,8 punti perċentwali meta mqabbla mat-tielet kwart tal-2019 qabel il-pandemija. Madankollu, kien hemm irkupru fit-tielet kwart tal-2021, bir-rata ta’ impjiegi li naqset b’0,1 punti perċentwali meta mqabbla mat-tielet kwart tal-2019. Meta wieħed iqabbel it-tielet kwart tal-2020 mat-tielet kwart tal-2019, il-pajjiżi kollha rreġistraw tnaqqis fir-rata ta’ impjiegi fost iż-żgħażagħ. |
|
4.2. |
Il-Eurostat sab differenza wkoll fi ħdan l-UE f’dawn ix-xejriet. Fit-tielet kwart tal-2021, il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE (16 minn 27) kien għadhom ma wrewx irkupru sħiħ, hekk kif ir-rata ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ kienet għadha taħt ir-rata rreġistrata fit-tielet kwart tal-2019. L-akbar tnaqqis ġie rreġistrat fil-Portugall, fil-Bulgarija, fil-Latvja, fiċ-Ċekja u fil-Polonja (tnaqqis ta’ mill-anqas 3 punti perċentwali fihom kollha fit-Q3 2021 meta mqabbel mat-Q3 2019). Min-naħa l-oħra, l-akbar żidiet fis-sehem ta’ persuni qiegħda fl-età ta’ 15-29 sena fit-tielet kwart tal-2021, meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-COVID-19, ġew irreġistrati fl-Irlanda, fi Franza u fis-Slovenja (żieda ta’ mill-anqas 2 punti perċentwali fil-Q3 2021 meta mqabbel mal-Q3 2019). |
|
4.3. |
Il-Eurofound irrapporta li, minkejja l-isforzi ta’ politika tal-UE u tal-Istati Membri biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, iż-żgħażagħ kienu wkoll dawk li ntlaqtu l-iżjed minn telf tal-impjieg matul il-kriżi tal-COVID-19. Huma kienu rrappreżentati żżejjed fis-setturi li ntlaqtu l-aktar mir-restizzjonijiet tal-pandemija u kellhom probabbiltà akbar li jaħdmu part-time jew b’kuntratti temporanji, u 12 % ta’ dawk bejn it-18 u d-29 sena li wieġbu għal mill-anqas żewġ ċikli tal-istħarriġ elettroniku Ħajja, Xogħol u COVID-19 qalu li kienu tilfu xogħolhom, u 12 % tal-istudenti kienu qed jaffaċċjaw ukoll il-qgħad. Ġew rappurtati impatti simili b’rabta mat-tfaddil, is-saħħa mentali u l-faqar. |
|
4.4. |
Skont l-istħarriġ Insee (10), l-ewwel lockdown assoċjat mal-epidemija tal-COVID-19 fir-rebbiegħa tal-2020 kien diġà rriżulta fi tnaqqis bla preċedent fl-attività: 73 % tal-kumpaniji rrappurtaw li l-bejgħ tagħhom kien naqas b’aktar minn 10 %, u 35 % b’aktar minn 50 % matul dan il-perjodu. Terz tal-kumpaniji għalqu għal perjodu medju ta’ 57 jum, fil-biċċa l-kbira bħala riżultat ta’ restrizzjonijiet amministrattivi fuq id-dħul tal-pubbliku (65 %), iżda anke minħabba kwistjonijiet relatati mal-forniment (8 %) jew opportunitajiet (7 %). Din is-sospensjoni tal-attività affettwat prinċipalment attivitajiet li jinvolvu l-eqreb kuntatt mal-pubbliku: attivitajiet ta’ servizzi ta’ ikel u xorb, akkomodazzjoni, servizzi personali, attivitajiet kulturali u rikreattivi, u trasport bl-ajru. Sa Settembru 2020, 1 % tal-kumpaniji kienu għadhom magħluqin. |
|
4.5. |
Sabiex jaffaċċjaw it-tnaqqis għal għarrieda fl-attività, aktar minn 4 minn kull 5 kumpaniji applikaw għall-appoġġ introdott mill-awtoritajiet pubbliċi: ħinijiet tax-xogħol qosra (70 % tal-kumpaniji), ħlas diferit tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (53 %) u self garantit mill-Istat (41 %). Is-settur tal-attivitajiet tal-ikel u x-xorb (97 %), il-kummerċ tal-vetturi u s-settur tat-tiswija (96 %) u s-settur tal-akkommodazzjoni (95 %) straħu fuq dawn il-miżuri b’mod partikolari frekwenti. |
|
4.6. |
