SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Mejju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2024/1083 – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 29 – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Pubblikazzjoni fi Stat Membru ta’ artiklu tal-istampa li jirriproduċi l-kontenut ta’ artiklu ieħor li deher fi Stat Membru ieħor – Fatti allegatament ineżatti – Talba għal rettifika – Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 2 TUE”

Fil-Kawża C‑843/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura

Viktor Orbán

vs

24.hu Szerkesztősége,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan (Relatur), D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal V. Orbán, minn Gy. Turi, ügyvéd,

–

għall-Gvern Ungeriż, minn D. Csoknyai u Z. Fehér, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte, O. Gariazzo u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/1083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media) (ĠU L, 2024/1083), u tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Viktor Orbán u 24.hu Szerkesztősége, sit ta’ informazzjoni online, dwar talba għar-rettifika permezz tal-istampa ta’ artiklu tal-istampa ppubblikat fl-Ungerija li jirriproduċi l-kontenut ta’ artiklu ieħor li deher fi Stat Membru ieħor u li jsemmi fatt allegatament ineżatt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083, intitolat “Dritt tar-riċevituri tas-servizzi tal-media”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tar-riċevituri tas-servizzi tal-media li jkollhom aċċess għal pluralità ta’ kontenut tal-media editorjalment indipendenti u jiżguraw li jkollhom stabbiliti kundizzjonijiet qafas f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex jissalvagwardjaw dak id-dritt, għall-benefiċċju tad-diskors liberu u demokratiku.”

4

L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit‑8 ta’ Awwissu 2025. Madanakollu:

(a)

l-Artikolu 3 għandu japplika mit‑8 ta’ Novembru 2024;

[…]”

Id-dritt Ungeriż

5

L-Artikolu 12 tas-sajtószabadságról és a médiatartalmak alapvető szabályairól szóló 2010. évi CIV. törvény (il-Liġi Nru CIV tal‑2010 dwar il-Libertà tal-Istampa u r-Regoli Fundamentali fil-Qasam tal-Kontenut tal-Media) (Magyar Közlöny 2010/170), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna li fir-rigward tagħha jkun ġie ddikjarat jew riprodott fatt ineżatt, jew li fir-rigward tagħha jkunu ġew ippreżentati fatti b’mod ineżatt, fi kwalunkwe kontenut tal-media tista’ teżiġi li tiġi ppubblikata dikjarazzjoni ta’ rettifika li tindika liema affermazzjonijiet fattwali kkomunikati huma ineżatti jew infondati, jew liema fatti ġew ippreżentati b’mod ineżatt, u liema huma, għall-kuntrarju, il-fatti reali.”

6

L-Artikolu 496 tal-polgári perrendtartásról szóló 2016. évi CXXX. törvény (il-Liġi Nru CXXX tal‑2016 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (Magyar Közlöny 2016/190), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-korp tal-istampa ma jeżegwixxix l-obbligu tiegħu li jippubblika r-rettifika, jew jonqos milli jeżegwixxi dan l-obbligu b’mod konformi mat-talba għal rettifika, fit-terminu stabbilit, min iressaq it-talba jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja kontrih sabiex tiġi ppubblikata d-dikjarazzjoni ta’ rettifika. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Fis‑17 ta’ Marzu 2024, 24.hu Szerkesztősége ppubblika artiklu intitolat “Spar beda jirtira l-assi tiegħhu mill-Ungerija” (iktar ’il quddiem l-“artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). L-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jirrigwarda, b’mod partikolari, dikjarazzjoni tal-President-Direttur Ġenerali (CEO) ta’ Spar Austria, is-sussidjarja Awstrijaka tal-grupp Spar, li kienet tinsab f’rivista Awstrijaka u li kienet tgħid li l-Prim Ministru Ungeriż, V. Orbán, kien talab lil dan il-grupp jippermetti lil membru qrib tal-familja tiegħu jinvesti fis-sussidjarja Ungeriża tal-imsemmi grupp (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

8

Fit‑3 ta’ April 2024, V. Orbán, abbażi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, talab lil 24.hu Szerkesztősége joħroġ rettifika fl-istampa fir-rigward tal-kontenut tal-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. 24.hu Szerkesztősége ma laqax din it-talba iżda, fl‑10 ta’ April 2024, żied nota fi tmien dan l-artiklu, intitolata “L-aħħar żviluppi – Ilmenti”, fejn ġie indikat, b’mod partikolari, li V. Orbán kien ressaq talba għal rettifika li fiha sostna li 24.hu Szerkesztősége kien irriproduċa fatt ineżatt meta ppubblika d-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta din id-dikjarazzjoni kienet żbaljata.

