SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Mejju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Eżenzjoni skont il-kategorija ta’ ċerta għajnuna għas-settur agrikolu u dak forestali – Regolament (UE) Nru 702/2014 – Għajnuna intiża li tikkumpensa l-ħsara kkawżata minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali – Tnaqqis fl-ammont tal-għajnuna f’każ li ma tkunx inxtrat polza ta’ assigurazzjoni li tkopri tal-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja jew tad-dħul relatat mal-produzzjoni, kif ukoll ir-riskji klimatiċi l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat – Artikolu 25(9) – Impossibbiltà għall-benefiċjarju tal-għajnuna li jixtri l-polza ta’ assigurazzjoni meħtieġa”

Fil-Kawżi magħquda C‑52/25 [Binanrier] ( i ) u C‑53/25 [Beaudeluc] i,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Jannar 2025, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2025 fil-proċeduri

RZ,

GT (C-52/25),

AX,

UI (C-53/25)

vs

Région wallonne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Kumin, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Gervasoni u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn X. Drion, avukat,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, C. Kovács u S. Verschraegen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal‑25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 193, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, l-ewwel waħda, RZ u GT (Kawża C‑52/25), u t-tieni waħda, AX u UI (Kawża C‑53/25), bdiewa, u, min-naħa l-oħra, ir-Région Wallonne (ir-Reġjun ta’ Wallonnie, il-Belġju) dwar il-kumpens għall-ħsarat li ġarrbu dawn tal-aħħar minħabba n-nixfa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 10, 42 u 54 tar-Regolament Nru 702/2014, fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali u li nbidlu minn dak iż-żmien ’l hawn, kienu fformulati kif ġej:

“(10)

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu definiti abbażi ta’ sett ta’ prinċipji komuni li jiżguraw li l-għajnuna sservi skop ta’ interess komuni, għandha effett ta’ inċentiv ċar, hija xierqa u proporzjonata, tingħata bi trasparenza sħiħa u hija soġġetta għal mekkaniżmu ta’ kontroll u evalwazzjoni regolari, u ma taffettwax b’mod avvers il-kundizzjonijiet tan-negozju b’tali mod li dan ikun kontra l-interess komuni.

[…]

(42)

Dawk il-kategoriji ta’ għajnuna għandhom b’mod partikolari jinkludu […] għajnuna għall-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet bħal għajnuna li tikkumpensa għal telf ikkawżat minn kundizzjonijiet klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali […]. Dawn il-miżuri għandhom b’mod partikolari jkunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u l-vijabbiltà tas-settur agrikolu sħiħ.

[…]

(54)

Ġestjoni tajba tar-riskju u tal-kriżi hija għodda prinċipali għal settur tal-agrikoltura sostenibbli u kompetittiv. Produzzjoni agrikola primarja hija esposta għal riskji u kriżijiet partikolari naturali, klimatiċi u tas-saħħa. Għalhekk għajnuna għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet u l-għajnuna għas-settur tal-bhejjem għandha tkun limitata għal [impriżi żgħar u medji (SME)] li huma attivi fi produzzjoni agrikola primarja. Għajnuna mill-Istat biex tagħmel tajjeb għal telf ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastri naturali, għajnuna għall-ġlieda kontra l-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti u għajnuna biex jitħallsu l-primjums tal-assigurazzjoni għandha tkun limitata għal għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji li jaffaċċjaw diffikultajiet partikolari minkejja li jkunu wettqu sforzi raġonevoli biex jimminimizzaw dawn ir-riskji. Għajnuna mill-Istat ma għandux ikollha bħala l-effett tagħha li tħajjar lil benefiċjarji jieħdu riskji bla bżonn. L-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għandhom huma stess iġarrbu l-konsegwenzi ta’ għażliet mhux prudenti ta’ metodi ta’ produzzjoni jew prodotti.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni”, kien jipprovdi:

“Skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija skont skemi ta’ għajnuna u għajnuna ad hoc għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) [TFUE] u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategoriji rilevanti tal-għajnuna stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.”

5

L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għajnuna ta’ kumpens għat-telf ikkawżat minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali”, kien jipprevedi:

“1.   Għajnuna li tikkumpensa lill-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għal dannu kkawżat minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE] u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

[…]

9.   Għajnuna mogħtija skont dan l-Artikolu għandha titnaqqas b’50 % sakemm ma tingħatax lill-benefiċjarji li għandhom assigurazzjoni li tkopri mill-anqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tagħhom jew tad-dħul relatat mal-produzzjoni tagħhom u l-aktar riskji klimatiċi statistikament spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat li għalihom hemm kopertura tal-assigurazzjoni.

