6.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/41


DEĊIŻJONI (UE) 2020/380 XX TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Frar 2020

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/245 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2020/10)

Il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 11.6 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-iżviluppi fil-ġurisprudenza u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċarezza, ċerti regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/2) (2) jeħtieġ li jiġu rfinati aktar jew riveduti.

(2)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu evitati, identifikati u rrimedjati b’mod effettiv kunflitti ta’ interess tal-membri tal-persunal li jinħolqu fit-tmexxija ta’ proċeduri ta’ akkwisti b’mod konformi mal-Qafas tal-Etika tal-BĊE (3), sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għall-offerenti kollha.

(3)

Il-limiti għall-proċeduri tal-offerti pubbliċi stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) inbidlu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 (5) u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1828 (6). Għalkemm id-Direttiva 2014/24/UE ma tapplikax għaliha, il-BĊE għandu l-intenzjoni li japplika l-istess limiti minimi għall-proċeduri tiegħu ta’ sejħiet pubbliċi għall-offerti.

(4)

Barra minn hekk, il-BĊE għandu l-intenzjoni li japplika l-istess limitu minimu għall-konċessjonijiet bħal dak stipulat fid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (7).

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punt (8) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(8)

sistema ta’ xiri dinamika” tfisser proċess kompletament elettroniku biex jinxtraw il-konsenji l-aktar komuni, li l-karatteristiċi tiegħu, kif jinsab ġeneralment fis-suq, jissodisfa l-ħtiġijiet tal-BĊE;”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-punt (h) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(h)

servizzi ta’ riċerka u żvilupp ħlief jekk il-benefiċċji relatati mas-servizzi jkunu esklużivament għall-BĊE għall-użu tiegħu u s-servizzi pprovduti jkunu mħallsin għal kollox mill-BĊE;”;

(b)

il-punt (j) huwa mibdul b’dan li ġej:

“(j)

kuntratti relatati mar-rappreżentanza legali tal-BĊE matul jew fi tħejjija għal (i) proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati, tribunali jew awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz jew quddiem qrati, tribunali jew istituzzjonijiet internazzjonali jew (ii) proċeduri ta’ arbitraġġl u kuntratti għas-servizzi esklużivi ta’ nutara, fiduċjarji u uffiċjali tal-qorti;”;

(3)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 huwa mibdul b’li ġej:

“3.   Il-limiti minimi li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

għal kuntratti ta’ provvista u servizz: il-limitu minimu għal kuntratti pubbliċi ta’ provvista u servizz mogħtija minn awtoritajiet kontraenti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE;

(b)

għal kuntratti ta’ xogħlijiet: il-limitu minimu għal kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE;

(c)

għal kuntratti ta’ konċessjoni: il-limitu minimu għal kuntratti ta’ konċessjoni stipulat fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).” "

(4)

L-Artikolu 8 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ Emendi għal kuntratti matul it-terminu tagħho m”;

(b)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Il-BĊE jista’ jemenda kuntratt meta l-emenda, irrispettivament mill-valur tagħha, tkun ġiet prevista fid-dokumenti tal-akkwist inizjali fi klawżoli ta’ reviżjoni ċari, preċiżi u inekwivoki, li jistgħu jinkludi klawżoli ta’ reviżjoni ta’ prezzijiet, jew għażliet.”;

(c)

l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Il-BĊE jista’ jemenda kuntratt meta l-emenda, irrispettivament mill-valur tagħha, ma tkunx sostanzjali.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Barra minn hekk, il-BĊE jista’ jemenda kuntratt fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-ħtieġa għal emenda tkun ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi li l-BĊE, waqt li jkun aġixxa b’mod diliġenti, ma setax jipprevedi, sakemm l-emenda ma tbiddilx in-natura ġenerali tal-kuntratt inizjali; jew

(b)

jekk il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali ma jkunux jistgħu jiġu separati teknikament jew ekonomikament mill-kuntratt inizjali mingħajr inkonvenjent sinifikanti jew duplikazzjoni sostanzjali tal-ispejjeż.

Madankollu, iż-żieda fil-prezz f’kull każ individwali m’għandhiex taqbeż il-50 % tal-valur inizjali tal-kuntratt.”;

(e)

il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6.   Għandha tkun meħtieġa proċedura ġdida ta’ akkwist għal emendi għall-kuntratt inizjali matul it-terminu tiegħu għajr dawk previsti fil-paragrafi 1 sa 5.”;

(5)

L-Artikolu 9 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-BĊE għandu jagħti kuntratti li l-valur stmat tagħhom ikun daqs jew jaqbeż l-ammonti tal-limiti minimi stipulati fl-Artikolu 4(3) permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta. F’każijiet ġustifikati l-BĊE jista’ japplika proċedura nnegozjata, djalogu kompetittiv jew sħubija għall-innovazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 12 sa 14.”;

(b)

il-paragrafi 6 u 7 li ġejjin huma miżjuda:

“6.   Il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jagħti kuntratt fil-forma ta’ lottijiet separati u jistgħu jiddeterminaw id-daqs u s-suġġett ta’ tali lottijiet.