9

Peress li qies li 24.hu Szerkesztősége ma kienx eżegwixxa l-obbligu tiegħu li jippubblika r-rettifika mitluba, V. Orbán ippreżenta rikors quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tindika li l-proċedura għandha terġa’ tinfetaħ peress li s-sentenza li hija tat, fis‑17 ta’ Mejju 2024, kienet ġiet annullata minħabba difett proċedurali.

10

Fir-rikors tiegħu, mingħajr ma jikkontesta li d-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża kienet ġiet riprodotta fedelment fl-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, V. Orbán jitlob li 24.hu Szerkesztősége jiġi ordnat, konformement mal-leġiżlazzjoni Ungeriża, juri dikjarazzjoni ta’ rettifika li tindika li 24.hu Szerkesztősége rripproduċa fatt ineżatt meta ppubblika din id-dikjarazzjoni u li r-realtà hija, għall-kuntrarju, li huwa la talab liċ-CEO ta’ Spar Austria u lanqas lil xi azzjonist, rappreżentant jew impjegat ieħor tal-grupp Spar, sabiex membru qrib tal-familja tiegħu jitħalla jinvesti fis-sussidjarja Ungeriża ta’ dan il-grupp.

11

Bħala difiża, 24.hu Szerkesztősége isostni li d-dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix il-komunikazzjoni ta’ fatt, iżda l-espressjoni tal-opinjoni u tal-ġudizzju ta’ valur ta’ wieħed mill-ġurnalisti tagħha, u li dan huwa ġuridikament protett. Barra minn hekk, 24.hu Szerkesztősége isostni li l-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba akkumpanjat min-nota tiegħu tal‑10 ta’ April 2024, esposta fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, kien isemmi kemm it-talba għal rettifika ta’ V. Orbán kif ukoll ir-rappreżentazzjoni tal-fatti mixtieqa minnu, sabiex il-qarrej ikun jista’ jkollu viżjoni globali.

12

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, ir-rettifika permezz tal-istampa hija strument previst fid-dritt ċivili sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-personalità u li hija ta’ natura li tirrimedja b’mod effettiv ksur pubbliku ta’ dawn id-drittijiet. Il-possibbiltà li titressaq talba għal rettifika hija disponibbli, f’terminu qasir, għal kull persuna li fir-rigward tagħha jkun ġie affermat jew riprodott fatt li l-veraċità tiegħu ma tkunx stabbilita jew li fir-rigward tagħha fatti reali jkunu ġew ippreżentati b’mod ineżatt f’kontenut tal-media. Jekk il-korp tal-istampa kkonċernat ma jeżegwixxix l-obbligu tiegħu ta’ rettifika, din il-persuna tista’ tinvoka d-dritt tagħha għar-rettifika billi tiftaħ proċedura ġudizzjarja.

13

Dik il-qorti tippreċiża li l-elementi ta’ evalwazzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri ta’ rettifika permezz tal-istampa huma, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ prova rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali, stabbiliti fl-Opinjoni Nru 14 PK tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), li ilha applikabbli mill‑1 ta’ Ġunju 1984. Il-qorti tar-rinviju tindika li minn din l-opinjoni jirriżulta li, peress li huwa minn tal-inqas diffiċli ħafna li jiġi stabbilit fatt negattiv, huwa l-korp tal-istampa kkonċernat li għandu juri l-veraċità tad-dikjarazzjoni fattwali kkontestata li tinsab fl-artiklu tal-istampa kkonċernat. Dan japplika wkoll, b’mod ġenerali, meta dan l-artiklu tal-istampa jirriproduċi fedelment affermazzjoni fattwali jew id-dikjarazzjoni ta’ persuna jew meta jirriproduċi artiklu ta’ korp tal-istampa ieħor. Tali prinċipji ġew riprodotti fil-ġurisprudenza, vinkolanti għall-qrati Ungeriżi, li l-Kúria (il-Qorti Suprema) żviluppat wara l-Opinjoni Nru 14 PK tagħha.

