SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Appell – Ambjent u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, imballaġġ u ttikkettjar ta’ sustanzi u tat-taħlitiet – Regolament Delegat (UE) 2020/217 – Klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju fil-forma ta’ trab li fih 1 % jew iktar ta’ partiċelli b’dijametru ajrudinamiku ta’ ≤ 10 μm – Kriterji sabiex sustanza tiġi kklassifikata bħala karċinoġenu – Affidabbiltà u aċċettabbiltà tal-istudji xjentifiċi – Kalkolu tal-istrapazz pulmonari tal-partikoli – Natura ‘deċiżiva’ ta’ studju xjentifiku – Żnaturament tal-provi – Żball ta’ liġi – Għażla tal-parametri tal-kalkolu – Densità tal-partikoli – Evalwazzjoni ta’ natura xjentifika – Qbiż tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju – Kunċett ta’ ‘proprjetajiet intrinsiċi’ – Motivi superfluwi”

Fil-Kawżi magħquda C‑71/23 P u C‑82/23 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑8 u fl‑14 ta’ Frar 2023,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. Bain, J.‑L. Carré u B. Fodda, su ssegwentement minn G. Bain, B. Fodda u B. Travard u, fl-aħħar nett, minn P. Chansou, B. Fodda u B. Travard, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża C‑71/23 P,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, S. Delaude, R. Lindenthal u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża C‑82/23 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

CWS Powder Coatings GmbH, stabbilita f’Düren (il-Ġermanja),

Brillux GmbH & Co. KG, stabbilita f’Münster (il-Ġermanja),

Daw SE, stabbilita f’Ober-Ramstadt (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn V. Lemonnier, C. Wagner, Rechtsanwälte, u R. van der Hout, advocaat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Billions Europe Ltd, stabbilita fi Stockton-on-Tees (ir-Renju Unit),

Cinkarna Metalurško-kemična Industrija Celje d.d. (Cinkarna Celje d.d.), stabbilita f’Celje (is-Slovenja),

Evonik Operations GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja),

Kronos Titan GmbH, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja),

Precheza a.s., stabbilita fi Přerov (ir-Repubblika Ċeka),

Tayca Corp., stabbilita f’Osaka (il-Ġappun),

Tronox Pigments (Holland) BV, stabbilita f’Rozenburg (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Venator Germany GmbH, stabbilita f’Duisburg (il-Ġermanja),

irrappreżentati inizjalment minn P. Chopova-Leprêtre, T. Delille u J.‑P. Montfort, avocats, sussegwentement minn P. Chopova-Leprêtre u J.‑P. Montfort, avocats,

rikorrenti u intervenjenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes, S. Delaude, R. Lindenthal u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti (C‑71/23 P),

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tad-Danimarka,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. Bain, J.‑L. Carré u B. Fodda, sussegwentement minn G. Bain, B. Fodda u B. Travard u, fl-aħħar nett, minn P. Chansou, B. Fodda u B. Travard, bħala aġenti (C‑82/23 P),

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tas-Slovenja,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn H. Eklinder, F.‑L. Göransson, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson, H. Shev u O. Simonsson, bħala aġenti,

Il-Parlament Ewropew,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn W. Broere, A. Hautamäki, M. Heikkilä, C. Jacquet u J.‑P. Trnka, bħala aġenti,

Sto SE & Co. KGaA, li kienet Sto AG, stabbilita f’Stühlingen (il-Ġermanja),

Ettengruber GmbH Abbruch und Tiefbau, stabbilita f’Dachau (il-Ġermanja),

Ettengruber GmbH Recycling und Verwertung, stabbilita f’Dachau,

TIGER Coatings GmbH & Co. KG, stabbilita f’Wels (l-Awstrija),

Rembrandtin Coatings GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

irrappreżentati minn V. Lemonnier, C. Wagner, Rechtsanwälte, u R. van der Hout, advocaat,

Conseil Européen de l’Industrie Chimique – European Chemical Industry Council (Cefic), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat inizjalment minn D. Abrahams, Z. Romata u H. Widemann, avocats, sussegwentement minn D. Abrahams u Z. Romata, avocats,

Conseil Européen de l’Industrie des Peintures, des Encres d’Imprimerie et des Couleurs d’Art (CEPE), stabbilit fi Brussell,

British Coatings Federation Ltd (BCF), stabbilita f’Coventry (ir-Renju Unit),

American Coatings Association, Inc. (ACA), stabbilita f’Washington (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn I. Antypas u D. Waelbroeck, avocats,

Mytilineos SA, stabbilita f’Maroussi (il-Greċja),

Delfi-Distomon Anonymos Metalleytiki Etaireia, stabbilita f’Maroussi,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), J. Passer, B. Smulders u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2024,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Novembru 2022, CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni (T‑279/20, T‑283/20 u T‑288/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:725), li permezz tagħha din annullat ir-Regolament Delegat (UE) 2020/217 tal‑4 ta’ Ottubru 2019 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet u li jikkoreġi dak ir-Regolament (ĠU 2020, L 44, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2021, L 214, p. 72 u fil-ĠU L, 2023/90120, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), fir-rigward tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati tad-diossidu tat-titanju fil-forma ta’ trab li fih 1 % jew iktar ta’ partikoli ta’ dijametru ta’ 10 μm jew inqas (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ikkontestati”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 198, p. 241) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1272/2008”), intitolat “Għan u Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti kif imsemmija fl-Artikolu 4(8) billi:

(a)

jarmonizza l-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet, u r-regoli dwar l-ittikkettar u l-imballaġġ għas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi;

[…]

(d)

jistabbilixxi lista ta’ sustanzi bil-klassifikazzjonijiet u l-elementi ta’ tikkettar armonizzati tagħhom fil-livell Komunitarju fil-parti 3 ta’ l-Anness VI;

[…]”

3

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘klassi ta’ periklu’ tfisser in-natura tal-periklu fiżiku, għas-saħħa jew ambjentali;

(2)

‘kategorija ta’ periklu’ tfisser id-diviżjoni tal-kriterji fi ħdan kull klassi ta’ periklu, li tispeċifika l-gravità tal-perikolu;

[…]”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sustanzi u taħlitiet perikolużi u speċifikazzjoni ta’ klassijiet ta’ periklu”, jipprovdi:

“Sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji relatati ma’ perikli fiżiċi, perikli tas-saħħa jew perikli ambjentali, imniżżla fil-partijiet 2 sa 5 ta’ l-Anness I hija perikoluża u għandha tiġi kklassifikata f’relazzjoni mal-klassijiet ta’ periklu rispettivi previsti f’dak l-Anness.

[…]”

5

L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament, intitolat “Armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sustanza li tissodisfa l-kriterji mniżżla fl-Anness I għal dawn li ġejjin għandha normalment tkun soġġetta għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar armonizzati skond l-Artikolu 37:

[…]

(ċ)

karċinoġeniċità, kategorija 1A, 1B jew 2 (Anness I, Taqsima 3.6);

[…]”

6

L-Artikolu 37 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tippreżenta lill-[Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)] proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanzi u, fejn adatt, limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni […]

[…]

4.   Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju ta’ l-[ECHA] stabbilit skond l-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84)] għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 fi żmien 18‑il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw. L-[ECHA] għandha tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati mingħajr dewmien bla bżonn […] fejn hija ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza kkonċernata hija xierqa, sabiex temenda l-Anness VI permezz tal-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien mal-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u tikkettar fit-Tabella 3.1 tal-Parti 3 tal-Anness VI u, fejn ikunu xierqa, il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni […]

[…]”

7

L-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, intitolat “Rekwiżiti għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar għal sustanzi u taħlitiet perikolużi”, jinkludi, fil-Parti 1 tiegħu dwar il-prinċipji ġenerali ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar, it-Taqsima 1.1.1, intitolata “Ir-rwol u l-applikazzjoni ta’ ġudizzju espert u s-saħħa tad-determinazzjoni ta’ l-evidenza”, ifformulata kif ġej:

“1.1.1.1.

Fejn il-kriterji ma jistgħux jiġu applikati direttament għall-informazzjoni identifikata disponibbli, […] għandha tiġi applikata s-saħħa tad-determinazzjoni ta’ l-evidenza permezz ta’ ġudizzju espert […]

[…]

1.1.1.3.

Is-saħħa tad-determinazzjoni ta’ l-evidenza tfisser li t-tagħrif kollu disponibbli li jinfluwenza d-determinazzjoni tal-periklu jitqies f’daqqa, bħalma huma r-riżultati ta’ testijiet adattati in vitro, data rilevanti ta’ l-annimali, […] l-esperjenza umana […], studji epidemoloġiċi u kliniċi u rapport ta’ każijiet u osservazzjonijiet dokumentati tajjeb. Il-kwalità u l-konsistenza tad-data għandhom jingħataw influwenza xierqa. It-tagħrif dwar is-sustanzi jew relatat mat-taħlitiet li qed jiġu kklassifikati għandu jitqies xieraq, kif ukoll il-post fejn saret l-azzjoni jew ir-riżultati ta’ l-istudju tal-ġeneru ta’ azzjoni. Kemm ir-riżultati pożittivi kif ukoll dawk negattivi għandhom jinġabru flimkien f’massa unika ta’ determinazzjoni ta’ l-evidenza.

[…]”

8

Dan l-Anness I jinkludi wkoll il-Parti 3, intitolata “Perikli għas-saħħa”, li fiha tinsab it-Taqsima 3.6, intitolata “Karċinoġeniċità”, li hija fformulata kif ġej:

“3.6.1.

Definizzjoni

3.6.1.1.

Karċinoġenu tfisser sustanza jew taħlita ta’ sustanzi li jikkawżaw il-kanċer jew iżidu l-inċidenza tiegħu. Sustanzi li kkawżaw tumuri żgħar u tumuri mhux kontrollabbli fi studji esperimentali li saru sew fuq l-annimali jitqiesu wkoll li huma karċinoġeni umani preżunti jew suspettati kemm-il darba ma jkunx hemm provi sew li l-mekkaniżmu tal-formazzjoni tat-tumur mhux rilevanti għall-bniedem.

