|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3156 |
16.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3156
tas-16 ta’ Diċembru 2024
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/2147 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2147 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/2147. |
|
(2) |
Fis-27 ta’ Novembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni, li fiha l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew il-kundanna qawwija tagħhom għall-ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF), u l-milizzji rispettivi affiljati magħhom. Id-dikjarazzjoni ddeplorat ukoll l-eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza u l-ħsara irreparabbli għall-ħajja tan-nies fid-Darfur u fil-pajjiż kollu, kif ukoll il-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
(3) |
Fit-22 ta’ Jannar 2024, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/384 (2), il-Kunsill adotta sett ta’ miżuri restrittivi kontra sitt entitajiet tal-SAF u l-RSF responsabbli għall-appoġġ ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2024, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1783 (3), il-Kunsill adotta sett ta’ miżuri restrittivi kontra sitt individwi responsabbli għall-appoġġ ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan. |
|
(5) |
Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li jiġu inklużi erba’ individwi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2147. |
|
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/2147 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2147 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L, 2023/2147, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2147/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/384 tat-22 ta’ Jannar 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/2147 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2024/384, 22.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/384/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1783 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/2147 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (ĠU L, 2024/1783, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1783/oj).
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2147, taħt l-intestatura “A. Persuni Fiżiċi”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“7. |
Salah Abdallah Mohamed SALAH magħruf ukoll bħala SALAH GOSH |
Data tat-twelid: 1957 Post tat-twelid: Nuri, is-Sudan Nazzjonalità: Sudaniża Passaport: YSJCYKRYG1U5 Sess: raġel Funzjoni: eks konsulent tas-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tas-Sudan; eks Direttur tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà Sudaniż Individwi assoċjati: l-eks President tar-Repubblika tas-Sudan, Omar Al-Bashir; Il-Ġeneral Abdelfattah Al-Burhan Entitajiet assoċjati: Is-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISS) |
Salah Abdallah Mohamed Salah huwa l-eks konsulent tas-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tas-Sudan u l-eks Direttur tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà (NISS) Sudaniż. Salah Abdallah Mohamed Salah huwa responsabbli għal diversi kolpi ta’ stat fis-Sudan – b’mod partikolari dawk fl-2012 u l-2019 – u għen fl-eżekuzzjoni ta’ kolp ta’ stat fl-2021. Huwa ġeneralment meqjus bħala l-‘kap tal-ispiji’ tas-Sudan. Minħabba l-għarfien espert tiegħu bħala eks uffiċjal tas-sigurtà, huwa kellu rwol biex jgħin lill-elementi preċedenti tar-reġim jerġgħu lura għall-poter u mmina l-isforzi biex jiġi stabbilit gvern ċivili fis-Sudan. Wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Al-Bashir, Salah Abdallah Mohamed Salah baqa’ involut f’attivitajiet li jiddestabbilizzaw il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż. Għalkemm illum rari jidher fil-pubbliku, huwa għadu attiv u huwa meqjus bħala l-‘moħħ’ wara ħafna mill-azzjonijiet imwettqa mill-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u d-dipartiment tal-operazzjonijiet tal-intelligence bħala parti mill-kriżi li ilha għaddejja. Għalhekk, Salah Abdallah Mohamed Salah huwa meqjus bħala mexxej fost l-elementi iebsa tar-reġim preċedenti ta’ Al-Bashir, li huwa responsabbli għas-sigurtà u l-isforzi relatati mal-militar, u huwa inkorporat fl-istrutturi tal-SAF. Ir-rabtiet ideoloġiċi tiegħu mal-eks reġim ta’ Al-Bashir, u b’mod partikolari l-Partit tal-Kungress Nazzjonali (NCP) huma xprun qawwi tan-narrattiva li tinstiga l-gwerra kontra l-front oppost, jiġifieri l-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF). Salah Abdallah Mohamed Salah għalhekk kien u għadu involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan u f’azzjonijiet li jimminaw l-isforzi biex tkompli t-tranżizzjoni politika fis-Sudan. |
16.12.2024 |
|
8. |
Tijani KARSHOM magħruf ukoll bħala KHARSHOM; KARSHOUM; KHARSHOUM; AL-TIJANI AL-TAHIR KARSHOUM |
Nazzjonalità: Sudaniża Sess: raġel Funzjoni: eks Viċi Gvernatur (jew ‘Wali’ fil-lingwaġġ lokali) tad-Darfur tal-Punent. Gvernatur de facto tad-Darfur tal-Punent; Individwi assoċjati: Abdulrahman JUMA BARAKALLAH; Masar Abdurahman ASEEL, Entitajiet assoċjati: Gathering of Sudan Liberation Forces (GSLF) |