14

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-fatt, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-media tkun suġġetta, bħala regola ġenerali, għall-obbligu li tiġi stabbilita l-veraċità ta’ dak li ġie rrapportat, fil-każ li jiġi riprodott kontenut tal-media ppubblikat taħt responsabbiltà editorjali fi Stat Membru ieħor jew fil-każ tas-sempliċi komunikazzjoni tiegħu, huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083, li jimponi, b’mod partikolari, fuq l-Istati Membri l-obbligu li josservaw id-dritt tad-destinatarji tas-servizzi tal-media li jkollhom aċċess għal pluralità ta’ kontenut tal-media indipendenti fuq il-livell editorjali, u mal-Artikolu 11 tal-Karta, li jiggarantixxi l-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media.

15

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li l-proċeduri ta’ rettifika permezz tal-istampa huma proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083, b’tali mod li l-Karta hija wkoll intiża li tapplika, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha. Il-prinċipji u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, għandhom japplikaw għal dawn il-proċeduri, li jikkostitwixxu element importanti fil-garanzija tal-libertà tal-media, u l-pluraliżmu tal-media ma jistax ikun limitat b’konsegwenza tal-imsemmija proċeduri.

16

B’dan premess, dik il-qorti tirrileva li d-data ta’ pubblikazzjoni tal-artikolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija s‑17 ta’ Marzu 2024, filwaqt li l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 japplika biss, konformement mal-Artikolu 29 tiegħu, b’effett mit‑8 ta’ Novembru 2024. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali twassalx sabiex l-imsemmi artikolu jiġu applikat b’mod retroattiv, li huwa pprojbit.

17

B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħalma huwa l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, fost oħrajn, mill-ġustizzja. Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, filwaqt li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jwassal għal rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata twassalx għal tali rigressjoni billi tippreġudika d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għal pluralità ta’ prodotti tal-media indipendenti. Għalhekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi stabbilita wkoll indipendentement mill-applikabbiltà tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 u tista’ tkun ibbażata direttament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Karta.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament [2024/1083], applikabbli mit‑8 ta’ Novembru 2024, għandu jiġi applikat [minn] qorti nazzjonali minn wara t‑8 ta’ Novembru 2024 […], fid-dawl tal-fatt li l-istqarrija għall-istampa li tat lok għat-tilwima kienet ippubblikata fis‑17 ta’ Marzu 2024?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083, moqri flimkien mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantit mill-Artikolu 11 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ riferiment għal kontenut medjatiku ppubblikat taħt ir-responsabbiltà editorjali fi Stat Membru ieħor, l-oneru tal-prova impost fuq il-mezz tal-istampa ‘ta’ natura ġenerali’ fir-rigward tal-fatti inklużi fil-kontenut medjatiku li jkun sar riferiment għalih ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 11 tal-[Karta], ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li mezz tal-istampa jista’ biss jippreżenta dak li jkun ġie ippubblikat f’mezz tal-istampa ieħor ta’ Stat Membru ieħor jekk ikun jista’ jipprova l-veraċita tal-kontenut informattiv li jkun sar riferiment għalih, anki jekk l-istqarrija għall-istampa tkun tindika b’mod inekwivoku li dan huwa kontenut informattiv referenzjat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal tilwima li tirrigwarda talba għal rettifika permezz tal-istampa, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ artiklu tal-istampa li jirriproduċi fatt allegatament ineżatt li jinsab f’pubblikazzjoni li dehret fi Stat Membru ieħor, meta dan l-artiklu tal-istampa jkun ġie ppubblikat f’data preċedenti għal dik li fiha dan l-Artikolu 3 jkun sar, konformement mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, applikabbli.