3.6.2.

Kriterji ta’ klassifikazzjoni għas-sustanzi

3.6.2.1.

Għall-fini ta’ klassifikazzjoni dwar il-karċinoġeniċità, is-sustanzi qed jitqassmu f’waħda minn żewġ kategoriji abbażi tas-saħħa ta’ l-evidenza u konsiderazzjonijiet addizzjonali (saħħa ta’ l-evidenza). […]

Tabella 3.6.1

Kategoriji tal-periklu għall-karċinoġeniċi

Kategoriji

Kriterji

KATEGORIJA 1:

Karċinoġeni umani magħrufa jew preżunti

Sustanza tiġi klassifikata fil-Kategorija 1 għall-karċinoġeniċità abbażi ta’ l-informazzjoni epidemjoloġika u/jew dwar l-annimali. Sustanza tista’ tkun klassifikata wkoll bħala

Kategorija 1A:

Kategorija 1A, magħrufa li għandha potenzjal karċinoġeniku għall-bnedmin, il-klassifikazzjoni tkun ibbażata b’mod ewlieni fuq l-evidenza umana, jew bħala

Kategorija 1B:

Kategorija 1B sustanza preżunta li għandha potenzjal karċinoġeniku għall-bnedmin, il-klassifikazzjoni tkun ibbażata b’mod ewlieni fuq evidenza fl-annimali.

[…]

KATEGORIJA 2:

Karċinoġeni umani suspettati

It-tqegħid ta’ sustanza fil-Kategorija 2 isir abbażi ta’ l-evidenza miksuba minn studji dwar il-bniedem u/jew l-annimali, iżda li mhix konvinċenti biżżejjed biex tqiegħed is-sustanza fil-Kategorija 1A jew 1B, abbażi tas-saħħa ta’ l-evidenza flimkien ma’ konsiderazzjonijiet addizzjonali (ara t-taqsima 3.6.2.2). Dik l-evidenza tista’ titnissel jew minn evidenza limitata […] (1) ta’ karċinoġeniċità fi studji umani jew minn evidenza limitata ta’ karċinoġeniċità fi studji fuq l-annimali.

[…]

 

3.6.2.2.

Konsiderazzjonijiet speċifiċi għall-klassifikazzjoni ta’ sustanzi bħala karċinoġeni

3.6.2.2.1.

Il-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu ssir abbażi ta’ evidenza minn studji affidabbli u aċċettati, u hi maħsuba sabiex tintuża għal sustanzi li għandhom karatteristika intrinsika li jikkawżaw il-kanċer. L-evalwazzjonijiet għandhom jiġu bbażati fuq id-data kollha eżistenti, studji ppubblikati u reveduti minn xjentisti oħra, u data aċċettabli addizzjonali.

3.6.2.2.2.

Il-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala karċinoġenu hija proċess li jinvolvi żewġ determinazzjonijiet inter-relatati: evalwazzjonijiet tas-saħħa ta’ l-evidenza u l-konsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni l-oħra kollha rilevanti biex is-sustanzi li jistgħu jġibu kanċer fil-bniedem jitqiegħdu fil-kategoriji ta’ periklu.

[…]

3.6.2.2.4.

Konsiderazzjonijiet oħra [bħala parti mill-istrateġija tas-saħħa ta’ l-evidenza […]]: Minbarra d-determinazzjoni tas-saħħa ta’ l-evidenza għall-karċinoġeniċità, jeħtieġ li jitqiesu numru ta’ fatturi oħra li jinfluwenzaw it-tendenza globali li sustanza tista’ tkun ta’ periklu karċinoġeniku għall-bnedmin. […]

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 2 sa 15 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

10

Id-diossidu tat-titanju huwa sustanza kimika inorganika magħmula mill-ossiġnu u mit-titanju, li l-formula molekulari tagħha hija “TiO2” u li tista’ tinstab fin-natura jew tiġi prodotta industrijalment. Hija tintuża, b’mod partikolari fil-forma ta’ pigment abjad, għall-proprjetajiet tagħha li jagħtu l-kulur u l-opaċità, f’diversi prodotti, bħaż-żebgħa, il-materjali tal-kisi, il-verniċ, il-plastik, il-karta kkollaminata, il-kożmetiċi, b’mod partikolari l-protezzjoni kontra x-xemx, il-mediċini, il-ġugarelli kif ukoll il-prodotti tal-ikel.

11

Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza huma manifatturi, importaturi, utenti downstream u fornituri tad-diossidu tat-titanju.

12

F’Mejju 2016, l-Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (l-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-Ikel, tal-Ambjent u tax-Xogħol (ANSES, Franza)) issottomettiet lill-ECHA, skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 1272/2008, fajl li jipproponi l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati tad-diossidu tat-titanju bħala karċinoġenu tal-kategorija 1B, meta jittieħed man-nifs (Carc. 1B, H350i).

13

Fil‑31 ta’ Mejju 2016, dan il-fajl ġie ppubblikat, konformement mal-Artikolu 37(4) ta’ dan ir-regolament. Diversi partijiet ikkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

14

Fl‑14 ta’ Settembru 2017, il-Kumitat tal-Istima tar-Riskji tal-ECHA (iktar ’il quddiem il-“KIR”) adotta opinjoni dwar id-diossidu tat-titanju, li permezz tagħha kkonkluda li kien iġġustifikat li d-diossidu tat-titanju jiġi kklassifikat bħala sustanza karċinoġenika tal-kategorija 2, bid-dikjarazzjoni ta’ perikolu “H351 (bil-ġbid man-nifs)” (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-KIR”).

15

Abbażi ta’ din l-opinjoni, il-Kummissjoni fasslet abbozz ta’ regolament delegat dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati b’mod partikolari tad-diossidu tat-titanju, li ġie sottomess għal konsultazzjoni pubblika bejn il‑11 ta’ Jannar u t‑8 ta’ Frar 2019.

16

Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż, li jemenda r-Regolament Nru 1272/2008, b’mod partikolari billi pproċediet għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettjar ikkontestati. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament kontenzjuż, l-emendi li jikkonċernaw din il-klassifikazzjoni u dan l-ittikkettjar huma applikabbli mill‑1 ta’ Ottubru 2021.

17

L-Anness I tar-Regolament kontenzjuż jipprovdi:

“Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament [Nru 1272/2008] hija emendata kif ġej:

[…]

(2)

Tiżdied it-Taqsima 2.12:

‘2.12. Taħlitiet li fihom id-diossidu tat-titanju

It-tikketta fuq l-imballaġġ tat-taħlitiet likwidi li fihom 1 % jew aktar ta’ partiċelli tad-diossidu tat-titanju b’dijametru ajrudinamiku ta’ 10 μm jew inqas għandu jkollha fuqha d-dikjarazzjoni li ġejja:

EUH211: “Twissija! Jista’ jifforma qtar perikoluż li jinġibed man-nifs meta tisprejja minn dan. Tiġbidx l-isprej jew l-irxiex man-nifs.”

It-tikketta fuq l-imballaġġ tat-taħlitiet solidi li fihom 1 % jew aktar ta’ diossidu tat-titanju għandu jkollha fuqha d-dikjarazzjoni li ġejja:

EUH212: “Twissija! Meta jintuża dan, jista’ jifforma trab perikoluż li jinġibed man-nifs. Tiġbidx it-trab man-nifs.”

Barra minn hekk, it-taħlitiet likwidi u solidi li mhumiex maħsuba għall-pubbliku ġenerali u li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi, li jkollhom il-marki EUH211 jew EUH212 fuq l-imballaġġ, fuq it-tikketta tal-imballaġġ għandu jkollhom ukoll id-dikjarazzjoni EUH210.’”

18

Skont l-Anness III tar-Regolament kontenzjuż:

“L-Anness VI tar-[Regolament Nru 1272/2008] huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti 1 hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1.1.3.1, jiżdiedu n-noti V u W li ġejjin:

‘[…]

Nota W:

[Ġie] osservat li l-periklu karċinoġeniku ta’ din is-sustanza jfeġġ meta t-trab li jinġibed man-nifs jittieħed fi kwantitajiet li jwasslu għal limitazzjoni sinifikanti tal-mekkaniżmi normali ta’ tneħħija ta’ partiċelli fil-pulmun.

This note aims to describe the particular toxicity of the substance; it does not constitute a criterion for classification according to this Regulation.’;

(b)

fil-punt 1.1.3.2, tiżdied in-nota 10 li ġejja:

‘Nota 10:

Il-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu bit-teħid man-nifs tapplika biss għat-taħlitiet fil-forma ta’ trab li fih 1 % jew aktar tad-diossidu tat-titanju li huwa fil-forma jew inkorporat f’partiċelli b’dijametru ajrudinamiku ta’ ≤ 10 μm.’;

(2)

fil-Parti 3, it-Tabella 3 hija emendata kif ġej:

[…]

(c)

jiddaħħlu r-ringieli li ġejjin:

Image

[…]”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

Permezz ta’ tliet rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel, fit‑12 ta’ Mejju 2020, minn CWS Powder Coatings GmbH (iktar ’il quddiem “CWS”) fil-Kawża T‑279/20, it-tieni, fit‑13 ta’ Mejju 2020, minn Billions Europe Ltd, Cinkarna Metalurško-kemična Industrija Celje d.d. (Cinkarna Celje d.d.), Evonik Operations GmbH, Kronos Titan GmbH, Precheza a.s., Tayca Corp., Tronox Pigments (Holland) BV u Venator Germany GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, “Billions Europe et”) fil-Kawża T‑283/20 u, it-tielet, fit‑13 ta’ Mejju 2020, minn Brillux GmbH & Co. KG u Daw SE fil-Kawża T‑288/20, dawn ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan tal-aħħar wettaq il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ikkontestati.

