SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Mejju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Kontrolli uffiċjali tal-prodotti tal-ikel – Regolament (UE) 2017/625 – Artikolu 9(7) – Armonizzazzjoni eżawrjenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu ta’ rapportar mal-wasla ta’ supplimenti tal-ikel minn Stati Membri oħra – Kundizzjoni ta’ neċessità stretta għall-organizzazzjoni effikaċi ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ obbligi ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-konsumaturi”

Fil-Kawża C‑626/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura

PRAGON s.r.o.

vs

Státní zemědělská a potravinářská inspekce, Inspektorát v Praze,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin (Relatur), N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Settembru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal PRAGON s.r.o., minn M. Kadlec, advokát,

–

għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Salyková u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Diċembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PRAGON s.r.o. (iktar ’il quddiem “Pragon”), kumpannija rregolata mid-dritt Ċek, u s-Státní zemědělská a potravinářská inspekce, Inspektorát v Praze (l-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari, l-Ispettorat ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari”), dwar talba għal protezzjoni mressqa minn din il-kumpannija kontra allegat indħil illegali li kien jikkonsisti f’kontroll mwettaq minn din l-awtorità.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-dritt primarju

3

L-Artikolu 26 TFUE jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Unjoni [Ewropea] għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.”

4

L-Artikolu 34 TFUE huwa fformulat kif ġej:

“Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”

5

Skont l-Artikolu 36 TFUE:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 43 TFUE jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew], għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd.”

7

L-Artikolu 114 TFUE jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [Ewropew], għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.”

8

Skont l-Artikolu 168(4)(b) TFUE:

“B’deroga mill-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 6(a), u skond l-Artikolu 4(2)(k), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni ta’ l-objettivi imsemmija f’dan l-Artikolu, billi jadottaw, sabiex jiġu affrontati l-problemi komuni tas-sigurtà:

[…]

b)

miżuri fl-oqsma veterenarji u fito-sanitarji, li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika”.

Id-dritt sekondarju

– Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

9

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5).

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘ikel’ (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) [prodotti tal-ikel] tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.

[…]”

– Id-Direttiva 2002/46/KE

10

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490):

“Sabiex jiffaċilitaw il-monitoraġġ effiċjenti tas-supplimenti ta’ l-ikel, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-manifattur jew il-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq fit-territorju tagħhom jinnotifikaw l-awtorità kompetenti dwar dak it-tqegħid fis-suq billi jibgħatulha kampjun tat-tikketta użata għall-prodott.”

– Ir-Regolament Nru 2017/625

11

Il-premessi 1 sa 3, 15, 19, 20, 37, 38, 43 u 99 tar-Regolament 2017/625 jiddikjaraw:

“(1)

It-Trattat [FUE] jirrikjedi li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-annimali u tal-ambjent fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Dak l-objettiv għandu jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz ta’ miżuri fil-qasam veterinarju u fitosanitarju, li għandhom bħala objettiv finali tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(2)

It-[Trattat FUE] jipprevedi wkoll li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi permezz tal-miżuri li hi tadotta fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern.

(3)

Il-leġislazzjoni tal-Unjoni tipprevedi sett ta’ regoli armonizzati li jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu sikuri u bnien, u li l-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq is-sikurezza tal-katina agroalimentari jew fuq il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-ikel u l-għalf jitwettqu f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi. Jeżistu wkoll regoli tal-Unjoni li jiżguraw livell għoli ta’ saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, kif ukoll livell għoli ta’ trattament xieraq tal-annimali, tul il-katina agroalimentari, u f’dawk l-oqsma kollha ta’ attività b’mira ewlenija li jiġġieldu t-tixrid possibbli tal-mard tal-annimali, li f’ċerti każijiet ikun jista’ jittieħed mill-bniedem, u t-tixrid possibbli ta’ pesti li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti mill-pjanti; u regoli li jiżguraw il-protezzjoni tal-ambjent minn riskji li jistgħu jinqalgħu mill-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) jew mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. L-applikazzjoni korretta ta’ dawk ir-regoli, minn hawn ’il quddiem imsejħa kollettivament bħala ‘l-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari’, tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern.

[…]

(15)

Ir-responsabbiltà għall-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari tinsab f’idejn l-Istati Membri, li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jimmonitorjaw u jivverifikaw, billi jorganizzaw kontrolli uffiċjali, li r-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni jkunu rispettati u infurzati b’mod effettiv.

[…]

(19)

Sabiex il-qafas leġislattiv ġenerali jiġi razzjonalizzat u simplifikat, waqt li fl-istess ħin jiġi segwit l-objettiv ta’ regolamentazzjoni aħjar, jenħtieġ li r-regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali f’oqsma speċifiċi jiġu integrati f’qafas leġislattiv waħdieni għall-kontrolli uffiċjali. […]

(20)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ifittex li jistabbilixxi qafas armonizzat tal-Unjoni għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali, u attivitajiet uffiċjali oħra minbarra l-kontrolli uffiċjali, tul il-katina agroalimentari kollha, filwaqt li jitqiesu r-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91)] u f’leġislazzjoni settorjali rilevanti, flimkien mal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

[…]

(37)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ traċċabilità stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali, u sa fejn hu strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li l-operaturi jkunu jistgħu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jintalbu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jirrappurtaw il-wasla ta’ annimali u oġġetti minn Stat Membru ieħor.