Fl-2021 waslet mewġa oħra tal-pandemija, u fi Frar 2022 l-ekonomija Ewropea ntlaqtet mill-kunflitt militari fl-Ukrajna u l-prezzijiet tal-enerġija għoljin assoċjati, aċċess limitat għal materja prima u nuqqasijiet fil-katina ta’ forniment, u r-rata ta’ inflazzjoni għolja assoċjata. |
|
4.7. |
Minkejja dawn il-fatti, il-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku tal-UE għamlu l-almu tagħhom biex iżommu l-impjiegi u joħolqu impjiegi ġodda. |
|
4.8. |
Dwar l-edukazzjoni, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ irrapporta li l-kwalità tal-edukazzjoni mill-bogħod matul il-pandemija kienet varjabbli, bi kważi 1 minn kull 10 studenti żgħażagħ ma jirċevux korsijiet, tagħlim jew eżamijiet. Kważi żewġ terzi tal-istudenti ħassewhom li kienu qegħdin jitgħallmu “ftit inqas” jew “konsiderevolment inqas”. Tliet kwarti taż-żgħażagħ marġinalizzati jemmnu li kienu qegħdin jitgħallmu “ftit inqas” jew “konsiderevolment inqas”. Madankollu, iċ-ċirkostanzi individwali setgħu varjaw b’mod konsiderevoli. L-inċertezza edukattiva u l-isfidi tat-tagħlim online kienu sors ta’ stress u problemi ta’ benesseri għaż-żgħażagħ. Għalkemm l-iskala tal-impatt mhijiex ċara, l-interruzzjoni fl-edukazzjoni aktarx li se twassal għal effetti negattivi fit-tul fl-impjiegi, fl-eżiti edukattivi, u fis-saħħa u fil-benesseri. Hemm il-possibbiltà li din is-sitwazzjoni jkollha wkoll effetti sekondarji pożittivi, u tiftaħ il-bieb għal sistema edukattiva mħallta bl-użu ta’ forom differenti ta’ tagħlim u għodod teknoloġiċi aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, inkluż għaż-żgħażagħ b’diżabbiltajiet u dawk f’reġjuni remoti. |
|
4.9. |
Xi wħud mill-impatti l-aktar drammatiċi tal-pandemija tal-COVID-19, madankollu, kienu fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Is-sintomi ta’ dipressjoni, bħal ansjetà, għeja, iżolament u ħsibijiet suwiċidali, qegħdin jiżdiedu. L-inkwiet dwar il-futur huwa ta’ tħassib. Riċerka fl-Awstrija turi li l-biċċa l-kbira ta’ dawk iż-żgħażagħ ma rċevew l-ebda assistenza. Dan huwa minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar tali opportunitajiet, iżda hija wkoll kwistjoni ta’ inugwaljanzi reġjonali u ekonomiċi. Is-suwiċidju sar il-kawża ewlenija tal-mewt fost dawk l-aktar żgħażagħ fi Spanja. Il-pandemija kixfet tbatija psikoloġika, bi 3 941 suwiċidju fl-2020, li minnhom 300 kienu ta’ persuni ta’ bejn l-14 u d-29 sena. Is-sistemi tas-saħħa pubblika ma għandhomx ir-riżorsi biex jgħinu liż-żgħażagħ bi problemi ta’ saħħa mentali. L-aħħar parti minn studju lonġitudinali ta’ żgħażagħ u tfal fl-Irlanda wera li d-dipressjoni u l-mard mentali effettivament irdoppjaw fost iż-żgħażagħ. |
|
4.10. |
Bl-istess mod, dawk iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li għandhom diżabbiltajiet, intellettwali jew fiżiċi, ċertament ma għandhomx ikunu soġġetti għal trattament inqas favorevoli abbażi tal-età tagħhom, minbarra d-diżabbiltà tagħhom jew separatament minnha. Bl-istess mod, għandha tingħata attenzjoni liż-żgħażagħ minn żoni rurali remoti u lil dawk soġġetti għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru. |
|
4.11. |
Id-data statistika dwar l-impjieg taż-żgħażagħ b’diżabilità hija wkoll frammentata: l-indikaturi kwantitattivi bħar-rata tal-qgħad għandhom jiġu supplimentati b’indikaturi oħrajn bħal-livell ta’ taħriġ, it-tip ta’ kuntratti offruti (għal kuntratt fiss, permanenti jew temporanju), ir-rata ta’ impjieg f’ambjent ġenerali, ir-rata ta’ impjieg appoġġjat jew ir-rata ta’ qgħad fit-tul, flimkien mas-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja ta’ dawn iż-żgħażagħ. |