20

Permezz ta’ digriet tal-Presidenta tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Marzu 2022, il-Kawżi T‑279/20 u T‑288/20 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. Dawn il-kawżi u l-Kawża T‑283/20 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

21

Fil-punti 20 sa 27 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li d-diversi motivi u argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li kienu jikkoinċidu, kienu bbażati fuq seba’ lmenti.

22

Fil-punt 21 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali b’hekk identifikat l-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest tat-tieni motiv u tal-ewwel u tal-ħames parti tas-seba’ motiv u tat-tmien motiv ta’ CWS, ta’ Brillux u ta’ Daw fil-Kawżi magħquda T‑279/20 u T‑288/20, tal-argumenti invokati minn Billions Europe et insostenn tan-noti ta’ intervent tagħhom f’dawn il-kawżi, kif ukoll fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ Billions Europe et fil-Kawża T‑283/20. Skont il-Qorti Ġenerali, dan l-ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ikkontestati kienu vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq il-fatt li ma kinux josservaw il-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 1272/2008 għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala karċinoġenu. Fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan l-ewwel ilment kien maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti kienet ibbażata fuq żbalji manifesti u fuq il-ksur ta’ dawn il-kriterji fil-kuntest tal-eżami tal-aċċettabbiltà u tal-affidabbiltà tal-istudju Heinrich et (1995) (iktar ’il quddiem l-“istudju Heinrich”) li fuqu kienet ibbażata l-opinjoni tal-KIR. It-tieni parti kienet ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-kriterji stabbiliti, mir-Regolament Nru 1272/2008, għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettjar ta’ sustanza bħala karċinoġenu, sa fejn il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ikkontestati ma kinux jirreferu għal sustanza intrinsikament kapaċi li tipprovoka l-kanċer.

23

Fil-punti 50 sa 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat din l-ewwel parti. Fil-punt 52 ta’ dik is-sentenza, hija rrilevat b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li Billions Europe et sostnew, fil-kuntest tar-rikors tagħhom fil-Kawża T‑283/20 u tan-noti ta’ intervent tagħhom fil-Kawżi magħquda T‑279/20 u T‑288/20, li l-opinjoni tal-KIR kienet ivvizzjata bi żball, sa fejn dan il-kumitat, għall-finijiet tal-eżami tal-aċċettabbiltà u tal-affidabbiltà tal-istudju Heinrich u, b’mod partikolari, tal-livelli ta’ strapazz pulmonari ta’ partikoli tad-diossidu tat-titanju (iktar ’il quddiem l-“istrapazz pulmonari”) li jinsabu f’dan l-istudju, kien ikkonstata densità ta’ partikoli tad-diossidu tat-titanju ta’ valur ta’ 4.3 g/cm3 fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu, ibbażata fuq il-metodu propost mill-istudji Morrow (1988 u 1992) (iktar ’il quddiem il-“kalkolu ta’ Morrow”), li, skont dawn ir-rikorrenti, kien wassal lill-KIR sabiex jikkonkludi, b’mod żbaljat, li dan l-istudju kien twettaq f’kundizzjonijiet ta’ strapazz pulmonari aċċettabbli.

24

Fil-punti 78 u 79 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-opinjoni tal-KIR ma kinitx ibbażata biss fuq l-istudju Heinrich. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan tal-aħħar “kien l-istudju deċiżiv li fuqu hija bbażata l-opinjoni tal-KIR, u għalhekk il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ikkontestati”.

25

Fil-punti 81 sa 122 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, eżaminat l-argument ta’ Billions Europe et imsemmi fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

26

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 100 sa 103 tas-sentenza appellata, li, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-partikoli ttestjati fl-istudju Heinrich, u b’mod partikolari l-fatt li dawn kellhom tendenza li jagglomeraw kif ukoll id-densità iktar baxxa tal-agglomerati tal-partikoli, li wasslu sabiex dawn jokkupaw iktar volum fil-makrofagi alveolari, il-KIR kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li jċaħħad mill-plawżibbiltà l-konklużjoni li kien wasal għaliha. Fil-punti 104 sa 120 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-ECHA ma kinux jikkontestaw din il-konklużjoni.

27

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, iddeduċiet mill-imsemmi eżami li, sa fejn ir-Regolament kontenzjuż, fir-rigward tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettjar ikkontestati, kien ibbażat fuq l-opinjoni tal-KIR, u sa fejn l-istudju Heinrich kien deċiżiv għall-proposta ta’ klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju fformulata f’din l-opinjoni, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq minn dan il-kumitat kien iċaħħad minn kull plawżibbiltà l-konklużjoni tiegħu, li l-Kummissjoni kienet adottat għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż u li skontha r-riżultati ta’ dan l-istudju kienu suffiċjentement affidabbli u adegwati, fis-sens tal-punt 3.6.2.2.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008. Konsegwentement, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, hija laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel ilment.

28

Barra minn hekk, “fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” u “sabiex tinstab soluzzjoni sħiħa għat-tilwima”, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 124 sa 179 tas-sentenza appellata, eżaminat it-tieni parti ta’ dan l-ewwel ilment.

29

Abbażi tal-motivi, esposti, b’mod partikolari, fil-punti 157, 158, 160 u 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 178 ta’ dik is-sentenza, li kien hemm lok li din it-tieni parti tintlaqa’.

30

Konsegwentement, u billi qieset li ma kienx hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament kontenzjuż f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ikkontestati.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-appellanti

31

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Lulju 2023, il-Kawżi C‑71/23 P sa C‑82/23 P ġew magħquda kemm għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

It-talbiet tal-partijiet fil-Kawża C-71/23 P

32

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja, mill-Kummissjoni u mill-ECHA, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiddeċiedi l-kawża hija stess u tiċħad ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

33

CWS, Brillux, DAW u Sto SE & Co. KGaA, li qabel kienet Sto AG (iktar ’il quddiem, flimkien, “CWS et”), jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

34

Billions Europe et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala inammissibbli jew infondat;

–

sussidjarjament, tibgħat lura l-Kawża T‑283/20 quddiem il-Qorti Ġenerali fl-intier tagħha, inkluż sabiex teżamina l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom u li dwarhom il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fis-sentenza appellata;

–

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għall-ispejjeż rispettivi tagħha fl-ewwel istanza, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fl-ewwel istanza.

35

L-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiddeċiedi l-kawża hija stess u tiċħad ir-rikorsi, jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż jew, jekk il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura.

36

Il-Conseil Européen de l’Industrie Chimique – European Chemical Industry Council (il-Kunsill Ewropew għall-Industrija Kimika, Cefic), il-Conseil Européen de l’Industrie des Peintures, des Encres d’Imprimerie et des Couleurs d’Art (il-Kunsill Ewropew għall-Industrija taż-Żebgħa, tal-Linka tal-Istampar u tal-Kuluri tal-Arti, CEPE), British Coatings Federation Ltd (BCF) u American Coatings Association, Inc. (ACA) (iktar ’il quddiem, flimkien, iċ-“Cefic et”) jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u

–

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż sostnuti minnhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-talbiet tal-partijiet fil-Kawża C-82/23 P

37

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju tal-Isvezja u mill-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiċħad it-tieni motiv, l-ewwel u l-ħames parti tas-seba’ motiv u t-tmien motiv fil-Kawżi magħquda T‑279/20 u T‑288/20 kif ukoll l-ewwel motiv fil-Kawża T‑283/20;

–

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-motivi li fuqhom hija ma tatx deċiżjoni fis-sentenza tagħha, u

–

tirriżerva l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura.

38

Billions Europe et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala inammissibbli jew infondat;

–

sussidjarjament, tibgħat lura l-Kawża T‑283/20 quddiem il-Qorti Ġenerali fl-intier tagħha, inkluż sabiex teżamina l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-ewwel motiv tagħhom u li dwarhom il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fis-sentenza appellata, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ dik fl-ewwel istanza.

39

CWS et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40

L-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiċħad it-tieni motiv, l-ewwel u l-ħames parti tas-seba’ motiv u t-tmien motiv fil-Kawżi magħquda T‑279/20 u T‑288/20 kif ukoll l-ewwel motiv fil-Kawża T‑283/20;

–

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-motivi li fuqhom ma ngħatatx deċiżjoni u

–

tirriżerva l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

41

Iċ-Cefic et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

42

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, Billions Europe et, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2025, talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43

Insostenn tat-talba tagħhom, huma jsostnu, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed sabiex tippermettilha tagħti deċiżjoni f’dawn il-kawżi magħquda, minħabba li dawn it-talbiet huma bbażati fuq premessi fattwali żbaljati u ipoteżijiet qarrieqa, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija konklużjonijiet jinkludu, fil-punt 100 tagħhom, argument ġdid, dwar il-ksur, mill-KIR, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqajjem ex officio, wara li dan l-argument ikun ġie diskuss bejn il-partijiet.

44

Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-persuni kkonċernati.

45

Fir-rigward, minn naħa, tal-ewwel raġuni invokata minn Billions Europe et insostenn tat-talba tagħhom, għandu jiġi rrilevat li din hija intiża, b’mod definittiv, li tippermetti lil dawn il-partijiet isostnu l-argumenti tagħhom bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, li huma bbażati, fil-fehma tagħhom, fuq kunsiderazzjonijiet ineżatti fuq il-livell fattwali u ta’ natura li jqarrqu lill-Qorti tal-Ġustizzja.

46

Issa, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux tali possibbiltà għall-partijiet. Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni tagħhom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-imsemmija konklużjonijiet, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li l-Avukat Ġenerali jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Pilatus Bank vs BĊE, C‑750/21 P, EU:C:2024:124, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, il-kwistjonijiet li fuqhom Billions Europe et jixtiequ jkollhom l-opportunità li jippreżentaw argumenti addizzjonali ġew diskussi fid-dettall bejn il-partijiet kemm fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tas‑7 ta’ Novembru 2024.