7.   Għall-kalkolu ta’ perijodi, dati u limiti ta’ żmien, għandu japplika r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (*2).

(*2)  Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).”;"

(6)

Fl-Artikolu 11, jitħassar il-paragrafu 1;

(7)

L-Artikolu 12 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-BĊE jista’ juża wkoll il-proċedura nnegozjata meta jkunu nkisbu biss offerti irregolari jew inaċċettabbli b’risposta għal proċedura miftuħa jew ristretta jew djalogu kompetittiv. Il-BĊE jista’ jiddeċiedi li ma jippubblikax avviż ta’ kuntratt ġdid jekk jinkludi fil-proċedura nnegozjata biss lill-offerenti kollha li jkunu pparteċipaw fil-proċedura inizjali, li kienu eliġibbli, kienu jissodisfaw il-kriteri tal-għazla u ppreżentaw l-offerti tagħhom skont ir-rekwiżiti formali tas-sejħa għall-offerti. Jekk ma tkun inkisbet l-ebda offerta jew l-ebda offerta xierqa, il-BĊE jista’ jibda proċedura nnegozjata ġdida mingħajr ma jippubblika avviż ġdid u mingħajr ma jissottometti dokumenti tal-akkwist ġodda lill-offerenti, sakemm il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment.”;

(b)

fil-paragrafu 5, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-BĊE jista’ jagħti kuntratti abbażi tal-offerti inizjali mingħajr negozjati.”’

(8)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   Għall-fini tal-konklużjoni ta’ ftehim qafas, il-BĊE għandu jsegwi l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 14. L-avviż ta’ kuntratt għandu jispeċifika l-firxa u n-numru ta’ ftehimiet qafas li għandhom jingħataw.

Kuntratti speċifiċi bbażati fuq il-ftehim qafas għandhom jingħataw skont il-proċeduri stipulati f’dan l-Artikolu.”;

(9)

fl-Artikolu 26, il-paragrafu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

“4.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni pprovduta mill-kandidati u l-offerenti tiġi ttrattata u tinżamm skont il-prinċipji tal-kunfidenzjalità u l-integrità u, safejn tiġi pproċessata data personali, skont ir-Regolament (KE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*3)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(10)

L-Artikolu 28 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Rettifika ta’ dokumenti ta’ akkwist u limitu ta’ żmien għal u preklużjoni ta’ oġġezzjonijiet

1.   Jekk il-BĊE jiskopri xi impreċiżjoni, omissjoni jew xi tip ieħor ta’ żball fit-test tal-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom, għandu jirrettifika l-iżball u jinforma lill-kandidati jew offerenti kollha bil-miktub.

2.   Jekk il-kandidati jew offerenti jidhrilhom li r-rekwiżiti stipulati fl-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għall-offerti jew id-dokumenti ta’ appoġġ mhumiex kompleti, huma inkonsistenti jew illegali jew li l-BĊE jew xi kandidat jew offerent ieħor kisru r-regoli applikabbli dwar l-akkwisti, huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bl-oġġezzjonijiet tagħhom fi żmien 15-il jum wara li jsiru jafu b’dik l-irregolarità. Jekk l-irregolaritajiet jeffettwaw is-sejħa għall-offerti jew dokumenti oħra mibgħutin mill-BĊE, it-terminu għandu jibda jiskorri mid-data tal-irċevuta tad-dokumentazzjoni. F’każijiet oħra, it-terminu għandu jibda jiddekorri mill-mument meta l-kandidati jew offerenti jsiru jafu bl-irregolarità jew setgħu raġonevolment isiru jafu bl-irregolarità. Il-BĊE jista’ mbagħad jew jikkoreġi jew jissupplimenta r-rekwiżiti jew jirrimedja l-irregolarità, jew jiċħad it-talba u jindika r-raġunijiet għal dan. L-oġġezzjonijiet li ma jiġux ikkomunikati lill-BĊE fi ħdan il-limitu ta’ żmien ma jistgħux jitqajmu fi stadju ulterjuri, u l-kandidati jew l-offerenti għandhom jiġu preklużi milli jqajmu dawk l-oġġezzjonijiet fi proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 39 fi proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”;

(11)

fl-Artikolu 3, paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija mħassra;

(12)

L-Artikolu 34 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   In-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti għandha tintbagħat ta’ mill-inqas 10 ijiem qabel l-iffirmar tal-kuntratt mill-BĊE jekk in-notifika tintbagħat bil-faks jew b’mezzi elettroniċi, jew ta’ mill-inqas 15-il jum qabel l-iffirmar tal-kuntratt jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn (“perijodu ta’ waqfa”). Il-BĊE ma għandux jiffirma l-kuntratt mal-offerent li jintgħażel qabel ma jgħaddi dan il-perijodu ta’ waqfien.”