(38)

Biex jiġi żgurat l-infurzar korrett tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jwettqu kontrolli uffiċjali fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-annimali u l-oġġetti kkonċernati minn dik il-leġislazzjoni. Biex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu b’mod eżawrjenti u effettiv, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ukoll is-setgħa li jwettqu kontrolli uffiċjali fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-oġġetti, is-sustanzi, jew il-materjali li mhumiex regolati mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari safejn hija tkun meħtieġa biex jiġi investigat bis-sħiħ il-ksur possibbli ta’ dik il-leġislazzjoni, u biex tiġi identifikata l-kawża ta’ kwalunkwe ksur bħal dan. Sabiex iwettqu dawk il-kontrolli uffiċjali b’mod effiċjenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ifasslu u jżommu lista jew reġistru tal-operaturi li għandhom jiġu kkontrollati.

[…]

(43)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas leġislattiv waħdieni għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari fl-oqsma kollha koperti minn tali leġislazzjoni. […]

[…]

(99)

Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat approċċ armonizzat fir-rigward ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-effetti, il-kumplessità, in-natura transfruntiera [transkonfinali] u internazzjonali tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE] […]”

12

Skont l-Artikolu 1(1)(a) u (2)(a) tar-Regolament 2017/625:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal:

(a)

it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

[…]

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli, kemm jekk ikunu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni kif ukoll jekk ikunu stabbiliti mill-Istati Membri bil-fini li tiġi applikata l-leġislazzjoni tal-Unjoni f’oqsma ta’:

(a)

l-ikel u s-sikurezza tal-ikel, l-integrità u t-tjubija tal-ikel fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel, inkluż regoli li għandhom l-għan li jiżguraw prattiki kummerċjali ġusti u li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi u l-informazzjoni li tingħatalhom, u l-manifattura u l-użu ta’ materjal u oġġetti li jiġu f’kuntatt mal-ikel”.

13

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-punti 11, 12 u 29 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(11)

‘oġġetti’ tfisser dak kollu li hu soġġett għal regola waħda jew aktar minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2), għajr l-annimali;

(12)

‘ikel’ [prodott tal-ikel] tfisser ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 178/2002];

[…]

(29)

‘operatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għal obbligu wieħed jew aktar previsti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)”.

14

L-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/625 jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 sa 7 tiegħu:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi kollha b’mod regolari, abbażi tar-riskji u bi frekwenza adegwata, […]

[…]

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali regolarment, bi frekwenzi adegwati ddeterminati abbażi tar-riskji, biex jidentifikaw ksur intenzjonali possibbli tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), imwettqa permezz ta’ prattiki frodulenti jew qarrieqa, filwaqt li jqisu l-informazzjoni dwar tali ksur, kondiviża permezz tal-mekkaniżmi ta’ għajnuna amministrattiva previsti fl-Artikoli 102 sa 108, u kwalunkwe informazzjoni oħra li tindika l-possibbiltà ta’ tali ksur.

[…]

4.   Il-kontrolli uffiċjali għandhom jitwettqu mingħajr avviż minn qabel, ħlief fejn tali avviż ikun neċessarju u ġġustifikat kif dovut biex jitwettaq il-kontroll uffiċjali. Fir-rigward ta’ kontrolli uffiċjali fuq talba mill-operatur, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi jekk il-kontrolli uffiċjali għandhomx jitwettqu b’avviż minn qabel jew le. Il-kontrolli uffiċjali b’avviż minn qabel ma għandhomx jipprekludu kontrolli uffiċjali mingħajr avviż minn qabel.

5.   Il-kontrolli uffiċjali għandhom isiru, sa fejn possibbli, b’tali mod li l-piż amministrattiv u l-interruzzjoni operazzjonali għall-operaturi jinżammu fl-inqas livelli meħtieġa, mingħajr ma tiġi affettwata ħażin l-effettività tal-kwalità tal-kontroll.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali bl-istess mod, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-kontrolli jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet speċifiċi, irrispettivament minn jekk l-annimali u l-oġġetti kkonċernati humiex:

(a)

disponibbli fis-suq tal-Unjoni, ikunux joriġinaw mill-Istat Membru fejn isiru l-kontrolli uffiċjali, jew minn Stat Membru ieħor;

[…]

7.   Safejn strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, l-Istati Membri ta’ destinazzjoni jistgħu jitolbu lill-operaturi li jkollhom annimali jew oġġetti mwassla lilhom minn Stat Membru ieħor jirrappurtaw il-wasla ta’ tali annimali jew oġġetti.”