48

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-punt 100 tal-konklużjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, l-Avukata Ġenerali tat l-opinjoni tagħha dwar argument imqajjem waqt is-seduta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li l-opinjoni tal-KIR kienet nieqsa minn ċarezza f’ċerti aspetti. Għalkemm hija indikat li kienet sensittiva għal dan l-argument, hija madankollu ma stednitx lill-Qorti tal-Ġustizzja tqajjem ex officio aggravju bbażat fuq il-ksur, mill-KIR, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, iżda, għall-kuntrarju, qieset li dan l-argument kellu jiġi miċħud, peress li kien jirrigwarda l-motivazzjoni ta’ din l-opinjoni u ma kienx jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni sabiex tikkonkludi, bħal dawn il-partijiet, li l-KIR ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha.

49

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar l-appelli u li l-kawżi ma jeħtiġux li jiġu deċiżi abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-appelli

51

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑71/23 P, ir-Repubblika Franċiża tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju jirrigwarda l-allegati żbalji li bihom hija vvizzjata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-istudju Heinrich huwa l-istudju “deċiżiv” li fuqu hija bbażata l-opinjoni tal-KIR, u huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi prodotti quddiemha u t-tieni parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi, sa fejn hija kisret il-prinċipji dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi karċinoġeniċi, stabbiliti mir-Regolament Nru 1272/2008. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-qbiż, mill-Qorti Ġenerali, tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, sa fejn, fil-punti 100 sa 103 ta’ dik is-sentenza, hija ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-KIR fir-rigward tad-determinazzjoni tad-densità fil-kuntest tal-kalkolu ta’ Morrow. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-diossidu tat-titanju ma għandux il-kapaċità intrinsika li jipprovoka l-kanċer, esposta fil-punti 157 u 158 tal-imsemmija sentenza, hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “sustanza intrinsikament kapaċi li tikkawża l-kanċer”, fis-sens tal-punt 3.6.2.2.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008.

52

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑82/23 P, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi prodotti quddiemha meta kkonkludiet li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-KIR u tal-Kummissjoni dwar l-affidabbiltà kif ukoll tal-aċċettabbiltà tal-istudju Heinrich, u jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-istess evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali bħal dik li hija s-suġġett tal-ewwel aggravju tar-Repubblika Franċiża. It-tieni parti tirrigwarda l-konklużjoni, ifformulata fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-kalkolu ta’ Morrow kien “deċiżiv” sabiex tiġi ssostanzjata l-evalwazzjoni tal-KIR fir-rigward tal-affidabbiltà u tal-aċċettabbiltà ta’ dan l-istudju. It-tieni u t-tielet aggravju huma bbażati, essenzjalment, fuq l-istess ilmenti, rispettivament, bħat-tieni u r-raba’ aggravju tar-Repubblika Franċiża.

53

Fil-kuntest tar-risposta tagħha fil-Kawża C‑71/23 P, l-ECHA tinvoka, insostenn tat-tieni aggravju mqajjem mir-Repubblika Franċiża, żewġ partijiet addizzjonali, li permezz tagħhom din l-aġenzija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta wettqet l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell u dik li hija s-suġġett tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑82/23 P. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din ir-risposta, l-ECHA tinvoka aggravju bbażat fuq il-qbiż, mill-Qorti Ġenerali, tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha minħabba li tat deċiżjoni dwar il-kawżi tat-tumuri osservati fl-istudju Heinrich. Fil-kuntest tar-risposta tagħha fil-Kawża C‑82/23 P, l-ECHA tinvoka wkoll, essenzjalment, dawn iż-żewġ partijiet addizzjonali u dan l-aggravju ġdid.

Fuq l-ammissibbiltà tal-aggravji u tal-partijiet tal-aggravji invokati, b’mod awtonomu, mill-ECHA fiż-żewġ kawżi magħquda

L-argumenti tal-partijiet

54

L-ECHA ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet l-oħra fl-appelli jistgħu jqajmu punti ta’ liġi ġodda fir-risposti tagħhom.

55

Fil-kuntest tal-kontrorepliki tagħhom, CWS et kif ukoll Billions Europe et isostnu li r-risposta tal-ECHA hija inammissibbli, sa fejn tinkludi aggravji u argumenti addizzjonali, invokati minn din l-aġenzija b’mod awtonomu, peress li dawn tal-aħħar ma humiex intiżi, kif jeżiġi l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex l-appelli jintlaqgħu jew jiġu miċħuda u peress li dawn jistgħu jiġu ppreżentati biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali, konformement mal-Artikoli 176 u 178 ta’ dawn ir-Regoli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tar-risposta huma intiżi sabiex l-appell jiġi milqugħ jew miċħud, totalment jew parzjalment. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 172 u 176 ta’ dawn ir-Regoli, il-partijiet awtorizzati jippreżentaw risposta jistgħu jippreżentaw, permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, appell inċidentali li, skont l-Artikolu 178(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tal-imsemmija Regoli, għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi ta’ aggravji u ta’ argumenti tad-dritt distinti minn dawk invokati fir-risposta.

57

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li r-risposta ma tistax tkun intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għal raġunijiet distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitqajmu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta espliċitament mir-risposti tal-ECHA, iż-żewġ partijiet addizzjonali tat-tieni aggravju u l-aggravju ġdid li din l-aġenzija tqajjem fil-kuntest ta’ dawn ir-risposti, imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, huma intiżi għall-annullament tas-sentenza appellata għal raġunijiet distinti u awtonomi minn dawk invokati fiż-żewġ appelli u għalhekk jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali eventwali.

59

Is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni (C‑390/95 P, EU:C:1999:66, punti 20 sa 23), invokata mill-ECHA fir-risposta tagħha, ma tistax tikkontesta din il-konstatazzjoni, peress li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq verżjoni preċedenti tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li kienet tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jippreżentaw risposta li tinkludi aggravji mhux imqajma fl-appell iżda, b’kuntrast ma’ dan, ma kinitx tipprevedi l-possibbiltà, għal dawn il-partijiet, li jippreżentaw appell inċidentali.

60

Minn dan isegwi li dawn iż-żewġ partijiet addizzjonali u dan l-aggravju ġdid għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq l-ewwel aggravji taż-żewġ appelli, ibbażati fuq żnaturament tal-provi u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset l-istudju Heinrich u l-kalkolu ta’ Morrow bħala “deċiżivi” għall-opinjoni tal-KIR

Fuq l-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji, ibbażati fuq żnaturament tal-provi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset l-istudju Heinrich bħala “deċiżiv” għall-opinjoni tal-KIR

– L-argumenti tal-partijiet

61

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mill-ECHA, issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-istudju Heinrich kien l-uniku studju li fuqu kienet ibbażata l-opinjoni tal-KIR.

62

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tqis li, billi kklassifikat l-istudju Heinrich bħala “studju deċiżiv” fil-punt 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-opinjoni tal-KIR kienet ibbażata fuq dan l-istudju biss. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 67 ta’ dik is-sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali indikat li kellu jiġi eżaminat jekk l-istudju Heinrich kienx, waħdu, determinanti għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettjar ikkontestati, “fin-nuqqas ta’ dan, l-argumentazzjoni tar-[rikorrenti fl-ewwel istanza] intiża sabiex tikkontesta l-affidabbiltà u l-aċċettabbiltà ta’ dan l-istudju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva”.

63

Madankollu, fil-punti 74, 76 u 77 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat, l-ewwel, li, skont il-KIR, l-istudju Lee et (1985) (iktar ’il quddiem l-“istudju Lee”) u l-istudju Heinrich kienu l-“istudji prinċipali” li jirrigwardaw il-karċinoġeniċità permezz tat-teħid tan-nifs, it-tieni, li, fost dawn iż-żewġ studji, dan il-kumitat kien ibbaża, “essenzjalment”, il-proposta tiegħu ta’ klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju fuq l-istudju Heinrich, peress li l-istudju Lee ma kienx “fih innifsu, deċiżiv jew suffiċjenti” sabiex isostni din il-proposta, u, it-tielet, li, “minbarra dawn iż-żewġ studji prinċipali, l-opinjoni tal-KIR [kienet] issemmi studji oħra, iżda [li kienet] tagħmel dan biss bħala sostenn jew b’mod komplementari għar-riżultati tal-istudju Heinrich”. Għalhekk minn dawn l-elementi jirriżulta li l-istudju Heinrich ma kienx l-uniku “studju prinċipali” li fuqu bbaża ruħu l-KIR u li l-istudji l-oħra, anki jekk kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni minn dan il-kumitat biss b’mod komplementari, xorta waħda kienu kkontribwixxew għall-evalwazzjoni xjentifika tal-imsemmi kumitat. Konsegwentement, billi qieset li l-istudju Heinrich kien “l-istudju deċiżiv” għall-opinjoni tal-KIR, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-provi prodotti quddiemha u għalhekk żnaturat lil dawn tal-aħħar.

64

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tallega wkoll li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żnaturament tal-provi, billi ssostni, b’mod iktar partikolari, li mill-opinjoni tal-KIR jirriżulta manifestament li dan il-kumitat iddetermina s-saħħa probatorja tad-data u bbaża ruħu fuq l-informazzjoni kollha meqjusa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mad-diossidu tat-titanju, mingħajr ma ta ebda importanza “deċiżiva” lill-istudju Heinrich, konformement mal-punti 1.1.1.3 u 3.6.2.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008.