[…]”

Id-dritt Belġjan

6

L-Artikolu 6 tal-arrêté du gouvernement wallon du 23 août 2018, considérant comme une calamité agricole la sécheresse d’août 2016 à juin 2017, délimitant l’étendue géographique de cette calamité et déterminant l’indemnisation des dommages (id-Digriet tal-Gvern ta’ Wallonie tat‑23 ta’ Awwissu 2018 li jikkunsidra n-nixfa li seħħet bejn Awwissu 2016 u Ġunju 2017 bħala diżastru agrikolu, li jiddelimita l-portata ġeografika ta’ dan id-diżastru u li jikkalkula l-kumpens għad-danni) (Moniteur belge tal‑4 ta’ Settembru 2018, p. 68445, iktar ’il quddiem id-“Digriet tat‑23 ta’ Awwissu 2018”) jipprevedi:

“Għall-kumpens, l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu [5] għandhom jitnaqqsu b’ħamsin fil-mija jekk il-parti leża ma tkunx xtrat polza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri għall-inqas ħamsin fil-mija tal-produzzjoni tagħha kontra r-riskji klimatiċi.”

Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li l-farms tagħhom huma magħmula minn mergħat permanenti u temporanji, kif ukoll minn artijiet mimlija ħaxix għall-għalf tal-bhejjem, ġarrbu ħsarat matul perijodi ta’ nixfa li seħħew bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2016 u x-xahar ta’ Ġunju 2017. Permezz tad-Digriet tat‑23 ta’ Awwissu 2018, il-Gvern ta’ Wallonie (il-Belġju) irrikonoxxa din in-nixfa bħala diżastru agrikolu li jagħti dritt għal kumpens taħt id-dritt nazzjonali. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu talbiet għal kumpens f’dan is-sens.

8

Fil‑31 ta’ Ottubru 2018, il-gouverneur de la province de Luxembourg (il-Gvernatur tal-Provinċja tal-Lussemburgu, il-Belġju) ippropona li jagħti lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kumpens f’ammont imnaqqas bin-nofs, u dan skont l-Artikolu 6 tad-Digriet tat‑23 ta’ Awwissu 2018, minħabba li huma ma kinux xtraw polza ta’ assigurazzjoni li tkopri għall-inqas 50 % tal-produzzjoni tagħhom kontra r-riskji klimatiċi.

9

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kkontestaw il-fondatezza ta’ din il-proposta billi sostnew li l-poloz ta’ assigurazzjoni disponibbli fil-Belġju ma kinux joffru l-possibbiltà li jiġu koperti l-farms kontra r-riskju tan-nixfa. Madankollu, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Diċembru 2018, il-Gvernatur tal-Provinċja tal-Lussemburgu ta lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kumpens f’ammont imnaqqas bin-nofs.

10

Permezz ta’ żewġ sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2021, il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju) ċaħdet l-appell tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, minħabba li l-Artikolu 6 tad-Digriet tat‑23 ta’ Awwissu 2018 huwa konformi mal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014, li jipprovdi li l-għajnuna għandha titnaqqas b’50 %, ħlief jekk din tingħata lil benefiċjarji li jkunu xtraw polza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri għall-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tagħhom jew tad-dħul relatat mal-produzzjoni u r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat. Billi, fil-fehma ta’ dik il-qorti, l-avveniment klimatiku l-iktar spiss fil-Belġju huwa s-silġ (hail) u jeżistu, f’dan l-Istat Membru, poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji marbuta ma’ dan it-tip ta’ avveniment klimatiku, hija qieset li kien possibbli, għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li jixtru tali polza ta’ assigurazzjoni.

11

Il-cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2023, annullat dawn iż-żewġ sentenzi, minħabba li l-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-argument tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali li kien impossibbli għalihom li jixtru polza ta’ assigurazzjoni kontra s-silġ, billi din tal-aħħar ma tkoprix il-ħsarat ikkawżati lill-mergħat permanenti u temporanji.