15

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jiddikjara, fil-paragrafu 1(a) u (c) tiegħu, kif ukoll fil-paragrafu 2 tiegħu:

“1.   Safejn meħtieġ biex tkun aċċertata l-konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali fuq:

(a)

annimali u oġġetti fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-użu;

[…]

(c)

operaturi fir-rigward tal-attivitajiet, inkluż iż-żamma ta’ annimali, it-tagħmir, il-mezzi ta’ trasport, il-bini u postijiet oħra taħt il-kontroll tagħhom u l-inħawi ta’ madwarhom u fuq dokumentazzjoni relatata.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli li jikkonċernaw listi jew reġistri eżistenti stabbiliti abbażi tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2), l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu u jżommu aġġornata lista ta’ operaturi. Fejn tali lista jew reġistru jkunu jeżistu diġà għal finijiet oħra, dawn jistgħu jintużaw ukoll għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”

16

L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali b’livell għoli ta’ trasparenza u għandhom, tal-inqas darba fis-sena, jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni fuq l-internet, informazzjoni rilevanti dwar l-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali.

Għandhom jiżguraw ukoll il-pubblikazzjoni regolari u f’waqtha ta’ informazzjoni dwar dawn li ġejjin:

(a)

it-tip, l-għadd u r-riżultat tal-kontrolli uffiċjali;

(b)

it-tip u l-għadd ta’ każijiet ta’ nonkonformità identifikati;

(c)

it-tip u l-għadd ta’ każijiet fejn ittieħdu miżuri mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 138; u

(d)

it-tip u l-għadd ta’ każijiet fejn il-penali msemmija fl-Artikolu 139 ġew imposti.”

17

L-Artikoli 102 sa 108 tar-Regolament 2017/625 jiddefinixxu r-regoli dwar l-assistenza u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-kuntest tal-proċeduri rregolati minn dan ir-regolament.

18

L-Artikolu 111 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[Pjan Nazzjonali Pluriennali ta’ Kontroll (MANCP)] previst fl-Artikolu 109(1) isir disponibbli għall-pubbliku, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-partijiet tal-pjan li l-iżvelar tagħhom jista’ jipperikola l-effettività tal-kontrolli uffiċjali.”

Id-dritt Ċek

Il-Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel

19

L-Artikolu 3d(3) taż-zákon č. 110/1997 Sb., o potravinách a tabákových výrobcích a o změně a doplnění některých souvisejících zákonů (il-Liġi Nru 110/1997 dwar il-Prodotti tal-Ikel u l-Prodotti tat-Tabakk u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet Konnessi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel”), jipprovdi:

“L-operatur tas-settur tal-ikel li, fil-post tad-destinazzjoni, jirċievi prodotti tal-ikel iddefiniti mil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew minn pajjiż terz, huwa obbligat jinforma lill-awtorità ta’ kontroll kompetenti skont l-Artikolu 16(4) jew (5) bil-wasla tagħhom skont il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni li, abbażi tal-analiżi tar-riskji prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 178/2002] għandha tiddetermina t-tip ta’ prodott tal-ikel, id-data, il-portata u l-modalitajiet tal-komunikazzjoni, sa fejn ikun strettament neċessarju għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali.”

Id-Digriet Nru 172/2015

20

Skont l-Artikolu tal-vyhláška č. 172/2015 Sb., o informační povinnosti příjemce potravin v místě určení (id-Digriet Nru 172/2015 dwar l-Obbligu ta’ Informazzjoni tad-Destinatarju ta’ Prodotti tal-Ikel fil-Post tad-Destinazzjoni), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fi żmien il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 172/2015”):

“(1)   Dan id-digriet jirregola l-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-operatur tas-settur tal-ikel fil-post tad-destinazzjoni […], skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni direttament applikabbli.

(2)   Dan id-digriet ikopri:

[…]

e)

is-supplimenti tal-ikel,

[…]

(3)   Dan id-digriet japplika biss meta l-post tad-destinazzjoni jkun il-post tal-ewwel riċezzjoni, inkluż l-ewwel ipproċessar jew l-ewwel manipulazzjoni fit-territorju tar-Repubblika Ċeka ta’ prodott tal-ikel imsemmi fil-paragrafu 2.”