5. It-trattament ugwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol
|
5.1. |
L-ugwaljanza hija waħda mill-prinċipji u d-drittijiet ewlenin tal-UE abbażi tat-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u msejsa fuq leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE. Qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u l-okkupazzjoni huwa pprovdut mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (11), li għadha adatta għall-iskop tagħha. |
|
5.2. |
Nistgħu naraw li l-futur taż-żgħażagħ huwa tħassib ewlieni tal-UE u li l-prospetti tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ huma parti importanti ħafna mill-iżvilupp tagħhom. L-UE għandha firxa ta’ politiki u strumenti mmirati lejn iż-żgħażagħ u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. B’konformità mat-TFUE u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom kompetenzi li jirrigwardaw ħafna minn dawn il-kwistjonijiet u għalhekk il-politiki tagħhom huma punt ċentrali ta’ dan ir-rapport. |
|
5.3. |
Iż-żgħażagħ batew aktar minn gruppi oħrajn f’varjetà ta’ modi matul il-pandemija. Fid-dawl tal-importanza li għandu dan is-suġġett, ikun ġust li wieħed jeżamina kwalunkwe aspett speċifiku tal-politika tas-suq tax-xogħol u, abbażi ta’ din l-evidenza, jiddetermina jekk iż-żgħażagħ humiex b’xi mod trattati inqas favorevoli minn oħrajn abbażi tal-età tagħhom biss. Peress li dan is-suġġett huwa potenzjalment wiesgħa, importanti li jkun ċar x’għandu jiġi eżaminat f’din l-Opinjoni. L-enfasi hawn hija t-trattament li huwa ovvjament u direttament inqas favorevoli taż-żgħażagħ fil-liġijiet u l-politiki abbażi tal-età tagħhom biss. Inevitabbilment, hemm iżjed enfasi fuq l-oqsma fejn hemm l-aktar informazzjoni u ċarezza disponibbli. Dawn huma kif ġej: il-pagi minimi, ir-regoli tas-sigurtà soċjali u tal-assistenza soċjali u, xi ftit inqas (minħabba l-ħidma li diġà saret), l-internships mhux imħallsa. |
6. Pagi minimi
|
6.1. |
B’konformità mat-TFUE (12) u mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-pagi minimi huma kompetenza tal-Istati Membri, iżda l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri mfassla biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż direttivi. Fit-tħejjija għad-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea, li ġiet adottata, il-Kummissjoni qalet li, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-adegwatezza tal-paga minima mhijiex suffiċjenti u/jew hemm lakuni fil-kopertura tal-protezzjoni tal-paga minima, anke jekk il-protezzjoni tal-paga minima teżisti fl-Istati Membri kollha tal-UE, jew permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi (“pagi minimi statutorji”) u/jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Il-proposta tinbet mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
6.2. |
Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-ħaddiema fl-Unjoni jkunu protetti b’pagi minimi adegwati li jippermettulhom għajxien deċenti, irrispettivament minn fejn jaħdmu. Biex jintlaħaq dan l-objettiv ġenerali, il-proposta tistabbilixxi qafas biex tittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi u biex jiżdied l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima. Dawn l-objettivi huma rilevanti kemm għas-sistemi tal-paga minima statutorja kif ukoll għal dawk li jiddependu fuq in-negozjar kollettiv. Id-Direttiva hija mfassla biex tilħaq dawn l-objettivi filwaqt li tqis u tirrispetta bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali, il-kompetenzi nazzjonali, l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, u l-libertà kuntrattwali. |