12

Il-kawżi ntbagħtu lura quddiem il-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju. Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu, minn naħa, li fil-Belġju, fiż-żmien li fih seħħew in-nixfiet inkwistjoni, ma kienx possibbli li farm jiġi assigurat kontra tali riskju. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li kienu jeżistu poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskju tas-silġ, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma kellhomx, madankollu, aċċess għalihom, billi l-artijiet agrikoli tagħhom ma setgħux jiġu assigurati kontra tali riskju u dan minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 6 tad-Digriet tat‑23 ta’ Awwissu 2018 huwa diskriminatorju inkwantu ma jippermettix lill-bdiewa juru li huma ma setgħux jassiguraw iktar minn nofs il-produzzjoni tagħhom kontra r-riskju kkonċernat, jew saħansitra kontra r-riskju klimatiku statistikament l-iktar spiss fil-Belġju.

13

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 u dwar il-konformità tal-Artikolu 6 tad-Digriet tat‑23 ta’ Awwissu 2018 ma’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tosserva li dan l-Artikolu 6 ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li parti leża ma setgħetx jew tassigura ruħha kontra r-riskju klimatiku speċifiku li jkun ikkawżalha d-dannu, f’dan il-każ in-nixfa, jew inkella tassigura l-farm tagħha kontra r-riskji klimatiċi l-oħra.

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 25(9) tar-[Regolament Nru 702/2014], li jipprevedi li l-għajnuna intiża għall-kumpens [tas-SMEs] attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għad-danni kkawżati minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi ekwiparat għal diżastru naturali titnaqqas b’50%, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċjarji ta’ din l-għajnuna li jkunu ssottoskrivew assigurazzjoni li tkopri mill-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tagħhom jew tad-dħul marbut mal-produzzjoni u li tkopri r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar frekwenti fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat li għalihom hija prevista kopertura tal-assigurazzjoni, japplika jekk l-għajnuna tkun intiża li tikkumpensa lill-bdiewa għad-danni kkawżati minn avveniment klimatiku meqjus bħala diżastru naturali (f’dan il-każ, nixfa) li ma jagħmilx parti mir-riskji klimatiċi statistikament l-iktar frekwenti fl-Istat Membru kkonċernat (f’dan l-każ, [ir-Renju tal-Belġju])?

(2)

It-tnaqqis previst f’dan l-[Artikolu 25] japplika jekk l-għajnuna tkun intiża li tikkumpensa lill-bdiewa għal danni kkawżati minn avveniment klimatiku meqjus bħala diżastru naturali (f’dan il-każ, nixfa) li ma jagħmilx parti mir-riskji klimatiċi li għalihom teżisti kopertura ta’ assigurazzjoni disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat (f’dan il-każ, [ir-Renju tal-Belġju]), anki jekk jeżistu poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji klimatiċi oħra – statistikament iktar frekwenti (f’dan il-każ, is-silġ), li l-bidwi benefiċjarju tal-għajnuna seta’ jissottoskrivi?

(3)

L-istess artikolu jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat ma jnaqqasx l-għajnuna intiża li tikkumpensa lill-bdiewa għal danni kkawżati minn avveniment klimatiku meqjus bħala diżastru naturali, meta l-benefiċjarju tal-għajnuna juri li t-tip ta’ produzzjoni li jamministra (f’dan il-każ, artijiet bil-ħaxix permanenti u temporanji, kif ukoll l-għelieqi bil-ħaxix għall-għalf tal-bhejjem, u mhux koltivazzjonijiet) ma tistax tiġi assigurata fl-Istat Membru kkonċernat (f’dan il-każ, [ir-Renju tal-Belġju]) kontra r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar frekwenti, li jammontaw għal mill-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja jew tad-dħul marbut mal-produzzjoni tal-azjenda agrikola tiegħu?”

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Frar 2025, il-Kawżi C‑52/25 u C‑53/25 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

16

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa SME attiva fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha titnaqqas bin-nofs meta din is-SME ma tkunx assigurata kontra r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat, f’sitwazzjoni fejn l-għajnuna kkonċernata tkun intiża li tikkumpensa ħsara kkawżata minn tali avveniment klimatiku li, minn naħa, ma jkunx jaqa’ fl-iskop ta’ dawn ir-riskji u, min-naħa l-oħra, ma jkunx jikkostitwixxi riskju li jista’ jiġi assigurat f’dan l-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat.

17

Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 702/2014, l-għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa lis-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha tkun kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, u għandha tkun eżentata mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE kemm‑il darba din tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fil-paragrafi 2 sa 10 ta-imsemmi Artikolu 25.