21

L-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 172/2015 jipprevedi:

“Id-destinatarju ta’ prodotti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew minn pajjiż terz għandu, fil-post ta’ destinazzjoni, fil-każ ta’ prodott tal-ikel imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) sa (e), u meta l-post ta’ destinazzjoni jkun dak imsemmi fl-Artikolu 1(3), jinnotifika, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni tal-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari, mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla tal-prodotti tal-ikel fil-post ta’ destinazzjoni

a)

it-tip ta’ prodotti tal-ikel li jaslu fil-post ta’ destinazzjoni;

b)

il-kwantità tal-prodotti tal-ikel li jaslu fil-post ta’ destinazzjoni;

c)

l-Istat Membru tal-Unjoni jew il-pajjiż terz, l-isem u l-indirizz tal-operatur tas-settur tal-ikel li jikkunsinna l-prodotti tal-ikel fil-post ta’ destinazzjoni;

d)

l-isem, l-indirizz u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-post ta’ destinazzjoni u tad-destinatarju tal-prodotti tal-ikel fil-post ta’ destinazzjoni u

e)

id-data tal-wasla tal-prodotti tal-ikel fil-post ta’ destinazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22

Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, l-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari, fuq il-bażi tad-Digriet Nru 172/2015, li jimplimenta l-Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel, wettqet kontroll uffiċjali li kien jirrigwarda s-sigurtà tas-supplimenti tal-ikel irċevuti minn Pragon. Dan il-kontroll twettaq konformement ma’ qafas leġiżlattiv nazzjonali li jipprevedi, bis-saħħa tal-Artikolu 3d(3) ta’ din il-liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) ta’ dan id-digriet, li l-operaturi tas-settur tal-ikel huma obbligati jinformaw lill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti bil-wasla, minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew minn pajjiż terz, ta’ ċerti prodotti tal-ikel, fosthom is-supplimenti tal-ikel.

23

Pragon ikkontestat il-kontroll imwettaq mill-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari permezz ta’ rikors intiż sabiex tinkiseb protezzjoni kontra l-interventi illegali tagħha fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u ppreżentat quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022.

24

Fl‑10 ta’ Mejju 2023, wara li ġiet adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn Pragon, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) annullat din is-sentenza għar-raġuni li l-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li ma kienx illegali li jitwettaq kontroll fuq il-bażi ta’ digriet li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti suprema bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza sabiex din teżamina jekk id-Digriet Nru 172/2015 kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u jekk kellux jiġi applikat fil-kawża li ġiet adita biha.

25

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) ċaħdet ir-rikors li permezz tiegħu Pragon ikkontestat il-legalità tal-kontroll imwettaq skont id-Digriet Nru 172/2015. Skont din il-qorti, dan id-digriet jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625, jiġifieri l-eżistenza ta’ komunikazzjoni minn qabel, mill-operaturi kkonċernati, tal-wasla ta’ supplimenti tal-ikel fit-territorju Ċek għall-finijiet tal-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali kif ukoll in-neċessità stretta ta’ din il-komunikazzjoni għal dan il-għan. In-natura proporzjonata tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tirriżulta fil-fatt li dan l-obbligu ma japplikax għall-prodotti tal-ikel kollha iżda biss għal ċerti kategoriji minn fosthom, li l-lista tagħhom tvarja skont l-evalwazzjoni tar-riskji li dawn il-prodotti tal-ikel jippreżentaw f’data speċifika, bil-konsegwenza li l-obbligu jikkostitwixxi rekwiżit immirat u mhux iġġeneralizzat. Barra minn hekk, l-imsemmi obbligu jikkonċerna biss l-informazzjoni neċessarja għall-analiżi tar-riskji li għandhom l-operaturi koperti mill-istess obbligu. Ulterjorment, peress li l-komunikazzjoni tal-wasla ta’ prodotti tal-ikel għandha ssir, konformement mal-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 172/2015, permezz ta’ formola online mill-inqas 24 siegħa qabel din il-wasla, tali obbligu huwa inqas restrittiv minn dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni preċedenti, li kienet tipprevedi obbligu ta’ komunikazzjoni bil-quddiem 48 siegħa qabel l-imsemmija wasla. Mingħajr l-informazzjoni li t-trażmissjoni tagħha hija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ċeka fis-seħħ, ma jkunx possibbli li jiġi osservat l-obbligu li jitwettqu kontrolli uffiċjali regolari mingħajr preavviż, rikjesti mill-Artikolu 9(2) u (4) tar-Regolament 2017/625.

26

Sussegwentement, Pragon ippreżentat appell kontra s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2023 quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, u li quddiemha hija ssostni, essenzjalment, li l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst mil-leġiżlazzjoni Ċeka jikser b’mod manifest il-moviment liberu tal-merkanzija, sa fejn il-merkanzija ma tistax tiġi kkunsinnata fir-Repubblika Ċeka fl-istess jum li fih tkun saret l-ordni – liema ċirkustanza tikkostitwixxi ostakolu mhux tariffarju pprojbit mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, Pragon issostni li l-prodotti tal-ikel li joriġinaw minn territorji li jinsabu barra minn dak tar-Repubblika Ċeka huma suġġetti għal trattament diskriminatorju meta mqabbla mat-trattament irriżervat għall-merkanzija li toriġina mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għal obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel u għalhekk jistgħu jiġu kkummerċjalizzati immedjatament.