|
6.3. |
Il-pagi minimi huma wieħed mill-oqsma fejn hemm ammont konsiderevoli ta’ trattament inugwali taż-żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE. Iż-żgħażagħ huma partikolarment dipendenti fuq il-paga minima, b’aktar minn 1 żagħżugħ/a minn kull 4 jaqilgħu l-paga minima, mqabbel ma’ 1 adult/a minn kull 10, skont il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Għadd ta’ Stati Membri ffissaw “pagi minimi għaż-żgħażagħ” speċifiċi, li f’kull każ huma aktar baxxi mill-paga minima ġenerali għal gruppi tal-età partikolari, filwaqt li Stati Membri oħra jeskludu żgħażagħ taħt it-18-il sena mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-paga minima. Dan huwa l-każ fil-Belġju, Franza, l-Irlanda, l-Lussemburgu, il-Ġermanja, Malta u n-Netherlands. Id-dispożizzjonijiet ta’ Franza forsi ma humiex dipendenti wisq fuq l-età, iżda bl-implikazzjoni li jaffettwaw ħafna żgħażagħ. Hemm rati oħrajn imnaqqsa għall-apprendistati, iżda dawn ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rapport u ġeneralment ikunu determinati minn ftehim bejn l-imsieħba soċjali. Ir-Renju Unit ukoll għandu pagi sottominimi għaż-żgħażagħ. Id-dettalji sħaħ huma disponibbli fl-Anness 1. |
|
6.4. |
Dawn il-pagi minimi għaż-żgħażagħ ma jqisux id-dritt taż-żgħażagħ għal paga ugwali għal xogħol ugwali, filwaqt li riċerka tal-ILO uriet ripetutament li huma wkoll ineffettivi fit-tisħiħ tar-rati ta’ impjieg taż-żgħażagħ. Il-kwistjoni ewlenija hija paga ugwali għal xogħol ugwali. Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ġew infurmati miż-żgħażagħ li, wara perjodu ta’ impieg, ġieli jissorveljaw jew iħarrġu lil kollegi akbar minnhom fl-età għall-istess xogħol, iżda jirċievu paga aktar baxxa, jew saħansitra jintalbu jkollhom rwoli ta’ superviżjoni b’paga aktar baxxa mill-kollegi tagħhom minħabba dawn ir-regolamenti. |
|
6.5. |
Għaldaqstant, filwaqt li f’dawn l-Istati Membri ż-żgħażagħ jitħallew isuqu, jivvutaw, u jingħaqdu fl-armata, u huma trattati bħala adulti f’kull sens, mhumiex intitolati li jirċievu l-paga minima sħiħa għall-adulti. Fin-Netherlands, il-pagi minimi għaż-żgħażagħ huma saħansitra stabbiliti bħala 30 % tar-rata tal-paga minima għall-adulti għall-faxxa t’età l-aktar żgħira, li jippreżenta xkiel serju għall-kapaċità tagħhom li jgħixu ħajja indipendenti u jgawdu minn standard ta’ għajxien deċenti. Minkejja li l-UE ddikjarat l-2022 bħala s-Sena taż-Żgħażagħ, il-pożizzjoni politika maqbula fil-proċess leġiżlattiv rappurtata ma qisitx b’mod sostanzjali l-kwistjonijiet differenzjali għaż-żgħażagħ. |
|
6.6. |
Analiżi tal-metadata reċenti li saret mill-ILO dwar l-impatt tal-pagi minimi għaż-żgħażagħ, li eżaminat 43 dokument xjentifiku ppubblikati mill-1990 ’l hawn, sabet li fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet, l-effetti tal-pagi minimi fuq l-impjieg fost iż-żgħażagħ huma jew xejn jew żgħar ferm. F’xi każijiet, meta żdiedet ir-rata tal-paga minima għaż-żgħażagħ, żdiedet saħansitra r-rata ta’ impjieg taż-żgħażagħ. Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha tad-Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet is-sejbiet tar-riċerka mill-Portugall, il-Belġju u n-Netherlands li juru li l-pagi minimi għaż-żgħażagħ ma għandhom l-ebda effetti sinifikanti fuq ir-rati ta’ impjieg taż-żgħażagħ. |
7. Pagamenti għall-qgħad
|
7.1. |