18

Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jinkludu l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014, li jipprovdi li l-għajnuna mogħtija taħt dan l-Artikolu 25 għandha titnaqqas b’50 % ħlief jekk din tingħata lil benefiċjarji li jkunu xtraw polza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri għall-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tagħhom jew tad-dħul relatat mal-produzzjoni tagħhom u r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat, kopert minn polza ta’ assigurazzjoni.

19

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kliem użat fiha, il-kuntest tagħha u, b’mod partikolari, l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2025, JYSK, C‑117/24, EU:C:2025:872, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Sa fejn għandha x’taqsam il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014, dan tal-aħħar jippreċiża li l-għajnuna mogħtija taħt dan l-Artikolu 25 għandha, bħala prinċipju, titnaqqas bin-nofs, ħlief jekk il-benefiċjarju jkun xtara polza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri “mill-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tiegħu jew tad-dħul marbut mal-produzzjoni” u, sa fejn għandha x’taqsam id-definizzjoni tar-riskji koperti, “l-aktar riskji klimatiċi statistikament frekwenti fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat […]”.

21

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, għalhekk, iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandha tissodisfa l-polza ta’ assigurazzjoni li l-benefiċjarju ta’ għajnuna jeħtieġ ikun xtara sabiex l-ammont ta’ din l-għajnuna ma jitnaqqaslux bin-nofs. Fiha mkien ma jissemma r-riskju klimatiku li jkun konkretament ikkawża l-ħsara li tagħti lok għall-għoti ta’ għajnuna, u lanqas ma jissemma x-xiri ta’ polza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri speċifikament dan ir-riskju. Għaldaqstant, minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 jirriżulta li la l-kwistjoni tan-natura tar-riskju klimatiku li jkun konkretament ikkawża ħsara li tista’ tiġi kkumpensata u lanqas dik jekk dan ir-riskju partikolari, f’dan il-każ in-nixfa, setax effettivament jiġi assigurat, ma huma rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk l-għajnuna kkonċernata għandhiex titnaqqas bin-nofs taħt din id-dispożizzjoni. L-unika verifika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati jagħmlu f’dan il-kuntest hija li jivverifikaw jekk il-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna jkunx xtara polza ta’ assigurazzjoni li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari li jkun assigura ruħu kontra riskju li jkun fost ir-riskji statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat.

22

Tali interpretazzjoni hija għalkollox konformi mal-għan li jfittex li jilħaq l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014.

23

Kif jirriżulta mill-premessa 54 ta’ dan ir-regolament, l-għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa l-ħsarat ikkawżati minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastri naturali tagħmel parti mill-ġestjoni tajba tar-riskji u tal-kriżijiet u l-għan tagħha huwa li tgħin lis-SMEs li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet partikolari minkejja li jkunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex jimminimizzaw ir-riskji, b’mod partikolari dawk klimatiċi, li għalihom tiġi esposta l-produzzjoni agrikola primarja. Mill-premessi 10 u 42 tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li tali għajnuna għandu jkollha effett ċar ta’ inċentiv u dan filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività u l-vijabbiltà tas-settur agrikolu kollu tal-Unjoni.

24

Għalhekk, l-għan tat-tnaqqis previst fl-Artikolu 25(9) ta’ dan ir-regolament huwa li jinċentiva lis-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja jixtru poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji klimatiċi li statistikament jkunu l-iktar esposti għalihom. Billi ssuġġetta l-għoti tal-ammont sħiħ tal-għajnuna għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji potenzjali ta’ din tal-aħħar jkunu xtraw polza ta’ assigurazzjoni li tista’ timminimizza l-konsegwenzi finanzjarji tar-riskji klimatiċi prevedibbli għall-attività agrikola tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jnaqqas id-dipendenza ekonomika tal-SMEs ikkonċernati mill-għajnuna agrikola mogħtija fil-kuntest tal-iskemi ta’ kumpens għall-ħsarat ikkawżati minn avvenimenti klimatiċi sfavorevoli li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, filwaqt li jillimita, b’mod ġenerali, il-volum totali ta’ din l-għajnuna.