27

Fost ir-raġunijiet li jwassluha sabiex tagħmel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-prodotti tal-ikel li jaqgħu taħt kategorija elenkata fid-Digriet Nru 172/2015, jistgħu, meta joriġinaw mir-Repubblika Ċeka, jiġu kkummerċjalizzati mid-destinatarju ta’ dawn il-prodotti tal-ikel fl-iqsar żmien possibbli mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ssodisfatt xi obbligu ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, meta l-prodotti tal-ikel jiġu minn Stat Membru ieħor, l-istess prodotti tal-ikel għandhom, konformement ma’ dan id-digriet, ikunu suġġetti għal komunikazzjoni mill-inqas 24 siegħa qabel il-wasla tagħhom fir-Repubblika Ċeka. Tali obbligu jimplika ppjanar iktar kumpless għall-operaturi tas-settur tal-ikel, peress li kull ordni ta’ dan it-tip tista’ tkun tiġi kkunsinnata biss 24 siegħa wara li dan l-obbligu jkun ġie ssodisfatt, li jwassal għal spejjeż u termini addizzjonali għall-operaturi kkonċernati. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-qorti tiddikjara li hija inklinata tikkunsidra li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 3(3) tal-Liġi dwar il-Prodotti tal-Ikel, implimentat bid-Digriet Nru 172/2015, jista’ jiddisswadi lill-operaturi fis-settur tal-ikel milli jintroduċu jew li jqiegħdu fis-suq tar-Repubblika Ċeka l-prodotti tal-ikel li joriġinaw minn Stati Membri oħra u għalhekk jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit jekk l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst mil-leġiżlazzjoni Ċeka huwiex proporzjonat, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk jeżistix jew le mod paragunabbli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – għan li din il-qorti tqis li jista’ jiġġustifika dan l-obbligu – li jippreġudika inqas il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni minn dak previst minn dik il-leġiżlazzjoni. Peress li l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 jippermetti li jiġi impost obbligu ta’ informazzjoni fuq id-destinatarju ta’ prodotti tal-ikel minn Stat Membru ieħor, l-imsemmija qorti tistaqsi sa fejn dan l-obbligu jista’ jkun ta’ natura sistematika fid-dawl tal-premessa 37 ta’ dan ir-regolament, li minnha jirriżulta li l-informazzjoni dwar il-wasla ta’ merkanzija tista’ tintalab biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Hija tistaqsi wkoll jekk obbligu ta’ komunikazzjoni, immirat fuq ir-riskji attwali ppreżentati mill-prodotti tal-ikel irċevuti jew impost biss fil-mument tal-wasla ta’ tali prodotti tal-ikel fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew meta jseħħu kunsinni speċifiċi, jikkostitwixxix miżura alternattiva suffiċjenti. Madankollu, l-istess qorti ma teskludix li rekwiżit ta’ komunikazzjoni minn qabel jista’ jitqies li huwa proporzjonat, peress li tali komunikazzjoni żżid il-possibbiltajiet li jiġi interċettat prodott tal-ikel li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni.

29

Fir-rigward tas-supplimenti tal-ikel b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn huma differenti mill-prodotti tal-ikel friski jew ta’ oriġini mill-annimali minħabba rekwiżiti partikolari ta’ tul ta’ żmien ta’ konservazzjoni, ta’ trasport, ta’ ħażna, ta’ forma u ta’ użu. Peress li s-supplimenti tal-ikel ma jistgħux jeħżienu, ma huwiex neċessarju li jsir kontroll uffiċjali f’terminu ta’ 24 siegħa. Madankollu, mil-leġiżlazzjoni Ċeka jirriżulta li ż-żamma tas-supplimenti tal-ikel fil-lista tal-prodotti tal-ikel, prevista mid-Digriet Nru 172/2015, hija ġġustifikata mill-preżenza possibbli f’dawn is-supplimenti ta’ sustanzi anaboliċi, ta’ prodotti farmaċewtiċi, ta’ ormoni u ta’ sustanzi oħra pprojbiti, mill-fatt li, b’mod frekwenti, l-indikazzjoni tas-sustanzi li jikkomponu l-imsemmija supplimenti fuq l-imballaġġ ma tikkorrispondix għar-realtà jew taqbeż il-kontenut awtorizzat kif ukoll minn kontenut possibbli ta’ sustanzi perikolużi, bħall-metalli tqal jew l-idrokarburi aromatiċi, u minn kontenut possibbli ta’ vitamini jew minerali li jistgħu jipproduċu effetti dannużi partikolari fil-każ ta’ konsum eċċessiv mal-ikel. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi riżervi dwar in-neċessità li jitwettqu, anki fid-dawl ta’ tali spjegazzjonijiet, kontrolli uffiċjali tas-supplimenti tal-ikel f’terminu daqstant qasir wara l-wasla tagħhom fit-territorju Ċek – liema kontrolli possibbilment ikunu neċessarji fil-każ ta’ prodotti tal-ikel li jeħżienu.