Qasam ieħor fejn jista’ jkun hemm trattament differenzjali taż-żgħażagħ huwa matul il-perjodi tal-qgħad. Mill-ġdid, dawn huma prinċipalment kompetenzi tal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ tar-rati ta’ pagament, il-perjodi ta’ ħlas u l-kriterji. Hemm livell għoli ta’ diversità u kumplessità fost is-sistemi nazzjonali fl-Ewropa. Madankollu, nistgħu nimmaġinaw xenarji fejn dawn id-differenzjali ser iħallu impatt fuq kwistjonijiet bħall-impjieg u l-moviment liberu fi ħdan l-UE. Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu żvantaġġati wkoll mis-sistemi tal-benefiċċji tal-qgħad, peress li jista’ ma jkunux lestew il-perjodu meħtieġ ta’ “kontributi” biex jikkwalifikaw għas-sistemi relevanti. |
|
7.2. |
Lil hinn minn dawn l-iskemi, l-Istati Membri jipprovdu pagamenti tal-assistenza soċjali, li jvarjaw b’mod konsiderevoli, bis-sistemi ta’ assistenza soċjali jaqgħu wkoll fil-kompetenza nazzjonali. Xi wħud huma soġġetti għal ittestjar tal-mezzi u oħrajn mhumiex. Imbagħad hemm xenarju pjuttost kumpless fil-każ tal-età, u dawn il-pagamenti u dan ir-rapport ma jirriflettux sew dan is-suġġett. Inevitabbilment hemm varjazzjonijiet fil-perjodi u d-durata tal-kwalifika, kif ukoll bosta fatturi oħrajn. Bla dubju hemm il-ħtieġa għal data aħjar u aktar ċara biex tippermetti li ssir aktar riċerka. Jistgħu jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin:
|
8. Internships mhux imħallsa
|
8.1. |
Il-Parlament Ewropew sejjaħ għal projbizzjoni fuq internships mhux imħallsa, u l-Kumitat tad-Drittijiet Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa ddetermina li l-lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-Belġju jippermettu li ż-żgħażagħ jiġu sfruttati bħala ħaddiema b’xejn permezz ta’ internships mhux imħallsa. Is-sentenza tal-Kumitat, li nħarġet wara li tressaq lment kollettiv mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, sabet li s-sistemi ta’ spezzjoni tax-xogħol attwali fil-Belġju jonqsu milli joffru biżżejjed protezzjoni lill-ħaddiema żgħażagħ vulnerabbli u żvantaġġati.
L-oqfsa regolatorji tal-Istati Membri b’mod ġenerali u l-istrettezza tar-regolamentazzjoni b’mod partikolari jvarjaw ħafna kemm fost it-tipi differenti ta’ apprendistati kif ukoll minn Stat Membru għal ieħor. F’xi Stati Membri ma hemm ebda definizzjoni legali ta’ traineeships. |
|
8.2. |
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-qafas ta’ kwalità għat-traineeships, adottata fl-2013, għandha l-għan li tiżgura li t-traineeships jiffaċilitaw b’mod effiċjenti t-tranżizzjonijiet bejn l-edukazzjoni u x-xogħol u b’hekk tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Il-proposta tistabbilixxi linji gwida li jistgħu jiżguraw kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja u kundizzjonijiet ta’ xogħol adegwati. |
|
8.3. |
L-internships mhux imħallsa jistgħu jiġu definiti bħala perjodi ta’ xogħol, simili għal dawk imwettqa minn impjegati mħallsa, li mhumiex marbuta ma’ proċess formalizzat u espliċitu ta’ edukazzjoni, taħriġ, volontarjat jew kollokament. |
|
8.4. |
Filwaqt li l-esperjenza tax-xogħol u t-tagħlim permezz tal-esperjenza huma vitali għaż-żgħażagħ li jkunu għadhom qed jibdew fis-suq tax-xogħol, dawk li qegħdin isejħu għal azzjoni dwar internships mhux imħallsa jemmnu li hemm wisq żgħażagħ li jinsabu f’sitwazzjoni volatili ta’ internships mhux imħallsa u esperjenza ta’ xogħol ta’ kwalità baxxa, li joħolqu delużjoni konsiderevoli dwar is-suq tax-xogħol f’dan il-grupp ta’ età. |
|
8.5. |
Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ eżamina għadd ta’ pajjiżi u l-politiki tagħhom rigward internships mhux imħallsa. Fi Franza, l-internships huma regolati b’mod strett u jistgħu jseħħu biss fi ħdan kurrikuli ta’ edukazzjoni formali. Internships li jdumu xahrejn jew anqas bħala parti mill-edukazzjoni jistgħu jkunu mhux imħallsa. Fir-Rumanija, l-internships huma rregolati b’mod strett b’leġiżlazzjoni speċifika. L-interns huma intitolati għal 50 % tal-paga minima. Internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol miftuħ huma illegali, iżda l-liġijiet spiss jiġu evitati. |
|
8.6. |
L-internships fis-suq tax-xogħol miftuħ mhumiex definiti jew regolati mil-liġi u anqas mhuma komuni fil-Kroazja, iżda jeżistu forom oħra ta’ internships u huma soġġetti għal regolamentazzjoni. Fil-Bulgarija, internships mhux imħallsa li jsiru barra mill-qafas tal-liġijiet tal-internships dedikati huma legali u jseħħu ta’ spiss. Għal internships tas-suq tax-xogħol miftuħ li jsegwu l-liġijiet dwar l-internships, l-interns huma intitolati għal mill-anqas il-paga minima nazzjonali. |
|
8.7. |
Fl-Awstrija, internships fis-suq tax-xogħol miftuħ fit-teorija għandhom ikunu mħallsa skont il-ftehimiet ta’ negozjar kollettiv speċifiċi għal kull settur. Madankollu, l-internships fis-suq tax-xogħol miftuħ jistgħu jkunu mhux imħallsa legalment jekk ikunu kategorizzati bħala relazzjoni edukattiva, u dan iseħħ ta’ spiss. Ix-xogħol mhux imħallas huwa illegali fl-Irlanda, iżda l-liġi spiss ma tiġix infurzata fil-każ tal-internships, b’internships mhux imħallsa li saru prattika komuni u spiss reklamati pubblikament. |
Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru dwar Integration of young people into the labour market with particular focus on traineeships (L-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol b’enfasi partikolari fuq it-traineeships [mhux disponibbli bil-Malti]), April 2023, Stħarriġ tal-Ewrobarometru (europa.eu).
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 46).
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022” (COM(2021) 634 final — 2021/0328 (COD)) (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 122).
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022” (COM(2021) 634 final — 2021/0328 (COD)) (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 122).
(5) https://www.disability-europe.net/downloads/1046-ede-task-2-1-statistical-indicators-tables-eu-silc-2018
(6) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif jiġi ggarantit xogħol deċenti għaż-żgħażagħ u tiġi żgurata l-inklużjoni taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) permezz tal-iżvilupp adatt ta’ Pjani Nazzjonali ta’ Rkupru” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 27, NEETs u NRRPs.
(7) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ix-“Xogħol prekarju u saħħa mentali” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola) (ĠU C 228, 29.6.2023, p. 28).
(8) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-demokrazija fil-post tax-xogħol (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola) (ĠU C 228, 29.6.2023, p. 43).
(9) https://www.disability-europe.net/downloads/1046-ede-task-2-1-statistical-indicators-tables-eu-silc-2018
(10) Institut national de la statistique et des études économiques (Istitut nazzjonali tal-istatistika u tal-istudji ekonomiċi), https://www.insee.fr/en/statistiques/5018508.
(11) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(12) TFUE Artikolu 153, paragrafi (2a) u (2b).