25

Issa, il-fatt li l-ammont ta’ għajnuna mogħtija għal ħsara kkawżata minn fenomenu klimatiku jitnaqqas bin-nofs, skont l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, tali fenomenu ma jkunx jaqa’ fl-iskop tar-riskji klimatiċi statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, ma jkunx jista’ assigurat f’dawn tal-aħħar, ma jidhirx li jmur kontra dan l-għan. Għall-kuntrarju, li kellu jitqies, f’tali sitwazzjoni, li l-benefiċjarju tal-għajnuna kkonċernata ma għandux jitnaqqaslu bin-nofs l-ammont ta’ din l-għajnuna, ikun hemm riskju li jitnaqqas l-effett globali ta’ inċentiv fis-settur agrikolu primarju kollu li tinxtara polza ta’ assigurazzjoni kemm jista’ jkun komprensiva.

26

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa SME attiva fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn fenomenu klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha titnaqqas bin-nofs meta din is-SME ma tkunx assigurata kontra r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat, f’sitwazzjoni fejn l-għajnuna kkonċernata tkun intiża li tikkumpensa ħsara kkawżata minn tali fenomenu klimatiku li, minn naħa, ma jkunx jaqa’ fl-iskop ta’ dawn ir-riskji u, min-naħa l-oħra, ma jkunx jikkostitwixxi riskju li jista’ jiġi assigurat f’dan l-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat.

Fuq it-tielet domanda

27

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa SME attiva fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha titnaqqas bin-nofs meta din is-SME ma tkunx setgħet tixtri polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni għat-tip ta’ produzzjoni li hija topera, u dan fid-dawl tal-offerti disponibbli fis-suq tal-polza ta’ assigurazzjoni rilevanti.

28

Mill-punt 21 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 sempliċement jistabbilixxi ż-żewġ kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-polza ta’ assigurazzjoni li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija taħt dan l-Artikolu 25 għandu jkun xtara sabiex din l-għajnuna ma titnaqqaslux bin-nofs skont din id-dispożizzjoni.

29

B’hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk, qabel ma għajnuna titnaqqas skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti humiex obbligati jivverifikaw jekk, fid-dawl tal-offerti disponibbli fis-suq tal-polza ta’ assigurazzjoni rilevanti, il-benefiċjarju tal-għajnuna effettivament setax jixtri, għat-tip ta’ produzzjoni li huwa jopera, polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, din il-formulazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż, b’mod inekwivoku, li t-tnaqqis bin-nofs tal-għajnuna, previst bħala regola ġenerali, ma huwiex intiż li japplika meta l-benefiċjarju ma jkollux aċċess għal tali polza ta’ assigurazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda teħtieġ interpretazzjoni teleoloġika ta’ dan l-Artikolu 25(9).

30

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-għan tat-tnaqqis previst f’din id-dispożizzjoni huwa li jħeġġeġ lis-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja jixtru poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji klimatiċi li statistikament huma l-iktar esposti għalihom, hekk li titnaqqas id-dipendenza ekonomika tagħhom mill-għajnuna agrikola mogħtija fil-kuntest tal-iskemi ta’ kumpens għall-ħsarat ikkawżati minn avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali.

31

Fil-kuntest ta’ ġestjoni tajba tar-riskji u tal-kriżijiet, ix-xiri ta’ polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 jagħmel parti mill-isforzi raġonevoli li jistgħu leġittimament jintalbu min-naħa tas-SMEs attivi fis-settur agrikolu primarju sabiex jimminimizzaw il-konsegwenzi finanzjarji tar-riskji klimatiċi prevedibbli għall-attività tagħhom. Meta l-benefiċjarju ta’ għajnuna ma jkunx għamel tali sforzi u jkun naqas milli jassigura kif jixraq l-operat tiegħu, it-tnaqqis sostanzjali fl-għajnuna previst fl-Artikolu 25(9) ta’ dan ir-regolament ikun iġġustifikat bħala konsegwenza diretta ta’ dan l-aġir.

32

Madankollu, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ eċċezzjonali li, fis-suq ikkonċernat, ma jkun hemm ebda polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014, tali konsegwenza ma tistax tiġi impost. F’dan il-każ, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx jista’ jiġi kkritikat talli naqas milli jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha sabiex jimminimizza l-konsegwenzi finanzjarji tar-riskji klimatiċi prevedibbli għall-attività tiegħu billi jixtri tali polza ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, dan il-benefiċjarju ma jkunx seta’ jnaqqas, minn rajh, id-dipendenza ekonomika tiegħu mill-iskemi ta’ kumpens, hekk li l-għan ta’ inċentiv li fuqu huwa bbażat it-tnaqqis tal-għajnuna jisfa’ mingħajr skop. Tali konklużjoni tapplika a fortiori billi l-benefiċjarju tal-għajnuna jibqa’ espost għall-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-ħsarat li huwa jkun ġarrab u li l-għajnuna li huwa jista’ jikklejmja hija intiża li tikkumpensa.