30

Huwa f’dan il-kuntest li n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 34 TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE u tal-Artikolu 9(7) tar-[Regolament 2017/625], jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq id-destinatarju ta’ supplimenti tal-ikel li joriġinaw minn Stat Membru ieħor obbligu ġenerali li jikkomunika mill-inqas 24 siegħa bil-quddiem il-wasla tagħhom fil-post tad-destinazzjoni u li jipprovdi l-informazzjoni neċessarja għall-analiżi tar-riskji u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċċjali?”

Fuq id-domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 34 u 36 TFUE kif ukoll l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq kull operatur destinatarju ta’ supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor obbligu li jindika bil-quddiem il-wasla ta’ dawn is-supplimenti fil-post ta’ destinazzjoni tagħhom u li jipprovdi d-data neċessarja għall-analiżi tar-riskji li huma jistgħu jippreżentaw u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċjali.

32

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1)(a) u (2) tar-Regolament 2017/625, dan tal-aħħar jistabbilixxi regoli dwar, fost oħrajn, it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri intiżi għall-verifika tal-osservanza tar-regoli, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew mill-Istati Membri, fil-qasam tal-prodotti tal-ikel u tas-sigurtà tagħhom, tal-integrità tagħhom u tas-saħħa tagħhom f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti tal-ikel, inklużi r-regoli intiżi li jiggarantixxu prattiki kummerċjali ġusti u li jipproteġu u jinformaw lill-konsumaturi.

33

Barra minn hekk, mill-premessi 15, 19, 20, 43 u 99 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-regoli stabbiliti minnu jikkostitwixxu qafas leġiżlattiv uniku intiż li jiggarantixxi approċċ armonizzat għall-organizzazzjoni, mill-Istati Membri, tal-kontrolli uffiċjali marbuta mal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari fl-oqsma kollha rregolati minn din il-leġiżlazzjoni.

34

Fi ħdan dan il-qafas leġiżlattiv uniku, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament jiddikjara r-regoli ġenerali applikabbli għall-kontrolli uffiċjali. B’mod partikolari, il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-operaturi li jirċievu annimali jew oġġetti provenjenti minn Stat Membru ieħor jirrapportaw il-wasla ta’ dawn l-annimali jew oġġetti, bil-kundizzjoni li dan ikun strettament neċessarju għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-supplimenti tal-ikel jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “oġġetti” imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa ddefinit, fil-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/625, bħala li jkopri dak kollu li huwa suġġett għal waħda jew iktar mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, bl-esklużjoni tal-annimali. Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 12 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, is-supplimenti tal-ikel jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Bablok et, C‑442/09, EU:C:2011:541, punt 69) u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament 2017/625 jirreferi espliċitament għar-regoli fil-qasam tal-“ikel u s-sikurezza tal-ikel”.

36

Minn interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien jirriżulta li l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun il-każ, jimponu obbligu li jindikaw il-wasla, fil-post ta’ destinazzjoni tagħhom, tas-supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti mir-Regolament 2017/625.

37

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li tiġi eżaminata leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi tali obbligu biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 9(7) tiegħu, u mhux tal-Artikoli 34 u 36 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CIHEF et, C‑147/21, EU:C:2023:31, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-kliem tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 2017/625 huwa biss sa fejn strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali li l-Istati Membri ta’ destinazzjoni jistgħu jitolbu lill-operaturi li jirċievu oġġetti provenjenti minn Stat Membru ieħor jirrapportaw il-wasla ta’ dawn l-oġġetti.

39

Għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lietuvos bankas, C‑671/23, EU:C:2025:457, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Qabel kollox, mill-kliem tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 jirriżulta li l-obbligu, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu, ta’ rapportar tal-wasla tal-oġġetti provenjenti minn Stat Membru ieħor, ma għandux biss isegwi l-għan li tiġi żgurata l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, iżda għandu wkoll ikun strettament neċessarju għal dan il-għan.

41

Il-kundizzjoni ta’ “strettament meħtieġ” timplika, fiha nnifisha, li ma għandux ikun hemm miżuri inqas restrittivi minn tali obbligu ta’ rapportar sabiex l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tiġi żgurata b’mod effikaċi.

42

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat li sa fejn din tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jittrattaw b’mod differenti l-oġġetti skont l-oriġini tagħhom, tintroduċi deroga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 9(6) ta’ dan ir-regolament li l-kontrolli uffiċjali, għalkemm għandhom jiġu adattati għad-diversi sitwazzjonijiet, għandhom madankollu jitwettqu bl-istess mod, indipendentement mill-fatt li l-oġġetti kkonċernati joriġinaw mill-Istat Membru fejn jitwettqu l-kontrolli uffiċjali jew minn Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 9(7) tal-imsemmi regolament, imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C‑150/99, EU:C:2001:34, punt 25).

43

Din is-soluzzjoni hija sostnuta minn ċerti elementi tal-preambolu tar-Regolament 2017/625.

44

Għalhekk, mill-premessa 37 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li huwa “f’ċirkostanzi eċċezzjonali” li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li l-operaturi jinformawhom bil-wasla ta’ annimali u ta’ oġġetti provenjenti minn Stat Membru ieħor.