65

CWS et kif ukoll Billions Europe et jallegaw li l-argument tar-Repubblika Franċiża u tal-Kummissjoni huwa intiż, fir-realtà, sabiex jiksbu eżami mill-ġdid tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk, minħabba f’hekk, huwa inammissibbli. Barra minn hekk, dawn il-partijiet jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Skont ġurisprudenza stabbilita, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi. Konsegwentement, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi prodotti quddiemha. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Deza vs Il‑Kummissjoni, C‑813/18 P, EU:C:2020:832, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Ikun hemm tali żnaturament meta, mingħajr ma jsir rikors għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa jrid jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minn din tal-aħħar u jrid juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, allegatament wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Deza vs Il‑Kummissjoni, C‑813/18 P, EU:C:2020:832, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dawn il-partijiet, ikkontestata minn CWS et kif ukoll minn Billions Europe et, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti jsostnu li, fid-dawl tal-elementi tal-opinjoni tal-KIR li l-Qorti Ġenerali stess irreferiet għalihom, il-konklużjoni ta’ din tal-aħħar li l-istudju Heinrich huwa “l-istudju deċiżiv” li fuqu hija bbażata l-proposta ta’ klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju ta’ dan il-kumitat hija manifestament żbaljata u tikkostitwixxi żnaturament ta’ dawn il-provi. Għalhekk, dawn l-argumenti ma humiex intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-opinjoni tal-KIR, iżda huma intiżi sabiex din tivverifika jekk il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali siltet mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li hija għamlet fir-rigward ta’ din l-opinjoni hijiex manifestament inkompatibbli ma’ dawn il-konstatazzjonijiet, li hija ħaġa li taqa’ taħt il-kompetenza tagħha. Barra minn hekk, l-appellanti jirreferu preċiżament għall-partijiet ta’ din l-opinjoni li, fil-fehma tagħhom, ġew żnaturati u jesponu b’mod suffiċjenti l-iżbalji ta’ analiżi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-argumenti tagħhom huma ammissibbli.

69

Madankollu, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-Repubblika Franċiża, għandu, qabelxejn, jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 78 tas-sentenza appellata, li jgħid li, billi kklassifikat l-istudju Heinrich bħala “studju deċiżiv” f’dan il-punt 78, il-Qorti Ġenerali riedet tistabbilixxi li l-opinjoni tal-KIR kienet ibbażata fuq dan l-istudju biss.

70

Fil-fatt, kif jirriżulta espliċitament kemm mill-imsemmi punt 78 fl-intier tiegħu kif ukoll mill-punti 67 sa 77 ta’ dik is-sentenza, li l-istess punt 78 tiegħu jikkostitwixxi l-konklużjoni, il-klassifikazzjoni tal-istudju Heinrich bħala “deċiżiv” għandha tinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li dan l-istudju kien determinanti, waħdu, għall-proposta ta’ klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju mill-KIR, peress li l-istudji u l-elementi xjentifiċi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni minn dan il-kumitat, inkluż l-istudju Lee, kellhom biss rwol komplementari f’dan ir-rigward, peress li l-imsemmi kumitat kien qies li dawn ma kinux suffiċjenti, waħedhom, sabiex isostnu din il-proposta.

71

Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Franċiża għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

72

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti tal-Kummissjoni, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li din tal-aħħar tidher li tqis, il-fatt li l-KIR iddetermina s-saħħa probatorja tad-data u bbaża ruħu fuq l-informazzjoni kollha meqjusa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-perikoli marbuta mad-diossidu tat-titanju ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-istudju Heinrich kien ta’ natura “deċiżiva” għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza.

73

F’dan ir-rigward, skont il-punt 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, “[i]s-saħħa tad-determinazzjoni ta’ l-evidenza tfisser li t-tagħrif kollu disponibbli li jinfluwenza d-determinazzjoni tal-periklu jitqies f’daqqa”. F’dan il-kuntest, “[k]emm ir-riżultati pożittivi kif ukoll dawk negattivi għandhom jinġabru flimkien f’massa unika ta’ determinazzjoni ta’ l-evidenza”. Barra minn hekk, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 3.6.2.1. ta’ dan l-Anness I, it-Tabella 3.6.1 li tinsab f’dan l-aħħar punt tindika li l-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-kategorija 2, jiġifieri fil-kategorija tas-sustanzi ssuspettati li huma karċinoġeniċi għall-bniedem, għandha tkun ibbażata fuq riżultati li ġejjin minn studji dwar il-bniedem u/jew l-annimali, iżda li ma humiex konvinċenti biżżejjed sabiex is-sustanza tiġi kklassifikata fil-kategorija 1A jew 1B, jiġifieri bħala karċinoġenu pprovat jew preżunt, u għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-saħħa probatorja tad-data kif ukoll kunsiderazzjonijiet oħra. Fl-aħħar nett, skont il-punt 3.6.2.2.1 tal-imsemmi Anness I, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza karċinoġenika, inkluża fil-kategorija 2, għandha tkun ibbażata fuq data miksuba minn studji affidabbli u aċċettabbli.

74

Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, u b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura “affidabbli u aċċettabbli” tal-istudji meħuda inkunsiderazzjoni kif ukoll tas-“saħħa probatorja” tad-data li tirriżulta minn dawn l-istudji, il-KIR jista’ jagħti lil ċerta data piż ikbar minn ieħor sabiex jiġi konkluż jekk huwiex neċessarju jew le li jitwettqu l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati ta’ sustanza bħala karċinoġenika għall-bniedem.

75

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 70 sa 77 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħhom din ikkonkludiet dwar in-natura “deċiżiva” tal-istudju Heinrich għall-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-KIR, huma vvizzjati bi żnaturament tal-fatti.

76

Għalhekk, l-ewwel, skont il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza, il-KIR qies li l-istudji Lee u Heinrich, li kienu l-uniċi li żvelaw l-iżvilupp ta’ tumuri wara l-espożizzjoni għad-diossidu tat-titanju, kienu, skont il-KIR, l-“istudji prinċipali tal-karċinoġeniċità permezz tat-teħid tan-nifs”.

77

It-tieni, skont l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 74 u 75 tal-imsemmija sentenza, mill-paragun bejn l-istudju Lee u l-istudju Heinrich, imwettaq minn dan il-kumitat, jirriżulta li l-istudju Lee ma kellux ikollu “influwenza determinanti” fuq il-klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju, peress li l-kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni waqt dan l-istudju kienu eċċessivi, filwaqt li dan ma kienx il-każ tal-istudju Heinrich, peress li r-riżultati ta’ dan tal-aħħar kienu “suffiċjentement affidabbli, rilevanti u xierqa għall-evalwazzjoni tal-potenzjal karċinoġenu tad-[diossidu tat-titanju]”. Konsegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 76 ta’ dik is-sentenza, fost iż-żewġ studji li, skont l-imsemmi kumitat, kienu l-istudji prinċipali tal-karċinoġeniċità permezz tat-teħid tan-nifs, dan qies li l-istudju Heinrich kien jipprevali fuq l-istudju Lee, peress li dan tal-aħħar ma kienx, fih innifsu, deċiżiv jew suffiċjenti sabiex isostni l-proposta ta’ klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju.

78

It-tielet, għalkemm, konformement mal-metodu tad-determinazzjoni tas-saħħa probatorja, il-KIR ħa inkunsiderazzjoni mhux biss l-istudji ta’ tossiċità permezz tat-teħid tan-nifs mill-firien, iżda wkoll, kif tindika l-Kummissjoni meta rreferiet preċiżament għall-partijiet ikkonċernati tal-opinjoni tal-KIR, l-istudji u l-informazzjoni disponibbli l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tiddikjarax li dan il-kumitat ma ħax inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha. B’kuntrast ma’ dan, hija tindika, fil-punt 77 tas-sentenza tagħha, li l-opinjoni tal-KIR issemmi studji oħra, iżda biss “bħala sostenn jew b’mod komplementari għar-riżultati tal-istudju Heinrich”.

79

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi ddeduċiet minn din l-analiżi kollha tal-opinjoni tal-KIR li l-istudju Heinrich kien “deċiżiv” għall-finijiet ta’ din l-opinjoni u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, għall-klassifikazzjoni u għall-ittikkettjar armonizzati tad-diossidu tat-titanju, li huwa konformi mal-imsemmija opinjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żnaturament tal-imsemmija opinjoni.

80

Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni u, konsegwentement, l-ewwel partijiet tal-ewwel aggravji kollha kemm huma jistgħu biss jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑71/23 P, ibbażata fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanzi karċinoġeniċi, stabbiliti mir-Regolament Nru 1272/2008

– L-argumenti tal-partijiet

81

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja u mill-ECHA, issostni li, billi kklassifikat l-istudju Heinrich bħala studju “deċiżiv”, il-Qorti Ġenerali, minħabba f’hekk, eskludiet id-data l-oħra kollha li ġiet adottata mill-KIR u, konsegwentement, kisret il-prinċipji stabbiliti fil-punti 1.1.1.3 u 3.6.2.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, dwar id-determinazzjoni tas-saħħa probatorja tad-data. Fil-fatt, għalkemm, fil-kuntest ta’ tali determinazzjoni, ċerta data jista’ jkollha iktar piż minn oħra, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa l-qari flimkien tagħhom li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-evalwazzjoni xjentifika. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “studju deċiżiv”, għall-klassifikazzjoni ta’ studju użat fil-kuntest ta’ evalwazzjoni xjentifika bbażata fuq id-determinazzjoni tas-saħħa probatorja tad-data, la jeżisti fit-testi applikabbli u lanqas fil-ġurisprudenza.

82

CWS et kif ukoll Billions Europe et jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza u kif, barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi hija stess, il-prinċipji relatati mad-determinazzjoni tas-saħħa probatorja tad-data stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jipprekludux li l-KIR jasal sabiex jagħti lil ċerta data piż ikbar milli lil oħra sabiex jiġi konkluż jekk huwiex neċessarju jew le li jitwettqu l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati ta’ sustanza bħala karċinoġenika għall-bniedem.

84

Min-naħa l-oħra, mill-punt 70 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, billi kklassifikat l-istudju Heinrich bħala “studju deċiżiv”, il-Qorti Ġenerali ma “eskludietx” id-data l-oħra kollha użata mill-KIR.