(b)

il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

“3.   Il-BĊE għandu jinnotifika lill-kandidati jew lill-offerenti kkonċernati kollha li l-applikazzjonijiet jew offerti tagħhom huma miċħuda bir-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni jew l-offerta tagħhom kif ukoll it-tul tal-perijodu ta’ waqfien imsemmi fil-paragrafu 2. Il-BĊE għandu jinnotifika lil kwalunkwe offerent li ma ntgħażilx li tefa’ offerta ammissibbli, u li jagħmel talba bil-miktub, bl-isem tal-offerent magħżul kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula.”;

(13)

fl-Artikolu 35, il-paragrafu 8 huwa mibdul b’dan li ġej:

“8.   Il-proċedura ta’ akkwist għandha titwettaq skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3. L-Artikolu 9(6) u (7), l-Artikolu 13(5) sa (6) u l-Artikoli 18,19, 20, 26, 27, 28, 30 u 33 għandhom japplikaw kif meħtieġ.”;

(14)

fl-Artikolu 36, il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.   L-offerent jista’, fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi n-notifika, jitlob lill-BĊE biex jipprovdi r-raġunijiet ewlenin għaċ-ċaħda tal-offerta.

Minkejja l-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Artikolu 34(1) sa (4) għandu japplika meta l-BĊE jagħti permezz tal-proċedura speċifikata fl-Artikolu 35(4) kuntratt ta’ servizz imsemmi fl-Artikolu 6(2) b’valur nett ta’ VAT li jaqbeż jew ikun ekwivalenti għal EUR 750 000, sakemm ikun hemm interess transkonfinali ċar.”;

(15)

L-Artikolu 39 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:

“1.   Fi proċeduri ta’ sejħiet pubbliċi għall-offerti taħt il-Kapitolu II, il-kandidati u l-offerenti jistgħu jikkontestaw bil-miktub id-deċiżjoni tal-BĊE li jirrifjuta l-applikazzjoni jew offerta tagħhom fi żmien 10 ijiem minn meta jirċievu l-informazzjoni skont l-Artikolu 34(1) jew l-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(3). L-appell għandu jinkludi kull informazzjoni ta’ sostenn u oġġezzjonijiet immotivati bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe oġġezzjoni li hija prekluża skont l-Artikolu 28(2).”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

“3.   L-appell għandu jkollu effett sospensiv fir-rigward tal-għoti tal-kuntratt;”

(c)

il-paragrafu 4 li ġej huwa miżjud:

“4.   Jekk l-appell jiġi miċħud, għandu japplika perijodu ta’ waqfien addizzjonali ta’ mill-inqas 10 ijiem qabel l-iffirmar tal-kuntratt mill-BĊE, jekk in-notifika tintbagħat bil-faks jew b’mezzi elettroniċi, jew ta’ mill-inqas 15-il jum qabel l-iffirmar tal-kuntratt jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn. Il-PRB għandu jinnotifika lill-appellant dwar it-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ waqfien.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2020.

2.   Proċeduri ta’ sejħa għall-offerti mibdijin qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jintemmu skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2016/45 (BĊE/2016/2) fis-seħħ fid-data meta bdiet il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, proċedura ta’ sejħa għall-offerti titqies li tkun inbdiet fil-jum meta l-avviż tal-kuntratt ikun intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali jew, f’każijiet fejn ebda avviż bħal dan ma jkun meħtieġ, fil-jum meta l-BĊE ikun stieden lil fornitur wieħed jew aktar minn wieħed sabiex jissottomettu offerta jew proposta.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Frar 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/2) (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 15).

(3)   ĠU C 204, 20.6.2015, p. 3.

(4)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(5)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli limitu ta’ applikazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 19).

(6)  Regolament Delegat gal-Kummissjoni (UE) 2019/1828 tat-30 ta’ Ottubru 2019 li jemenda d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-kuntratti pubbliċi tal-provvisti, tas-servizzi u tax-xogħlijiet, u għall-kompetizzjonijiet tad-disinn (ĠU L 279, 31.10.2019, p. 25).

(7)  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).