45

Barra minn hekk, mill-premessa 38 tal-imsemmi regolament jirriżulta li għandhom ikunu jistgħu jitwettqu kontrolli uffiċjali fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni tal-annimali u tal-oġġetti koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. Min-naħa l-oħra, din il-premessa b’ebda mod ma tindika li, meta dawn l-annimali u dawn l-oġġetti jkollhom provenjenza minn Stat Membru ieħor, il-kontrolli relatati magħhom għandhom iseħħu sistematikament u neċessarjament mal-wasla tal-imsemmija annimali u tal-imsemmija oġġetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

46

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2017/625 jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu, sa fejn ikun neċessarju, kontrolli uffiċjali tal-oġġetti koperti minn dan ir-regolament fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tad-distribuzzjoni u tal-użu tagħhom.

47

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tar-Regolament 2017/625, għandu jiġi osservat li, minn naħa, skont il-premessi 1 sa 3, 15 u 20 tiegħu, billi jistabbilixxi qafas armonizzat tal-Unjoni għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u tal-attivitajiet uffiċjali l-oħra, tul il-katina agroalimentari kollha, dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura, b’mod effettiv, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent kif ukoll tal-interessi tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament ġie adottat mhux biss fuq il-bażi tal-Artikolu 168(4)(b) TFUE dwar, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, iżda wkoll tal-Artikolu 43(2) u tal-Artikolu 114 TFUE, li jindika li dan irid jilħaq l-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija. Il-premessa 3 tal-istess regolament tippreċiża, barra minn hekk, li l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari tikkontribwixxi għall-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern.

48

Fid-dawl ta’ dan l-għan doppju, l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandu jinftiehem, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li jippreskrivi bilanċ speċifiku bejn, minn naħa, il-moviment liberu tal-prodotti tal-ikel u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent u tal-interessi tal-konsumaturi.

49

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jimponu li tiġi rrapportata l-wasla ta’ annimali jew ta’ oġġetti provenjenti minn Stat Membru ieħor biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom l-obbligu li ssir tali rapportar ikun strettament neċessarju, fl-assenza ta’ miżuri inqas restrittivi, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli uffiċjali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni, b’mod partikolari, tas-saħħa tal-bniedem u tal-konsumaturi.

50

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-obbligu ta’ rapportar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex konformi mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Winderwill, C‑516/24, EU:C:2026:185, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif sostna, essenzjalment, il-Gvern Ċek, tali obbligu ta’ rapportar jista’ jfittex li jilħaq l-għan li tiġi żgurata l-organizzazzjoni effikaċi tal-kontrolli uffiċjali ta’ dawn il-prodotti tal-ikel, billi jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu, permezz tal-informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti rċevuti, analiżi kompleta tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-konsumaturi li tippermetti d-determinazzjoni tal-prodotti tal-ikel li għandhom ikunu s-suġġett ta’ tali kontrolli sa mill-ewwel stadju tal-katina agroalimentari fir-Repubblika Ċeka jew qabel id-distribuzzjoni tagħhom lill-konsumaturi finali.

52

Tali għan jikkorrispondi għal dak irrilevat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li għat-twettiq tiegħu, skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625, jista’ jiġi impost, fuq l-operaturi kkonċernati, obbligu ta’ rapportar tal-wasla tal-merkanzija provenjenti minn Stat Membru ieħor, bla ħsara għan-natura strettament neċessarja tiegħu sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ dan l-għan.

53

Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-wasla fit-territorju tar-Repubblika Ċeka tas-supplimenti tal-ikel kollha provenjenti mill-Istati Membri l-oħra u li għalhekk japplika għall-operaturi kollha destinatarji ta’ tali supplimenti.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2017/625, il-kontrolli uffiċjali għandhom jiġu organizzati b’tali mod li l-operaturi kollha jkunu suġġetti għalihom b’mod regolari, skont ir-riskju, u bi frekwenza adegwata.

55

Madankollu, fid-dawl tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja, ta’ skambju u ta’ ġbir ta’ informazzjoni previsti mir-Regolament 2017/625, b’mod partikolari fl-Artikolu 9(2), fl-Artikolu 10(2), fl-Artikolu 11(1) u fl-Artikolu 111(1) tiegħu, ir-rapportar tal-wasla tas-supplimenti tal-ikel kollha provenjenti minn Stat Membru ieħor, li jaqa’ fuq l-operaturi kollha destinatarji ta’ tali supplimenti, ma jidhirx li huwa neċessarju għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament.

56

Fil-fatt, minn naħa, bħala prinċipju l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament 2017/625, informazzjoni dwar, b’mod partikolari, it-tip, in-numru u r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali kif ukoll it-tip u n-numru ta’ nuqqasijiet ta’ konformità identifikati u ssanzjonati tul sena fl-Istati Membri l-oħra, u, bis-saħħa tal-Artikolu 111(1) ta’ dan ir-regolament, il-MANCP tal-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ukoll informazzjoni dwar ksur deliberat potenzjali tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tiegħu, ikkomunikata permezz tal-mekkaniżmi ta’ assistenza amministrattiva previsti fl-Artikoli 102 sa 108 tal-istess regolament.