85

Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑71/23 P tista’ biss tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑82/23 P, ibbażata fuq żnaturament tal-provi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kalkolu ta’ Morrow kien “deċiżiv” sabiex tiġi ssostanzjata l-evalwazzjoni tal-KIR fir-rigward tal-affidabbiltà u tal-aċċettabbiltà tal-istudju Heinrich

– L-argumenti tal-partijiet

86

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, issostni li mill-opinjoni tal-KIR jirriżulta manifestament li, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-kalkolu ta’ Morrow ma kienx “deċiżiv” sabiex isostni l-evalwazzjoni ta’ dan il-kumitat dwar il-livell aċċettabbli ta’ strapazz pulmonari adottat fl-istudju Heinrich, u għalhekk l-affidabbiltà kif ukoll l-aċċettabbiltà ta’ dan l-istudju.

87

F’dan ir-rigward, dik l-istituzzjoni tallega, minn naħa, li l-KIR uża formulazzjoni “kawta” sabiex jikklassifika l-użu ta’ dan il-kalkolu, li jindika li “jista’ jikkontribwixxi għal diskussjoni kostruttiva f’dak li jirrigwarda t-terminu ‘strapazz’”, anki jekk “jista’ ma jkunx kunċett ġeneralment aċċettat”. Min-naħa l-oħra, mill-opinjoni tal-KIR jirriżulta b’mod ċar li dan il-kumitat ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-livell aċċettabbli ta’ strapazz pulmonari fuq elementi oħra, bħan-nofs żmien ta’ eliminazzjoni pulmonari, li joqrob għall-perijodu ta’ madwar sena rrakkomandat mid-Dokument ta’ Gwida rilevanti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), bħal-livell ta’ espożizzjoni ta’ 10 mg/m3“relattivament baxx”, bħad-dijametru ajrudinamiku medju (DAM) tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju, qrib il-firxa tal-valuri rrakkomandata mill-punt 3.1.2.3.2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 u bħall-validazzjoni esterna tal-istudju Heinrich li tirriżulta minn studju xjentifiku ieħor. Issa, l-ebda element, fost dawk adottati mill-KIR, ma kien, waħdu, “deċiżiv”. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-ECHA li jenfasizzaw li l-KIR kien ibbaża ruħu wkoll fuq dawn l-elementi huma “kontradetti” mill-opinjoni tiegħu.

88

CWS et kif ukoll Billions Europe et jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti, minħabba li hija intiża għal eżami mill-ġdid, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-provi. Barra minn hekk, huma jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti insostenn ta’ din il-parti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din il-parti, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argumenti tagħha insostenn tagħha, il-Kummissjoni tfittex li turi li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-kalkolu ta’ Morrow kien “deċiżiv” sabiex issostni l-konklużjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-KIR dwar il-fatt li l-istrapazz pulmonari mkejjel fil-kuntest tal-istudju Heinrich kien fil-medda aċċettabbli hija manifestament kontradetta mill-kliem stess ta’ din l-opinjoni, li minnha jirriżulta b’mod ċar li dawn il-konklużjonijiet huma bbażati wkoll fuq elementi oħra u li l-ebda element użat fl-imsemmija opinjoni ma huwa “deċiżiv”. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li CWS et kif ukoll Billions Europe et isostnu, dan l-argument ma huwiex intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-opinjoni tal-KIR, iżda sabiex hija tikkonstata żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, dan huwa ammissibbli.

90

Fuq il-mertu, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-ECHA “li l-evalwazzjoni tal-istudju Heinrich, mill-KIR, ma saritx biss abbażi tal-[kalkolu ta’ Morrow], jew saħansitra ma kinitx dipendenti fuq dan il-kalkolu”, huma kontradetti mill-opinjoni tal-KIR u, fil-punti 113 sa 119 ta’ dik is-sentenza, esponiet ir-raġunijiet li jsostnu din il-kunsiderazzjoni.

91

B’mod partikolari, fil-punt 113 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-KIR kien irrileva diversi elementi rilevanti dwar il-kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni adottati fil-kuntest tal-istudji Lee u Heinrich, bħan-nofs żmien ta’ eliminazzjoni pulmonari u l-livell ta’ espożizzjoni, imkejjel abbażi tad-doża kif ukoll tal-konċentrazzjoni tas-sustanza, u kien ikkonkluda, fil-parti tal-opinjoni tiegħu intitolata “Konklużjoni ġenerali”, minn naħa, li l-kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni eċċessivi matul l-istudju Lee kienu jinvalidaw ir-riżultati ta’ dan l-istudju għal finijiet ta’ klassifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, li r-riżultati tal-istudju Heinrich kienu suffiċjentement affidabbli, rilevanti u xierqa għall-evalwazzjoni tal-potenzjal karċinoġenu tad-diossidu tat-titanju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat li, b’mod partikolari, fir-rigward tal-istudju Lee, il-KIR kien semma nofs żmien ta’ eliminazzjoni pulmonari eċċessiv matul il-livell ta’ espożizzjoni massimu ta’ 250 mg/m3 u, fir-rigward tal-istudju Heinrich, livell ta’ espożizzjoni relattivament baxx ta’ 10 mg/m3.

92

Fil-punt 114 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali, madankollu, irrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-konklużjoni ġenerali, il-KIR kien fakkar ukoll li l-istrapazz pulmonari mkejjel fil-kuntest tal-istudju Lee ma kienx fil-medda aċċettabbli, peress li kien wassal għal imblokk kważi komplet tal-mekkaniżmi ta’ eliminazzjoni tal-partikoli, filwaqt li dan ma kienx il-każ tal-istudju Heinrich, li fil-kuntest tiegħu l-istrapazz pulmonari kien fil-medda aċċettabbli. Issa, fil-punt 115 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li huwa abbażi tal-kalkolu ta’ Morrow li dan il-kumitat silet il-konklużjonijiet tiegħu fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-livell ta’ strapazz pulmonari mkejjel fil-kuntest tal-istudji Lee u Heinrich kienx aċċettabbli. Fil-punt 116 tagħha, minn dan hija ddeduċiet li ma huwiex abbażi tan-nofs żmien ta’ eliminazzjoni pulmonari u tad-doża kif ukoll tal-konċentrazzjoni ta’ partikoli tad-diossidu tat-titanju li l-KIR kien silet il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-livell ta’ strapazz pulmonari mkejjel fil-kuntest tal-istudju Heinrich u għalhekk fuq l-aċċettabbiltà tar-riżultati ta’ dan l-istudju.

93

Issa, mill-partijiet tal-opinjoni tal-KIR li għalihom tirreferi l-Kummissjoni jirriżulta b’mod ċar li, fil-kuntest tal-paragun bejn l-istudji Lee u Heinrich, li kienu jikkostitwixxu, skont il-kliem ta’ din l-opinjoni, l-“istudji prinċipali” ta’ karċinoġeniċità għall-klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju, dan il-kumitat fittex li jevalwa jekk il-livell ta’ strapazz pulmonari tal-firien f’dawn iż-żewġ studji kienx aċċettabbli billi bbaża ruħu fuq il-kalkolu ta’ Morrow. B’hekk, minkejja l-fatt li, kif issostni l-Kummissjoni, l-imsemmi kumitat uża formulazzjoni prudenti, li tissuġġerixxi li l-użu ta’ dan il-kalkolu seta’ jagħti lok għal diskussjoni, xorta jibqa’ minnu li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, huwa biss abbażi tagħha li hija kkonkludiet li l-livell ta’ strapazz pulmonari kien fil-medda aċċettabbli f’dak li jirrigwarda l-istudju Heinrich, iżda li dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-istudju Lee.

94

Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-parti “Konklużjoni ġenerali” tal-imsemmija opinjoni, iċċitata fil-punti 113 u 114 tas-sentenza appellata, il-KIR ma bbażax ruħu biss fuq ir-riżultati li wasal għalihom, permezz tal-kalkolu ta’ Morrow, fir-rigward tal-livell ta’ strapazz pulmonari aċċettabbli, sabiex iqis, minn naħa, li l-kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni tal-istudju Lee kienu eċċessivi u kienu jinvalidaw ir-riżultati ta’ dan l-istudju għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tad-diossidu tat-titanju bħala sustanza karċinoġenika u, min-naħa l-oħra, li r-riżultati tal-istudju Heinrich kienu affidabbli, rilevanti u koerenti meta mqabbla mar-riżultati tal-istudju Gebel et (2012), dwar il-karċinoġeniċità permezz tat-teħid tan-nifs mill-far ta’ sustanzi oħra msejħa “partiċelli ftit solubbli b’livell baxx ta’ tossiċità”.

95

Madankollu, minn din il-parti tal-opinjoni tal-KIR jirriżulta wkoll b’mod ċar li l-evalwazzjoni tal-livell ta’ strapazz pulmonari aċċettabbli abbażi tal-kalkolu ta’ Morrow kellha rwol determinanti sabiex tiġi konkluża n-natura affidabbli u aċċettabbli tal-istudju Heinrich, b’tali mod li, billi kklassifikat, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, dan il-kalkolu bħala “deċiżiv” sabiex issostni l-konklużjonijiet tal-KIR f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-provi.

96

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑82/23 P tista’ biss tiġi miċħuda bħala infondata.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravji taż-żewġ appelli għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-tieni aggravji tal-appelli, ibbażati fuq il-qbiż, mill-Qorti Ġenerali, tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, sa fejn issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-KIR fir-rigward tad-determinazzjoni tad-densità tal-partikoli fil-kuntest tal-kalkolu ta’ Morrow

L-argumenti tal-partijiet

98

Permezz tat-tieni aggravji tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jsostnu li, fil-punti 100, 102 u 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-KIR u għal dik tal-Kummissjoni u billi b’hekk marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

99

Fil-fatt, skont l-appellanti, meta kkonstatat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow, il-KIR kellu jadotta densità ta’ partikoli tad-diossidu tat-titanju iktar baxxa minn dik ta’ 4.3 g/cm3 li huwa uża u li, għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, huwa kellu pjuttost jieħu inkunsiderazzjoni d-densità tal-agglomerati ta’ partikoli nanometriċi tad-diossidu tat-titanju, il-Qorti Ġenerali daħlet fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-KIR u tal-Kummissjoni.

