|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/129 |
22.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/129
tal-21 ta’ Jannar 2025
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Libaniżi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Istrateġija Globali għall-PESK tal-2016 tistabbilixxi l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet fil-Lvant tal-Unjoni, u l-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, inkluż il-konformità mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali. |
|
(3) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika, bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ użu akbar tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab. |
|
(4) |
Fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-17 u t-18 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-objettiv tal-Unjoni li taħdem mas-sħab kollha fil-Lvant Nofsani biex tiġi evitata eskalazzjoni ulterjuri tat-tensjonijiet fir-reġjun, b’mod partikolari fil-Libanu, u ssottolinja l-impenn tal-Unjoni li tappoġġa l-istabbiltà tal-pajjiż. |
|
(5) |
Fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew esprima t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda tat-tensjonijiet, b’mod partikolari tul il-Linja Blu, u l-qerda dejjem akbar u l-ispostament furzat ta’ ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera Iżraeljana-Libaniża. Huwa appella ukoll għal aktar appoġġ għat-tisħiħ tal-Libanu, inkluż il-Forzi Armati Libaniżi (FAL). |
|
(6) |
Fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Ewropew laqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tas-27 ta’ Novembru 2024 bejn Iżrael u l-Libanu, wara l-isforzi ta’ medjazzjoni mwettqa b’mod partikolari minn Franza u l-Istati Uniti. Huwa ħeġġeġ lill-partijiet biex jimplimentaw il-waqfien mill-ġlied kif miftiehem, u appella għall-implimentazzjoni sħiħa u simetrika tar-Riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kunsill Ewropew fakkar f’dak il-kuntest fir-rwol fundamentali ta’ stabbilizzazzjoni tal-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) fin-Nofsinhar tal-Libanu. L-Unjoni ser tkompli tappoġġa s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Libanu u l-isforzi tiegħu għall-bini tal-istat, inkluż billi tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-FAL. Il-Kunsill Ewropew appella lill-mexxejja politiċi Libaniżi biex jieħdu l-azzjoni neċessarja sabiex jegħlbu l-impass politiku u ekonomiku, inkluż l-elezzjoni rapida ta’ president. |
|
(7) |
Fit-13 ta’ Diċembru 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà irċieva talba mil-Libanu biex l-Unjoni tkompli tassisti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-FAL. |
|
(8) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(9) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrealizza d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul taż-żmien
1. B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Libanu (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Libaniżi (FAL) biex jiskjeraw mill-ġdid u biex jiżguraw u jżommu l-istabbiltà fis-settur tan-Nofsinhar Litani tal-Libanu, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1701 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u min-naħa tiegħu ser jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili.
3. Biex jinkiseb l-objettiv mogħti fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex jipprovdu forza letali:
|
(a) |
tagħmir ta’ appoġġ fuq il-post; |
|
(b) |
tagħmir ta’ xogħlijiet ta’ inġinerija; |
|
(c) |
tagħmir tal-inġinerija tal-ġlied; |
|
(d) |
tagħmir ta’ mobbiltà; |
|
(e) |
tagħmir mediku. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn ikun meħtieġ.
4. It-tul taż-żmien tal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 60 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
3. In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
konformità tal-unitajiet tal-FAL appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li ebda assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfu jew jiġu ttrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF u skont il-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq minn:
|
(a) |
l-Aġenzija Ċentrali għall-Ġestjoni tal-Proġetti; |
|
(b) |
il-Ministeru għad-Difiża tal-Italja permezz tal-Agenzia Industrie Difesa tiegħu; |
|
(c) |
l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, permezz ta’ arranġament amministrattiv mal-Économat des Armées f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509; |
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandha timmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-unitajiet tal-FAL appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandha twettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-assistenza biex tivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandha tipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/129/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)