57

Din l-informazzjoni tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jiddefinixxi l-obbligu ta’ rapportar tal-wasla tas-supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor, li l-għan tiegħu huwa l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta’ dawn l-oġġetti, skont ir-riskji li jirriżultaw minn din l-informazzjoni jew mill-assenza tagħha.

58

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornata lista ta’ “operaturi”, fis-sens tal-punt 29 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, inklużi dawk li huma d-destinatarji ta’ supplimenti tal-ikel fit-territorju ta’ Stat Membru provenjenti minn Stati Membri oħra.

59

Permezz ta’ din il-lista, anki s-supplimenti tal-ikel li ma humiex suġġetti għal obbligu ta’ rapportar mal-wasla tagħhom minn Stati Membri oħra, iddefinit skont ir-riskji li jirriżultaw mill-informazzjoni msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza jew mill-assenza tagħha, jistgħu jiġu ssuġġettati, sa mill-ewwel stadju tal-katina agroalimentari fl-Istat Membru tal-wasla, għal kontrolli uffiċjali mmirati lejn l-operaturi destinatarji ta’ dawn is-supplimenti, jekk dawn il-kontrolli huma organizzati bi frekwenza adegwata u skont ir-riskji, konformement mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2017/625.

60

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevjenu, permezz ta’ kontroll effikaċi, ir-riskji partikolari li jista’ jimplika t-tqegħid fis-suq ta’ suppliment tal-ikel, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/46 jagħtihom il-possibbiltà li jeżiġu li l-manifattur jew il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq fit-territorju tagħhom ta’ tali suppliment tal-ikel jinforma lill-awtorità kompetenti b’din il-kummerċjalizzazzjoni billi jibgħatlu mudell tal-ittikkettjar użat għal dan il-prodott.

61

F’dan il-kuntest, il-Gvern Ċek madankollu jsostni li leġiżlazzjoni daqstant ġenerali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija strettament neċessarja għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tas-supplimenti tal-ikel peress li, l-ewwel nett, ġie kkonstatat b’mod repetut li s-supplimenti tal-ikel jinkludu anabolizzanti, prodotti farmaċewtiċi, ormoni u sustanzi oħra pprojbiti, it-tieni nett, b’mod frekwenti, l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq l-imballaġġ tagħhom ma jikkorrispondux għall-kontenut ta’ dan tal-aħħar, pereżempju fir-rigward tal-kontenut ta’ vitamini u, it-tielet nett, ta’ spiss f’dawn is-supplimenti jkunu preżenti forom mhux awtorizzati ta’ sustanzi minerali jew sustanzi kontaminanti perikolużi, bħal metalli tqal u idrokarburi aromatiċi.

62

Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex ta’ natura li juru, fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punti 55 sa 60 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom l-obbligu li sistematikament tiġi rrapportata l-wasla ta’ supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor għandu jitqies li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli uffiċjali.

63

B’mod partikolari, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jirriżultax li l-wasla fit-territorju Ċek ta’ supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor timplika, qabel ma dawn is-supplimenti tal-ikel jilħqu lill-konsumaturi finali, riskji reali ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew għall-konsumaturi li ma jistgħux jiġu evitati b’mod effikaċi permezz ta’ miżuri inqas restrittivi bħal obbligu individwalizzat ta’ rapportar mal-wasla jew kontrolli uffiċjali mwettqa f’diversi stadji tal-katina agroalimentari billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-mekkaniżmi msemmija fil-punti 55 sa 60 ta’ din is-sentenza.

64

Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, kif osservat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, is-sempliċi fatt li prodott joriġina minn Stat Membru ieħor ma jfissirx fih innifsu li dan il-prodott awtomatikament ikun fih ċertu riskju, ġaladarba l-prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra ġew issuġġettati, f’dawn l-Istati Membri, għall-applikazzjoni ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni li huma intiżi li jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 9(7) tar-Regolament 2017/625 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq kull operatur destinatarju ta’ supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor obbligu li jirrapporta minn qabel il-wasla ta’ dawn is-supplimenti fil-post tad-destinazzjoni tagħhom u li jipprovdi d-data neċessarja għall-analiżi tar-riskji li dawn jistgħu jippreżentaw u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċjali.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali),

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq kull operatur destinatarju ta’ supplimenti tal-ikel provenjenti minn Stat Membru ieħor obbligu li jirrapporta minn qabel il-wasla ta’ dawn is-supplimenti fil-post tad-destinazzjoni tagħhom u li jipprovdi d-data neċessarja għall-analiżi tar-riskji li dawn jistgħu jippreżentaw u għall-ippjanar tal-kontrolli uffiċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.