100

Insostenn ta’ dawn l-aggravji, huma jsostnu, l-ewwel, li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-KIR eżamina l-elementi neċessarji għad-determinazzjoni tad-densità tal-partikoli, b’mod partikolari l-fatt li, minħabba d-daqs nanometriku tagħhom, il-partikoli tad-diossidu tat-titanju kellhom tendenza li jagglomeraw.

101

It-tieni, huma jallegaw li, fil-kuntest tal-għarfien xjentifiku tiegħu, il-KIR seta’ leġittimament jikkunsidra li kien xieraq li jżomm il-valur “standard” ta’ densità tal-partikoli ta’ 4.3 g/cm3.

102

Għalhekk, skont ir-Repubblika Franċiża, il-KIR seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ fenomeni ta’ ppressar tal-partikoli fil-pulmun. Barra minn hekk, ma jistax jiġi preżunt li d-densità tal-agglomerati ta’ partikoli kienet ta’ 1.6 g/cm3. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-istudju Heinrich ma kienx jindika d-densità, il-portata tal-agglomerazzjoni u l-ippressar tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju ttestjati.

103

It-tielet, l-appellanti jsostnu li, billi kkonkludiet li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 100 u 102 tas-sentenza appellata, li l-KIR kien adotta valur ta’ densità li jikkorrispondi għal dak tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju u mhux tal-agglomerati ta’ dawn il-partikoli, il-Qorti Ġenerali ħadet pożizzjoni dwar il-konklużjonijiet xjentifiċi li kien wasal għalihom il-KIR abbażi tal-elementi li huwa kellu, liema teħid ta’ pożizzjoni ma jaqax taħt il-kompetenzi tagħha.

104

Insostenn tat-tieni aggravji, ir-Renju tal-Isvezja u l-ECHA jenfasizzaw li l-kwistjoni tal-agglomerazzjoni tal-partikoli, b’mod partikolari fl-ambjent pulmonari, tikkostitwixxi kwistjoni xjentifika partikolarment kumplessa li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

105

CWS et kif ukoll Billions Europe et jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti kif ukoll dawk tar-Renju tal-Isvezja u tal-ECHA.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

Skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea jiddisponu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-fatt, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat FUE jafda dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Nickel Institute, C‑14/10, EU:C:2011:503, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Chemours Netherlands vs ECHA, C‑293/22 P, EU:C:2023:847, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan il-kuntest, li s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tagħha, ma japplikax eskużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, iżda tapplika wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-punti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Chemours Netherlands vs ECHA, C‑293/22 P, EU:C:2023:847, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, Billions Europe et invokaw żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-KIR u tal-Kummissjoni, minħabba li, fl-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow għall-istudji Lee u Heinrich, imwettqa sabiex tiġi evalwata l-affidabbiltà u l-aċċettabbiltà ta’ dawn l-istudji, il-KIR adotta valur ta’ densità ta’ partikoli tad-diossidu tat-titanju ta’ 4.3 g/cm3, filwaqt li kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-densità tal-agglomerati ta’ partikoli nanometriċi tad-diossidu tat-titanju tat-tip “P25”, li kienet, skont l-istudji xjentifiċi msemmija minn dawn il-partijiet, ta’ 1.6 g/cm3.

109

Bi tweġiba, il-Kummissjoni u l-ECHA sostnew li l-KIR kien ġustament ħa inkunsiderazzjoni d-densità mhux tal-agglomerati ta’ partikoli nanometriċi tad-diossidu tat-titanju, iżda tal-partikoli ta’ din is-sustanza, peress li l-istudju Heinrich la kien jindika d-densità tal-partikoli ttestjati u lanqas il-portata tal-agglomerazzjoni u tal-ippressar ta’ dawn il-partiċelli u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien xieraq għall-KIR li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur standard tad-densità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju, jiġifieri l-valur ta’ referenza adottat mill-komunità xjentifika fir-rigward ta’ din id-densità.

110

Fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “indipendentement mill-kwistjoni dwar liema huwa l-valur eżatt tad-densità li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-KIR għall-finijiet tal-[kalkolu ta’ Morrow], kwistjoni li, fi kwalunkwe każ, ma [kinitx din il-qorti] li [kellha] teżamina, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti [fl-ewwel istanza] tqajjem qabelxejn il-kwistjoni dwar jekk il-KIR [kienx wettaq] żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tip ta’ densità użata”.

111

Huwa f’dan il-kuntest li, fil-punt 100 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm kien “ċertament minnu […] li l-istudju Heinrich ma kienx jipprovdi indikazzjoni dwar id-densità, u lanqas dwar il-portata tal-agglomerazzjoni u tal-ippressar tal-partiċelli tad-diossidu tat-titanju ttestjati”, madankollu, “billi għażel valur ta’ dentista li jikkorrispondi għad-densità tal-partiċelli ta’ 4.3 g/cm3 u, għalhekk, densità dejjem ogħla mid-densità tal-agglomerati tal-partiċelli nanometriċi tad-diossidu tat-titanju […], il-KIR ma [kienx ħa] inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami”. Dawn l-elementi kienu, skont il-Qorti Ġenerali, “[i]l-karatteristiċi tal-partiċelli ttestjati fl-istudju Heinrich, b’mod partikolari d-daqs nanometriku u t-tip ‘P25’ tagħhom, il-fatt li dawn il-partiċelli kellhom tendenza li jagglomeraw u kif ukoll il-fatt li d-densità tal-agglomerati tal-partiċelli kienet inqas mid-densità tal-partiċelli u li, konsegwentement, l-agglomerati tal-partiċelli kienu jokkupaw iktar volum fil-makrofagi alveolari tal-pulmun”.

112

Fil-punt 103 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li l-“KIR [kien] naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex jikkalkola l-istrapazz pulmonari matul l-istudju Heinrich permezz tal-[kalkolu ta’ Morrow]” billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi indikati fil-punt 100 tal-istess sentenza u “għalhekk, [kien] wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni”. Bara minn hekk, f’dan l-istess punt, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li “l-iżball [tal-KIR] [ċ]aħħad minn kull plawżibbiltà r-riżultat tal-applikazzjoni [ta’ dan il-]kalkolu [għall]-istudju [Heinrich] u, konsegwentement, il-konklużjonijiet tal-KIR li skonthom l-istrapazz pulmonari fil-kuntest tal-imsemmi studju kien aċċettabbli u r-riżultati tal-imsemmi studju kienu suffiċjentement affidabbli, rilevanti u xierqa għall-evalwazzjoni tal-potenzjal karċinoġenu tad-diossidu tat-titanju […] [kienu], dawn ukoll, ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni”.

113

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, imfakkra fil-punti 110 sa 112 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tagħha, hija qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-KIR, tal-valur standard tad-densità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju għall-finijiet tal-kalkolu ta’ Morrow kien jikkostitwixxi żball u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kellu jintuża valur ta’ densità inferjuri, li jikkorrispondi għall-valur ta’ densità tal-agglomerati ta’ partikoli nanometriċi.

114

Issa, meta wettqet din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tivverifika li l-KIR kien ħa debitament inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li l-għarfien xjentifiku disponibbli kien jimponilu li jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, f’dan il-każ, kif dan il-kumitat stess ikkonstata fl-opinjoni tiegħu, it-tendenza tal-partikoli nanometriċi tat-tip “P25”, bħal dawk osservati matul l-istudju Heinrich, li jifformaw agglomerati ta’ densità inferjuri għal dawk tal-partikoli nnifishom.

115

Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li, kif sostnew quddiemha l-Kummissjoni u l-ECHA u kif Billions Europe et ma kkontestawx, l-istudju Heinrich la kien jipprovdi indikazzjoni dwar id-densità u lanqas dwar il-portata tal-agglomerazzjoni u tal-ippressar tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju ttestjati, hija qieset li, fi kwalunkwe każ, il-valur użat mill-KIR, li jikkorrispondi għall-valur standard ta’ densità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju, ma kienx xieraq, peress li dan il-valur “kien dejjem ogħla” minn dak tad-densità tal-agglomerati.

116

Issa, f’kuntest fejn, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali stess, ma kienx hemm data disponibbli li tippermetti li jiġi stabbilit, b’mod affidabbli, it-tip ta’ densità xierqa li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow għall-istudju Heinrich, ma kienx il-kompitu tagħha li tiddeċiedi hija stess il-kwistjoni tan-natura xierqa tal-valur tad-densità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju adottat mill-KIR fid-dawl tal-fenomenu ta’ agglomerazzjoni ta’ dawn il-partikoli, liema kwistjoni kienet teżiġi li ssir evalwazzjoni xjentifika, u, b’mod definittiv, li tissostitwixxi l-konklużjonijiet tagħha stess f’dan ir-rigward għal dawk tal-awtoritajiet kompetenti.

117

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jkunu jinkludu ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv ta’ din ikun jidher fondat fuq motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx tali li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA, C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, anki meta l-awtoritajiet tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni li tapplika wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data li għandha sservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ att li jaqa’ taħt il-kompetenzi tagħhom, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tiegħu jeħtieġ, madankollu, li dawn l-awtoritajiet ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-att inkwistjoni kien ġie adottat abbażi ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, u, b’mod partikolari, li huma ħadu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola.

119

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 98 tas-sentenza appellata, fl-opinjoni tiegħu, il-KIR ikkonstata li l-partikoli primarji ta’ daqs nanometriku, bħall-partikoli tad-diossidu tat-titanju użati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istudju Heinrich, kellhom it-tendenza li jagglomeraw. Madankollu, kif jenfasizza l-istess punt 98, huwa biss “fir-rigward tal-aerosol, jiġifieri partiċelli mdendla fl-arja” u mingħajr ma semma rabta possibbli mat-tip ta’ densità li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow li l-KIR wettaq din il-konstatazzjoni.