Tijani Karshom huwa membru ewlieni tat-tribù Mahamid u kien Viċi Gvernatur tad-Darfur tal-Punent fiż-żmien tal-massakru tat-tribù ta’ Massalit f’El Geneina, il-belt kapitali tad-Darfur tal-Punent, f’Ġunju 2023. Huwa wkoll membru tal-Gathering of Sudan Liberation Forces (GSLF) li ffaċilitaw ir-reklutaġġ ta’ milizzja biex jiġġieldu flimkien mal-Rapid Support Forces (RSF). Tijani Karshom huwa responsabbli fl-attakk fatali fuq il-Gvernatur tad-Darfur tal-Punent f’El Geneina f’Ġunju 2023, talli ta struzzjonijiet lill-RSF biex jipprevjenu liċ-ċivili maqbuda f’El Geneina milli jħallu l-belt, u talli mexxa żewġ attakki fuq kampijiet għal persuni spostati f’pajjiżhom. Wara l-massakru ta’ El Geneina, huwa stabbilixxa kumitat għall-ġbir u d-difna ta’ iġsma fl-oqbra tal-massa. Kien involut ukoll fi sforzi biex jinħbew l-iġsma wara t-tieni massakru f’Ardamatta, fid-Darfur tal-Punent, f’Novembru 2023. Tijani Karshom huwa responsabbli wkoll talli mexxa attakk f’El Geneina flimkien mal-RSF u talli ordna l-isparar tal-artillerija fuq l-uffiċċju tal-Gvernatur tad-Darfur tal-Punent f’Mejju 2023, xahar qabel il-qtil tal-Gvernatur. Tijani Karshom għalhekk kien u għadu involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan u kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti fid-Darfur tal-Punent li jikkostitwixxu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż qtil, stupru u forom serji oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, u ħtif. |
16.12.2024 |
|
9. |
Mohamed Ali Ahmed SUBIR |
Nazzjonalità: Sudaniża Sess: raġel Funzjoni: Logutenent Ġenerali, Direttur tad-Direttorat tal-Intelligence Militari (DMI) tal-Forzi Armati Sudaniżi (SAF); Entitajiet assoċjati: Il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF); Id-Direttorat tal-Intelligence Militari (DMI) |
Mohamed Ali Ahmed Subir huwa Logutenent Ġeneral fil-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u d-Direttur tad-Direttorat tal-Intelligence Militari (DMI) tal-SAF. F’din il-kapaċità, huwa kien inkarigat mill-operazzjonijiet imwettqa mid-DMI mindu faqqa’ l-kunflitt, fil-15 ta’ April 2023, bejn l-SAF, il-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u l-gruppi armati alleati tagħhom. Dan huwa enfasizzat mill-parteċipazzjoni tiegħu f’laqgħat ta’ livell għoli żvelati pubblikament ta’ kmandanti anzjani tal-SAF, immexxija mill-Kap Kmandant Abdelfattah Al-Burhan fil-Kmand Ġenerali tal-SAF f’Khartoum f’Mejju u Lulju 2023. Għalhekk, Mohamed Ali Ahmed Subir għandu responsabbiltà ta’ kmand fil-fastidju, l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti tal-komunità lokali, inklużi attivisti kontra l-gwerra, avukati, professjonisti mediċi, voluntiera li jappoġġaw is-servizzi ta’ emerġenza, membri ta’ partiti politiċi u ta’ kumitati ta’ reżistenza u persuni perċepiti bħala sostenituri tal-RSF. Mohamed Ali Ahmed Subir kien involut ukoll f’diversi każijiet ta’ vjolenza sesswali, inkluż theddid ta’ stupru u theddid ta’ stupru, attribwit lid-DMI, u fit-twettiq ta’ atti, mid-DMI, li jammontaw għal tortura u forom oħra ta’ trattament ħażin. Mohamed Ali Ahmed Subir huwa responsabbli wkoll għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet sinifikanti mid-DMI fuq l-aċċess għall-għajnuna u l-konsenja tagħha. Għalhekk, Mohamed Ali Ahmed Subir kien u għadu involut direttament fit-twettiq ta’ atti, mid-DMI, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, u għalhekk huwa responsabbli għal azzjonijiet li jimminaw direttament l-isforzi biex titkompla t-tranżizzjoni politika fis-Sudan. |
16.12.2024 |
|
10. |
Osman Mohamed HAMID magħruf ukoll bħala Osman AMALIYAT |
Nazzjonalità: Sudaniża Sess: raġel Funzjoni: Maġġur Ġeneral tal-RSF; Kap tal-Operazzjonijiet tal-RSF; Entitajiet assoċjati: Forzi ta’ Appoġġ Rapidu |
Osman Mohamed Hamid huwa Maġġur Ġeneral fil-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) u l-Kap tal-Operazzjonijiet tal-RSF. Għalhekk ġie inkarigat mill-operazzjonijiet imwettqa mill-RSF minn mindu faqqa’ l-kunflitt bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF), l-RSF u l-gruppi armati alleati tagħhom, fil-15 ta’ April 2023, kif enfasizzat b’mod partikolari mill-preżenza tiegħu fil-kamp tal-battalja f’Jebel Aulia f’Novembru 2023. Għalhekk, Osman Mohamed Hamid għandu responsabbiltà ta’ kmand fit-tkomplija tal-ġlied mill-RSF u fil-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-RSF. Huwa responsabbli għal attakki fuq skala kbira bbażati fuq etniċità intersezzjonali u abbażi ta’ ġeneru, qtil, tortura, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru mifruxa, stupru, skjavitù sesswali, ħtif, reklutaġġ u l-użu ta’ tfal f’ostilitajiet u l-ostakolar tal-aċċess għall-għajnuna umanitarja għal persuni ċivili fil-bżonn. Għalhekk, Osman Mohamed Hamid għalhekk kien involut direttament fit-twettiq ta’ atti, mill-RSF, li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, u azzjonijiet li jimminaw direttament l-isforzi biex titkompla t-tranżizzjoni politika fis-Sudan. |
16.12.2024”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3156/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)