20

Għandu jitfakkar li dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, għalkemm ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament stabbiliti taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, fil-każ biss li flimkien mad-dispożizzjoni l-ġdida jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha. F’dan ir-rigward, b’differenza mir-regoli proċedurali, li ġeneralment huma meqjusa li japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punti 9 u 10, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, minn naħa, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 jikkostitwixxi dispożizzjoni legali sostantiva, sa fejn jipprovdi li l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tad-destinatarji ta’ servizzi tal-media li jkollhom aċċess għal pluralità ta’ kontenut tal-media indipendenti fuq il-livell editorjali u għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ kundizzjonijiet qafas, konformement ma’ dan ir-regolament, sabiex jitħares dan id-dritt, fl-interess ta’ diskors liberu u demokratiku.

22

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2024/1083 jipprevedi li dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li ġie ppubblikat fis‑17 ta’ April 2024, dan ir-regolament b’hekk daħal fis-seħħ fit‑8 ta’ Mejju ta’ wara. B’dan premess, dan l-Artikolu 29 jiddetermina wkoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi regolament ratione temporis. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 29 jipprevedi li l-istess regolament għandu japplika b’effett mit‑8 ta’ Awwissu 2025, filwaqt li jipprevedi data distinta għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu, fosthom l-Artikolu 3 tiegħu, li japplika b’effett mit‑8 ta’ Novembru 2024.

23

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, id-dritt għal rettifika permezz tal-istampa huwa intiż li jirrimedja l-ksur pubbliku tad-drittijiet tal-personalità u huwa direttament marbut mal-komunikazzjoni, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, ta’ fatt, kemm jekk ikun ġie affermat jew riprodott, li l-veraċità tiegħu ma tkunx stabbilita jew ta’ fatti li jkunu ġew ippreżentati b’mod ineżatt f’kontenut tal-media.

24

Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk definittivament stabbilita mis‑17 ta’ Marzu 2024, data tal-pubblikazzjoni tal-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tali konstatazzjoni tista’ tiġi kkontestata mir-rikors ġudizzjarju fil-kawża prinċipali ppreżentat sabiex jiġi invokat dan id-dritt għal rettifika permezz tal-istampa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Stadt Mainz, C‑544/21, EU:C:2022:843, punt 23).

25

Minn dan isegwi li, peress li din is-sitwazzjoni saret definittivament stabbilita qabel id-data li minnha l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 sar applikabbli, dan l-artikolu ma japplikax ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

26

Sabiex tingħata risposta kompletament utli lill-qorti tar-rinviju, li ssemmi l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta, għandu, barra minn hekk, jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

27

Id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma għalhekk intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fi frekwenza tar-radju), C‑92/23, EU:C:2026:108, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet tal-Karta eventwalment invokati ma jistgħux, waħedhom, jistabbilixxu din il-ġurisdizzjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Issa, minn naħa, kif ġie espost fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 ma huwiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

30

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta għal din it-tilwima ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-invokazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE. Fil-fatt, dan l-Artikolu 2 ma jistax iċaħħad minn kull effettività l-limiti imposti fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, li huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni), C‑769/22, EU:C:2026:326, punt 550).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma turix rabta ta’ konnessjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies li l-Artikolu 11 tal-Karta ma huwiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3 tar-Regolament 2024/1083 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal tilwima li tirrigwarda talba għal rettifika permezz tal-istampa, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ artiklu tal-istampa li jirriproduċi fatt allegatament ineżatt li jinsab f’pubblikazzjoni li dehret fi Stat Membru ieħor, meta dan l-artiklu tal-istampa jkun ġie ppubblikat f’data preċedenti għal dik li fiha dan l-Artikolu 3 jkun sar, konformement mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, applikabbli.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

33

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/1083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media)

 

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

 

ma japplikax għal tilwima li tirrigwarda talba għal rettifika permezz tal-istampa, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ artiklu tal-istampa li jirriproduċi fatt allegatament ineżatt li jinsab f’pubblikazzjoni li dehret fi Stat Membru ieħor, meta dan l-artiklu tal-istampa jkun ġie ppubblikat f’data preċedenti għal dik li fiha dan l-Artikolu 3 jkun sar, konformement mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, applikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.