120

Issa, l-appellanti u l-partijiet l-oħra li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom ma jikkontestawx li, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, dan il-fenomenu ta’ agglomerazzjoni tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju seta’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-valur tad-densità tagħhom u, għaldaqstant, fuq l-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow għall-istudji kkunsidrati, peress li dan il-valur kien jikkostitwixxi wieħed mill-parametri ta’ dan il-kalkolu. Il-KIR kien għalhekk obbligat jieħu inkunsiderazzjoni dan il-parametru għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

121

Madankollu, u filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li kien stabbilit bejn il-partijiet li d-densità tal-agglomerati ta’ partikoli tad-diossidu tat-titanju hija inqas minn dik tal-partikoli primarji, mill-motivi ta’ dik is-sentenza jirriżulta li l-opinjoni tal-KIR ma kienet tinkludi l-ebda element li kien jippermetti lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li dan il-kumitat kien eżerċita, b’mod effettiv, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu u ħa debitament inkunsiderazzjoni l-imsemmi fenomenu ta’ agglomerazzjoni sabiex jiddeċiedi li, minkejja din id-differenza ta’ densità, kellu jintuża valur li jikkorrispondi għall-valur standard tal-partikoli primarji tad-diossidu tat-titanju.

122

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet tal-Unjoni kompetenti, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ jekk huma injorawx l-elementi rilevanti ta’ studju affidabbli li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu kien ibiddel l-evalwazzjoni globali tal-provi li huma seta’ kellhom u li kien iċaħħad mill-plawżibbiltà d-deċiżjoni finali li huma waslu għaliha fl-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, PlasticsEurope vs ECHA, C‑119/21 P, EU:C:2023:180, punt 52).

123

Konsegwentement, l-inċertezzi dwar il-fenomenu ta’ agglomerazzjoni u dwar id-densità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istudju Heinrich, invokati mill-Kummissjoni u mill-ECHA, ma setgħux jeżentaw lill-KIR milli jwettaq l-evalwazzjoni ta’ dan il-fenomenu u tal-effetti possibbli tiegħu fuq il-valur ta’ densità tal-partikoli li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow għal dan l-istudju, abbażi tal-istudji xjentifiċi l-iktar affidabbli u l-iktar reċenti, sabiex jiġi żgurat li l-għażla tal-valur ta’ densità finalment użata kienet xierqa. Dawn l-inċertezzi lanqas ma setgħu jipprekludu lill-Qorti Ġenerali, adita b’kontestazzjoni ta’ din l-għażla bbażata fuq studji xjentifiċi, milli tivverifika jekk dan il-kumitat kienx issodisfa dan l-obbligu.

124

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni u tal-ECHA bbażat fuq rieda li jiġi ffaċilitat il-paragun bejn l-istudju Lee u l-istudju Heinrich u li jiġi evitat li jiġi introdott fattur ta’ inċertezza f’dan il-paragun, dawn il-partijiet ma spjegawx, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif l-għażla ta’ valur ta’ densità differenti tal-valur ta’ densità standard tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju kienet ta’ natura li tikkomprometti l-affidabbiltà tal-paragun bejn dawn iż-żewġ studji, u dan inkluż fil-każ fejn il-valur ta’ densità kkunsidrat ikun iktar koerenti mad-data disponibbli li tirriżulta mill-istudju Heinrich.

125

Mir-raġunijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset li, f’dan il-każ, hija kellha tevalwa n-natura xierqa tal-għażla tal-valur standard tad-densità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju, adottat mill-KIR għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kalkolu ta’ Morrow, hija ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-KIR kien naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha sabiex jikkalkola l-istrapazz pulmonari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istudju Heinrich permezz ta’ dan il-kalkolu.

126

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tieni aggravji tal-appelli għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑71/23 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑82/23 P, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-diossidu tat-titanju ma kienx “sustanza intrinsikament kapaċi li tikkawża l-kanċer”, fis-sens tal-punt 3.6.2.2.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008

L-argumenti tal-partijiet

127

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-punti 157 u 158 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 158 ta’ dik is-sentenza, li “wieħed mill-elementi prinċipali tat-tossiċità osservata” kien il-kwantità ta’ partikoli meħuda man-nifs, hija bbażat ruħha esklużivament fuq dan il-fatt sabiex tikkonkludi li l-mod ta’ azzjoni tal-karċinoġeniċità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju ma kienx jiddependi fuq kapaċità intrinsika ta’ din is-sustanza li tikkawża l-kanċer. Issa, sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kellha neċessarjament teżamina l-“elementi prinċipali tat-tossiċità osservata” kollha, u mhux wieħed biss minnhom.

128

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża u, permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuti mir-Renju tal-Isvezja kif ukoll mill-ECHA, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat, b’mod żbaljat, il-kunċett ta’ “proprjetajiet intrinsiċi” ta’ sustanza fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1272/2008.

129

Ir-Repubblika Franċiża, issostni, minn naħa, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari l-punt 158 ta’ dik is-sentenza, huwa bbażat fuq il-premessa li sustanza li l-karċinoġeniċità tagħha timmanifesta ruħha fil-preżenza ta’ ċerta kwantità ta’ partikoli meħuda man-nifs ma tistax titqies li hija intrinsikament kapaċi li tipprovoka l-kanċer. Din il-premessa hija kemm artifiċjali kif ukoll żbaljata. Min-naħa l-oħra, dan ir-raġunament ma huwiex konformi mal-għan tar-Regolament Nru 1272/2008, stabbilit fil-premessa 1 tiegħu u fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Fl-aħħar nett, il-punt 141 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Nickel Institute (C‑14/10, EU:C:2011:503).

130

Min-naħa tagħha, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “proprjetajiet intrinsiċi”, fil-punti 135 sa 142 tas-sentenza appellata, ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kuntest u l-iskop tar-Regolament Nru 1272/2008 u tikser il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika, għandu jitqies li l-kompożizzjoni kimika ta’ sustanza ma hijiex neċessarjament suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet intrinsiċi, li jistgħu jwasslu għall-klassifikazzjoni tagħha bħala sustanza perikoluża. B’mod partikolari, il-forma jew l-istat fiżiku speċifiku li taħthom is-sustanza kkunsidrata titqiegħed fis-suq jistgħu fihom innifishom ikollhom tali proprjetajiet li jeħtieġu din il-klassifikazzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni kompleta tal-utenti. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, fid-dawl taż-żamma u tas-solubbiltà dgħajfa tad-diossidu tat-titanju. Barra minn hekk, dik l-istituzzjoni ssostni li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti karċinoġeniċi ta’ sustanza fil-kuntest tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettjar armonizzati tagħha tillimita l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fuq din il-bażi u l-kapaċità tal-utenti li jieħdu prekawzjonijiet xierqa, u tipprekludi l-applikazzjoni ta’ atti leġiżlattivi oħra bbażati fuq l-evalwazzjoni tar-riskji.

131

Minbarra dan, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tad-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 applikabbli fil-kuntest tal-awtoklassifikazzjoni u d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettjar armonizzati.

132

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fixklet ir-rilevanza tal-kwantità ta’ partikoli meħuda man-nifs u l-mod ta’ azzjoni assoċjat tal-karċinoġeniċità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju, minn naħa, mal-kunċett ta’ “proprjetajiet intrinsiċi”, min-naħa l-oħra, li jirreferi, f’dan il-każ, għall-forma kif ukoll għaż-żamma u għas-solubbiltà dgħajfa tas-sustanza kkunsidrata. Il-Qorti Ġenerali għalhekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-punt 3.6.1.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008.

133

CWS et kif ukoll Billions Europe et jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

134

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti diretti kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Laboratoire Pareva vs Il‑Kummissjoni, C‑702/21 P, EU:C:2022:870, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċettabbiltà u l-affidabbiltà tal-istudju Heinrich. Fil-punt 123 tal-imsemmija sentenza, hija indikat, madankollu, li, “fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”, kellu jitkompla l-eżami tar-rikors u tingħata deċiżjoni dwar it-tieni parti ta’ dan l-ewwel ilment, ibbażata fuq il-fatt li l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ikkontestati ma kinux jirrigwardaw sustanza intrinsikament kapaċi li tikkawża l-kanċer, “sabiex tinstab soluzzjoni sħiħa għat-tilwima”.

136

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑71/23 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑82/23 P, li jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fil-kuntest tal-eżami ta’ din it-tieni parti, huma diretti kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata u għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

137

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li ż-żewġ appelli għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

138

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

139

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

140

F’dan il-każ, peress li CWS et u Billions Europe et talbu l-kundanna tar-Repubblika Franċiża u tal-Kummissjoni u peress li dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż sostnuti minn CWS et kif ukoll minn Billions Europe et fil-kuntest, rispettivament, tal-Kawżi C‑71/23 P u C‑82/23 P.

141

Skont l-Artikolu 184(4) tal-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-proċedura ta’ appell għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

142

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, l-ECHA kif ukoll iċ-Cefic et għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn CWS Powder Coatings GmbH, Brillux GmbH & Co. KG, Daw SE, Billions Europe Ltd, Cinkarna Metalurško-kemična Industrija Celje d.d. (Cinkarna Celje d.d.), Evonik Operations GmbH, Kronos Titan GmbH, Precheza a.s., Tayca Corp., Tronox Pigments (Holland) BV, Venator Germany GmbH kif ukoll Sto SE & Co. KGaA fil-Kawża C‑71/23 P.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn CWS Powder Coatings GmbH, Brillux GmbH & Co. KG, Daw SE, Billions Europe Ltd, Cinkarna Metalurško-kemična Industrija Celje d.d. (Cinkarna Celje d.d.), Evonik Operations GmbH, Kronos Titan GmbH, Precheza a.s., Tayca Corp., Tronox Pigments (Holland) BV, Venator Germany GmbH kif ukoll Sto SE & Co. KGaA fil-Kawża C‑82/23 P.

 

4)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), il-Conseil Européen de l’Industrie Chimique – European Chemical Industry Council (Cefic), il-Conseil Européen de l’Industrie des Peintures, des Encres d’Imprimerie et des Couleurs d’Art (CEPE), British Coatings Federation Ltd (BCF) u American Coatings Association, Inc. (ACA) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Ingliż.