(13) Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
ANNESS I (1)
Tabella
Rati sottominimi għal Stati Membri tal-UE magħżula u għar-Renju Unit minn Jannar 2021
|
Pajjiż |
Gruppi tal-ħaddiema |
% tar-rata sħiħa |
Livell tal-paga minima fl-2021 (EUR sakemm mhux indikat mod ieħor) |
||||
|
Il-Belġju |
Ħaddiema ta’ 16-il sena jew inqas (mingħajr kuntratt għall-istudenti) |
70 |
1 138 /xahar |
||||
|
Ħaddiema ta’ 17-il sena (mingħajr kuntratt għall-istudenti) |
76 |
1 236 /xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 18-il sena (b’kuntratt għall-istudenti) |
82 |
1 333 /xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 19-il sena (b’kuntratt għall-istudenti) |
88 |
1 431 /xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 20 sena (b’kuntratt għall-istudenti) |
94 |
1 528 /xahar |
|||||
|
Franza |
Ħaddiema b’inqas minn sitt xhur ta’ esperjenza fis-settur fl-età ta’ 15 u 16-il sena; ħaddiema taħt is-16-il sena li jaħdmu waqt il-vaganzi tas-sajf |
80 |
1 244 /xahar |
||||
|
Ħaddiema b’inqas minn sitt xhur ta’ esperjenza fis-settur fl-età ta’ 17-il sena |
90 |
1 399 /xahar |
|||||
|
Żgħażagħ b’kuntratti professjonali b’alternanza (2), jiddependi mill-età u l-kwalifiki preċedenti |
55 sa 100 |
855 sa 1 555 /xahar |
|||||
|
Apprendisti, skont l-età, l-anzjanità fil-kariga u l-ftehim settorjali applikabbli |
27 sa 78 |
420 sa 1 213 /xahar |
|||||
|
Apprendisti (3) |
Mhux applikabbli |
3,70 /siegħa |
|||||
|
Ħaddiema b’diżabbiltajiet impjegati f’ċentri speċifiċi ddedikati għall-inklużjoni ta’ dawn il-ħaddiema |
55 sa 100 |
855 sa 1 555 /xahar |
|||||
|
Il-Ġermanja |
Il-paga minima ma tapplikax għal persuni taħt it-18-il sena. |
Mhux applikabbli |
550/xahar |
||||
|
L-Irlanda |
Ħaddiema taħt it-18-il sena |
70 |
7,14 /siegħa |
||||
|
Ħaddiema ta’ 18-il sena |
80 |
8,16 /siegħa |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 19-il sena |
90 |
9,18 /siegħa |
|||||
|
Il-Latvja |
Persuni kkundannati (li qegħdin jiskontaw sentenza f’ħabs) |
50 |
250/xahar |
||||
|
Il-Lussemburgu |
Ħaddiema ta’ 15-il sena sa inqas minn 17-il sena |
75 |
1 651 /xahar; 9,55 /siegħa |
||||
|
Ħaddiema ta’ 17-il sena sa inqas minn 18-il sena |
80 |
1 762 /xahar 10,18 /siegħa |
|||||
|
Ħaddiema mhux kwalifikati ta’ 18-il sena u aktar |
100 |
2 202 /xahar 12,73 /siegħa |
|||||
|
Malta |
Ħaddiema taħt is-17-il sena |
95 |
171/ġimgħa |
||||
|
Ħaddiema ta’ 17-il sena |
96 |
174/ġimgħa |
|||||
|
In-Netherlands |
Ħaddiema ta’ 15-il sena |
30 |
505/xahar |
||||
|
Ħaddiema ta’ 16-il sena |
34,5 |
581/xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 17-il sena |
39,5 |
666/xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 18-il sena |
50 |
842/xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 19-il sena |
60 |
1 011 /xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 20 sena |
80 |
1 348 /xahar |
|||||
|
Ħaddiema ta’ 21 sena |
100 |
1 685 /xahar |
|||||
|
Il-Portugall |
Ħaddiema f’apprendistati u internships |
80 |
621/xahar |
||||
|
Ħaddiema b’diżabbiltajiet |
50 |
388/xahar |
|||||
|
Ir-Renju Unit |
Ħaddiema taħt it-18-il sena |
47,6 |
GBP 4,15 (EUR 4,62 )/siegħa |
||||
|
Ħaddiema ta’ bejn 18 u 20 sena |
52,2 |
GBP 4,55 (EUR 5,06 )/siegħa |
|||||
|
Ħaddiema ta’ bejn 21 u 24 sena |
74 |
GBP 6,45 (EUR 7,17 )/siegħa |
|||||
|
Apprendisti taħt id-19-il sena, jew ta’ 19-il sena jew aktar fl-ewwel sena tal-apprendistat tagħhom |
94 |
GBP 8,20 (EYR 9,12 )/siegħa |
|||||
|
|||||||
(1) Adattat minn: https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef21015en.pdf
(2) Fi Franza, dawn il-kuntratti jippermettu lil ħaddiema żgħażagħ jiksbu kwalifika professjonali u jippromovu l-integrazzjoni professjonali jew l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom.
(3) Jistgħu jkunu mhux imħallsa, jekk anqas minn xahrejn.