33

Dan ifisser li għajnuna mogħtija taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 702/2014, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu 25, ma għandhiex titnaqqas f’sitwazzjoni fejn ikun ġie stabbilit li, fid-dawl tal-offerti disponibbli fis-suq tal-polza ta’ assigurazzjoni rilevanti, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx seta’ jixtri polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għat-tip ta’ produzzjoni li huwa jopera. Jekk dan ikun il-każ, huwa l-benefiċjarju tal-għajnuna li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi fattwali u legali li jipprovaw l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 ma tmurx kontra r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif qal essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, din tal-aħħar tippermetti li jiġi ggarantit li t-tnaqqis fl-għajnuna applikat taħt l-imsemmija dispożizzjoni jsir abbażi ta’ kriterju oġġettiv u b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ ġestjoni tajba tar-riskji u tal-kriżijiet.

35

Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn x’jagħti wieħed jifhem li tali interpretazzjoni tista’ toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu primarju tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li għajnuna mogħtija taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2014/702 ma għandhiex titnaqqas skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu 25 f’sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma jkunx seta’ jixtri polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu tal-aħħar jista’ jirrimedja l-iżvantaġġi, għas-SMEs attivi f’dan is-settur, li jirriżultaw min-nuqqas ta’ suq Ewropew tal-poloz ta’ assigurazzjoni li jista’ joffri benefiċċji ta’ assigurazzjoni kompleti u uniformi f’kull Stat Membru.

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-Belġju, ir-riskju klimatiku l-iktar spiss huwa s-silġ u li, fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, kopertura ta’ assigurazzjoni kontra dan ir-riskju kienet tabilħaqq disponibbli fis-suq Belġjan tal-assigurazzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-farms tagħhom, magħmula minn mergħat permanenti u temporanji, kif ukoll minn artijiet mimlija ħaxix għall-għalf tal-bhejjem, kien impossibbli għalihom li jixtru polza ta’ assigurazzjoni kontra s-silġ li tkopri għall-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tagħhom jew tad-dħul relatat mal-produzzjoni.

37

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, jistax jiġi stabbilit li, fid-dawl tal-offerti disponibbli fis-suq tal-polza ta’ assigurazzjoni rilevanti, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma setgħux effettivament jixtru polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014.

38

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa SME attiva fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali ma għandhiex titnaqqas bin-nofs meta din is-SME ma tkunx setgħet tixtri polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni għat-tip ta’ produzzjoni li hija topera u dan fid-dawl tal-offerti disponibbli fis-suq tal-polza ta’ assigurazzjoni rilevanti.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 25(9) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal‑25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE]

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa lil impriża żgħira jew medja (SME) attiva fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha titnaqqas bin-nofs meta din is-SME ma tkunx assigurata kontra r-riskji klimatiċi statistikament l-iktar spissi fl-Istat Membru jew reġjun ikkonċernat, f’sitwazzjoni fejn l-għajnuna kkonċernata tkun intiża li tikkumpensa ħsara kkawżata minn tali avveniment klimatiku li, minn naħa, ma jkunx jaqa’ fl-iskop ta’ dawn ir-riskji u, min-naħa l-oħra, ma jkunx jikkostitwixxi riskju li jista’ jiġi assigurat fl-Istat Membru jew reġjun ikkonċernat.

 

2)

L-Artikolu 25(9) tar-Regolament Nru 702/2014

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa lil SME attiva fil-produzzjoni agrikola primarja għal ħsara kkawżata minn avveniment klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali ma għandhiex titnaqqas bin-nofs fejn din is-SME ma tkunx setgħet tixtri polza ta’ assigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni għat-tip ta’ produzzjoni li hija topera, u dan fid-dawl tal-offerti disponibbli fis-suq tal-polza ta’ assigurazzjoni rilevanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( i ) L-ismijiet ta’ dawn il-kawżi huma fittizji. Dawn l-ismijiet ma jikkorrispondu għall-isem ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.